EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32001L0009

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/9/KE tat-12 ta' Frar 2001 li tadatta għall-progress tekniku d-Direttiva tal-Kunsill 96/96/KE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri rigward it-testijiet relatati ma' kemm il-vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom ikunu tajbin għat-triqTest b'relevanza għaż-ŻEE.

ĠU L 48, 17.2.2001, p. 18–19 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 25/06/2009

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2001/9/oj

32001L0009



Official Journal L 048 , 17/02/2001 P. 0018 - 0019


Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/9/KE

tat-12 ta' Frar 2001

li tadatta għall-progress tekniku d-Direttiva tal-Kunsill 96/96/KE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri rigward it-testijiet relatati ma' kemm il-vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom ikunu tajbin għat-triq

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 96/96/KE ta' l-20 ta' Diċembru 1996 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri relatati mat-testijiet dwar kemm il-vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom ikunu tajbin għat-triq [1], kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/52/ KE [2], u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha,

Billi:

(1) Il-programmi dwar iż-żejt tal-karozzi, li kienu nbdew fl-1992 biex jipprovdu l-pedament ta' l-analiżi għall-iffissar tan-normi ta' l-emissjoni mill-vetturi u l-kwalità tal-karburanti għas-sena 2000 u warajha biex jinkisbu livelli għall-kwalità ta' l-arja b'attenzjoni partikolari biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tat-trasport fit-triq, identifikaw in-normi tal-manutenzjoni tal-vetturi bil-mutur bħala fattur prinċipali ta' l-effett tat-traffiku fuq il-kwalità ta' l-arja.

(2) Id-Direttiva 96/96/ KE tispeċifika t-testijiet li għandhom isiru fl-ispezzjonijiet ta' kull tant żmien biex jiġi vverifikat jekk l-emissjonijiet minn vetturi mmexxija kemm bil-petrol kif ukoll bid-diżil ikunux għadhom fil-limiti aċċettabbli.

(3) Il-kontenut tal-karbonju monossidu ta' l-emissjonijiet ta' egżost tal-vetturi li jaħdmu bil-petrol mgħammra b'ċerti sistemi ta' emissjoni ta' egżost wara t-trattament (tan-norma Euro 1) jeħtieġ li jiġi ttestjat kemm b'veloċitajiet tal-magna baxxi kif ukoll għolja.

(4) Id-Direttiva 98/69/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 1998 relatata mal-miżuri li għandhom jittieħdu kontra t-tniġġis ta' l-arja minn emissjonijiet minn vetturi bil-mutur u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 70/220/KEE [3] teħtieġ l-introduzzjoni, mis-sena 2000, ta' sistema ta' dijanjosi abbord (OBD) fil-każ tal-karozzi li jaħdmu bil-petrol u l-vetturi kummerċjali ħfief biex jiġi immonitorjat il-funzjonament tas-sistema tal-kontroll ta' l-emissjoni waqt l-użu tal-vettura. Bl-istess mod, is-sistemi OBD ikunu meħtieġa għall-vetturi ġodda diżil mill-2003.

(5) L-iżvilupp tad-OBDs li jkunu kapaċi li jimmonitorjaw u jirrekordjaw id-difetti fil-vettura waqt li din tkun qiegħda taħdem għandu jnaqqas il-marġini bejn il-kundizzjonijiet tat-test u kif attwalment ikun l-operat fil-futur.

(6) Din id-Direttiva telimina l-ħtieġa li l-vetturi li jaħdmu bil-petrol jiġu ttestjati waqt li l-veloċità tal-magna tkun baxxa biex b'hekk titnaqqas il-komplessità tat-test, iżda tiżdied l-eżattezza permezz ta' l-immonitorjar tal-funzjonament tas-sistema OBD tal-vettura.

(7) Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-kumitat favur l-addattazzjoni għall-progress tekniku tad-Direttiva dwar it-testijiet relatati ma' kemm il-vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom ikunu tajbin għat-triq kif stabbilit bl-Artikolu 8 tad-Direttiva 96/96/ KE,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Id-Direttiva 96/96/ KE qiegħda tiġi emendata kif imniżżel fl-Anness li jinsab ma' din id-Direttiva.

L-Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma' din id-Direttiva mill-inqas sena wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva. Dawn għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.

Fejn l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'dik ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir dik ir-referenza.

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva.

L-Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum li jiġi wara dak li fih tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-12 ta' Frar 2001.

Għall-Kummissjoni

Loyola De Palacio

Viċi-President

[1] ĠU L 46, tas-17.2.1997, p. 1.

[2] ĠU L 142, tal-5.6.1999, p. 26.

[3] ĠU L 350, tat-28.12.1998, p. 1.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

Il-Punt 8.2.1(b)(4) ta' l-Anness II mad-Direttiva 96/96/KE qiegħed jinbidel b'dan li ġej:

"4. L-emissjonijiet mill-pajp ta' l-egżost - il-valuri limitattivi

(a) Il-kejl tal-veloċità tal-magna meta mhix qed tiġi misjuqa:

Il-kontenut massimu permissibbli tal-kontenut ta' CO fil-gassijiet ta' l-emissjoni ta' egżost huwa dak iddikjarat mill-manifatturier tal-vettura. Fejn dan it-tagħrif ma jkunx disponibbli, il-kontenut massimu tal-CO m'għandux jeċċedi l-0,5 % vol.

(b) Il-kejl tal-veloċità tal-magna għolja meta mhix qed tiġi misjuqa, din il-veloċità tal-magna għandha tkun ta' l-anqas 2000 2000 revs/min.:

Il-kontenut massimu permissibbli ta' CO fil-gassijiet ta' l-emissjoni ta' egżost huwa dak iddikjarat mill-manifatturier tal-vettura f'veloċità tal-magna għolja waqt li ma tkunx qed tiġi misjuqa. Fejn dan it-tagħrif ma jkunx disponibbli, il-kontenut massimu tal-CO m'għandux jeċċedi l-0,3 % vol.

Il-proporzjon bejn l-arja/il-karburanti, Lambda għandu jkun = 1 ± 3 % jew skond l-ispeċifikazzjonijiet tal-manifatturier.

(ċ) Fil-każ tal-vetturi mgħammra b'sistemi ta' dijanjosi abbord skond id-Direttiva 98/69/KE, l-Istati Membri jistgħu bħala alternattiva għat-test speċifikat fil-partita (a) jistabilixxu l-funzjonament korrett tas-sistema ta' l-emissjoni permezz tal-qari addattat tal-mekkaniżmu DA u u permezz ta' l-iċċekkjar simultanju tal-funzjonament tajjeb tas-sistema OBD."

--------------------------------------------------

Top