EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31999R1251

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1251/1999 tas-17 Mejju 1999 li jwaqqaf sistema ta' appoġġ għal produtturi ta' ċerti prodotti tar-raba' li jinħarat

ĠU L 160, 26.6.1999, p. 1–14 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2005

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1999/1251/oj

31999R1251



Official Journal L 160 , 26/06/1999 P. 0001 - 0014


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1251/1999

tas-17 Mejju 1999

li jwaqqaf sistema ta' appoġġ għal produtturi ta' ċerti prodotti tar-raba' li jinħarat

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 36 u 37 ta' l-istess,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [4],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti Ewropea ta' l-awdituri [5],

(1) Billi l-politika agrikola komuni timmira li tilħaq l-oġġettivi li ssir riferenza għalihom fl-Artikolu 33 tat-Trattat, waqt li jittieħed kont tas-sitwazzjoni tas-suq;

(2) Billi, sabiex jiġi żgurat bilanċ aħjar fis-suq, skema ġdida ta' appoġġ ġiet introdotta b'Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1765/92 tat-30 Ġunju 1992 li jwaqqaf sistema ta' appoġġ għal produtturi ta' ċerti prodotti tar-raba' li jinħarat [6];

(3) Billi, wara r-riforma ta' l-1992 tal-politika agrikola komuni, kien hemm titjib partikolari fil-bilanċi tas-suq;

(4) Billi t-twarrib taħt is-sistema ta' appoġġ għall-produtturi ta' ċerti prodotti tar-raba' li jinħarat, introdott fl-1992 flimkien ma' tnaqqis fil-prezz ta' l-intervent, għenu sabiex il-produzzjoni tinżamm taħt il-kontroll, filwaqt li żieda fil-kompetittività tal-prezz ippermettiet li kwantitajiet sinifikanti ta' ċereali addizzjonali jintużaw fis-suq domestiku, l-aktar bħala ikel ta' l-annimali;

(5) Billi l-appoġġ skond il-bażi ta' l-iskema introdotta fl-1992 għandu jitkompla, waqt li jittieħed kont, madankollu, ta' żviluppi fis-suq u l-esperjenza akkwistata fl-applikazzjoni ta' l-iskema kurrenti;

(6) Billi l-Istati Membri jistgħu, taħt ċerti kondizzjonijiet, jagħmlu l-ħżin ta' ħaxix f'sajlos eliġibbli għal ħlasijiet taż-żona taħt dan ir-reġim;

(7) Billi r-riforma ta' l-iskema ta' appoġġ għandha tieħu kont ta' l-obbligi internazzjonali tal-Komunità;

(8) Billi l-aħjar mod sabiex jinkiseb il-bilanċ tas-suq huwa li l-prezzijiet tal-Komunità ta' ċereali jitqarrbu lejn il-prezzijiet fuq is-suq dinji u jsir provvediment għal ħlasijiet taż-żona għal prodotti tar-raba' mhux speċifiċi;

(9) Billi ħlasijiet taż-żona għandhom jiġu riveduti jekk il-kondizzjonijiet tas-suq ivarjaw minn dawk preżentement previsti;

(10) Billi ż-żona eliġibbli għandha tkun ristretta għaż-żona miżrugħa bi prodotti tar-raba' li jinħarat jew twarrib finanzjat pubblikament fl-imgħoddi;

(11) Billi, meta s-somma taż-żoni li għalihom ikun ġie mitlub il-ħlas taħt l-iskema jeċċedi ż-żona bazi, għandu jsir provvediment għal tnaqqis fiż-żona eliġibbli għal kull razzett sabiex jiġi żgurat bilanċ fis-suq;

(12) Billi l-Istati Membri jistgħu japplikaw żona bażi nazzjonali waħda jew aktar; billi huwa meqjus xieraq li l-Istati Membri li jagħmlu din l-għażla jkunu jistgħu jaqsmu kull żona bażi nazzjonali f'żoni sub-bażi; billi, meta żona bażi nazzjonali tkun inqabżet, l-Istat Membru involut għandu jitħalla jikkonċentra l-applikazzjoni tal-miżuri totalment jew parzjalment fuq dawk iż-żoni li għalihom iż-żieda tkun ġiet innotata;

