Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32002L0020

    Id-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta' Awtorizzazzjoni)

    ĠU L 108, 24.4.2002, p. 21–32 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/12/2020; Imħassar b' 32018L1972

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/20/oj

    32002L0020



    Official Journal L 108 , 24/04/2002 P. 0021 - 0032


    Id-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    tas-7 ta' Marzu 2002

    dwar l-awtorizzazzjoni ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta' Awtorizzazzjoni)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari Artikolu 95 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

    Wara l-kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

    Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stipulata f'Artikolu 251 tat-Trattat [3],

    Billi:

    (1) Ir-riżultat tal-konsultazzjoni pubblika dwar ir-reviżjoni ta' l-1999 tal-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi, kif rifless fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-26 ta' April 2000, u s-sejbiet rapportati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoniiet tagħha fuq il-ħames u s-sitt rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-pakkett regolatorju tat-telekomunikazzjonijiet, ikkonferma l-ħtieġa ta' regolament aktar armonizzat u anqas oneruż dwar aċċess għas-suq għan-networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi mal-Komuntà kollha.

    (2) Il-konverġenza bejn n-networksta' komunikazzjonijiet differenti elettroniċi u servizzi u t-teknoloġiji tagħhom teħtieġ l-istabbiliment ta' sistema ta' awtorizzazzjoni li tkopri s-servizzi komparabbli kollha bl-istess mod, irrispettivament mit-teknoloġija wżata.

    (3) Il-mira ta' din id-Direttiva hija li jinħoloq qafas legali biex tiġi żgurata l-libertà li jiġu provduti networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, suġġetti biss għall-kondizzjonijiet stipulati f'din id-Direttiva u għal kull restrizzjoni b'konformità ma' Artikolu 46(1) tat-Trattat, b'mod partikolari miżuri li jirrigwardaw il-politika pubblika, s-sigurtà pubblika u s-saħħa pubblika.

    (4) Din id-Direttiva tkopri l-awtorizzazzjoni għan-networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi sew jekk provduti lill-pubbliku sew jekk le. Dan huwa mportanti biex jiġi żgurat li ż-żewġ kategoriji ta' fornituri jistgħu jibbenefikaw minn drittijiet, kondizzjonijiet u proċeduri oġġettivi, trasparenti, non-diskriminatorji u proporzjonati.

    (5) Din id-Direttiva tapplika biss għall-għoti ta' drittijiet għall-użu ta' frekwenzi tar-radju fejn dak l-użu jinvolvi l-forniment ta' network jew servizz ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, normalment bi ħlas. L-użu minn persuna stess ta' tagħmir terminali tar-radju, bażat fuq l-użu mhux esklussiv ta' frekwenzi speċifiċi tar-radju minn utent u mhux relatati ma' attività ekonomika, bħall-użu ta' firxa taċ-ċittadin mid-dilettanti tar-radju, ma tikkonsistix fil-forniment ta' network jew servizz ta' komunikazzjonijiet elttroniċi u huwa għalhekk mhux kopert b'din id-Direttiva. Dak l-użu huwa kopert bid-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 1999 dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta' telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom [4].

    (6) Dispożizzjonijiet fir-rigward ta' moviment ħieles ta' sistemi kondizzjonati ta' aċċess u l-forniment liberu ta' servizzi protetti ibbażati fuq dawk is-sistemi huma stipulati fid-Direttiva 98/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Novembru 1998 dwar il-protezzjoni legali ta' servizzi bbażati fuq jew li jikkonsistu f'aċċess kondizzjonat [5]. L-awtorizzazzjoni ta' dawk is-sistemi u servizzi għahekk ma teħtieġx li jkunu koperti b'din id-Direttiva.

    (7) Is-sistema ta' awtorizzazzjoni l-anqas oneruża possibbli għandha tintuża biex tippermetti l-forniment ta' networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u servizzi sabiex tistimula l-iżvilupp ta' servizzi ġodda ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u networks u servizzi pan-Ewropej ta' komunikazzjonijiet u biex tippermetti li l-fornituri tas-servizzi u l-konsumaturi jibbenefikaw mill-ekonomiji ta' l-iskala tas-suq uniku.

    (8) Dawk il-miri jistgħu jinkisbu l-aħjar b'awtorizzazzjoni ġenerali tan-networks u servizzi kollha ta' komunikazzjonijiet elettroniċi mingħajr ma tkun meħtieġa xi deċiżjoni espliċita jew xi att amministrattiv mill-awtorità regolatorja nazzjonali u billi kull ħtieġa proċedurali tkun limitata għal notifikazzjoni biss. Fejn l-Istati Membri jeħtieġu notifikazzjoni mill-fornituri ta' networks jew ta' servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi meta jibdew l-attivitajiet tagħhom, jistgħu wkoll jeħtieġu prova li dik in-norifikazzjoni tkun ġiet magħmula permezz ta' xi konferma legali postali rikonoxxuta jew elettronika li notifikazzjoni kienet riċevuta. Dik il-konferma għandha f'kull każ ma tkunx tikkonsisti fi jew teħtieġ xi att amministrattiv mill-awtorità regolatorja nazzjonali li lilha għandha ssir in-notifikazzjoni.

    (9) Huwa meħtieġ li jiġu nklużi d-drittijiet u l-obbligi ta' impriżi taħt awtorizzazzjonijiet ġenerali espliċitament f'dawk l-awtorizzazzjonijiet sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet ugwali mal-Komunità kollha u biex jiġi faċilitat in-negozjar trans-konfini ta' interkonnessjoni ta' networks pubbliċi ta' komunikazzjonijiet.

    (10) L-awtorizzazzjoni ġenerali tagħti dritt lill-impriżi li jipprovdu networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi lill-pubbliku li jinnegozjaw l-interkonnessjoni taħt il-kondizzjonijiet tad-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 tas-7 ta' Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u interkonnessjoni ta', networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva ta' Aċċess) [6]. Impriżi li jipprovdu networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi barra minn dawk għall-pubbliku jistgħu jinnegozjaw interkonnessjoni fuq kondizzjonijiet kummerċjali.

    (11) L-għoti ta' drittijiet speċifiċi jista' jibqa' jkun meħtieġ għall-użu ta' frekwenzi tar-radju u numri, nklużi kodiċi qosra, mill-pjan nazzjonali ta' numerar. Id-drittijiet għan-numri jista' wkoll jiġi allokat minn pjan Ewropew tan-numerar, inkluż per eżempju l-kodiċi virtwali tal-pajjiż "3883" li ġie attribwit lill-pajjiżi membri tal-Konferenza Ewropea għall-Posta u t-Telekomunikazzjonijiet (CEPT). Dawk id-drittijiet ta' użu m'għandhomx jiġu ristretti ħlief fejn dan ikun inevitabbli minħabba l-iskarsezza tal-frekwenzi tar-radju u l-ħtieġa li jiġi żgurat l-użu effiċjenti tagħhom.

    (12) Din id-Direttiva ma tippreġudikax jekk il-frekwenzi tar-radji humiex assenjati direttament lill-fornituri ta' networks jew servizzi ta' komunikazzjoni elettronika jew lill-entitajiet li jużaw dawn in-networks jew servizzi. Dawk l-entitajiet jistgħu jkunu fornituri ta' kontenut ta' xandir bir-radju jew televiżjoni. Mingħajr preġudizzju għall-kriterji speċifiċi u proċeduri adottati mill-Istati Membri biex jagħtu drittijiet ta' użu għal frekwenzi tar-radju lill-fornituri ta' servizzi ta' kontenut ta' xandir birçradju jew televiżjoni, li jsegwu miri ta' interess ġenerali b'konformità mal-liġi tal-Komunità, il-proċedura għall-assenjar ta' frekwenzi tar-radju għandha f'kull każ tkun oġġettiva, trasparenti, non-diskriminatorja u proporzjonata. Skond il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull restrizzjoni nazzjonali fuq id-drittijiet garantiti b'Artikolu 49 tat-Trattat għandha tkun oġġettivament ġustifikata, proporzjonata u m'għandhiex teċċedi dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu l-miri ta' interess ġenerali kif definiti mill-Istati Membri b'konformità mal-liġi tal-Komunità. Ir-responsabbiltà għall-konformità mal-kondizzjonijiet stipulati għad-dritt ta' użu ta' frekwenza tar-radju u l-kondizzjonijiet relevanti stipulati f'awtorizzazzjoni ġenerali għandhom f'kull każ ikunu r-responsabbiltà ta' l-impriża li lilha d-dritt ta' użu għall-frekwenza tar-radju jkun ingħata.

