Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32000R1916

    Ir-Regolament Tal-Kummissjoni (KE) Nru 1916/2000 tat-8 ta’ Settembru 2000 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 530/1999 li jirrigwarda l-istatisiki strutturali dwar il-qligħ u dwar in-nefqiet fuq ix-xogħol rigward id-definizzjoni u t-trasmissjoni tat-tagħrif dwar l-istruttura tal-qligħTest b'relevanza għaż-ŻEE.

    ĠU L 229, 9.9.2000, p. 3–13 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/01/2014

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2000/1916/oj

    32000R1916

    Ir-Regolament Tal-Kummissjoni (KE) Nru 1916/2000 tat-8 ta’ Settembru 2000 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 530/1999 li jirrigwarda l-istatisiki strutturali dwar il-qligħ u dwar in-nefqiet fuq ix-xogħol rigward id-definizzjoni u t-trasmissjoni tat-tagħrif dwar l-istruttura tal-qligħTest b'relevanza għaż-ŻEE.

    Official Journal L 229 , 09/09/2000 P. 0003 - 0013
    CS.ES Chapter 05 Volume 04 P. 36 - 47
    ET.ES Chapter 05 Volume 04 P. 36 - 47
    HU.ES Chapter 05 Volume 04 P. 36 - 47
    LT.ES Chapter 05 Volume 04 P. 36 - 47
    LV.ES Chapter 05 Volume 04 P. 36 - 47
    MT.ES Chapter 05 Volume 04 P. 36 - 47
    PL.ES Chapter 05 Volume 04 P. 36 - 47
    SK.ES Chapter 05 Volume 04 P. 36 - 47
    SL.ES Chapter 05 Volume 04 P. 36 - 47


    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1916/2000

    tat-8 ta’ Settembru 2000

    dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 530/1999 li jirrigwarda l-istatisiċi strutturali dwar il-qligħ u dwar in-nefqiet fuq ix-xogħol rigward id-definizzjoni u t-trasmissjoni tat-tagħrif dwar l-istruttura tal-qligħ

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkonsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 530/1999 tad-9 ta’ Marzu 1999 li jirrigwarda l-istatistiċi strutturali dwar il-qligħ u n-nefqiet fuq ix-xogħol [1] u b’mod partikolari l-Artikolu 11 tiegħu,

    Billi:

    (1) Skond l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 530/1999 jinħtieġu miżuri ta’ implimentazzjoni li jirrigwardaw id-definizzjoni u l-analiżi statistika tat-tagħrif li jiġi pprovdut u l-format tekniku xieraq għat-trasmissjoni tar-riżultati.

    (2) Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni mogħtija mill-Kumitat tal-Programm Statistiku, stabbilit bid-deċizjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom [2],

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    L-Artikolu 1

    Id-definizzjoni u l-analiżi statistika tat-tagħrif

    Skond l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 530/1999 l-Istati Membri għandhom jipprovdu t-tagħrif dwar il-varjabbli mniżżla fil-lista fl-Anness 1 mar-Regolament preżenti.

    Għal dan il-għan, id-definizzjonijiet tal-varjabbli huma stabbiliti fl-Anness II mar-Regolament preżenti.

    L-Artikolu 2

    Il-format tekniku għat-trasmissjoni tar-riżultati

    Il-format tekniku xieraq li jrid jiġi użat għat-trasmissjoni tar-riżultati huwa stabbilit fl-Anness III mar-Regolament preżenti.

    L-Artikolu 3

    Id-dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Kommunitajiet Ewropej.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, fit-8 ta’ Settembru 2000.

    Għall-Kummissjoni

    Pedro Solbes Mira

    Membru tal-Kummissjoni

    [1] ĠU L 63, tat-12.3.1999, p.6.

    [2] ĠU L 181, tat-28.6.1989, p.47.

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS I

    LISTA TAL-VARJABBLI

    1. It-tagħrif li għandu x’jaqsam mal-unità lokali li magħha jkunu marbuta l-impjegati fil-kampjuni.

    1.1. Ir-reġjun skond in-nomenklatura ta’ l-unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS).

    1.2. Id-daqs ta’ l-intrapriża li għaliha tappartjeni l-unità lokali.

    1.3. L-attività ekonomika skond il-klassifika ġenerali industrijali ta’ l-attiviatajiet ekonomiċi ġewwa l-Komunitajiet Ewropej (NACE Rev. 1) stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 [1].

    1.4. Il-għamla tal-kontroll ekonomiku u finanzjarju fit-tifsira tad-Direttiva tal-Kummissjoni 80/723KEE [2].

    1.5. L-eżistenza ta’ xi ftehim kollettiv dwar is-salarji li jkopri l-maġġoranza ta’ l-impjegati fl-unità ta’ l-osservazzjoni.

    1.6. In-numru totali ta’ l-impjegati fl-unità lokali (mhux obbligatorju).

    1.7. Is-suq prinċipali għall-prodotti ta’ l-intrapriża (mhux obbligatorju).

    1.8. Id-daqs tal-grupp ta’ l-intrazprizi (mhux obbligatorju).

    1.9. Il-pajjiż tar-residenza ta’ l-entità li tikkontrolla l-grupp ta’ l-intrapriżi (mhux obbligatorju).

    2. It-tagħrif li għandu x’jaqsam ma’ kull impjegat fil-kampjun.

    2.1. Is-sess.

    2.2. L-età

    2.3. Il-mestier skond il-Klassifika Standard Internazzjonali dwar il-Mestieri [ISCO- 88 (COM)].

    2.4. Il-pożizzjoni tal-management jew il-pożizzjoni ta’ min jissorvelja (mhux obbligatorju).

    2.5. L-ogħla livell ta’ edukazzjoni u tat-taħriġ kompletati skond il-Klassifika Standard Internazjonali ta’ Edukazzjoni (ISCED 97).

    2.6. It-tul tas-servizz fl-intrapriża.

    2.7. Jekk ix-xogħol hux full-time jew part-time.

    2.8. It-tip tal-kuntratt tax-xogħol.

    2.9. Iċ-ċittadinanza (mhux obbligatorju).

    2.10. Kopert bi skema tal-gvern imfassla biex tippromwovi x-xogħol (mhux obbligatorju).

    2.11. Is-snin ta’ l-interruzzjoni fil-karriera korrenti fl-intrapriża (mhux obbligatorju).

    3. Tagħrif li għandu x’jaqsam mad-dħul tal-flus, is-sigħat imħallsa u l-ġranet mhux maħduma

    3.1. Id-dħul totali tal-flus għal xahar rappreżentattiv.

    3.1.1. Id-dħul tal-flus li għandu x’jaqsam max-xogħol wara l-ħin.

    3.1.2. Ħlasijiet speċjali għal xogħol bix-shift.