(13) Billi l-ħlasijiet taż-żona għandhom jirriflettu l-karatteristiċi strutturali speċifiċi li jinfluwenzaw il-ġabra; billi t-tħejjija ta' pjan għall-qsim ta' l-art f'reġjuni bbażat fuq kriterji oġġettivi għandu jitħalla f'idejn l-Istati Membri; billi ġbir medju uniformi għandu jiġi stabbilit bil-pjanijiet tal-qsim ta' l-art f'reġjuni; billi dawn il-pjanijiet għandhom ikunu konsistenti mal-ġbir medju ta' kull reġjun miksub f'perjodu partikolari, waqt li jittieħed kont ta' xi differenzi strutturali bejn reġjuni ta' produzzjoni; billi għandha tiġi pprovduta proċedura speċifika sabiex teżamina dawn il-pjanijiet f'livell ta' Komunità;

(14) Billi d-divrenzjar tal-ġbir jista' jiġi permess għal żoni msaqqija u mhux imsaqqija sakemm tiġi stabbilita żona bażi separata għal prodotti msaqqija u ma jkun hemm ebda estensjoni taż-żona bażi totali;

(15) Billi l-qamħirrum għandu ġabra differenti li tiddistingwih minn ċereali oħra u għalhekk jista' jiġġustifika trattament separat;

(16) Billi, sabiex jiġi kalkolat il-ħlas taż-żona, ammont bażiku kull tunnellata metrika għandu jiġi multiplikat bil-"ġbir medju taċ-ċereali" stabbilit għar-reġjun involut; billi meta ġbir differenti għall-qamħirrum u għal ċereali oħra jiġu stabbiliti, żoni bażi separati għall-qamħirrum għandhom jiġu stabbiliti;

(17) Billi ammont wieħed bażiku għandu jiġi stabbilit għal prodotti tar-raba' li jinħarat; billi l-ammonti bażiċi għal kull tunnellata metrika għandhom jiġu miżjuda waqt li jittieħed kont tat-tnaqqis f'diversi stadji fil-prezz ta' l-intervent taċ-ċereali; billi għajnuna speċifika għandha tiġi stabbilita għal prodotti tar-raba' tal-proteina sabiex tinżamm il-kompetittività tagħhom maċ-ċereali;

(18) Billi fil-każ ta' tnaqqis finali fil-prezz ta' l-intervent l-ammont bażiku għandu jiġi miżjud billi tiġi applikata l-istess rata ta' kumpens bħal dik użata fis-snin tas-suq 2000/2001 u 2001/2002;

(19) Billi skema speċjali għall-qamħ durum għandha titwaqqaf sabiex jiġi żgurat livell ta' produzzjoni tal-qamħ durum li jkun biżżejjed biex iforni industriji li jużawh filwaqt li jżomm kontroll fuq l-ispiża ta' l-estimi; billi dak l-oġġettiv għandu jinkiseb billi jiġi introdott suppliment limitat, għal kull Stat Membru interessat, għal żona massima ta' qamħ durum; billi kull żieda f'dawk iż-żoni għandha twassal għal aġġustament fl-applikazzjonijiet preżentati;

(20) Billi, barra dan, f'xi Stati Membri, il-produzzjoni ta' qamħ durum hija stabbilita sew f'reġjuni barra ż-żoni tradizzjonali; billi huwa mixtieq li jiġi mħares ċertu livell ta' produzzjoni f'dawk ir-reġjuni bl-għoti ta' għajnuna speċjali;

(21) Billi, sabiex jibbenefikaw minn ħlasijiet taż-żoni, il-produtturi għandhom iwarrbu perċentwali stabbilit minn qabel miż-żona ta' raba' li tinħarat tagħhom; billi l-art imwarrba għandha tiġi kkurata sabiex tilħaq ċerti kriterji minimi ambjentali; billi ż-żoni mwarrba għandhom ukoll ikunu eliġibbli għall-użu għal skopijiet mhux ta' l-ikel, sakemm jistgħu jiġu applikati sistemi ta' kontroll effettivi;

(22) Billi fis-sitwazzjoni preżenti tas-suq, it-twarrib meħtieġ għandu jiġi mnaqqas għal 10 % għall-perjodu 2000-2006; billi dan il-perċentwali għandu jiġi eżaminat mill-ġdid sabiex jittieħed kont ta' l-iżviluppi tal-produzzjoni u tas-suq;

(23) Billi l-obbligazzjoni tat-twarrib għandha tkun soġġetta għal ħlas ġust; billi l-kumpens għandu jkun ekwivalenti għall-ħlasijiet taż-żoni għal ċereali;

(24) Billi ebda ħtieġa ta' twarrib m'għandha tiġi imposta fuq produtturi żgħar li t-talba tagħhom għall-ħlasijiet taż-żona tkun inqas minn ċertu livell, billi dan il-livell għandu jiġi stabbilit;

