EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32000L0062

Id-Direttiva 2000/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-10 ta' Ottubru 2000 li temenda d-Direttiva ta-Kunsill 96/49/KE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri fir-rigward tat-trasport ta' merkanzija perikoluża bil-ferrovija

ĠU L 279, 1.11.2000, p. 44–45 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 29/06/2009; Impliċitament imħassar minn 32008L0068

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2000/62/oj

32000L0062



Official Journal L 279 , 01/11/2000 P. 0044 - 0045


Id-Direttiva 2000/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

ta' l-10 ta' Ottubru 2000

li temenda d-Direttiva ta-Kunsill 96/49/KE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri fir-rigward tat-trasport ta' merkanzija perikoluża bil-ferrovija

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 71(1)(ċ) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Waqt li jaġixxu skond il-proċeduri li ssir refereza għalihom fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3],

Billi:

(1) Id-Direttiva 96/49/KE [4] tistabbilixxi dispożizzjonijiet transizzjonali li baqgħu validi sa l-1 ta' Jannar 1999, biex jippermettu li jitlesta xi xogħol ta' standardizzazzjoni mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) dwar reċipjenti u tankijiet; dak ix-xogħol għadu ma tlestiex.

(2) It-tagħmir tat-trasport kopert mid-deroga li hemm provduta fl-Artikolu 5(2)(ċ) tad-Direttiva 96/49/KE għandu jkun definit aħjar.

(3) Sabiex l-Istati Membri jitħallew jużaw, għal perjodu speċifiku, vaguni tal-ferrovija u tankijiet li ma jikkonformawx mad-dispożizzjonijiet il-ġodda ta' l-Anness tad-Direttiva 96/49/KE, għandu jkun hemm dispożizzjoni transizzjonali li tkopri l-vaguni tal-ferrovija u t-tankijiet mibnija fl-1 ta' Jannar 1997 jew wara u użati biss għal trasport nazzjonali.

(4) L-iskadenzi stabbiliti fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 96/49/KE dwar ċertu tagħmir għandhom jitmexxew lura; l-identifikazzjoni tat-tagħmir konċernat u l-aħħar data għall-applikazzjoni tad-Direttiva 96/49/KE għandhom ikunu soġġetti għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9 tagħha.

(5) Id-derogi li hemm provduti fl-Artikolu 6(9), (11) u (14) tad-Direttiva 96/49/KE għandhom ikunu soġġetti għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9 tagħha.

(6) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri implimentattivi mogħtija lill-Kummissjoni [5].

(7) Il-kundizzjonijiet li għandhom iseħħu qabel ma' operazzjoni ta' trasport tkun tista' titqies bħala operazzjoni ta' trasport ad hoc għandhom jiġu speċifikati.

(8) Id-Direttiva 96/49/KE għandha tiġi emendata b'dan il-mod,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1.

Id-Direttiva 96/49/KE hija hawnhekk emendata kif ġej:

1. fl-Artikolu 5(2)(ċ) il-kliem "temperatura ta' tħaddim ta' materjal maħsub." għandu jkun mibdul b"temperatura ta' tħaddim ta' materjali użati għal ippakkjar tal-plastik, tankijiet u t-tagħmir tagħhom maħsub.";

2. L-Artikolu 6 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 3 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"3. Fil-limiti tat-territorju tiegħu Stat Membru jista' jawtorizza l-użu tal-vaguni mibnija qabel l-1 ta' Jannar 1997 li ma jikkonformawx ma' din id-Direttiva, iżda li kienu mibnija skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ fil-31 ta' Diċembru 1996, kemm-il darba dawk il-vaguni huma miżmuma fuq il-livelli ta' sigurtà meħtieġa.

It-tankijiet u l-vaguni mibnija fl-1 ta' Jannar 1997 jew wara li ma jikkonformawx ma' l-Anness iżda li ġew mibnija skond ir-rekwiżiti ta' din id-Direttiva li kienu applikabbli fid-data tal-kostruzzjoni tagħhom jistgħu jkomplu jintużaw għal trasport nazzjonali sa data determinata skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9.";

(b) fil-paragrafu 4:

- fl-ewwel sentenza,"31 ta' Diċembru 1998" għndha tinbidel bi"30 ta' Ġunju 2001", u fit-tieni sentenza, l-"1 ta' Jannar 1999" għandha tinbidel b' "l-1 ta' Lulju 2001".

- is-subparagrafi li ġejjin għandhom jiżdiedu:

"Id-dati 30 ta'Ġunju 2001 u l-1 ta' Lulju 2001 għandhom jitmexxew lura għal reċipjenti u tankijiet li għalihom m'hemmx rekwiżiti tekniċi dettaljati jew li għalihom ebda referenzi suffiċjenti għall-istandards approprjati Ewropej ma ġew miżjuda fl-Anness.