    3.2. Id-dħul gross annwali tal-flus fis-sena tar-referenza.

    3.2.1. In-numru tal-ġimgħat / xhur li għalihom jirrelata d-dħul gross annwali tal-flus.

    3.2.2. It-total tal-bonusijiet annwali.

    3.2.2.1. Il-bonusijiet regolari mhux imħallsa f’kull wieħed mill-perjodu taż-żmien tal-paga (mhux obbligatorju).

    3.2.2.2. Il-bonusijiet annwali ibbażati fuq il-produttività (mhux obbligatorju).

    3.2.2.3. Il-primjumijiet annwali li għandhom x’jaqsmu mat-taqsim bejn xulxin tal-profitti (mhux obbligatorju).

    3.3. Il-kontribuzzjonijiet soċjali obbligatorji u t-taxxi mħallsa minn min jimpjega f’isem l-impjegat (mhux obbligatorju).

    3.3.1. Il-kontribuzzjonijiet obbligatorji tas-sigurtà soċjali (mhux obbligatorju).

    3.3.2. It-taxxi (mhux obbligatorju).

    3.4. In-numru ta’ sigħat imħallsa matul ix-xahar rappreżentattv (jew f’xahar standard tax-xogħol).

    3.4.1. In-numru ta’ sigħat tax-xogħol wara l-ħin imħallsa fix-xahar rapreżentattiv.

    3.5. Il-ġranet annwali ta’ assenza.

    3.5.1. Il-ġranet annwali ta’ leave (bl-esklużjoni tal-ġranet ta’ leave minħabba l-mard).

    3.5.2. Il-ġranet annwali ta’ leave minħabba l-mard (mhux obbligatorju).

    3.5.2.1. Il-ġranet annwali ta’ leave minħabba l-mard imħallsa minn min jimpjega (mhux obbligatorju).

    3.5.2.2. Il-ġranet annwali ta’ leave minħabba l-mard mhux imħallsa minn min jimpjega (mhux obbligatorju).

    3.5.3. Il-ġranet annwali ta’ taħriġ vokazzjonali (mhux obbligatorju).

    3.6. L-istima annwali ta’ ħlas innatura(mhux obbligatorju).

    4. Fatturi li jiggrossjaw it-total.

    4.1. Il-fattur li jiggrossja l-unità lokali.

    4.2. Il-fattur li jiggrossja l-impjegati.

    [1] ĠU L 293, ta’ l-24.10.1990, p. 1.

    [2] ĠU L 195, tad-29.7.1980, p. 35.

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS II

    DEFINIZZJONI TAL-VARJABBLI

    1. It-tagħrif li għandu x’jaqsam ma’ l-unità lokali li magħha huma mqabbda l-impjegati fil-kampjuni.

    Il-kompilazzjoni ta’ l-istatistiċi strutturali dwar il-qligħ tal-flus għandha tkun ibbażata fuq l-unitajiet lokali u l-intrapriżi kif definit fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 696/93 [1] u għandha tipprovdi t-tagħrif dwar l-impjegati fl-intrapriżi ta’ 10 ħaddiema jew aktar ikkassifikati skond id-daqs u l-attività prinċipali. L-istatistiċi għandhom ikopru l-attivitajiet iddefiniti fit-taqsimiet Ċ, D, E, F, G, H, I, J, K, M, N, u O tal-klassifika ġenerali industrijali ta’ l-attivitajiet ekonomiċi ġewwa l-Komunitajiet Ewropej (minn issa ’l quddiem in-"NACE Rev. 1"). L-attivitajiet M, N u O madanakollu, mhumiex obbligatorji għas-sena 2001/02.

    1.1. Ir-reġjun fejn tinsab l-unità lokali skond in-nomenklatura ta’ l-unitajiet territorjali ta’ l-statistika territorjali (NUTS) fil-livell 1.

    1.2. Id-daqs ta’ l-intrapriża li għaliha tappartjieni l-unità lokali klassifikata bħala waħda milli ġejjin: 10-49, 50-249, 250-499, 500-999, 1000 impjegat u aktar.

    1.3. L-attività ekonomika ta’ l-unita lokali kkodifikata fil-livell ta’ Taqsima fin-NACE Rev. 1.

    1.4. Il-għamla tal-kontroll ekonomiku u finanzjarju fit-tifsira tad-Direttiva 80/723KEE.

    Fit-tifsira tad-Direttiva 80/723/KEE (dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-intrapriżi pubbliċi), "intrapriża pubblika" tfisser kull intrapriża li fuqha l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jeżerċitaw direttament jew indirettament influwenza dominanti bis-saħħa tal-pussess tagħhom fuqha, bil-parteċipazzjoni finanzjarja tagħhom fiha, jew bir-regoli li jirregolawha.

    Influwenza dominanti (jew kontroll) min-naħa ta’ l-awtoritajiet pubbliċi għandha tiġi preżunta meta dawn l-awtoritajiet direttament jew indirettament f’relazzjoni ma’ intrapriża:

    - ikollhom il-parti l-kbira tal-kapital sottoskritt ta’ l-intrapriża (>50 %), jew

    - jikkontrollaw il-maġġoranza tal-voti marbuta ma’ l-ishma maħruġa mill-intrapriżi jew jistgħu jaħtru aktar min-nofs il-membri ta’ l-amministrazzjoni ta’ l-intrapriża, tal-korp maniġerjali jew tas-sorveljanza.

    Għalbiex tiġi identifikata l-entità attwali tal-kontroll, huwa meħtieġ illi tiġi analizzata s-sensiela sħiħa tal-pussess jekk jinħtieġ.

    In-natura tal-kontroll eżerċitata fuq l-intrapriża għandha tiġi kkodifikata skond il-kategoriji li ġejjin:

    - il-kontroll pubbliku,

    - il-kontroll privat,

    - il-kontroll fl-ishma.