(25) Billi għal twarrib voluntarju, il-produtturi jistgħu jingħataw ħlas għat-twarrib għal art imwarrba addizzjonalment; billi limitu ta' żona massima għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri;

(26) Billi ħlasijiet taż-żona għandhom isiru darba fis-sena għal żona stabbilita; billi żoni mhux koltivati immedjatament qabel id-dħul fis-seħħ ta' l-iskema mwaqqfa b'Regolament (KEE) Nru 1765/92 m'għandhomx ikunu eliġibbli għal ħlas; billi sabiex jittieħed kont ta' ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi, fejn din id-dispożizzjoni hija restrittiva mingħajr bżonn, ċerti derogi għandhom jiġu permessi biex jiġu mmexxija mill-Istati Membri;

(27) Billi huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti ċerti kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta' ħlasijiet taż-żoni u biex jiġi speċifikat meta għandhom jitħallsu l-produtturi;

(28) Billi d-dati tal-ħlasijiet għandhom jiġu stabbiliti sabiex tiġi żgurata distribuzzjoni ugwali ta' bejgħ ta' prodotti tar-raba' li jinħarat matul is-sena tas-suq;

(29) Billi d-dati taż-żrigħ għandhom jiġu addattati għall-kondizzjonijiet naturali fiż-żoni ta' produzzjoni differenti;

(30) Billi huwa meħtieġ li jsir provvediment għal regoli ta' transizzjoni sabiex jiġu aboliti ħlasijiet għal prodotti tar-raba' speċifiċi għal żerriegħa taż-żejt mis-sena tas-suq 2002/2003 'il quddiem; billi wħud mid-dispożizzjonijiet eżistenti f'dan is-settur iridu jinżammu waqt li jittieħed kont ta' l-obbligi internazzjonali tal-Komunità;

(31) Billi l-ispejjeż magħmula mill-Istati Membri bħala riżultat ta' l-obbligi li joħorġu mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu finanzjati mill-Komunità skond l-Artikoli 1 u 2 ta' Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/99 tas-17 Mejju 1999 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni [7];

(32) Billi huwa meħtieġ li jsir provvediment għal miżuri ta' transizzjoni u sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tadotta, jekk ikun meħtieġ, miżuri oħra ta' transizzjoni;

(33) Billi l-addattamenti għas-sistema ta' appoġġ għall-prodotti tar-raba' li jinħadem għandhom jiġu introdotti mis-sena tas-suq 2000/2001;

(34) Billi, minħabba l-addattamenti preżenti fl-iskema ta' appoġġ kurrenti u l-modifikazzjonijiet ta' qabel, huwa xieraq, għal raġunijiet ta' ċarezza, li r-Regolament (KEE) Nru1765/92 jiġi mibdul b'Regolament ġdid,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Dan ir-Regolament b'dan iwaqqaf sistema ta' ħlasijiet taż-żoni għal produtturi ta' prodotti tar-raba' li jinħarat.

2. Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament:

- is-sena tas-suq għandha tkun mill-1 Lulju sat-30 Ġunju,

- "prodotti tar-raba' li jinħarat" għandhom jittieħdu bħala li jfissru dawk elenkati fl-Anness I.

3. Stati Membri fejn il-qamħirrum m'huwiex prodott tradizzjonali jistgħu jagħmlu l-ħżin ta' ħaxix eliġibbli għall-ħlas taż-żona għal prodotti tar-raba' li jinħarat, taħt l-istess kondizzjonijiet bħal dawk applikabbli għall-prodotti tar-raba' li jinħarat.

KAPITOLU I

Artikolu 2

1. Produtturi tal-Komunità ta' prodotti tar-raba' li jinħarat jistgħu japplikaw għal ħlas taż-żona taħt il-kondizzjonijiet stipulati f'dan ir-Regolament.

2. Il-ħlas taż-żona għandu jiġi stabbilit fuq bażi ta' kull ettaru u jiġi divrenzjat skond ir-reġjun.

Il-ħlas taż-żona għandu jingħata għaż-żona miżrugħa bi prodotti tar-raba' li jinħarat jew soġġetta għat-twarrib skond l-Artikolu 6 u li ma teċċedix żona bażi reġjonali. Dan huwa stabbilit bħala n-numru medju ta' ettari f'reġjun miżrugħ bi prodotti tar-raba' li jinħarat jew, fejn ikun xieraq, mhux maħdum f'konformità ma' skema finanzjata pubblikament matul l-1989, l-1990 u l-1991. Reġjun f'dan is-sens għandu jinftiehem li jfisser Stat Membru jew reġjun fi Stat Membru, skond kif jagħżel l-Istat Membru interessat.

