EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32001R1386

Ir-Regolament (KE) Nru 1386/2001 Tal-Parlament Ewropew U Tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2001 li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, u (KEE) Nru 574/72 li jsemmi l-proċedura għat-twettiq tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71Test b'relevanza għaż-ŻEE.

ĠU L 187, 10.7.2001, p. 1–3 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2001/1386/oj

32001R1386



Official Journal L 187 , 10/07/2001 P. 0001 - 0003


Ir-Regolament (KE) Nru 1386/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tal-5 ta’ Ġunju 2001

li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għal persuni mpjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, u (KEE) Nru 574/72 li jsemmi l-proċedura għat-twettiq tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71

(Test b’relevanza ghaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 42 u 308 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni [1], mibgħuta wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni Amministrattiva dwar is-Sigurtà Soċjali għall-Ħaddiema Migranti,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Waqt li jagħmel dan skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3],

Billi:

(1) Jixraq li jsiru emendi għar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 [4] u (KEE) Nru 574/72 [5]. Dawn l-emendi huma marbuta ma’ tibdiliet li Stati Membri għamlu għal-liġijiet tagħhom dwar is-sigurtà soċjali.

(2) Wara n-notifika mill-Gvern Franċiż lill-President tal-Kunsill ta’ stqarrija li jagħmel ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 applikabbli għaż-żewġ skemi ta’ pensjonijiet supplimentari Franċiżi ARRCO u AGIRC, jidher xieraq li tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament għall-iskemi permezz taż-żjieda ta’ punti ġodda fl-Anness IV, it-Taqsima Ċ u fl-Anness VI tagħhom, l-aktar biex titqies in-natura supplimentari ta’ dawn l-iskemi mqabbla ma’ l-iskemi bażiċi, u minħabba li l-benefiċċji li jagħtu jinħaddmu fuq il-bażi tan-numru ta’ punti ta’ pensjoni miksuba, mingħajr ma jitqiesu l-perjodi magħmula.

(3) Jixraq li jkun iċċarat illi taħt l-iskema ta’ għajnuna speċjali statutorja ta’ l-Awstrija benefiċċji għandhom jingħataw skond id-dispożizzjonijiet tat-Titolu III tal-Kapitolu 3 tar-Regolament (KEE) 1408/71.

(4) Biex titqies is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tal-11 ta’ Ġunju, 1998, fil-kawża C-275/96 Kuusijärvi v Riksförsäkringsverket [6], it-Taqsima "N. L-ISVEZJA" ta’ l-Anness VI għandha tkun emendata.

(5) Jixraq li jkun emendat l-Artikolu 34(5) tar-Regolament (KEE) Nru 574/72 biex jinfired mill-Artikolu 34(4), u għalhekk ma jibqax jirreferi aktar għall-proċedura ta’ rimborż skond massimu meta l-ispejjeż isiru matul waqfien fi Stat Membru li ma jkollux rati għar-rimborż.

(6) Jeħtieġ li jkun emendat l-Artikolu 93(1) tar-Regolament (KEE) Nru 574/72 biex jitqies ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 307/1999 [7], li jestendi r-Regolament (KEE) Nru 1408/71 għal studenti.

(7) Jixraq li jkun emendat l-Artikolu 107 tar-Regolament (KEE) Nru 574/72 wara li daħal l-ewro fl-1 ta’ Jannar 1999.

(8) Biex jinkiseb l-għan tal-moviment liberu tal-ħaddiema, jeħtieġ u jixraq li jkunu emendati r-regoli li għandhom x’jaqsmu mal-koordinazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali nazzjonali permezz ta’ strument legali Komunitarju li jkun jorbot u japplika direttament għal kull Stat Membru.

(9) Billi, minbarra l-Artikolu 42, it-Trattat ma jsemmix setgħat, ħlief dawk taħt l-Artikolu 308, biex dan ir-Regolament ikun adottat.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

L-Annessi IIa, IV u VI tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 għandhom ikunu emendati skond l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

L-Artikolu 2

Ir-Regolament (KEE) Nru 574/72 qed ikun emendat kif ġej:

1. L-Artikolu 34(5) għandu jinbidel kif ġej:

"5. Jekk il-liġi ta’ l-Istat tal-waqfa ma jsemmix rati għar-rimborż, l-istituzzjoni kompetenti tista’ tagħmel ir-rimborż skond ir-rati li tuża, mingħajr ma jkun jeħtieġ il-kunsens tal-persuna li jkollha x’taqsam. L-għadd ta’ flus f’rimborż m’għandu qatt jaqbeż l-ammont ta’ l-ispejjeż magħmula."