    (13) Bħala parti mill-proċedura ta' l-applikazzjoni għall-għoti ta' drittijiet għall-użu ta' frekwenza tar-radju, l-Istati Membri jistgħu jivverifikaw jekk l-applikant ikunx kapaċi li jikkonforma mal-kondizzjonijiet stipulati fi drittijiet bħal dawk. Għal dan il-għan l-applikant jista' jintalab li jibgħat l-informazzjoni meħtieġa biex jagħti prova tal-kapaċità tiegħu li jikkonforma ma' dawn il-kondizzjonijiet. Fejn dik l-informazzjoni ma tiġix provduta, l-applikazzjoni għad-dritt ta' l-użu ta' frekwenza tar-radju tista' tiġi miċħuda.

    (14) L-Istati Membri la huma obbligati li jagħtu u lanqas miżmuma milli jagħtu drittijiet għall-użu ta' numri mill-pjan nazzjonali ta' innumerar jew drittijiet biex jistallaw faċilitajiet lill-impriżi barra minn fornituri ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi.

    (15) Il-kondizzjonijiet li jistgħu jiġi stipulati f'awtorizzazzjoni ġenerali u għad-drittijiet speċifiċi ta' użu, għandhom ikunu limitati għal dak li huwa strettament meħtieġ biex tiġi żgurata l-konformità mal-ħtiġiet u l-obbligi taħt il-liġi tal-Komunità u l-liġi nazzjonali skond il-liġi tal-Komunità.

    (16) Fil-każ ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi mhux fornuti lill-pubbliku huwa xieraq li jiġu mposti kondizzjonijiet anqas u aktar ħfief minn dawk ġustifikati għan-networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi offruti lill-pubbliku.

    (17) L-obbligi speċifiċi li jistgħu jiġu mposti fuq il-fornituri ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi skond il-liġi tal-Komunità bis-saħħa tas-saħħa sinjifikanti tagħhom fis-suq kif definita fid-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar qafas regolatorju komuni għan-networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Kwadru) għandhom jiġi mposti separatament mid-drittijiet u obbligi ġenerali taħt l-awtorizzazzjoni ġenerali.

    (18) L-awtorizzazzjoni ġenerali għandu jkun fiha biss kondizzjonijiet li huma speċifiċi għas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. M'għandhiex tkun suġġetta għal kondizzjonijiet li huma diġà applikabbli bis-saħħa ta' xi liġi nazzjonali oħra eżistenti li mhix speċifika għas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Madanakollu, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jinfurmaw lill-operaturi tan-networks u lill-fornituri tas-servizzi dwar leġislazzjoni oħra li għandha x'taqsam man-negozji tagħhom, per eżempju permezz ta' referenzi fuq il-website tagħhom.

    (19) Il-ħtieġa li jiġu publikati deċiżjonijiet dwar l-għoti ta' drittijiet għall-użu ta' frekwenzi jew numri, tista' tiġi sodisfatta billi dawn id-deċiżjonijiet jintgħamlu pubblikament aċċessibbli permezz ta' website.

    (20) L-istess impriża, per eżempju operatur tal -cable, jista' joffri kemm servizz ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, bħat-twassil ta' sinjali tat-televiżjoni, u servizzi mhux koperti taħt din id-Direttiva, bħal kommerċjalizzazzjoni ta' offerta għal servizzi ta' kontenut għax- xandir bil-ħoss jew televiżjoni, u għalhekk obbligi addizzjonali jistgħu jiġu mposti fuq din l-impriża b'relazzjoni ma' l-attività tagħha bħala fornitur tal-kontenut jew distributur, skond id-dispożizzjonijiet ta' Direttivi oħra barra minn dawk ta' din id-Direttiva, mingħajr preġudizzju għall-lista tal-kondizzjonijiet stipulata fl-Anness li jinsab ma' din id-Direttiva.

    (21) Meta jagħtu drittijiet għall-użu ta' frekwenzi tar-radju, numri jew drittijiet għall-installazzjoni ta' faċilitajiet, l-awtoritajiet relevanti jistgħu jinfurmaw lill-impriżi li lilhom ikunu taw dawk id-drittijiet bil-kondizzjonijiet relevanti fl-awtorizzazzjoni ġenerali.

    (22) Fejn it-talba għal frekwenzi tar-radju f'firxa speċifika teċċedi d-disponibiltà tagħhom, proċeduri xierqa u trasparenti għandhom jiġu segwiti għall-assenjar ta' dawk il-frekwenzi sabiex tiġi evitata kull diskriminazzjoni u biex jiġi ottimizzat l-użu ta' dawk ir-riżorsi skarsi.

    (23) L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw, fl-istabbiliment tal-kriterji għall-proċeduri ta' għażla kompetittivi jew komparattivi, li l-miri f'Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru) jiġu mħarsa. Għalhekk ma jkunx kuntrarju għal din id-Direttiva jekk kriterji ta' għażla oġġettivi, mhux diskriminatorji u proporzjonati biex jippromvovu l-iżvilupp tal-kompetizzjoni jkollhom l-effett li jeskludu ċerti impriżi minn proċedura ta' għażla kompetittiva jew komparattiva għal-frekwenz partikolari tar-radju.

    (24) Fejn l-assenjazzjoni armonizzata ta' frekwenzi tar-radju lil impriżi partikolari tkun ġiet miftiehma f'livell Ewropew, l-Istati Membri għandhom strettament jimplimentaw dawk il-ftehim fl-għoti tad-drittijiet għall-użu ta' frekwenzi tar-radju mill-pjan nazzjonali għall-użu tal-frekwenzi.

    (25) Il-fornituri ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi jistgħu jeħtieġu konferma tad-drittijiet tagħhom taħt awtorizzazzjoni ġenerali fir-rigward ta' l-interkonnesjoni u d-dritt ta' passaġġ, b'mod partikolari biex jiġu faċilitati n-negozjati ma' livelli oħra ta' gvern reġjonali jew lokali jew ma' fornituri ta' servizz fi Stati Membri oħra. Għal dan il-għan l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jipprovdu dikjarazzjonijiet lill-impriżi jew fuq talba jew alternattivament bħala tweġiba awtomatika għal notifikazzjoni taħt l-awtorizzazzjoni ġenerali. Dawk id-dikjarazzjonijiet m'għandhomx weħidhom jikkostitwixxu jedd għal drittijiet u lanqas m'għandhom xi drittijiet taħt l-awtorizzazzjoni ġenerali jew drittijiet ta' użu jew l-eżerċizzju ta' dawk id-drittijiet jiddependu fuq dikjarazzjoni.

    (26) Fejn l-impriżi jsibu li l-applikazzjonijiet tagħhom għal drittijiet biex jinstallaw faċilitajiet ma jkunux ġew ittrattati skond il-prinċipji stabbiliti fid-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru) jew fejn dawk id-deċiżjonijiet jiġu indebitament ittardjati, għandu jkollhom dritt ta' appell kontra d-deċiżjonijiet jew dewmien f'dawn id-deċiżjonijiet skond dik id-Direttiva.

    (27) Is-sanzjonijiet għan-non-konformità mal-kondizzjonijiet taħt l-awtorizzazzjoni ġenerali għandhom ikunu proporzjonati man-nuqqas. Ħlief f'ċirkostanzi eċċezzjonali, ma jkunx proporzjonat li jiġi sospiż jew irtirat id-dritt għall-forniment ta' servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi jew id-dritt għall-użu ta' frekwenzi tar-radju jew numri fejn l-impriża ma' kkonformatx ma' waħda jew aktar mill-kondizzjonijiet taħt l-awtorizzazzjoni ġenerali. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal miżuri aktar urġenti li l-awtoritajiet relevanti fl-Istati Membri jistgħu jkunu meħtieġa li jieħdu fil-każ ta' theddid serju għas-sigurtà, is-sigurtà jew is-saħħa pubblika jew għall-interessi ekonomiċi u operazzjonali ta' impriżi oħra. Din id-Direttiva għandha wkoll tkun mingħajr preġudizzju għal xi prestensjonijiet bejn impriżi għall-kumpens għal danni taħt il-liġi nazzjonali.