Ir-reċipjenti u t-tankijiet imsemmija fit-tieni sottoparagrafu u l-aħħar dati għall-applikazzjoni ta' din id-Direttiva fir-rigward ta' dawk ir-reċipjenti u tankijiet għandhom jiġu determinati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9.";

(c) il-paragrafu 9 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"9. Kemm-il darba l-Kummissjoni tagħti n-notifika mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2002 jew sa sentejn wara l-aħħar data ta' l-applikazzjoni tal-verżjonijiet emendati ta' l-Anness ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet anqas stretti minn dawk ta' l-Anness għat-trasport ġewwa t-territorju tagħhom ta' kwantitajiet żgħar biss ta' ċerti oġġetti perikolużi, bl-eċċezzjoni ta' sustanzi li għandhom livell medju jew għoli ta' radioattività.

Dawn id-derogi għandhom jiġu applikati mingħajr diskriminazzjoni.

Minkejja dan li jissemma hawn fuq, l-Istati Membri jistgħu, kemm-il darba jagħtu lill-Kummissjoni notifika bil-quddiem, f'kull żmien jadottaw dispożizzjonijiet simili għal dispożizzjonijiet adottati minn Stati Membri oħra b'referenza għal dan il-paragrafu.

Il-Kummissjoni għandha teżamina jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan il-paragrafu ġewx imħarsa u għandha tiddeċiedi, b'mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9, jekk l-Istati Membri kkonċernati jistgħux jadottaw dawn id-derogi.";

(d) il-paragrafu 10 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"10. L-Istati Membri jistgħu joħorġu awtorizzazzjonijiet, validi għat-territorju tagħhom biss, biex jitwettqu operazzjonijiet ta' trasport ad hoc ta' oġġetti perikolużi li jew huma pprojbiti mill-Anness jew li jsiru taħt kondizzjonijiet differenti minn dawk stabbiliti fl-Anness, bil-kondizzjoni li dawn l-operazzjonijiet ta' trasport ad hoc ikunu definiti b'mod ċar u limitati fiż-żmien.";

(e) il-paragrafu 11 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"11. Kemm-il darba jagħtu lill-Kummissjoni notifika minn qabel, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw it-trasport regolari fuq rotot partikolari magħżula ġewwa t-territorju tagħhom ta' oġġetti perikolużi, li jagħmel parti minn proċess industrijali definit, li huma jew ipprojbiti mid-dispożizzjonijiet ta' l-Anness jew li jsiru taħt kundizzjonijiet differenti minn dawk stabbiliti fl-Anness, meta operazzjonijiet simili huma ta' natura lokali u huma kkontrollati sewwa taħt kondizzjonijiet speċifikati b'mod ċar.

Il-Kummissjoni għandha teżamina jekk ir-rekwiżiti ta' l-ewwel sottoparagrafu ġewx sodisfatti u għandha tiddeċiedi, b'mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9, jekk l-Istati Membri kkonċernati jistgħux jawtorizzaw operazzjonijiet ta' trasport simili.";

(f) il-paragrafu 14 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"14. Kemm-il darba jagħtu lill-Kummissjoni notifika bil-quddiem l-Istati membri jistgħu jawtorizzaw it-trasport ta' oġġetti perikolużi taħt kondizzjonijiet anqas stretti minn dawk stabbiliti fl-Anness fil-każ ta' trasport lokali fuq distanzi qosra ġewwa l-perimetri ta' portijiet, ajruporti jew siti industrijali.

Il-Kummissjoni għandha teżamina jekk il-kondizzjonijiet imniżżla fl-ewwel sottoparagrafu ġewx imħarsa u għandha tiddeċiedi, b'mod konformi mal-procedura stabbilita fl-Artikolu 9, jekk l-Istati Membri jistgħux jawtorizzaw operazzjonijiet ta' trasport simili.";

3. L-Artikolu 9 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"L-Artikolu 9

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn ‘Kumitat għat-trasport ta' oġġetti perikolużi' stabbilit taħt l-Artikolu 9 tad-Direttiva 94/55/KE. [6]

2. Meta ssir referenza għal dan l-Artikolu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, wara li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu msemmi fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat għal tliet xhur.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura."

L-Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva qabel l-1 ta' Mejju 2001. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni bihom.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandu jkollhom magħhom din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi li bihom issir din ir-referenza għandhom jiġu adottati mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni it-test tad-dispożizzjonijiet ewlenija tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam irregolat b'din id-Direttiva.

L-Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fl-10 ta' Ottubru 2000.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

N. Fontaine

Għall-Kunsill

Il-President

D. Voynet

[1] ĠU C 181, tas-26.6.1999 p. 25.

[2] ĠU C 329, tas-17.11.1999 p. 11.

[3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Ottubru 1999 (ĠU C 154, tal-5.6.2000. p. 353), Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2000 (ĠU C 254, tal-25.8.2000 p. 14) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Settembru 2000.

[4] ĠU L 235, tas-17.9.1996 p.25. Id-Direttiva kif ġiet ememdata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/48/KE (ĠU L 169, tal-5.7.1999 p. 58).

[5] ĠU L 184, tas-17.7.1999 p. 23.

[6] ĠU L 319, tat-12.12.1994, p. 7. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2000/61/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 279 ta' l-1.11.2000, p. 40.).

--------------------------------------------------

Top