    1.5. L-eżistenza ta’ ftehimijiet kollettivi dwar il-pagi li jkopru l-maġġoranza ta’ l-impjegati fl-unità ta’ l-osservazzjoni:

    Il-ftehimijiet kollettivi dwar il-pagi jistgħu ikunu:

    - ftehim fuq il-livell nazzjonali, jew interkonfederali, li jkopri l-ħaddiema fuq kull naħa ta’ firxa wiesgħa ta’ industriji differenti, u li s-soltu jkunu ffirmati minn konfederazzjoni jew iktar ta’ trejdunjonijiet u minn organizzazzjoni nazzjonali jew iktar ta’ min iħaddem,

    - ftehim industrijali, li jistabbilixxi t-termini u l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg għall-ħaddiema u l-impjegati kollha jew il-biċċa l-kbira minnhom f’industrija individwali jew f’settur ekonomiku,

    - ftehim għall-industriji individwali f’reġjunijiet individwali;

    - ftehim ta’ intrapriża, jew ta’ wieħed li jħaddem, li jkopri biss lil dawk il-ħaddiema li jaħdmu ma’ l-istess persuna li timpjegahom, bla ma jingħata każ tad-daqs. Il-ftehim jista’ jkopri biss ċerti unitajiet lokali, jew gruppi ta’ impjegati ġewwa l-intrapriża,

    - ftehim li japplika biss għall-ħaddiema f’din l-unità lokali,

    - kull xorta oħra ta’ ftehim mhux kopert hawn fuq,

    Risposta fl-affermattiv għandha tingħata meta aktar minn 50 % ta’ l-impjegati fl-unità lokali jkunu koperti b’wieħed mill-ftehimijiet kollettivi dwar il-pagi msemmija hawn fuq.

    L-uffiċċji nazzjonali jistgħu, minflok li jistaqsu għat-tip ta’ ftehim kollettiv jistaqsu liema dispożizzjonijiet kollettivi jiġu applikati u, fuq il-bazi tat-tweġibiet, jistabbilixxu t-tip tal-ftehim kollettiv.

    1.6. In-numru totali ta’ l-impjegati fl-unità lokali (mhux obbligatorju):

    In-numru ta’ l-impejgati għandu jkun konformi mat-tagħrif kontenut fir-reġistru tan-negozju mizmum għall-għanijiet ta’ l-istatistika.

    1.7. Is-suq prinċipali għall-prodotti ta’ l-intrapriża (mhux obbligatorju):

    It-tagħrif għandu jiġi mis-suq prinċipali tal-prodotti ta’ l-intrapriża, ikkodifikat kif ġej:

    - is-suq lokali jew reġjonali,

    - is-suq nazzjonali,

    - is-suq ta’ l- Unità Ewropea,

    - is-suq dinji.

    Il-għan hu biss sabiex jiġi stabbilit liema hu l-akbar suq (tweġiba waħda biss).

    1.8. Id-daqs tal-grupp ta’ l-intrapriżi (mhux obbligatorju):

    Il-grupp ta’ l-intrapriżi huwa unità statistika ddefinita fir-Regolament (KEE) Nru 696/93 dwar l-unitajiet statistiċi. Il-grupp ta’ l-intrapriżi għandu jitqies fuq il-livell dinji. Fil-biċċa l-kbira tal-kazi l-unità tappartjieni għal intrapriża li ma tkun ikkontrollata minn ebda grupp nazzjonali jew barrani. Meta l-unitajiet lokali jappartjienu għall-grupp ta’ intrapriżi, dan ikun ġeneralment magħruf sew. Linja-gwida prattika li tista tingħata lil min iwieġeb hija jekk il-kontijiet ta’ l-intrapriżi tiegħu ikunux ikkonsolidati fil-kontijiet tal-grupp tagħha ta’ intrapriżi.

    1.9. Il-pajjiż ta’ residenza ta’ l-entità li tikkontrolla l-grupp ta’ l-intrapriżi (mhux obbligatorju):

    L-entità li tikkontrolla l-grupp ta’ l-intrapriżi hija l-unità legali li teżerċita l-kontroll attwali fis-sens tas-Sistema tal-Kontijiet Nazzjonali ta’ l-1993, il-Kapitolu 4.30. Għandu jiġi rreġistrat il-pajjiż fejn tkun lokata din l-entità. F’ħafna każi, dan il-pajjiż huwa l-istess bħall-pajjiż fejn tkun lokata l-unità lokali li tkun qiegħda tiġi rriveduta. Bħala linja-gwida prattika, għandu jiġi rreġistrat il-pajjiż tar-residenza ta’ l-unità legali li tkun ippubblikat il-kontijiet ikkonsolidati għall-grupp kollu.

    2. It-tagħrif li għandu x’jaqsam ma’ kull impjegat fil-kampjun.

    L-impjegati huma l-persuni kollha li għandhom kuntratt tax-xogħol ma’ l-intrapriża jew l-unità lokali u li jirċievu rimunerazzjoni, irrispettivament mit-tip tax-xogħol magħmul, in-numru tas-sigħat maħduma fuq xogħol full-time jew part-time u t-tul taż-zmien tal-kuntratt (fiss jew indefinit). Il-ħaddiema li jaħdmu fuq barra [2] għandhom ikunu inklużi biss jekk ikun hemm ftehim espliċitu illi l-ħaddiem li jaħdem fuq barra jitħallas fuq il-bażi ta’ l-ammont tas-sigħat li jkunu inħadmu. L-apprentisti u dawk li jkunu fuq it-taħriġ għandhom jiġu inklużi.

    Għandhom jiġu esklużi l-kategoriji li ġejjin:

    - il-ħaddiema tal-familja,

    - il-ħaddiema li jaħdmu fuq barra li jkunu mħallsa fuq il-bażi tal-prodott jew tas-servizz li jagħtu,

    - il-ħaddiema okkazjonali (i.e. li jkunu mpjegati mingħajr sigħat ta’ xogħol pre-definiti),

    - il-ħaddiema temporanji (impjegati minn / f’aġenziji. Jekk l-aġenzija li timpjegahom hija l-unità stess ta’ l-osservazzjoni fil-kampjun, allura dawn għandhom jiġu inklużi),

    - il-persuni rimunerati għal kollox permezz ta’ piżijiet, jew kummissjoni,

    - il-membri tal-bord tad-diretturi ta’ l-intrapriża,

    - is-sidien mhux imħallsa, id-diretturi jew il-managers (imħallsa permezz ta’ sehem fil-qligħ jew b’onorarju),

    - il-ħaddiema ta’ l-unità ta’ l-osservazzjoni li jaħdmu b’mod permanenti (għal aktar minn sena) f’kumpanija affiljata li tinsab barra mill-pajjiż,

    - il-ħaddiema volontarji.

    2.1. Is-sess.

    2.2 L-età fi snin sħaħ fil-jum speċifikat tax-xahar rappreżentattiv.

    2.3. Il-mestier skond il-Klassifika Internazzjoni Standard tal-Mestieri (ISCO- 88 (COM)):

    Il-mestier għandu jiġi kkodifikat skond il-klassifika ta’ l-ISCO- 88 (COM) b’minimu ta’ żewġ ċifri diġitali u jekk possibbli fil-livell tat-tliet ċifri diġitali.