    (28) L-issuġġettar ta' fornituri ta' servizzi għal obbligi li jirrapportaw u jipprovdu informazzjoni, jista' jkun tqil, kemm għall-impriża kif ukoll għall-awtorità regolatorja nazzjonali konċernata. Dawk l-obbligi għandhom ikunu għalhekk proporzjonati, oġġettivament ġustifikati u limitati għal dak li hu strettament meħtieġ. Mhux meħtieġ li tiġi meħtieġa prova sistematika u regolari tal-konformità ma' l-obbligi kollha taħt l-awtorizzazzjoni ġenerali jew stipulati mad-drittijiet ta' użu. L-impriżi għandhom id-dritt li jkunu jafu l-għanijiet li għalihom l-informazzjoni li għandhom jipprovdu għandha tintuża. Il-forniment ta' informazzjoni m'għandhiex tkun kondizzjoni għall-aċċess tas-suq. Għall-għanijiet ta' statiska notifikazzjoni tista' tkun meħtieġa mill-fornituri ta' networks jew servizzi ta' komunkazzjonijiet elettroniċi meta dawn jieqfu mill-attivitajiet tagħhom.

    (29) Din id-Direttiva għandha tkun bla preġudizzju għall-obbligi ta' l-Istati Membri li jipprovdu kull informazzjoni meħtieġa għad-difiża ta' l-interessi tal-Komunità fil-kuntest ta' ftehim internazzjonali. Din id-Direttiva għandha wkoll tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta' rapportar taħt leġislazzjoni li mhix speċifika għas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi bħal-liġi tal-kompetizzjoni.

    (30) Ħlasijiet amministrattivi jistgħu jiġu imposti fuq il-fornituri ta' servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi sabiex jiffinanzjaw l-attivitajiet ta' l-awtorità regolatorja nazzjonali fl-amministrazzjoni tas-sistema ta' awtorizzazzjoni u fl-għoti ta' drittijiet ta' użu. Dawk il-ħlasijiet għandhom ikunu limitati li jkopru in-nefqa amministrattiva attwali għal dawk l-attivitajiet. Għal dan il-għan għandha tinħoloq trasparenza fid-dħul u n-nefqa ta' l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali permezz ta' rapportar ta' kull sena dwar is-somma totali ta' ħlasijiet miġbura u n-nefqiet amministrattivi magħmula. Dan jippermetti li l-impriżi jivverifikaw li n-nefqiet għall-amministrazzjoni u l-ħlasijiet ikunu jibbilanċjaw.

    (31) Is-sistemi għall-ħlasijiet amministrattivi m'għandhomx joħolqu tgħawwiġ tal-kompetizzjoni jew joħolqu xkiel għad-dħul fis-suq. B'sistema ġenerali ta' awtorizzazzjoni m'għandux ikun aktar possibbli li l-ispejjeż amministrattivi u b'hekk il-ħlasijiet jiġu attribwiti lil impriżi individwali ħlief għall-għoti tad-drittijiet ta' użu tan-numri, frekwenzi tar-radju u għad-drittijiet biex jiġu stallati faċilitajiet. Kull ħlas amministrattiv applikabbli għandu jkun konformi mal-prinċipji ta' sistema ġenerali ta' awtorizzazzjoni. Eżempju ta' alternattiva ġusta, sempliċi u trasparenti għal dawn il-kriterji ta' attribuzzjoni tal-ħlasijiet tista' tkun formula ta' distribuzzjoni relatata mal-qligħ fuq il-bejgħ.. Fejn il-ħlasijiet amministrattivi jkun baxxi ħafna, ħlasijiet b'rata fissa, jew ħlasijiet li jikkombinaw bażi ta' rata fissa ma' l-element relatat mal-qligħ fuq il-bejgħ tista' wkoll tkun adatta.

    (32) Minbarra l-ħlasijiet amministrattivi, tariffi għall-użu jistgħu jiġu imposti fuq l-użu ta' frekwenzi tar-radju u numri bħala strument li jiżgura l-aħjar użu ta' dawn ir-riżorsi. Dawk it-tariffi m'għandhomx ifixklu l-iżvilupp ta' servizzi innovattivi u l-kompetizzjoni fis-suq. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-għan li għalih it-tariffi għad-drittijiet ta' użu jintużaw. Dawk it-tariffi jistgħu per eżempju jintużaw biex jiffinanzjaw attivitajiet ta' l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li ma jistgħux jiġu koperti bil-ħlasijiet amministrattivi. Fejn, fil-każ ta' proċeduri ta' għażla kompetittivi jew komparattivi, tariffi għad-drittijiet ta' użu ta' frekwenzi tar-radu jikkonsistu kollha kemm huma jew parzjalment f' ammont ta' darba biss, l-arranġamenti tal-ħlas għandhom jiżguraw li dawk it-tariffi fil-prattika ma jwasslux għal għażla fuq il-bażi ta' kriterji li m'humiex relatati mal-mira li jiġi żgurat l-aħjar użu tal-frekwenzi tar-radju. Il-Kummissjoni tista' tippublika fuq bażi regolari studji komparattivi fir-rigward ta' l-aħjar prattiċi għall-assenjament tal-frekwenzi tar-radju, l-assenjament ta' numri jew l-għoti ta' drittijiet ta' passaġġ.

    (33) L-Istati Membri jistgħu jkunu meħtieġa li jemendaw id-drittijiet, kondizzjonijiet, proċeduri, ħlasijiet u tariffi li jirrelataw ma' l-awtorizzazzjonijiet ġenerali u d-drittijiet ta' użu fejn dan ikun oġġettivament ġustifikat. Dak it-tibdil għandu jiġi debitament notifikat lill-partijiet kollha interessati fi żmien biżżejjed, li jagħtihom opportunità adegwata li jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar kull emenda bħal dawk.

    (34) Il-mira tat-trasparenza teħtieġ li l-fornituri tas-servizzi, konsumaturi u partijiet oħra nteressati jkollhom aċċess faċli għal kull informazzjoni fir-rigward tad-drittijiet, kondizzjonijiet, proċeduri, ħlasijiet, tariffi u deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-forniment ta' servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, drittijiet ta' użu ta' frekwenzi tar-radju u numri, drittijiet għall-installazzjoni ta' faċilitajiet, pjani għall-użu ta' frekwenzi nazzjonali u pjani għan-numerar nazzjonali. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom kompitu importanti filli jfornu ta' dik l-informazzjoni u jżommuha aġġornata. Fejn dawk id-drittijiet huma amministratti minn livelli oħra tal-gvern l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jagħmlu kull sforz biex joħolqu strument faċli li jintuża għall-aċċess ta' l-informazzjoni dwar dawk id-drittijiet.

    (35) Il-funzjonament sew tas-suq uniku fuq il-bażi tas-sistemi ta' awtorizzazzjoni nazzjonali taħt din id-Direttiva għandu jiġi sorveljat mill-Kummissjoni.

    (36) Sabiex wieħed jasal għal data waħda ta' l-applikazzjoni ta' l-elementi kollha tal-qafas regolatorju ġdid għas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, huwa mportanti li l-proċess tat-trasposizzjoni nazzjonali ta' din id-Direttiva u l-allinjament tal-liċenzi eżistenti mar-regoli l-ġodda iseħħ b'mod parallel. Madankollu, f'każi speċifiċi fejn is-sostituzzjoni ta' l-awtorizzazzjonijiet eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva bl-awtorizzazzjoni ġenerali u d-drittijiet individwali ta' użu skond din id-Direttiva tista' twassal għal żieda fl-obbligi għall-fornituri ta' servizzi li joperaw taħt awtorizzazzjoni eżistenti jew għal tnaqqis tad-drittijiet tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jutillizzaw żmien addizzjonali ta' disa' xhur wara d-data ta' l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għall-allinjament ta' dawk il-liċenzi, sakemm dan ma jkollux effett negattiv fuq id-drittijiet u l-obbligi ta' impriżi oħra.

    (37) Jista' jkun hemm ċirkostanzi li taħthom l-abolizzjoni ta' kondizzjoni ta' awtorizzazzjoni fir-rigward ta' aċċess għal networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi toħloq tbatija serja għal impriża waħda jew aktar li jkunu bbenefikaw minn dik-il-kondizzjoni. F'każi bħal dawn aktar perjodi transitorji jistgħu jingħataw mill-Kummissjoni, fuq it-talba ta' Stat Membru.