3. Il-produtturi li japplikaw għall-ħlas taż-żona għandhom ikunu soġġetti għal obbligu li jwarrbu parti mill-art li jiddetjenu mill-produzzjoni u għandhom jirċevu kumpens għal dan l-obbligu.

4. Meta s-somma taż-żoni li għalihom jintalab il-ħlas taħt l-iskema tal-prodotti tar-raba' li jinħarat, inklużi t-twarrib li hemm provdut dwaru taħt dik l-iskema, ikun aktar miż-żona bażi, iż-żona eliġibbli għal kull bidwi għandha tiġi mnaqqsa proporzjonalment għall-ħlasijiet kollha mogħtija taħt dan ir-Regolament fir-reġjun fil-kwistjoni matul l-istess sena tas-suq.

Żoni li ma jkunux is-suġġett ta' applikazzjoni għall-ħlas taħt dan ir-Regolament iżda li jintużaw bħala appoġġ għal applikazzjoni għal għajnuna taħt Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999 tas-17 Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-laħam taċ-ċanga u vitella [8] għandu wkoll jittieħed kont tagħhom fil-kalkolazzjoni taż-żoni li għalihom jintalab il-ħlas.

5. Jekk Stat Membru jagħmel il-ħżin tal-ħaxix eliġibbli għal ħlasijiet għall-prodotti tar-raba' li jinħarat, għandha tiġi definita żona bażi separata. Jekk iż-żona bażi għal prodotti tar-raba' li jinħarat jew ħżin ta' ħaxix ma tintlaħaqx f'sena tas-suq partikolari, il-bilanċ ta' ettari għandu jiġi allokat għall-istess sena tas-suq liż-żona bażi li tikkorrispondi.

6. Meta Stat Membru jkun għażel li jistabbilixxi żona bażi nazzjonali waħda jew aktar, jista' jissuddividi kull żona bażi nazzjonali f'sub-żoni bażi skond kriterji oġġettivi li għandhom jiġu definiti mill-Istat Membru.

Għall-iskopijiet ta' l-applikazzjoni ta' dan il-paragrafu, iż-żoni bażi "Secano" u "Regadío" għandhom jiġu meqjusa bħala żoni bażi nazzjonali.

Fejn ikun hemm żieda f'żona bażi nazzjonali, l-Istat Membru interessat jista', skond kriterji oġġettivi, jikkonċentra l-miżura applikabbli taħt paragrafu 4 totalment jew parzjalment fuq is-sub-żoni bażi li dwarhom iż-żieda tkun ġiet innotata.

L-Istati Membri li ddeċidew li japplikaw il-possibilitajiet li hemm provdut dwarhom f'dan il-paragrafu, għandhom jinnotifikaw lill-produtturi u lill-Kummissjoni sal-15 Settembru bl-għażliet tagħhom u r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tagħhom.

Artikolu 3

1. Għall-iskop li jiġi stabbilit il-ġbir medju li għandu jintuża fil-kalkolu tal-ħlas taż-żona, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi pjan għall-qsim ta' l-art f'reġjuni li jistipula l-kriterji oġġettivi rilevanti biex jiġu deċiżi r-reġjuni ta' produzzjoni separati sabiex jasal għal żoni omoġeni distinti.

Għal dan l-għan, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont ta' sitwazzjonijiet speċifiċi waqt li jkunu qed iħejju l-pjanijiet tagħhom għall-qsim ta' l-art f'reġjuni. Jistgħu partikolarment jaġġustaw il-ġbir medju skond xi differenzi strutturali bejn reġjuni tal-produzzjoni.

2. L-Istati Membri jistgħu wkoll japplikaw figura ta' ġbir differenti għal qamħirrum minn dik għal ċereali oħra fil-pjanijiet tagħhom għall-qsim ta' l-art f'reġjuni.

(a) Fejn il-ġabra għall-qamħirrum tkun ogħla minn dik għal ċereali oħra, żona bażi, kif issir riferenza għaliha fl-Artikolu 2(2), għandha titwaqqaf separatament għall-qamħirrum, li tkopri reġjun ta' produzzjoni wieħed jew aktar, skond l-għażla ta' l-Istat Membru.