    L-apprentisti u dawk fuq it-taħriġ b’kuntratt tax-xogħol jiġu kklassifikati skond il-mestier li jwettqu waqt il-perjodu taż-żmien ta’ l-apprentistat jew tat-taħriġ tagħhom.

    Il-mestier "Maniġerjali u professjonali" (kodiċi P1–2) tipikament jinvolvi firxa wiesgħa ta’ xogħlijiet assoċjati mal-pjanifikazzjoni, id-direzzjoni u l-koordinament tal-funzjonament tan-negozju, li jinkludi d-dipartimenti u t-taqsimiet interni, spiss bil-għajnuna tal-managers u s-sorveljaturi sekondarji.

    Il-persuni li jaħdmu f’post maniġerjali jkunu s-soltu jeħtieġu ammont sinifikanti ta’ tagħrif u esperjenza fil-proċess tal-produzzjoni u/jew tal-ħtiġijiet tas-servizz u tal-proċeduri amministrattivi assoċjati mal-funzjonament effiċjenti ta’ l-organizzazzjonijiet u n-negozji.

    Sabiex jipprovdu l-mestier, l-uffiċċji nazzjonali jistgħu jistaqsu, għall-grupp tal-paga jew tas-salarju miftiehma li għalihom jappartjieni l-impjegat, il-kodiċi amministrativ tax-xogħol attwali (dawn il-kodiċijiet huma disponibbli fl-unitajiet lokali), u jekk l-impegati humiex assigurati f’assigurazzjoni għall-pensjonijiet għall-ħaddiema bil-paga jew bis-salarju.

    2.4. Il-pożizzjoni tal-korp maniġerjali jew il-pożizzjoni tal-korp tas-sorveljanza (mhux obbligatorju).

    Il-varjabbli tindika jekk impjegat għandux xi forma ta’ funzjoni maniġerjali (= iva) jew ma għandux (= le). Dawn l-impjegati jistgħu ma jkunux ikklassifikati bħala managers fil-klassifika ta’ l-ISCO- 88(COM) (il-grupp maġġuri 1) iżda jistgħu madankollu jġorru responsabbilitajiet ta’ maniġġjar jew ta’ sorveljanza fuq grupp ta’ impjegati oħra. Tipikament din il-persuna jista’ jkollha d-deskrizzjoni tax-xogħol tagħha bħala "foreman" jew "ta’ sorvljanza" flimkien ma’ l-isem tal-mestier.

    2.5. L-ogħla livell kompletat ta’ edukazzjoni u taħriġ [3] skond l-ISCED 97.

    Irid jinġabar it-tagħrif li jirrigwarda l-livell ta’ l-edukazzjoni ġenerali, professjonali jew għolja li l-impjegat ikun irċieva skond il-għamla tal-gruppi ta’ l-ISCED li ġejjin:

    L-ISCED 0 u 1 (kodiċi 01)

    0 — L-EDUKAZZJONI Ta’ QABEL IL-PRIMARJA u 1 — L -EDUKAZZJONI PRIMARJA JEW L-EWWEL STADJU Ta’ L-EDUKAZZJONI BAŻIKA

    Il-programmi fil-livell 1 huma normalment imfassla fuq il-bażi ta’ l-unità jew ta’ proġett sabiex jagħtu lit-tfal edukazzjoni bażika soda fil-qari, il-kitba u l-matematika flimkien ma’ kapaċità elementari li jifhmu suġġetti oħra bħall-istorja, il-ġografija, ix-xjenza naturali, ix-xjenza soċjali, l-arti u l-mużika. Dan il-livell ikopri, fil-prinċipju, sitt snin ta’ skola full-time.

    L-ISCED 2 (kodiċi 02)

    2 — IL-LIVELL IL-BAXX Ta’ L-EDUKAZZJONI SEKONDARJA JEW IT-TIENI STADJU Ta’ L-EDUKAZZJONI BAŻIKA

    Il-programmi f’dan il-livell is-soltu jkunu fuq mudell aktar orjentat lejn is-suġġeti billi jiġu użati għalliema iktar speċjalizzati u aktar spiss numru ta’ għalliema li jmexxu l-klassijiet fil-qasam ta’ l-ispeċjalizzazzjoni tagħhom. L-implementazzjoni sħiħa tal-ħiliet bażiċi tiġri f’dan il-livell.

    L-ISCED 3

    3 — EDUKAZZJONI SEKONDARJA OGĦLA (il-kodiċi 03, l-ebda distinzjoni a, b jew ċ ma hi possibli)

    Il-programmi ta’ l-edukazzjoni inklużi f’dan il-livell jeħtieġu t-tkomplija ta’ madwar 9 snin ta’ edukazzjoni full—time (sa mill-bidu tal-livell 1) jew il-kombinazzjoni ta’ l-edukazzjoni ma’ esperjenza vokazzjonali teknika.

    3A — Edukazzjoni sekondarja għolja — ġenerali (mhux obbligatorju) (il-kodiċi 04)

    3B — Edukazzjoni sekondarja għolja — teknika (mhux obbligatorju) (il-kodiċi 05)

    3Ċ — Edukazzjoni sekondarja għolja (inqas minn tliet snin) — orjentata lejn is-suq tax-xogħol (mhux obbligatorju) (il-kodiċi 06)

    3Ċ — Edukazzjoni sekondarja għolja (ta’ tliet snin jew iktar) — orjentata lejn is-suq tax-xogħol (mhux obbligatorju) (il-kodiċi 07)

    L-ISCED 4 (il-kodiċi 08)

    4 — EDUKAZZJONI POST-SEKONDARJA U MHUX TERZJARJA

    Taħt din l-intestatura jidħlu l-programmi li jinsabu kemm fuq in-naħa l-waħda u kemm fuq in-naħa l-oħra tal-konfini bejn l-edukazzjoni sekondarja għolja u dik post sekondarja mill-aspett internazzjonali, saħansitra għalkemm jistgħu jitqiesu b’mod ċar bħala programmi sekondarji għolja jew post-sekondarji fil-kuntest nazzjonali. Dawn il-programmi jistgħu, meta jitqies il-kontenut tagħhom, ma jiġux meqjusa bħala programmi terżjarji. Huma ta’ spiss mhux aktar avanzati b’mod sinifikattiv mill-programmi fl-ISCED 3 iżda jservu sabiex iwessgħu it-tagħrif tal-parteċipanti li kunu diġà komplew programm fil-livell 3.