    (38) Minħabba li l-mira ta' l-azzjoni proposta, jiġifieri l-armonizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tar-regoli tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u l-kondizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta' networks u servizzi ma jistgħux suffiċjentement jinkisbu mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti ta' l-azzjoni, jinkisbu aħjar f'livell tal-Komunità, il-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit f'Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proprozjonalità kif stipulat f'dak Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx 'l hinn minn dak li huwa meħtieġ għal dawk il-miri,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Mira u kamp ta' applikazzjoni

    1. L-iskop ta' din id-Direttiva huwa li jiġi mplimentat suq intern fin-networks u servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi permezz ta' l-armonizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tar-regoli u l-kondizzjonijiet ta' awtorizzazzjoni sabiex jiġi faċilitat il-forniment tagħhom mal-Komunità kollha.

    2. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-awtorizzazzjonijiet għall-forniment ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi.

    Artikolu 2

    Tifsiriet

    1. Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva, t-tifsiriet stipulati f'Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru) għandhom japplikaw.

    2. It-tifsiriet li ġejjin għandhom ukoll japplikaw:

    (a) "awtorizzazzjoni ġenerali" tfisser qafas legali stabbilit mill-Istat Membru li jiżgura d-drittijiet għall-forniment ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u li jistipula obbligi speċifiċi għas-settur li jistgħu japplikaw għat-tipi kollha jew għal tipi speċifiċi ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u servizzi, skond din id-Direttiva;

    (b) "interferenza ta' ħsara" tfisser interferenza li tipperikola l-funzjonament ta' servizz tan-navigazzjoni bir-radju jew ta' servizzi oħra ta' sigurezza jew li mod ieħor tiddegrada serjament, tfixkel jew tinterrompi ripetutament servizzi ta' komunikazzjonijiet bir-radju li joperaw skond ir-regolamenti tal-Komunità jew nazzjonali applikabbli.

    Artikolu 3

    Awtorizzazzjoni ġenerali ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi

    1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw il-libertà ta' forniment ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, bla ħsara għall-kondizzjonijiet stipulati f'din id-Direttiva. Għal dan il-għan, l-Istati Membri m'għandhomx jipprevjenu impriża milli tforni networks jew servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, ħlief fejn dan ikun meħtieġ għar-raġunijiet stipulati f'Artikolu 46(1) tat-Trattat.

    2. Il-forniment ta' networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi jew il-forniment ta' servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi jista', mingħajr preġudizzju għall-obbligi speċifiċi msemmija f'Artikolu 6(2) jew għad-drittijiet ta' użu msemmija f'Artikolu 5, biss ikun suġġett għal awtorizzazzjoni ġenerali. L-impriża konċernata tista' tkun meħtieġa li tissottometti notifikazzjoni iżda m'għandhiex tkun meħtieġa li tikseb deċiżjoni espliċita jew xi att amministrattiv ieħor mill-awtorità regolatorja nazzjonali qabel ma teżerċita d-drittijiet li joħorġu mill-awtorizzazzjoni. Man-notifikazzjoni, fejn meħtieġa, impriża tista' tibda l-attività, fejn meħtieġ suġġetta għad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet ta' użu f'Artikoli 5, 6 u 7.

    3. In-notifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 m'għandhiex tinvolvi aktar minn dikjarazzjoni minn persuna legali jew naturali lill-awtorità regolatorja nazzjonali ta' l--intenzjoni li tibda l-forniment ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u s-sottomissjoni ta' l-informazzjoni minima li hija meħtieġa li tippermetti lill-awtorità regolatorja nazzjonali li żżomm reġistru jew lista tal-fornituri ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi. Din l-informazzjoni għandha tkun limitata għal dak li huwa meħtieġ għall-identifikazzjoni tal-fornitur, bħan-numri tar-reġistrazzjoni tal-kumpanija, u l-persuni ta' kuntatt tal-fornitur, l-indirizz tal-fornitur, deskrizzjoni qasira tan-network jew is-servizz, u d-data li fiha jkun mistenni li jibda l-attività.

    Artikolu 4

    Lista minima tad-drittijiet li joħorġu mill-awtorizzazzjoni ġenerali

    1. Impriżi awtorizzati bis-saħħa ta' Artikolu 3, għandu jkollhom id-dritt:

    (a) li jfornu networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi;

    (b) ikollhom l-applikazzjoni tagħhom għad-drittijiet meħtieġa biex jinstallaw faċilitajiet kunsidrata skond Artikolu 11 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru).

    2. Fejn dawk l-impriżi jfornu networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet lill-pubbliku l-awtorizzazzjoni ġenerali għandha wkoll tagħtihom id-dritt:

    (a) li jinnegozjaw l-interkonnessjoni ma' u fejn japplika li jiksbu aċċess għal jew interkonnessjoni minn fornituri oħra ta' networks pubblikament disponibbli ta' komunikazzjonijiet u servizzi koperti minn awtorizzazzjoni ġenerali f'kull post fil-Komunità taħt il-kondizzjonijiet ta' u skond id-Direttiva 2002/19/KE (Direttiva ta' l-Aċċwss);

    (b) jingħataw opportunità li jiġu nominati biex jipprovdu elementi differenti ta' servizz universali u/jew li jkopru partijiet tat-territorju nazzjonali skond id-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet ta' l-utenti li jirrelataw ma' networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u servizzi (Direttiva ta' Servizz Universali [7].

    Artikolu 5

    Drittijiet ta' użu ta' frekwenzi tar-radju u numri

    1. L-Istati Membri għandhom, fejn possibbli, b'mod partikolari fejn ir-riskju ta' interferenza ta' ħsara huwa negliġibbli, ma jagħmlux l-użu ta' frekwenzi tar-radju suġġett għall-għoti ta' drittijiet individwali ta' użu iżda għandhom jinkludu l-kondizzjonijiet għall-użu ta' dawk il-frekwenzi fl-awtorizzazzjoni ġenerali.

    2. Fejn huwa meħtieġ li jingħataw drittijiet individwali għall-użu ta' frekwenzi tar-radju u numri, l-Istati Membri għandhom jagħtu dawk id-drittijiet, meta mitluba, lil kull impriża li tforni jew tuża networks jew servizzi taħt l-awtorizzazzjoni ġenerali, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' Artikoli 6, 7 u 11(1)(ċ) ta' din id-Direttiva u kull regola oħra li tiżgura l-użu effiċjenti ta' dawk ir-riżorsi skond id-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru).

    Mingħajr preġudizzju għall-kriterji speċifiċi u l-proċeduri adottati mill-Istati Membri għall-għoti ta' drittijiet għall-użu ta' frekwenzi tar-radju lill-fornituri ta' servizz ta' kontenut għax- xandir bir-radju jew televiżjoni bil-ħsieb li jitħarsu l-miri ta' interess ġenerali b'konformità mal-liġi tal-Komunità, dawk id-drittijiet ta' użu għandhom jingħataw permezz ta' proċeduri miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorji. Meta jagħtu d-drittijiet ta' użu, l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw jekk dawk id-drittijiet ikunux jistgħu jiġu trasferiti fuq l-inizjattiva tad-detentur tad-dritt, u taħt liema kondizzjonijiet, fil-każ ta' frekwenzi tar-radju, skond Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru). Fejn l-Istati Membri jagħtu drittijiet ta' użu għall-perjodu limitat ta' żmien, it-tul ta' żmien għandu jkun adatt għas-servizz konċernat.

    3. Deċiżjonijiet dwar id-drittijiet ta' użu għandhom jittieħdu, jiġu komunikati u magħmula pubbliċi kemm jista' jkun malajr wara li tiġi riċevuta l-applikazzjoni sħiħa mill-awtorità regolatorja nazzjonali, fi żmien tlett ġimgħat fil-każ ta' numri li jkunu ġew allokati għal għanijiet speċifiċi skond il-pjan nazzjonali ta' innumerar u fi żmien sitt ġimgħat fil-każ ta' frekwenzi tar-radju li jkunu ġew allokati għal għanijiet speċifiċi skond il-pjan nazzjonali tal-frekwenzi. Il-limitu ta' żmien imsemmi l-aħħar għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kull ftehim internazzjonali applikabbli li jirrelata ma' l-użu ta' frekwenzi tar-radju jew posizzjonijiet orbitali.