L-Istati Membri jistgħu wkoll, fir-reġjuni fil-kwistjoni, jwaqqfu żoni bażi separati għal prodotti oħra tar-raba' li jinħarat barra l-qamħirrum. F'każijiet bħal dawn, jekk iż-żona bażi għall-qamħirrum ma tintaħaqx f'sena tas-suq partikolari, il-bilanċ ta' ettari għandu jiġi allokat għall-istess sena tas-suq liż-żona bażi li tikkorrispondi għal prodotti oħra tar-raba' li jinħarat barra l-qamħirrum.

(b) Fejn il-ġabra tal-qamħirrum tkun daqs jew inqas minn dik ta' ċereali oħra, tista' tiġi stabbilita wkoll żona bażi separata għall-qamħirrum skond punt (a). F'dawk il-każijiet u jekk l-Istat Membru jagħżel li jistabbilixxi żona bażi għal "prodotti tar-raba' li jinħarat minbarra qamħirrum":

- jekk iż-żona bażi għall-"qamħirrum" ma tintlaħaqx f'sena tas-suq partikolari, il-bilanċ ta' ettari għandu jiġi allokat għall-istess sena tas-suq liż-żoni bażi li jikkorrispondu għal prodotti oħra,

- jekk iż-żona bażi għall-"prodotti tar-raba' li jinħarat minbarra qamħirrum" ma tintlaħaqx f'sena tas-suq partikolari, il-bilanċ ta' ettari għandu jiġi allokat għall-istess sena tas-suq liż-żona bażi għall-"qamħirrum" involuta,

Jekk dawn iż-żoni bażi jinqabżu, l-Artikolu 2(4) għandu japplika.

3. L-Istati Membri jistgħu fil-pjanijiet għall-qsim ta' l-art f'reġjuni jiffissaw ġbir differenti għal art saqwija u bagħli. F'dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu żona bażi separata għal żoni li jkun fihom prodotti msaqqija.

Iż-żona bażi msaqqija għandha tkun daqs iż-żona medja msaqqija mill-1989 sal-1991 bl-għan li jinħasdu prodotti tar-raba' li jinħarat inklużi ż-żjidiet magħmula skond Artikolu 3(1), r-raba' subparagrafu, l-aħħar sentenza ta' Regolament (KEE) Nru 1765/92. Madankollu, iż-żona bażi msaqqija fil-Portugall għandha tiżdied progressivament b'sa 60000 ettari, għal dawk iż-żoni fejn ġie stabbilit illi l-investiment fit-tisqija beda wara l-1 Awissu 1992. Din iż-żieda tista' tiġi miżjuda parzjalment jew totalment maż-żona bażi msaqqija tal-qamħirrum kif issir riferenza għaliha fil-Artikolu 3(2)

It-twaqqif taż-żona bażi msaqqija m'għandhiex twassal għal xi żieda fiż-żona bażi totali ta' l-Istat Membru involut. Jekk iż-żona bażi msaqqija tinqabeż, Artikolu 2(4) għandu japplika.

Jekk iż-żona bażi msaqqija ma tintlaħaqx f'sena tas-suq partikolari, il-bilanċ ta' ettari għandu jiġi allokat għall-istess sena tas-suq liż-żona bażi mhux imsaqqija li tikkorrispondi.

4. Il-pjan ta' qsim ta' l-art f'reġjuni għandu fil-każi kollha jiżgura illi l-ġabra medja ta' l-Istat Membru involut stabbilit għall-perjodu u skond il-kriterji li ssir riferenza għalihom fil-paragrafu 5 jiġi mħares.

5. Għal kull reġjun ta' produzzjoni, l-Istat Membru għandu jagħti dettalji taż-żoni u l-ġbir ta' prodotti tar-raba' li jinħarat li jkunu ġew prodotti f'dak ir-reġjun matul il-perjodu ta' ħames snin 1986/1987 sal-1990/1991. Ġbir medju taċ-ċereali għandu jiġi kalkolat separatament għal kull reġjun billi titħalla barra s-sena bl-ogħla u s-sena bl-aktar ġabra baxxa matul dak il-perjodu.

Madankollu, dan l-obbigu jista' jiġi sodisfatt fil-każ ta':

- ċereali Portugiżi billi tiġi preżentata d-data li ġiet provduta skond Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3653/90 tal-11 Diċembru 1990 li jintroduċi miżuri transitorji li jirregolaw l-organizzazzjoni komuni tas-suq taċ-ċereali u ross fil-Portugall [9],

- il-ħames Länder Ġermaniżi ġodda billi jiġi provdut il-ġbir medju applikabbli fil-Länder Ġermaniżi l-oħra,

- l-Italja u Spanja billi tiġi stabbilita l-ġabra ta' riferenza bħala 3,9 tunnellati metriċi kull ettaru u 2,9 tunnellati metriċi kull ettaru rispettivament.