2. L-Artikolu 93(1) għandu jinbidel kif ġej:

"1. L-għad proprju ta’ benefiċċji innatura mogħtija skond l-Artikolu 19(1) u (2) tar-Regolament lil persuni mpjegati u lil dawk li jaħdmu għal rashom u lil membri tal-familji tagħhom li jkunu joqogħdu fit-territorju ta’ l-istess Stat Membru, u l-benefiċċji innatura mogħtija skond l-Artikoli 21(2), 22, 22a, 22b, 25(1), (3) u (4), 26, 31, 34a jew 34b tar-Regolament, għandhom jintraddu lura mill-istituzzjoni kompetenti lill-istituzzjoni li tkun tat dawk il-benefiċċji kif muri fil-kontijiet ta’ dik l-istituzzjoni."

3. L-Artikolu 107 għandu jkun emendat kif ġej:

(a) Il-paragrafu 1 għandu jinbidel kif ġej:

"1. Għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a) Ir-Regolament: L-Artikolu 12(2), (3) u (4); L-Artikolu 14d(1); L-Artikolu 19(1)(b), l-aħħar sentenza; L-Artikolu 22(1)(ii), l-aħħar sentenza; L-Artikolu 25(1)(b), is-sentenza ta’ qabel ta’ l-aħħar; L-Artikolu 41(1)(ċ) u (d); L-Artikolu 46(4); L-Artikolu 46a(3); L-Artikolu 50; L-Artikolu 52(b), l-aħħar sentenza; L-Artikolu 55(1)(ii), l-aħħar sentenza; L-Artikolu 70(1), l-ewwel sub-paragrafu; L-Artikolu 71(1)(a)(ii) u (b)(ii), is-sentenza ta’ qabel ta’ l-aħħar;

(b) Ir-Regolament li jwettaq: L-Artikolu 34(1), (4) u (5),

ir-rata tal-bdil minn munita għal oħra għandha tkun dik magħmula mill-Kummissjoni u msejsa fuq il-medja ta’ kull xahar, għall-perjodu ta’ referenza msemmi fil-paragrafu 2, ta’ rati ta’ referenza ta’ kambju ta’ flus ippubblikati mill-Bank Ċentrali Ewropew."

(b) Il-paragrafu 3 għandu jitħassar.

L-Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar minn meta jkun ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej

L-Artikolu 1 għandu jibda japplika mill-1 ta’ Jannar, 2000, f’dak li għandu x’jaqsam mat-tibdiliet fit-Taqsima "E. FRANZA" ta’ l-Anness IV, it-Taqsima Ċ, u ta’ l-Anness VI tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u hu applikabbil direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, fil-5 ta’ Ġunju 2001.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

N. Fontaine

Għall-Kunsill

Il-President

L. Engqvist

[1] ĠU C 274 E, tas-26.9.2000, p. 113.

[2] ĠU C 367, ta’ l-20.12.2000, p. 18.

[3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Frar 2001 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-14 ta’ Mejju 2001.

[4] ĠU L 149, tal-5.7.1971, p. 2. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1399/1999 (ĠU L 164, tat-30.6.1999, p. 1).

[5] ĠU L 74, tas-27.3.1972, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1399/1999.

[6] [1998] QE I-3419.

[7] ĠU L 38, tat-12.2.1999, p. 1.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

L-Annessi IIa, IV u VI tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 għandhom ikunu emendati kif ġej:

1. Fl-Anness IIa, fit-Taqsima

"O. IR-RENJU UNIT"

, il-paragrafi (ċ) u (g) għandhom jinbidlu b’dan li ġej:

"(ċ) L-Att dwar Kreditu ta’ Taxxa għal Familji ta’ Ħaddiema (Kontribuzzjonijiet ta Sigurtà Soċjali u Benefiċċji ta’ l-1992, l-Artikolu 123(1)(b), Att dwar Kontribuzzjonijiet ta’ Sigurtà Soċjali u Benefiċċji (Irlanda ta’ Fuq) ta’ l-1992, artikolu 122(1)(b), u Att dwar Krediti ta’ Taxxa ta’ l-1999)."