    4. Meta jkun ġie deċiż, wara konsultazjonijiet mal-partijiet interessati skond Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru), li drittijiet ta' użu ta' numri ta' valur ekonomiku eċċezzjonali għandhom jingħataw permezz ta' proċeduri ta' għażla kompetittivi jew komparattivi, l-Istati Membri jistgħu jestendu l-perjodu massimu ta' tlett ġimgħat b'perjodu sa tlett ġimgħat.

    Fir-rigward ta' proċeduri ta' għażla kompetittivi jew komparattivi għall-frekwenzi tar-radju Artikolu 7 għandu japplika.

    5. L-Istati Membri m'għandhomx jillimitaw in-numru ta' drittijiet ta' użu li għandhom jingħataw ħlief fejn dan huwa meħtieġ biex jiġi żgurat l-użu effiċjenti ta' frekwenzi tar-radju skond Artikolu 7.

    Artikolu 6

    Il-kondizzjonijiet stipulati ma' l-awtorizzazzjoni ġenerali u d-drittijiet ta' użu għall-frekwenzi tar-radju u għan-numri, u obbligi speċifiċi

    1. L-awtorizzazzjoni ġenerali għall-forniment ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u d-drittijiet ta' użu għall-frekwenzi tar-radju u d-drittijiet ta' użu għan-numri tista' tkun suġġetta biss għall-kondizzjonijiet elenkati rispettivament fit-taqsimiet A, B u Ċ ta' l-Anness. Dawk il-kondizzjonijiet għandhom ikunu oġġettivament ġustifikati b'relazzjoni man-network jew servizz konċernat, mhux diskriminatorji, proporzjonati u trasparenti.

    2. L-obbligi speċifiċi li jistgħu jiġu mposti fuq fornituri ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi taħt Artikoli 5(1), 5(2), 6 u 8 tad-Direttiva 2002/19/KE (Direttiva ta' l-Aċċess) u Artikoli 16, 17, 18 u 19 tad-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva ta' Servizz Universali) jew fuq dawk nominati biex ifornu servizz universali taħt l-imsemmija Direttiva għandhom ikunu legalment separati mid-drittijiet u l-obbligi ta' l-awtorizzazzjoni ġenerali. Sabiex tinkiseb it-trasparenza għall-impriżi, il-kriterji u l-proċeduri għall-imposizzjoni ta' dawk l-obbligi speċifiċi fuq impriżi ndividwali għandhom ikunu msemmija fl-awtorizzazzjoni ġenerali.

    3. L-awtorizzazzjoni ġenerali għandu jkun fiha biss kondizzjonijiet li huma speċifiċi għal dak is-settur u li huma mniżżla fit-Taqsima A ta' l-Anness u m'għandhiex tidduplika kondizzjonijiet li huma applikabbli għal impriżi bis-saħħa ta' xi leġislazzjoni nazzjonali oħra.

    4. L-Istati Membri m'għandhomx jidduplikaw il-kondizzjonijiet ta' l-awtorizzazzjoni ġenerali meta jagħtu drittijiet ta' użu għall-frekwenzi tar-radju jew numri.

    Artikolu 7

    Proċedura biex jiġi limitat in-numru ta' drittijiet ta' użu li għandhom jingħataw għall-frekwenzi tar-radju

    1. Fejn Stat Membru jkun qiegħed iqis jekk jillimitax in-numru ta' drittijiet ta' użu li għandhom jingħataw għall-frekwenzi tar-radju, għandu fost ħwejjeġ oħra:

    (a) jieħu kont debitu tal-ħtieġa li jimmasimizza l-benefiċċji għall-utenti u li jiffaċilita l-iżvilupp tal-kompetizzjoni;

    (b) jagħti lill-partijiet kollha nteressati, nklużi utenti u konsumaturi, l-opportunità li jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar kull limitazzjoni skond Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru);

    (ċ) jippubblika kull deċiżjoni li tillimita l-għoti tad-drittijiet ta' użu, waqt li jiddikjara ir-raġunijiet għal dan;

    (d) wara li jkunu stabbilixxa il-proċedura, jistieden applikazzjonijiet għad-drittijiet ta' użu; u

    (e) jirrevedi l-limitazzjoni f'intervalli raġonevoli jew fuq it-talba raġonata ta' l-impriżi affettwati.

    2. Fejn Stat Membru jikkonkludi li aktar drittijiet ta' użu għall-frekwenzi tar-radju jistgħu jingħataw, għandu jippublika dik il-konklużjoni u jistieden applikazzjonijiet għal dawk id-drittijiet.

    3. Fejn l-għoti ta' drittijiet ta' użu għall-frekwenzi tar-radju jkun meħtieġ li jiġi limitat, l-Istati Membri għandhom jagħtu dawk id-drittijiet fuq il-bażi ta' kriterji ta' għażla li għandhom ikunu oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proprozjonati. Kull kriterju ta' għażla bħal dawn għandu jieħu kont debitu tal-ksib tal-miri ta' Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru).

    4. Fejn proċeduri ta' għażla kompetittivi jew komparattivi għandhom jintużaw, l-Istati Membri jistgħu jestendu l-perjodu massimu ta' sitt ġimgħat imsemmi f'Artikolu 5(3) sakemm ikun meħtieġ sabiex jiġi żgurat li dawk il-proċeduri jkunu ġusti, raġonevoli, miftuħa u trasparenti għall-partijiet kollha nteressati, iżda b'mhux aktar minn tmien xhur.

    Dawn il-termini ta' żmien għandhom ikunu bla preġudizzju għal kull ftehim internazzjonali applikabbli li jirrelata ma' l-użu ta' frekwenzi u l-koordinazzjoni tas-satelliti.

    5. Dan Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għat-trasferiment tad-drittijiet ta' użu għall-frekwenzi tar-radju skond Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru).

    Artikolu 8

    Assenjament armonizzat ta' frekwenzi tar-Radju

    Fejn l-użu ta' frekwenzi tar-radju jkun ġie armonizzat, il-kondizzjonijiet u l-proċeduri ta' l-aċċess jkunu ġew miftiehma, u l-impriżi li lilhom il-frekwenzi tar-radju għandhom jiġu assenjati jkunu ntagħżlu skond ftehim internazzjonali u r-regoli tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jagħtu d-dritt ta' użu għal dawk il-frekwenzi tar-radju skond dan. Sakemm il-kondizzjonijiet nazzjonali kollha stipulati mad-dritt ta' użu għall-frekwenzi tar-radju konċernati jkunu ġew sodisfatti fil-każ ta' proċedura komuni ta' għażla, l-Istati Membri m'għandhomx jimponu xi kondizzjonijiet, kriterji addizzjonali jew proċeduri oħra li jirrestrinġu, ibiddlu jew idewmu l-implimentazzjoni korretta ta' l-assenjament komuni ta' dawk il-frekwenzi tar-radju.

    Artikolu 9

    Dikjarazzjonijiet biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet ta' installazzjoni ta' faċilitajiet u drittijiet ta' interkonnessjoni

    Fuq it-talba ta' impriża, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom, fi żmien ġimgħa, joħroġu dikjarazzjonijiet standardizzati, li jikkonfermaw, fejn japplika, li l-impriża tkun bagħtet notifikazzjoni taħt Artikolu 3(2) u jagħtu dettalji dwar taħt liema ċirkostanzi impriża li tforni networks jew servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi taħt awtorizzazzjoni ġenerali jkollha d-dritt li tapplika għall-drittijiet biex tinstalla faċilitajiet, biex tinnegozja interkonnessjoni, u/jew tikseb aċċess jew interkonnessjoni sabiex tiffaċilita l-eżerċizzju ta' dawk id-drittijiet per eżempju f'livelli oħra tal-gvern jew b'relazzjoni ma' impriżi oħra. Fejn xieraq dawk id-dikjarazzjonijiet jistgħu wkoll jinħarġu bħala risposta awtomatika wara n-notifikazzjoni msemmija f'Artikolu 3(2).