    Eżempji tipiċi huma l-programmi mfassla sabiex iħejju lill-istudenti għall-istudji tal-livell 5 li, għalkemm ikunu komplew il-livell 3 ta’ l-ISCED, ma jkunux segwew kurrikulu li jippermetti d-dħul għall-livell 5, i.e. korsijiet bażiċi ta’ qabel il-korsijiet għal grad universitarju jew programmi qosra vokazzjonali. Jistgħu jiġu inklużi ukoll programmi tat-tieni ċiklu.

    L-ISCED 5B (kodiċi 09)

    5B — L-EWWEL STADJU Ta’ L-EDUKAZZJONI TERZJARJA (LI MA JWASSALX DIRETTAMENT GĦAL KWALIFIKA Ta’ RIĊERKA AVVANZATA) — Tekniku

    Imqabbla mal-5A dawn il-programmi huma orjentati lejn il-prattika/mestier u fil-biċċa l-kbira huma mfassla għall-parteċipanti sabiex jakkwistaw il-ħiliet prattiċi u t-tagħrif tas-sengħa meħtieġa għal impjieg f’mestier jew sengħa jew fi klassi ta’ mestieri jew snajja’ partikolari li wara li jkunu ġew mitmuma b’suċċess is-soltu jipprovdi lill-pareteċipanti bi kwalifika rilevanti orjentata lejn is-suq tax-xogħol.

    L-ISCED 5A (kodiċi 10)

    5A — L-EWWEL STADJU Ta’ L-EDUKAZZJONI TERZJARJA (LI MA JWASSALX DIRETTAMENT GĦAL KWALIFIKA Ta’ RIĊERKA AVVANZATA) — Ġenerali

    Dan il-livell jikkonsisti fi programmi terzjarji li jkun fihom kontenut ta’ edukazzjoni aktar avvanzat minn dawk offruti fil-livelli 3 u 4. Id-dħul f’dawn il-programmi normalment ikun jeħtieġ it-tkomplija b’suċċess tal-livelli 3A jew 3B ta’ l-ISCED jew kwalifika simili fil-livell 4A ta’ l-ISCED. Ma jwasslux għall-għotja ta’ kwalifika ta’ riċerka avvanzata. Dawn il-programmi irid ikollhom tul kumulattiv ta’ żmien ta’ mill-inqas sentejn. Il-programmi tal-livell 5A huma fil-biċċa l-kbira bbażati fuq it-teorija u huma maħsuba li jipprovdu kwalifiki suffiċjenti sabiex jiksbu d-dħul fi programmi ta’ riċerka avvanzata u l-professjonijiet bi ħtiġiet għolja tas-sengħa.

    L-ISCED 6 (kodiċi 11)

    6 — IT-TIENI STADJU Ta’ L-EDUKAZZJONI TERZJARJA (LI TWASSAL GĦAL KWALIFIKA Ta’ RIĊERKA AVVANZATA)

    Dan il-livell huwa riservat għall-programmi terzjarji li jwasslu għall-għoti ta’ kwalifika fir-riċerka avvanzata. Il-programmi huma għalhekk iddedikati għall-istudju avvanzat u r-riċerka oriġinali u mhumiex ibbażati fuq ix-xogħol tal-kors/ijiet biss. Dawn tipikament ikunu jeħtieġu s-sottomissjoni ta’ teżi jew dissertazzjoni tal-kwalità li tista’ tiġi ppubblikata li hi l-prodott ta’ riċerka oriġinali u li tirrappreżenta kontribuzzjoni sinifikanti għall-għerf.

    2.6. It-tul tas-servizz fl-intrapriża:

    It-tul tas-servizz huwa definit bħala n-numru tas-snin intieri maħduma ma’ min iħaddem korrentement lill-persuna. Jekk l-impjegat ikun diġà ħadem unità lokali oħra ta’ l-intrapriża, it-tul tas-servizz għandu jiġi kkalkolat mid-data tad-dħul fl-intrapriża. Btajjel għal tul qasir taż-żmien (ta’ anqas minn sena, eż. għal leave jew minħabba l-maternità jew il-paternità jew il-mard) għandhom jiġu inklużi. Waqfiet mix-xogħol ta’ aktar minn sena ma għandhomx jiġu kkalkolati.

    2.7. Jekk hux full-time jew sehem f’part—time:

    L-impjegati full — time huma dawk li s-sigħat regolari tagħhom ta’ xogħol huma l-istess bħal dawk miftiehma kollettivament jew is-sigħat tas-soltu maħduma fl-unità lokali li tkun qed tiġi kkunsidrata, saħansitra jekk il-kuntratt tagħhom huwa ta’ inqas minn sena. Tista titħalla differenza ta’ 10 %.

    Il-każijiet l-oħra jitqiesu bħala impjegati part—time. In-numru tas-sigħat maħduma mill-impjegati li jaħdmu part—time għandu jiġi mogħti bħala perċentwali tan-numru tas-sigħat maħduma normalment (mill-impjegati li jaħdmu full—time) fl-unità lokali.

    2.8. It-tip tal-kuntratt tax-xogħol:

    Huwa mitlub it-tagħrif li ġej dwar it-tip tal-kuntratt tax-xogħol:

    - it-tul indefinit taż-żmien,

    - fuq żmien fiss (għajr għall-apprentisti jew min ikun qiegħed jiġi mħarreġ)

    - apprentista / min ikun qiegħed jiġi mħarreġ,

    - oħrajn.

    Kuntratt ta’ impjieg għal żmien indefinit huwa kuntratt bejn min jaħdem u min iħaddem li t-tul taż-żmien attwali tiegħu ma jkunx ġie miftiehem bil-quddiem.

    Kuntratt ta’ impjieg huwa meqjus bħala temporanju jew għal tul fiss taż-żmien jekk il-ħsieb ta’ min iħaddem u ta’ l-impjegat kien li t-tul taż-żmien tal-kuntratt kien stabbilit minn ċerti kondizzjonijiet bħal skeda definita taż-żmien għat-tlestija tax-xogħol, it-tlestija ta’ ċertu xogħol jew ir-ritorn lejn ix-xogħol ta’ impjegat ieħor li kien korrentement mibdul.

    Il-kuntratti ta’ l-apprentistat jew tat-taħriġ huma kuntratti speċifiċi tat-tul fiss taż-żmien imfassla bejn min iħaddem u l-apprentist / minn ikun qiegħed jitħarreġ. Il-għan tal-kuntratt huwa li jgħin lill-apprentist jikseb esperjenza prattika f’qasam speċifiku.