Jekk Stat Membru jiddeċiedi li jitratta:

- il-qamħirrum separatament minn ċereali oħra, il-ġbir medju taċ-ċereali, li m'għandux jiġi mibdul, għandu jiġi mqassam bejn qamħirrum u ċereali oħra,

- l-art imsaqqija separatament minn art mhux imsaqqija, il-ġbir medju li jikkorrispondi, li m'għandux jiġi mibdul, għandu jiġi mqassam bejn iż-żewġ tipi.

6. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw il-pjan tagħhom ta' qsim ta' l-art f'reġjuni lill-Kummissjoni sa l-1Awissu 1999 flimkien ma' l-informazzjoni kollha neċessarja li tappoġġah. Sabiex jiġi sodisfatt dan l-obbligu, jistgħu jirreferu għall-pjan tagħhom ta' qsim ta' l-art f'reġjuni preżentat lill-Kummissjoni skond Regolament (KEE) Nru 1765/92.

Il-Kummissjoni għandha tezamina l-pjanijiet ta' qsim ta' l-art f'reġjuni preżentati mill-Istati Membri u għandha tiżgura illi kull pjan ikun ibbażat fuq kriterji xierqa, oġġettivi u li jkun konsistenti ma' l-informazzjoni storika disponibbli. Il-Kummissjoni tista' toġġezzjona għal pjanijiet li ma jkunux kompatibbli mal-kriterji rilevanti fuq imsemmija partikolarment mal-ġabra medja ta' l-Istat Membru. F'dan il-każ il-pjanijiet għandhom ikunu soġġetti għal aġġustament mill-Istat Membru involut wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni.

Il-pjan ta' qsim ta' l-art f'reġjuni jista' jiġi rivedut mill-Istat Membru involut fuq talba tal-Kummissjoni jew fuq inizjattiva ta' dak l-Istat Membru skond l-istess proċedura msemmija f'dan l-Artikolu.

7. Jekk Stat Membru, skond il-paragrafu 1, jagħżel li jwaqqaf reġjuni ta' produzzjoni li d-demarkazzjoni tagħhom ma tikkorrispondix ma' dik taż-żoni bażi reġjonali, għandu jibgħat lill-Kummissjoni dikjarazzjoni sommarja ta' l-applikazzjonijiet għall-ħlas u l-ġbir li għandhom x'jaqsmu ma' dawn. Jekk joħroġ minn din l-informazzjoni illi, fi Stat Membru, il-ġabra medja li tirriżulta mill-pjan ta' qsim ta' l-art f'reġjuni applikat fl-1993 jew, fil-każ ta' l-Awstrija, il-Finlandja u l-Isvezja, il-ġabra medja li tirriżulta mill-pjan applikat fl-1995 jew, fil-każ ta' l-Italja u Spanja l-ġabra kif stabbilita fl-Artikolu 3(5) tinqabeż, il-ħlasijiet kollha li jkunu ser isiru f'dak l-Istat Membru għas-sena tas-suq ta' wara għandhom jiġu mnaqqsa fi proporzjon mal-qbiż fil-limitu li jkun ġie reġistrat. Madankollu, din id-dispożizzjoni m'għandhiex tapplika fejn il-kwantità li għaliha saru l-applikazzjonijiet, espressa f'tunnellati metriċi ta' ċereali, ma teċċedix dik li tirriżulta mill-prodott taż-żoni bażi totali ta' l-Istat Membru mill-ġabra medja fuq imsemmija.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jaċċertaw jekk kienx hemm xi qbiż tal-ġabra medja għal kull żona bażi. F'każi bħal dawk, id-dispożizzjonijiet ta' dan il-paragrafu għandhom jiġu applikati għall-ħlasijiet li għandhom jitħallsu f'kull żona bażi involuta.

Artikolu 4

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10, il-ħlas taż-żona għandu jiġi kalkolat billi jiġi multiplikat l-ammont bażiku kull tunnellata metrika bil-ġabra medja taċ-ċereali stabbilita fil-pjan ta' qsim ta' l-art f'reġjuni għar-reġjun involut.

2. Il-kalkolazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha ssir billi tintuża l-ġabra medja taċ-ċereali. Madankolu, fejn il-qamħirrum huwa trattat separatament, il-ġabra "tal-qamħirrum" għandha tintuża għall-qamħirrum u l-ġabra "taċ-ċereali minbarra qamħirrum" għandha tintuża għal ċereali, żerriegħa taż-żejt u żerriegħa tal-kittien.