    Artikolu 10

    Konformità mal-kondizzjonijiet ta' l- awtorizzazzjoni ġenerali jew ta' drittijiet ta' użu u ma'obbligi speċjali

    1. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jeħtieġu impriżi li jfornu networks jew servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi koperti bl-awtorizzazzjoni ġenerali jew li jgawdu drittijiet ta' użu għall-frekwenzi tar-radju jew numri li jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa biex jivverifikaw il-konformità mal-kondizzjonijiet ta' l-awtorizzazzjoni ġenerali jew mad-drittijiet ta' użu jew ma' l-obbligi speċifiċi msemmija f'Artikolu 6(2), skond Artikolu 11.

    2. Meta awtorità regolatorja nazzjonali ssib li impriża ma tkunx tikkonforma ma' kondizzjoni waħda jew aktar ta' l-awtorizzazzjoni ġenerali, jew tad-drittijiet ta' użu jew ma' l-obbligi speċifiċi msemmija f'Artikolu 6(2), għandha tinnotifika lill-impriża b'dawk is-sejbiet u tagħti lill-impriża opportunità raġonevoli biex tiddikjara l-opinjoni tagħha jew tirrimedja kull nuqqas:

    - fi żmien xahar wara n-notifikazzjoni, jew

    - f'perjodu iqsar miftiehem mill-impriża jew stipulat mill-awtorità regolatorja nazzjonali fil-każ ta' nuqqasijiet ripetuti, jew

    - f'perjodu itwal deċiż mill-awtorità regolatorja nazzjonali.

    3. Jekk l-impriża konċernata ma tirrimedjax in-nuqqasijiet fil-perjodu kif imsemmi fil-paragrafu 2, l-awtorità relevanti għandha tieħu miżuri adattati u proporzjonati mmirati lejn l-assigurazzjoni tal-konformità. F'dan ir-rigward, l-Istati Membri jistgħu jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet relevanti lijimponu sanzjonijiet finanzjarji fejn xieraq. Il-miżuri u r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati għandhom jiġu komunikati lill-impriża konċernata fi żmien ġimgħa mill-adozzjoni tagħhom u għandhom jistipulaw perjodu raġonevoli biex l-impriża tikkonforma mal-miżura.

    4. Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 u 3, l-Istati Membri jistgħu jagħtu s-setgħa lill-awtorità relevanti li timponi sanzjonijiet finanzjarji fejn xieraq fuq impriżi talli jonqsu milli jipprovdu informazzjoni skond l-obbligi mposti taħt Artikolu 11(1)(a) jew (b) ta' din id-Direttiva jew Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/19/KE (Direttiva ta' Aċċess) fi żmien perjodu raġonevoli stipulat mill-awtorità regolatorja nazzjonali.

    5. Fil-każijiet ta' ksur serju u ripetut tal-kondizzjonijiet ta' l-awtorizzazzjoni ġenerali, id-drittijiet ta' użu jew l-obbligi speċifiċi msemmija f'Artikolu 6(2), fejn il-miżuri mmirati lejn l-assigurazzjoni tal-konformità kif imsemmija fil-paragrafu 3 ta' dan Artikolu jkunu fallew, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jipprevjenu mpriża milli tkompli tforni networks jew servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi jew jissospendu jew jirtiraw id-drittijiet ta' użu.

    6. Irrispettivament mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2, 3 u 5, meta l-awtorità relevanti jkollha xhieda ta' xi ksur tal-kondizzjonijiet ta' l-awtorizzazzjoni ġenerali, id-drittijiet ta' użu jew l-obbligi speċifiċi msemmija f'Artikolu 6(2) li jirrappresenta theddida mmedjata u serja għas-sigurtà pubblika, s-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika jew li joħloq problemi serji ekonomiċi jew operattivi għal fornituri oħra jew utenti ta' networks jew servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, tista' tieħu miżuri interim urġenti biex tirrimedja s-sitwazzjoni qabel ma tilħaq deċiżjoni finali. L-impriża konċernata għandha wara dan tingħata opportunità raġonevoli biex tistqarr l-opinjoni tagħha u tipproponi rimedji. Fejn xieraq, l-awtorità relevanti tista' tikkonferma l-miżuri interim.

    7. L-impriżi għandu jkollhom id-dritt ta' appell kontra l-miżuri meħuda taħt dan l-Artikolu skond il-proċedura msemmija f'Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru).

    Artikolu 11

    L-informazzjoni meħtieġa taħt l-awtorizzazzjoni ġenerali, għal drittijiet ta' użu u għal obbligi speċifiċi

    1. Mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta' informazzjoni u rapportar taħt il-leġislazzjoni nazzjonali barra mill-awtorizzazzjoni ġenerali, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu biss jeħtieġu lill-impriżi li jipprovdu nformazzjoni taħt l-awtorizzazzjoni ġenerali, għal drittijiet ta' użu jew l-obbligi speċifiċi msemmija f'Artikolu 6(2) li hija proporzjonata u oġġettivament ġustifikata għal:

    (a) verifikazzjoni sistematika jew każ b'każ tal-konformità mal-kondizzjonijiet 1 u 2 tat-Taqsima A, kondizzjoni 6 tat-Taqsima B u kondizzjoni 7 tat-Taqsima Ċ ta' l-Anness u tal-konformità ma' l-azzjonijiet imsemmija f'Artikolu 6(2);

    (b) verifikazzjoni każ b'kaz tal-konformità mal-kondizzjonijiet kif stipulati fl-Anness fejn ikun ġie riċevut ilment jew meta l-awtorità regolatorja nazzjonali jkollha raġunijiet għaliex temmen li kondizzjoni ma tkunx qed titħares jew f'każ ta' xi investigazzjoni mill-awtorità regolatorja nazzjonali fuq l-inizjattiva tagħha stess;

    (ċ) proċeduri għal u stima tat-talbiet għall-għoti ta' drittijiet ta' użu;

    (d) il-pubblikazzjoni ta' rapporti komparattivi tal-kwalità u l-prezz ta' servizzi għall-benefiċċju tal-konsumaturi;

    (e) għanijiet statistiċi definiti b'mod ċar;

    (f) analiżi tas-suq għall-għanijiet tad-Direttiva 2002/19/KE (Direttiva ta' Aċċess) jew id-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva ta' Servizz Universali).

    L-informazzjoni msemmija fil-punti (a), (b), (d), (e) u (f) ta' l-ewwel subparagrafu ma tistax tenħtieġ qabel jew bħala kondizzjoni għall-aċċess tas-suq.

    2. Meta l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jeħtieġu li impriżi jipprovdu informazzjoni kif imsemmija fil-paragrafu 1, għandhom jinfurmawhom bl-għan speċifiku li għalih l-informazzjoni għandha tiġi wżata.

    Artikolu 12

    Ħlasijiet amministrattivi

    1. Kull ħlas amministrattiv impost fuq impriżi li jfornu servizz jew network taħt l-awtorizzazzjoni ġenerali jew li lilhom ikun ingħata dritt ta' użu, għandu:

    (a) fit-total, ikopri biss l-ispejjeż amministrattivi magħmula fl-amministrazzjoni, kontroll u infurzar ta' l-iskema ta' l-awtorizzazzjoni ġenerali u tad-drittijiet ta' użu u l-obbligi speċifiċi kif imsemmija f'Artikolu 6(2), li jistgħu jinkludu spejjeż għall-kooperazzjoni internazzjonali, armonizzazzjoni u standardizzazzjoni, analiżi tas-suq, solveljanza tal-konformità u kontrolli oħra tas-suq, kif ukoll ħidma regolatorja li tinvolvi l-preparazzjoni u l-infurzar ta' leġislazzjoni sekondarja u deċiżjonijiet amministrattivi, bħal deċiżjonijiet dwar l-aċċess u l-interkonnessjoni; u

    (b) jiġi mpost fuq impriżi ndividwali b'mod oġġettiv, trasparenti u proporzjonat li jimminimizza spejjeż amministrattivi addizzjonali u l-ħlasijiet li jġibu magħhom.

    2. Fejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jimponu ħlasijiet amministrattivi, għandhom jippublikaw rapport ta' kull sena ta' l-ispejjeż amministrattivi tagħhom u tas-somma totali ta' ħlasijiet miġbura. Fid-dawl tad-differenza bejn is-somma totali tal-ħlasijiet u l-ispejjeż amministrattivi, għandhom isiru l-aġġustamenti xierqa.