    2.9. Iċ-ċittadinanza (mhux obbligatorju):

    Iċ-ċittadinanza hija definita bħala n-nazzjonalità legali ta’ kull persuna, u ċ-ċittadin huwa persuna ta’ nazzjonalità legali mit-twelid jew bin-naturalizzazzjoni, sewwa jekk b’dikjarazzjoni, bil-għażla, biż-żwieġ jew b’mezzi oħra.

    2.10. Kopert bi skema tal-gvern imfassla bil-ħsieb li tippromwovi x-xogħol (mhux obbligatorju):

    Din l-intestatura tindika jekk l-impjegat huwiex kopert b’waħda mit-tipi ta’ l-iskemi tal-gvern li ġejjin:

    - l-eżenzjoni totali jew parzjali mit-taxxa u mill-kontribuzzjonijiet soċjali ta’ minn iħaddem,

    - sussidju,

    - sussidju għat-taħriġ / l-apprentistat.

    Dan għandu x’jaqsam ma’ l-individwu u mhux ma’ l-intrapriża. Is-sussidji mħallsa lill-intrapriża li ma jistgħux jiġu attribwiti lil impjegat partikolari (peress li jiġu kkalkolati fuq il-bażi tal-livelli tal-qawwa tax-xogħol) mhumiex inklużi.

    L-iskemi ta’ l-assistenza jistgħu jinkludu wkoll it-tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet u fit-taxxi diretti ta’ l-impjegat, fejn l-iskema tgħin fil-ħolqien ta’ l-impjieg jew fir-reklutaġġ ta’ l-impjegat.

    2.11. Is-snin tal-waqfien fil-karriera fl-intrapriża korrenti (mhux obbligatorja)

    In-numru tas-snin sħaħ (u x-xhur) li l-impjegat ikun qatta’ f’karriera fuq skond fit-tul. Il-waqfiet għal skondi twal għandhom ikunu ta’ aktar minn sena. Jekk ikunu ġraw numru ta’ waqfiet bejn is-snin tax-xogħol dawn għandhom jiġu akkumulati. Waqfiet għal skondi qosra (ta’ inqas minn sena) ma għandhomx ikunu inklużi saħansitra jekk jakkumulaw għal aktar minn sena.

    3. It-tagħrif li jirrigwarda l-qligħ, is-sigħat imħallsa u l-ġranet mhux maħduma.

    3.1. Il-qligħ totali gross għal xahar rappreżentattiv:

    Il-qligħ gross ikopri r-rimunerazzjoni fi flus kontanti mħallsa direttament u b’mod regolari minn min jimpjega fil-ħin ta’ kull ħlas ta’ pagament, qabel it-tnaqqis tat-taxxa u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jridu jitħallsu minn dawk li jaqilgħu il-paga u li jinżammu minn min iħaddem.

    L-elementi li ġejjin huma inklużi:

    - il-ħlasijiet kollha li għandhom x’jaqsmu ma’ dan il-perjodu taż-żmien (saħansitra jekk attwalment imħallsa ’l barra mix-xahar rappreżentattiv) li jinkludu kull ħlas għas-sahra, kull primjum ta’ shift, kull bonus, kull kommissjoni, eċċ.,

    - il-ħlasijiet għas-sahra, l-allowances għax-xogħol bil-gaj, ix-xogħol ta’ bil-lejl, ix-xogħol fil-btajjel ta’ tmiem il-ġimgħa, il-kommissjonijiet, eċċ.,

    - il-bonusijiet u l-allowances imħallsa b’mod regolari f’kull perjodu ta’ paga, saħansitra jekk l-ammont ivarja minn xahar għal xahar,

    - il-ħlasijiet għall-perjodi ta’ assenza u ta’ waqfien mix-xogħol imħallsa għal kollox minn min iħaddem,

    - l-allowances għall-familja u l-ħlasijiet għal servizzi oħra mogħtija fi flus kontanti ffissati b’xi ftehim kollettiv jew miftiehem b’mod volontarju,

    - il-pagament għall-iskema tat-tfaddil tal-flus ta’ l-impjegati,

    Dawn li ġejjin mhumiex inklużi:

    - il-ħlasijiet imħallsa f’dan il-perjodu taż-żmien iżda li jkollhom x’jaqsmu ma’ perjodi oħra taż-żmien, bħall-arretrati, l-avvanzi, jew il-ħlas għall-assenza minħabba leave jew mard ’il barra minn dan il-perjodu taż-żmien,

    - il-bonusijiet perjodiċi u l-ħlasijiet għal servizzi mogħtija mhux imħallsa b’mod regolari f’kull data ta’ ħlas,

    - il-pagamenti għall-perjodi ta’ assenza mħallsa b’rata mnaqqsa minn min iħaddem,

    - l-allowances statutorji għall-familja,

    - il-valur tal-benefiċċji innatura(minħabba d-diffikultajiet tal-ġbir ta’ informazzjoni),

    - l-allowances għall-ilbies jew għall-għodda tax-xogħol,

    - ir-rimborżi jew il-ħlas ta’ spejjeż magħmula għall-ivvjaġġar, għall-għixien eċċ. fit-twettiq tan-negozju ta’ min iħaddem.

    3.1.1. Il-qligħ li għandu x’jaqsam mas-sahra:

    L-ammont tal-qligħ għas-sahra mħallas għas-sigħat tas-sahra. Għandha titqies ir-rata sħiħa u mhux biss l-element tal-primjum miżjud mar-rata normali għal kull siegħa ta’ xogħol. Ir-rimunerazzjoni meqjusa għandha tkopri is-sigħat tas-sahra attwali maħduma matul ix-xahar rappreżentattiv saħansitra jekk titħallas aktar tard (għandhom jiġu esklużi s-sigħat tas-sahra maħduma qabel u mħallsa matul ix-xahar rappreżentattiv).

    3.1.2. Il-ħlasijiet speċjali għax-xogħol bix-shift:

    Dan għandu x’jaqsam mal-ħlasijiet ta’ primjum speċjali għax-xogħol bix-shift u għax-xogħol ta’ bil-lejl jew għax-xogħol li jsir fil-leave ta’ l-aħħar tal-ġimgħa fejn dawn ma jiġux meqjusa bħala sahra. Għandha tiġi inkluża biss il-parti tal-premium.

    3.2. Il-qligħ annwali gross fis-sena tar-referenza:

    Dan għandu x’jaqsam mal-qligħ gross imħallas matul is-sena tar-referenza. Għandhom jiġu inklużi l-bonusijiet li ma jitħallsux regolarment (it-13 jew l-14-il xahar, il-bonusijiet għall-vakanzi, is-sehem mill-profitti, l-allowances għall-leave mhux meħud, il-kommissjonijiet okkażjonali, eċċ.). Għandu jiġi eskluż il-ħlas ta’ l-egħluq tal-kuntratt tax-xogħol. Għandu jiġi eskluż ukoll il-ħlas innatura.