"(g) Att dwar Kreditu ta’ Taxxa għal Persuna b’ Diżabilità (Kontribuzzjonijiet ta’ Sigurtà Soċjali u Benefiċċji ta’ l-1992, l-Artikolu 123(1)(ċ), l-Att dwar Kontribuzzjonijiet ta’ Sigurtà Soċjali u Benefiċċji (Irlanda ta’ Fuq) ta’ l-1992, L-Artikolu 122(1)(ċ), u l-Att dwar Krediti ta’ Taxxa ta’l-1999)."

2. Fl-Anness IV, it-Taqsima Ċ, it-Taqsima

"E. FRANZA"

, il-kelma

"Xejn"

għandha tinbidel b’dan li ġej:

"L-Applikazzjonijiet kollha għall-benefiċċji ta’ pensjoni jew benefiċċji ta’ min jibqa’ ħaj taħt l-iskemi ta’ pensjoni supplimentari għal impjegati, ħlief għal applikazzjonijiet għal pensjonijiet ta’ l-anzjanità jew tar-romol taħt l-iskema ta’ pensjoni supplimentari għal ħaddiema ta’ l-ajru impjegati fl-avjazzjoni ċivili."

3. L-Annex VI hu b’dan emendat kif ġej:

(a)

It-Taqsima

"E. FRANZA"

għandha tkun emendata kif ġej:

(i)

Fil-punt 3, għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

"Il-kundizzjonijiet ta’ qabel dan għandhom jgħoddu wkoll meta jkunu applikati għal ċittadini ta’ Stati Membri oħra d-dispożizzjonijiet li jħallu ħaddiem impjegat Franċiż li jagħmel xogħol barra minn Franza biex minn jeddu jidħol fi skema ta’ pensjoni supplimentari Franċiża għal ħaddiema impjegati jew direttament jew permezz ta’ min iħaddmu."

(ii)

Il-punt 5 għandu jinbidel kif ġej:

"5. Biex ikun ikkalkulat l-għadd teoretiku msemmi fl-Artikolu 46(2)(a) tar-Regolament, fi skemi bażiċi jew supplimentari li fihom pensjonijiet ta’ l-anzjanità ikunu kkalkulati fuq il-bażi ta’ punti ta’ rtirar, l-istituzzjoni kompetenti għandha tqis, dwar is-snin kollha ta’ assigurazzjoni magħmula taħt il-liġijiet ta’ kull Stat Membru ieħor, l-għadd ta’ punti ta’ rtirar li jkunu ntlaħqu billi tiddividi l-għadd ta’ punti ta’ rtirar miksuba taħt il-liġijiet li hija tapplika bl-għadd ta’ snin li jikkorrispondu għal dawk il-punti."

(iii)

għandu jiżdied dan il-punt li ġej:

"9. Il-liġijiet Franċiżi li japplikaw għal ħaddiem impjegat jew li kien impjegat għall-fini ta’ l-applikazzjoni tal-Kapitolu 3 tat-Titolu III tar-Regolament jitqiesu li japplikaw kemm għal skema jew skemi ta’ assikurazzjoni bażika ta’ l-anzjanità, kif ukoll għal skema jew skemi ta’ pensjoni supplimentari li għalihom il-persuna li jkollha x’taqsam kienet soġġetta."

(b) Fit-Taqsima

"K. L-AWSTRIJA"

, għandu jiżdied il-punt li ġej:

"7. Għajnuna speċjali taħt l-Att dwar l-Għajnuna Speċjali ("Sonderunterstützungsgesetz") tat-30 ta’ Novembru, 1973, għandha titqies bħala pensjoni ta’ l-anzjanità għall-fini ta’ l-applikazzjoni tar-Regolament."

(ċ) Fit-Taqsima

"N. L-ISVEZJA"

, il-punt 1 għandu jinbidel b’dan li ġej:

"1. Biex ikun japplika l-Artikolu 72 tar-Regolament, id-dritt ta’ persuna għall-benefiċċju ta’ ġenitur għandu jkun stabbilit billi jitqiesu l-perjodi ta’ assigurazzjoni magħmula fi Stat Membru ieħor, imsejsa fuq l-istess dħul medju bħal tal-perjodi ta’ assigurazzjoni Svediża li magħhom jingħaddu."

--------------------------------------------------

Top