    Artikolu 13

    Tariffi għad-drittijiet ta' użu u drittijiet għall-installazzjoni ta' faċilitajiet

    L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-awtorità relevanti li timponi tariffi għad-drittijiet ta' użu għall-frekwenzi tar-radju jew numri jew drittijiet li jiġu stallati faċilitajiet fi, minfuq jew taħt proprjetà pubblika jew privata li jirriflettu l-ħtieġa li jiġi żgurat l-aqwa użu ta' dawn ir-riżorsi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk it-tariffi għandhom ikunu oġġettivament ġustifikati, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonati b'relazzjoni ma' l-iskop maħsub tagħhom u għandhom jieħdu kont tal-miri f'Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru).

    Artikolu 14

    Emenda tad-drittijiet u obbligi

    1. L-Istati Membri għandhom jiżġuraw li d-drittijiet, kondizzjonijiet u proċeduri li jikkonċernaw awtorizzazzjonijiet ġenerali u drittijiet ta' użu jew drittijiet għall-installazzjoni ta' faċilitajiet jistgħu jiġu emendati biss f'każijiet oġġettivament ġustifikati u b'mod proporzjonat. Avviż għandu jingħata b'mod xieraq ta' l-intenzjoni li jsiru emendi bħal dawk u l-partijiet interessati, nklużi l-utenti u l-konsumaturi, għandu jingħatalhom perjodu ta' żmien biżżejjed biex jesprimu l-opnjoni tagħhom dwar l-emedi proposti, li m'għandux ikun ta' anqas minn erba' gimgħat ħlief f'ċirkostanzi eċċezzjonali.

    2. L-Istati Membri m'għandhomx jirrestrinġu jew jirtiraw drittijiet għall-installazzjoni ta' faċilitajiet qabel ma jiskadi l-perjodu li għalih kienu ngħataw ħlief fejn ġustifikat u fejn applikabbli b'konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali relevanti li jirrigwardaw kumpens għall-irtirar ta' drittijiet.

    Artikolu 15

    Pubblikazzjoni ta' informazzjoni

    1. L-Istati Membri għandhom jiżuraw li l-informazzjoni kollha relevanti dwar drittijiet, kondizzjonijiet, proċeduri, ħlasijiet, tariffi u deċiżjonijiet li jikkonċernaw awtorizzazzjonijiet ġenerali u drittijiet ta' użu tiġi ppublikata u miżmuma aġġornata b'mod xieraq sabiex jiġi provdut aċċess faċli għal dik l-informazzjoni għall-partijiet kollha interessati.

    2. Fejn l-informazzjoni kif imsemmija fil-paragrafu 1 hija miżmuma f'livelli differenti tal-gvern, b'mod partikolari nformazzjoni dwar il-proċeduri u l-kondizzjonijiet fuq drittijiet għall-installazzjoni ta' faċilitajiet, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tagħmel l-isforzi kollha raġonevoli, waqt li tieħu kont ta' l-ispejjeż involuti, biex toħloq sintesi faċli biex tiftiehem ta' dik l-informazzjoni kollha, nkluża nformazzjoni f'livelli differenti tal-gvern u l-awtoritajiet responsabbli, sabiex jiġu faċilitati l-applikazzjonijiet għad-drittijiet ta' l-installazzjoni ta' faċilitajiet.

    Artikolu 16

    Proċeduri ta' reviżjoni

    Il-Kummissjoni għandha perjodikament tirrevedi l-funzjonament tas-sistemi nazzjonali ta' awtorizzazzjoni u l-iżvilupp tal-forniment ta' servizz transkonfini fil-Komunità u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-ewwel okkażżjoni mhux aktar tard minn tliet snin wara d-data ta' l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva msemmija f'Artikolu 18(1), it-tieni subparagrafu. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tista' titlob informazzjoni mill-Istati Membri, li għandha tiġi provduta mingħajr dewmien żejjed.

    Artikolu 17

    Awtorizzazzjonijiet eżistenti

    1. L-Istati Membri għandhom iġibu l-awtorizzazzjonijiet li diġà jeżistu fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mid-data ta' applikazzjoni msemmija f'Artikolu 18(1), it-tieni subparagrafu.

    2. Meta l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 tirriżulta fi tnaqqis tad-drittijiet jew estensjoni ta' l-obbligi taħt awtorizzazzjonijiet li jeżistu diġà, l-Istati Membri jistgħu jestendu l-validità ta' dawk id-drittijiet u obbligi sa l-aktar tard disa' xhur wara d-data ta' applikazzjoni msemmija f'Artikolu 18(1), it-tieni subparagrafu, sakemm id-drittijiet ta' impriżi oħra taħt il-liġi tal-Komunità ma jiġux b'dan affettwati. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk l-estensjonijiet lill-Kummisjoni u jagħtu r-raġunijiet għalihom.

    3. Fejn l-Istat Membru konċernat jista' jagħti prova li l-abolizzjoni ta' kondizzjoni ta' awtorizzazzjoni fir-rigward ta' aċċess għal networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, li kienet fis-seħħ qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, toħloq diffikultajiet eċċessivi għal impriżi li jkunu bbenefikaw minn aċċess obbligatorju għal network ieħor, u fejn ma jkunx possibbli għal dawn l-impriżi li jinnegozjaw ftehim ġodda b'kondizzjonijiet kummerċjali raġonevoli qabel id-data ta' applikazzjoni msemmija f'Artikolu 18(1), it-tieni subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jitolbu prolongazzjoni temporanja tal-kondizzjoni/jiet relevanti. Dawk it-talbiet għandhom jiġu sottomessi sad-data ta' applikazzjoni msemmija f'Artikolu 18(1), it-tieni subparagrafu, l-aktar tard, u għandhom jispeċifikaw il-kondizzjoni/jiet u l-perjodu li għalihom il-prolongazzjoni temporanja qed tintalab.

    L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummisjoni bir-raġunjiet għat-talba ta' dik il-prolongazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tikkonsidra dik it-talba waqt li tieħu kont tas-sitwazzjoni partikolari fl-Istat Membru u l-impriża/i konċernata/i, u l-ħtieġa li jiġi żgurat ambjent regolatorju koerenti f'livell tal-Komunità. Għandha tieħu deċiżjoni dwar jekk tilqax jew tiċħadx it-talba, u fejn tiddeċiedi li tilqa' t-talba, fuq il-kamp ta' appléikazzjoni u t-tul tal-prolongazzjoni li għandha tingħata. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika d-deċiżjoni tagħha lill-Istat Membru konċernat fi żmien sitt wara li tirċievi l-applikazzjoni għall-prolongazzjoni. Dawk id-deċiżjonijiet għandhom jiġu ppublikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Artikolu 18

    Transposizzjoni

    1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa' l-24 ta' Lulju 2003 l-aktar tard. Għandhom minnufih javżaw b'dan lill-Kummissjoni.

    Għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-25 ta' Lulju 2003.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

    2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam regolat minn din id-Direttiva u ta' kull emenda sussegwenti għal dawk id-dispożizzjonijiet.

    Artikolu 19

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropew.

    Artikolu 20

    Indirizzati

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussel, fis-7 ta' Marzu 2002.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    P. Cox

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. C. Aparicio

    [1] ĠU Ċ 365 E, tad- 19.12.2000, p. 230 u ĠU Ċ 270 E, tal- 25.9.2001, p. 182.

    [2] ĠU Ċ 123, tal- 25.4.2001, p. 55.

    [3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-1 ta' 2001 (ĠU Ċ 277, ta' l- 1.10.2001, p. 116), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-17 ta' Settembru 2001 (ĠU Ċ 337, tat- 30.11.2001, p. 18) u Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2001 (għada mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l-14 ta' Frar 2002.

    [4] ĠU L 91, 07.4.1999, p. 10.

    [5] ĠU L 320, tat-28.11.1998, p. 54.

    [6] Ara paġna 7 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    [7] Ara paġna 51 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    --------------------------------------------------

    ANNESS

    Il-kondizzjonijiet elenkati f'dan l-Anness jipprovdu l-lista massima ta' kondizzjonijiet li jistgħu jiġu stipulati ma' awtorizzazzjonijiet ġenerali (Taqsima A), id-drittijiet għall-użu ta' frekwenzi tar-radju (Taqsima B) u d-drittijiet għall-użu tan-numri (Taqsima Ċ) kif imsemmija f'Artikolu 6(1) u Artikolu 11(1)(a).