    3.2.1. In-numru tal-ġimgħat/xhur li l-qligħ gross għandu x’jaqsam miegħu:

    Ikun utli li jiġi mitlub il-qligħ annwali ta’ l-impjegati kollha fil-kampjun, saħansitra jekk ma kenux preżenti s-sena kollha. F’dan il-każ, huwa meħtieġ li jiġi mitlub in-numru tal-ġimgħat jew tax-xhur li jikkorrispondu mal-qligħ annwali, sabiex jiġu evitati l-iżbalji.

    3.2.2. Il-bonusijiet totali annwali:

    Dan jirreferi għall-ħlasijiet irregolari li ma jkunux ġraw matul kull perjodu taż-żmien tal-paga, bħall-bonusijiet għall-vakanzi, it-13-il xahar, l-allowances għall-leave mhux meħuda, il-kommissjonijiet okkażjonali, is-sehem fil-profitti, eċċ.

    3.2.2.1. Il-bonusijiet regolari mhux imħallsa f’kull perjodu taż-żmien tal-paga (mhux obbligatorju):

    Dan jirreferi għal kull bonus regolari li ma jkunx ġara matul kull perjodu taż-żmien tal-paga, bħall-bonusijiet għall-vakanzi, it-13 u l-14-il xahar, eċċ.

    3.2.2.2. Il-bonusijiet annwali msejsa fuq il-produttività (mhux obbligatorju):

    Dan jirreferi għal-bonusijiet irregolari mħallsa lill-impjegat marbuta mal-qadi tad-dmirijiet individwali jew ma’ biċċa xogħol individwali.

    3.2.2.3. Il-bonusijiet annwali li għandhom x’jaqsmu mas-sehem fil-profitti (mhux obbligatorju):

    Dan jirreferi għall-bonusjiet ad hoc jew għall-ħlasijiet oħra ta’ eċċezzjoni marbuta mal-qadi tax-xogħol ġenerali ta’ l-intrapriża magħmula fuq skemi ta’ inċentiv.

    3.3. Il-kontribuzzjonijiet soċjali obbligatorji u t-taxxi mħallsa minn min iħaddem f’isem l-impjegat (mhux obbligatorju):

    L-ammont totali tal-kontribuzzjonijiet soċjali obbligatorji u tat-taxxi mħallsa minn min iħaddem lill-awtoritajiet tal-gvern matul ix-xahar rappreżentattiv.

    N.B.:

    Dan jista’ ma jkunx rilevanti f’ċerti pajjiżi.

    3.3.1. Il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali obbligatorja (mhux obbligatorju):

    Dan jirreferi għall-ammont tal-kontribuzzjoni ta’ l-impjegat għas-sigurtà soċjali stabbilita bil-liġi jew b’xi ftehimi kollettiv u miżmuma minn min iħaddem.

    3.3.2. It-taxxi (mhux obbigatorju):

    Dan jirreferi għall-ammont tat-taxxi kollha fuq il-qligħ u miżmum minn min iħaddem u mħallas lill-awtoritajiet tat-taxxa f’isem l-impjegati.

    3.4. In-numru tas-sigħat imħallsa matul ix-xahar rappreżentattiv (jew f’xahar standard tax- xogħol):

    Is-sigħat imħallsa jkopru s-sigħat normali u tas-sahra rimunerati matul ix-xahar rappreżentattiv. Is-sigħat mhux maħduma matul il-perjodu taż-żmien tar-referenza iżda madankollu mħallsa għandhom jiġu magħduda bħala "sigħat imħallsa" (il-leave ta’ kull sena, il-leave għall-mard, il-vakanzi uffiċjali u s-sigħat l-oħra maħduma bħal għall-eżamijiet mediċi). Meta jintuża dan il-metodu huwa meħtieġ li jiġi żgurat illi jkun hemm konsistenza bejn "is-sigħat imħallsa" u s-sigħat li għalihom jikkorrispondi s-salarju.

    Is-sigħat imħallsa jiġu kkalkolati billi jitnaqqsu s-sigħat mitlufa mhux imħallsa (minħabba mard, leave tal-maternità, eċċ) jew is-sigħat imħallsa b’rati mnaqqsa mis-sigħat bażiċi mħallsa normali biż-żieda tas-sigħat tas-sahra.

    NB:

    Is-sigħat bażiċi normali huma n-numru tas-sigħat li dan l-impjegat hu mistenni li jaħdem fix-xahar rappreżentattiv bl-esklużjoni tal-waqfien għall-ikla prinċipali, u bl-esklużjoni tas-sigħat kollha tas-sahra, saħansitra jekk uħud minn dawn jinħadmu regolarment jew b’mod kontrattwali. Dan jinvolvi n-numru ta’ sigħat (ta’ kull ġimgħa / ta’ kull xahar) li l-impjegat hu obbligat li jaħdem skond it-termini ta’ kuntratt, regolament, jew skond ir-regoli fis-seħħ fl-unità lokali.

    3.4.1. In-numru tas-sigħat tas-sahra mħallsa fix-xahar rappreżentattiv:

    Is-sigħat tas-sahra jinkludu dawk maħduma biż-żieda ma’ dawk ta’ ġimgħa (jew xahar) tax-xogħol normali jew tas-soltu. Jekk, per eżempju, 4 sigħat jiġu mħallsa bir-rata ta’ 1,5 tar-rata normali, għandu jiġi mdaħħal 4, u mhux 6. Għandhom jiġu inklużi dawk is-sigħat biss tas-sahra li jikkorrispondu mal-ħlas tas-sahra u rreġistrati fit-3.1.1. It-time off in lieu għall-perjodi taż-żmien tax-xogħol mhux imħallas u għall-ħin ta’ l-ivvjaġġar mhumiex meqjusa bħala sahra.

    3.5. Il-ġranet annwali ta’ assenza:

    3.5.1. Il-ġranet annwali tal-leave għall-vakanzi (esklużi l-ġranet tal-leave fuq mard):

    Dan jirreferi għan-numru tal-vakanzi annwali mħallsa ta’ l-impjegat, minbarra l-vakanzi pubbliċi. Dan għandu x’jaqsam mat-total annwali tal-ġranet mħallsa tal-leave normali, li jinkludu dawk mogħtija lill-impjegat għar-raġuni ta’ l-età, l-eżekuzzjoni ta’ dmirijiet speċjali, l-anzjanità u raġunijiet oħra simili.