3. L-ammont bażiku għandu jiġi stabbilit kif ġej:

għal prodotti tar-raba' tal-proteina:

- EUR 72,50/t mis-sena tas-suq 2000/2001 'il quddiem;

għal ċereali, ħżin ta' ħaxix u twarrib:

- EUR 58,67/t għas-sena tas-suq 2000/2001,

- EUR 63,00/t mis-sena tas-suq 2001/2002 'il quddiem;

għaż-żerriegħa tal-kittien:

- EUR 88,26/t għas-sena tas-suq 2000/2001,

- EUR 75,63/t għas-sena tas-suq 2001/2002,

- EUR 63,00/t mis-sena tas-suq 2002/2003 'il quddiem;

għal żerriegħa taż-żejt:

- EUR 63,00/t mis-sena tas-suq 2002/2003 'il quddiem.

L-ammont ta' EUR 63/t jista' jiżdied mis-sena tas-suq 2002/2003 'il quddiem fid-dawl ta' tnaqqis finali fil-prezz ta' l-intervent ta' ċereali li hemm provdut dwaru fil-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KEE) Nru 1766/92.

Din iż-żieda fi ħlasijiet taż-żona għandu jkollha l-istess proporzjon mat-tnaqqis fil-prezz ta' l-intervent bħal dak applikabbli fis-sena 2000/2001 u 2001/2002.

4. Fil-Finlandja u l-Isvezja fit-tramuntana tat-62 Parallel u ċerti żoni adjaċenti milquta b'kondizzjonijiet ta' klima komparabbli li jagħmlu l-attività agrikola partikolarment diffiċli ammont supplimentari għall-ħlas taż-żona ta' EUR 19/t, multiplikat bil-ġabra utilizzata għall-ħlasijiet taż-żona, għandu jiġi applikat għal ċereali u żerriegħa taż-żejt.

Artikolu 5

Suppliment għall-ħlas taż-żona ta' EUR 344,50 kull ettaru għandu jitħallas għaż-żona miżrugħa bil-qamħ durum fiż-żoni ta' produzzjoni tradizzjonali elenkati fl-Anness II, bla ħsara għall-limiti stabbiliti fl-Anness III.

Jekk it-total taż-żoni li għalihom jintalab suppliment għall-ħlas taż-żona jkun akbar mill-limitu msemmi aktar 'il fuq matul is-sena tas-suq, iż-żona għal kull produttur li għaliha jista' jitħallas is-suppliment għandha tiġi mnaqqsa proporzjonalment.

Madankollu, bla ħsara għall-limiti għal kull Stat Membru stipulati fl-Anness III, l-Istati Membri jistgħu jqassmu ż-żoni indikati f'dak l-Anness bejn iż-żoni ta' produzzjoni kif definiti fl-Anness II, jew, jekk ikun meħtieġ, ir-reġjuni ta' produzzjoni li ssir riferenza għalihom fl-Artikolu 3, skond kemm tkun laħħqet il-produzzjoni tal-qamħ durum matul il-perjodu bejn l-1993 u l-1997. Fejn dan isir, jekk it-total taż-żoni f'reġjun li għalih jintalab suppliment għall-ħlas taż-żona jkun akbar mill-limitu tar-reġjun li jikkorrispondi matul sena tas-suq, iż-żona għal kull produttur f'dak ir-reġjun ta' produzzjoni li għalih jista' jitħallas is-suppliment għandha tiġi mnaqqsa proporzjonalment. It-tnaqqis għandu jsir meta, fi Stat Membru, iż-żoni fir-reġjuni, li ma jkunux laħqu l-limiti tar-reġjun tagħhom, ikunu ġew imqassma lil reġjuni li fihom dawk il-limiti jkunu nqabżu.

F'reġjuni fejn il-produzzjoni ta' qamħ durum hija stabbilita sewwa, minbarra dawk li ssir riferenza għalihom fl-Anness II, għajnuna speċjali ammontanti għal EUR 138,90 kull ettaru għandha tingħata sa limitu tan-numru ta' ettari stipulat fl-Anness IV.

Artikolu 6

1. L-obbligu tat-twarrib għal kull produttur li japplika għal ħlasijiet taż-żona għandha tiġi stabbilita bħala proporzjon taż-żona tiegħu miżrugħa bi prodotti tar-raba' li jinħarat u li għaliha ssir talba u titħalla mwarrba skond dan ir-Regolament.