    A. Kondizzjonijiet li jistgħu jiġi stipulati ma' awtorizzazzjoni ġenerali

    1. Kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-iffinanzjar ta' servizz universali b'konformità mad-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva ta' Servizz Universali).

    2. Ħlasijiet amministrattivi skond Artikolu 12 ta' din id-Direttiva.

    3. Interoperabilità ta' servizzi u interkonnessjoni ta' networks b'konformità mad-Direttiva 2002/19/KE (Direttiva ta' Aċċess).

    4. Aċċessibilità għan-numri mill-pjan nazzjonali ta' innumerar lill-utenti finali nkużi kondizzjonijiet b'konformità mad-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva ta' Servizz Universali).

    5. Ħtiġiet ambjentali u ta' l-ippjanar urban u rurali, kif ukoll ħtiġiet u kondizzjonijiet marbuta ma' l-għoti ta' aċċess għal u ma' l-użu ta' art pubblika jew privata u kondizzjonijiet marbuta mal-ko-lokazzjoni u qsim tal-faċilità b'konformità mad-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva Kwadru) u nkluż, fejn japplika, kull garanzija finanzjarja jew teknika, meħtieġa biex tiġi żgurata l-esekuzzjoni xierqa ta' xogħlijiet ta' infrastruttura.

    6. Obbligi ta' trasmissjoni "must carry" b'konformità mad-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva ta' Servizz Universali).

    7. Tagħrif personali u protezzjoni tal-privatezza speċifiċi għas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi b'konformità mad-Direttiva 97/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 1997 li tikkonċerna l-ipproċesar ta' tagħrif personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet [1].

    8. Regoli ta' protezzjoni tal-konsumatur speċifiċi għas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi b'konformità mad-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva ta' Servizz Universali).

    9. Restrizzjonijiet b'relazzjoni għall-trasmissjonijiet b'kontenut illegali, skond id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali ta' servizzi ta' soċjeta ta' l-informazzjoni, b'mod partikolari kummerċ elettroniku, fis-suq intern [2] u restrizzjonijiet b'relazzjoni mat-trasmissjoni ta' kontenut ta' ħsara skond Artikolu 2a(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE tat-3 ta' Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stipulati bil-liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri dwar l-eżerċizzju ta' attivitajiet tax-xandir tat-televiżjoni [3].

    10. L-informazzjoni li għandha tiġi provduta taħt proċedura ta' notifikazzjoni skond Artikolu 3(3) ta' din id-Direttiva u għal għanijiet oħra kif inklużi f'Artikolu 11 ta' din id-Direttiva.

    11. Tippermetti l-interċettar legali mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali b'konformità mad-Direttiva 97/66/KE u d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' tagħrif personali u l-moviment liberu ta' dak it-tagħrif [4].

    12. Kondizzjonijiet ta' użu waqt diżastri kbar biex jiġu żgurati komunikazzjonijiet bejn is-servizzi ta' emerġenza u l-awtoritajiet u x-xandir lill-pubbliku ġenerali.

    13. Miżuri rigward il-limitazzjoni ta' esponiment tal-pubbliku ġenerali għall-kampielettromanjetiċi kawżati minn networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi skond il-liġi tal-Komunità.

    14. Obbligi għal aċċess barra minn dawk previsti f'Artikolu 6(2) ta' din id-Direttiva li japplikaw għal impriżi li jfornu networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, f'konformità mad-Direttiva 2002/19/KE (Direttiva ta' Aċċess).

    15. Il-manutenzjoni ta' l-integrità ta' networks pubbliċi ta' komunikazzjonijiet skond id-Direttiva 2002/19/KE (Direttiva ta' Aċċess) u d-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva ta' Servizz Universali) inkluż b'kondizzjonijiet li jipprevjenu l-interferenza elettromanjetika bejn networks u/jew servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi skond id-Direttiva tal-Kunsill 89/336/KEE tat-3 ta' Mejju 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li jirrelataw mal-kompatibilità elettromanjetika [5].

    16. Is-sigurtà ta' networks pubbliċi kontra aċċess mhux awtorizzat skond id-Direttiva 97/66/KE.

    17. Kondizzjonijiet għall-użu ta' frekwenzi tar-radju, b'konformità ma' Artikolu 7(2) tad-Direttiva 1999/5/KE, fejn dak l-użu mhux magħmul suġġett għall-għoti ta' drittijiet individwali ta' użu skond Artikolu 5(1) ta' din id-Direttiva.

    18. Miżuri maħsuba biex jiżguraw konformità ma' l-istandards u/jew speċifikazzjonijiet imsemmija f'Artikolu 17 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru).

    B. Kondizzjonijiet li jistgħu jiġu stipulati ma' drittijiet ta' użu għall-frekwenzi tar-radju

    1. Identifikazzjoni ta' servizz jew tip ta' network jew teknoloġija li għalih id-drittijiet ta' użu għall-frekwenza jkunu ingħataw, inkluż, fejn japplika, l-użu esklussiv ta' frekwenza għat-trasmissjoni ta' kontenut speċifiku jew servizzi speċifiċi awdjoviżivi.

    2. L-użu effettiv u effiċjenti tal-frekwenzi b'konformità mad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru), inkluż, fejn xieraq, ħtiġiet ta' kopertura.

    3. Il-kondizzjonijiet tekniċi u operattivi meħtieġa biex tiġi evitata nterferenza ta' ħsara u għall-limitazzjoni ta' esponiment tal-pubbliku ġenerali għall-kampi elettromanjetiċi, fejn dawk il-kondizzjonijiet huma differenti minn dawk inklużi fl-awtorizzazzjoni ġenerali.

    4. Id-dewmien massimu b'konformità ma' Artikolu 5 ta' din id-Direttiva, suġġett għal kull bidla fil-pjan ta' frekwenzi nazzjonali.

    5. It-trasferiment tad-drittijiet fuq l-inizjattiva tad-detentur tad-drittijiet u l-kondizzjonijiet għal dak it-trasferiment b'konformità mad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru).

    6. It-tariffi għall-użu skond Artikolu 13 ta' din id-Direttiva.

    7. Kull impenn li l-impriża li tikseb id-dritt ta' użu tkun għamlet fil-kors ta' proċedura ta' għażla kompetittiva jew komparattiva.

    8. L-obbligi taħt xi ftehim internazzjonali relevanti li jirrelataw ma' l-użu tal-frekwenzi.

    Ċ. Kondizzjonijiet li jistgħu jiġu stipulati mad-drittijiet ta' użu tan-numri

    1. L-identifikazzjoni tas-servizzi li għalihom in-numri għandhom jintużaw, inkluża kull ħtieġa marbuta mal-forniment ta' dak is-servizz.

    2. L-użu effettiv u effiċjenti ta' numri b'konformità mad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru).

    3. Ħtiġiet għall-portabilità tan-numri b'konformità mad-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva ta' Servizz Universali).

    4. Obbligu li jiġi provdut għall-abbonati ta' direttorji pubbliċi it-tafħrif għall-għanijiet ta' Artikoli 5 u 25 tad-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva ta' Servizz Universali).

    5. Dewmien massimu b'konformità ma' Artikolu 5 ta' din id-Direttiva, suġġett għal kull bidla fil-pjan nazzjonali ta' innumerar.

    6. It-trasferiment tad-drittijiet fuq l-inizjattiva tad-detentur tad-drittijiet u l-kondizzjonijiet għal dak it-trasferiment b'konformità mad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru).

    7. It-tariffi għall-użu skond Artikolu 13 ta' din id-Direttiva.

    8. Kull impenn li l-intrapriża li tikseb id-dritt għall-użu tkun għamlet fil-kors ta' proċedura ta' għażla kompetittiva jew komparattiva.

    9. Obbligi taħt xi ftehim internazzjonali relevanti li jirrelataw ma' l-użu tan-numri.

    [1] ĠU L 24, tat-30.1.1998, p. 1.

    [2] ĠU L 178, tas-17.7.2000, p. 1.

    [3] ĠU L 298, tas-17.10.1989, p. 23. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 202, tat-30.7.1997, p. 60).

    [4] ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31.

    [5] ĠU L 139, tat-23.5.1989, p. 19. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 93/68/KEE (ĠU L 220, tat-30.8.1993, p. 1).

    --------------------------------------------------

    Top