    Meta dawk li jħaddmu jħallsu lill-impjegati tagħhom ammonti addizzjonali għal xogħol matul il-vakanzi bi ħlas, dawn l-ammonti s-soltu jiġu inklużi mal-qligħ annwali u n-numru ta’ ġranet tal-btajjel jiġi mnaqqas kif xieraq. Ġaladarba l-ġranet ta’ leave maħdum jkunu ġew imħallsa, jekk ma jiġix aġġustat it-total tal-ġranet tal-leave dawn iwasslu għal għadd doppju. Il-ġranet attwali tal-leave meħuda għandhom għalhekk jiġu rrapportati.

    L-istess, meta l-impjegati jiġu offruti timeoff addizzjonali (imħallas) skond il-ftehimijiet dwar it-tnaqqis tal-ħin tax-xogħol, dawn għandhom jiġu miżjuda mal-btajjel. Dawn l-ammonti jiġu rreġistrati biss jekk l-ammont tat-tnaqqis tal-ħin tax-xogħol ikun ekwivalenti għal ħamest ijiem ta ġranet tax-xogħol jew aktar f’kull sena.

    Dawn li ġejjin mhumiex meqjusa bħala ġranet ta’ leave annwali:

    - il-ġranet ta’ mistrieħ konċessi bħala riżultat ta’ xogħol li jsir f’tim (għaliex dan ikun diġà inkluż fil-kalkolu tas-sigħat maħduma kull-ġimgħa),

    - il-btajjel pubbliċi,

    - il-btajjel għat-taħriġ,

    - il-ġranet konċessi għal raġunijiet personali u mħallsa.

    Għandhom jiġu inklużi biss dawk il-ġranet illi jistgħu jiġu maħduma (meta fis-Sibtijiet u l-Ħdud ma jsirx xogħol dawn ma għandhomx jiġu inklużi, l-istess jgħodd għall-btajjel pubbliċi).

    3.5.2. Il-ġranet annwali ta’ leave għall-mard (mhux obbligatorju):

    Il-ġranet sħaħ attwali ta’ leave għall-mard meħuda mill-impjegat

    3.5.2.1. Il-ġranet annwali ta’ leave għall-mard imħallsa minn min iħaddem (mhux obbligatorju):

    Il-ġranet sħaħ attwali ta’ leave għall-mard meħuda mill-impjegat u mħallsa fl-intier tagħhom jew f’parti minnhom minn min iħaddem.

    3.5.2.2. Il-ġranet annwali ta’ leave għall-mard mhux imħallsa minn min iħaddem (mhux obbligatorju):

    Il-ġranet intieri annwali ta’ leave għall-mard meħuda mill-impjegat u mhux imħallsa minn min iħaddem.

    3.5.3. Il-ġranet annwali ta’ taħriġ vokazzjonali (mhux obbligatorju):

    Il-ġranet annwali ta’ taħriġ vokazzjonali huma ġranet (fit-termini ta’ "ġranet ekwivalenti" li fihom l-impjegat wettaq l-attivitajiet kollha tat-taħriġ vokazzjonali għajr għat-taħriġ ta’ l-apprentisti u dawk li jieħdu t-taħriġ fuq kuntratt speċjali tat-taħriġ.

    3.6. L-istima annwali għall-ħlas innatura(mhux obbligatorju):

    L-istima tal-valur tal-ħlasijiet kollha innaturamogħtija lill-impjegat matul is-sena tar-referenza.

    4. Fatturi ta’ l-ingrossar

    4.1. Il-fattur ta’ l-ingrossar għall-unità lokali:

    F’kull stratum tal-kampjunar, il-fatturi ta’ l-ingrossar jiġu kkalkolati għal kull unità lokali, ibbażati fuq in-numru ta’ l-unitajiet lokali fil-kampjun u n-numru ta’ l-unitajiet lokali fil-popolazzjoni. Il-fattur jindika n-numru ta’ l-unitajiet lokali fil-popolazzjoni illi kull unità lokali tirrappreżenta fil-kampjun.

    4.2. Il-fattur ta’ l-ingrossar għall-impjegati:

    Il-fattur ta’ l-ingrossar għall-impjegati huwa l-fattur li bih in-numru ta’ l-impjegati fil-kampjun ikun jeħtieġ li jiġi mmultiplikat sabiex jinkisbu l-istimi tal-popolazzjoni. Għal kull unità lokali din għandha tkun ibbażata fuq in-numru ta’ l-impjegati fil-kampjun ġewwa l-unità lokali, ikkombinati mal-fattur ta’ l-ingrossar għall-unità lokali.

    [1] ĠU L 76, tat-30.3.1993, p. 1.

    [2] Wieħed li jaħdem fuq barra huwa persuna li jiftiehem li jaħdem għal intrapriża partikolari jew li jipprovdi ċerta kwantità ta’ oġġetti jew servizzi lil intrapriża partikolari, bi ftehim minn qabel jew fuq kuntratt ma’ din l-intrapriża, imma l-post tiegħu tax-xogħol ma jkunx ġewwa fiha. (Is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità Ewropea (ESA- 95): 11.13 (g).

    [3] L-espressjoni "livell mitmum/kompletat b’suċċess" trid tkun assoċjata mal-kisba ta’ ċertifikat jew diploma, meta jkun hemm ċertifikazzjoni. Fil-każijiet fen ma jkun hemm l-ebda ċertifikazzjoni, it-tkomplija b’suċċess trid tkun assoċjata ma’ attendenza sħiħa.

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS III

    FORMAT TAT-TRASMISSJONI TAR-RIŻULTATI

    Trid tiġi pprovduta l-informazzjoni individwali li tirrigwarda kull waħda mill-unitajiet lokali u lil kull wieħed mill-impjegati. Din l-informazzjoni trid tiġi pprovduta fil-għamla ta’ żewġ tipi ta’ reġistrazzjoni.

    A : ir-reġistrazzjonijiet dwar l-unitajiet lokali;

    B : ir-reġistrazzjonijiet dwar l-impjegati.

    Ir-reġistrazzjonijiet dwar l-impjegati jridu jkunu marbuta mar-reġistrazzjonijiet dwar l-unitajiet lokali bl-użu ta’ key.

    Ir-reġistrazzjonijiet għandu jkun fihom qasam għal kull varjabbli. Kull reġistrazzjoni trid tkun jew tat-tul iffissat jew separata bil-virgoli. L-ordni ta’ l-oqsma għandha tikkorrispondi ma’ l-ordni tal-varjabbli. Meta jkun nieqes varjabbli, għandu jiddaħħal qasam battal, iż-żerijiet veri għandhom ikunu rreġistrati bħala żerijiet numeriċi.

    --------------------------------------------------

    Top