Ir-rata bażika ta' twarrib obbligatorju hija stabbilita bħala 10 % mis-sena tas-suq 2000/2001 sas-sena tas-suq 2006/2007.

2. L-Istati Membri għandhom japplikaw miżuri ambjentali xierqa li jikkorrispondu mas-sitwazzjonijiet specifiċi ta' l-art imwarrba.

3. L-art imwarrba tista' tintuża għall-provista ta' materjal għall-manifattura fil-Komunità ta' prodotti li m'humiex primarjament maħsuba għall-konsum mill-bnedmin jew l-annimali, sakemm jiġu applikati sistemi ta' kontroll effettiv.

L-Istati Membri għandhom jiġu awtorizzati jħallsu għajnuna nazzjonali sa 50 % ta' l-ispejjeż assoċjati mat-twaqqif ta' prodotti multi-annwali maħsuba għal produzzjoni bio-massa fuq l-art imwarrba.

4. Fejn ġbir differenti jiġi stipulat għal art imsaqqija u mhux imsaqqija, japplikaw il-ħlasijiet għat-twarrib għall-art mhux imsaqqija. Fil-każ tal-Portugall, il-ħlas għandu jieħu kont ta' l-għajnuna mogħtija taħt Regolament (KEE) Nru 3653/90.

5. Il-produtturi jistgħu jingħataw il-ħlasijiet tat-twarrib fuq art li voluntarjament ikunu warrbu aktar milli kienu obbligati jwarrbu. L-Istati Membri għandhom jippermettu li l-bdiewa jwarrbu sa mill-inqas 10 % taż-żona miżrugħa bi prodotti tar-raba' li jinħarat u li għaliha ssir applikazzjoni għall-ħlas, u titħalla mwarrba skond dan ir-Regolament. Perċentwalii ogħla jistgħu jiġu stipulati minn Stat Membru waqt li jittieħed kont ta' sitwazzjonijiet speċifiċi u tiġi żgurata okkupazzjoni suffiċjenti ta' l-art tar-raba'.

6. Il-ħlas għat-twarrib jista' jingħata fuq bażi multi-annwali għal perjodu sa ħames snin.

7. Produtturi li jagħmlu applikazzjoni għall-ħlas għal żona li ma tkunx akbar miż-żona li tkun meħtieġa biex jiġu prodotti 92 tunnellata metrika ta' ċereali, skond il-bażi tal-ġbir stabbiliti għar-reġjun tagħhom, m'humiex marbuta bl-obbligu tat-twarrib. Paragrafi 5 u 6 għandhom japplikaw għal dawn il-produtturi.

8. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, żoni:

- mwarrba skond agri-ambjent (Artikoli 22 sa 24 ta' Regolament tal-Kunsill (EC) Nru 1257/1999 tas-17 Mejju 1999 dwar appoġġ għal żvilupp rurali mill-Fond Ewropew ta' Tmexxija u Garanzija ta' l-agrikoltura (EAGGF) u li jemenda ċerti Regolamenti [10], li la jintużaw għal skopijiet agrikoli u anqas għal xi skopijiet li jħallu l-qligħ ħlief dawk aċċettati għal art oħra mwarrba skond dan ir-Regolament, jew

- msaġġra skond it-tisġir (Artikolu 31 ta' Regolament (KE) Nru 1257/1999,

bħala riżultat ta' applikazzjoni magħmula wara t-28 Ġunju 1995, jistgħu, sa kull limitu għal kull parti li jiddetjenu li jista' jiġi stabbilit mill-Istat Membru involut, jitqiesu bħala li huma mwarrba għall-iskopijiet tat-twarrib meħtieġ indikat f'paragrafu 1. Dak il-limitu għandu jiġi stabbilit biss sa fejn huwa neċessarju sabiex jiġi evitat li ammont sproporzjonat mill-estimi disponibbli li għandu x'jaqsam ma' l-iskema fil-kwistjoni jiġi konċentrat fuq numru żgħir ta' rziezet.

Madankollu, fuq dawn iż-żoni, il-ħlas taż-żona speċifikat fl-Artikolu 4 m'għandux jingħata u l-appoġġ mogħti taħt l-Artikolu 24(1), jew l-Artikolu 31(1), tat-tieni talba uffiċjali ta' Regolament (KE) Nru 1257/1999 (regolament dwar l-iżvilupp rurali) għandu jkun limitat għal ammont li l-aktar ikun daqs il-ħlas taż-żona għat-twarrib speċifikat fl-Artikolu 4(3).

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx l-iskema li hemm provdut dwarha f'dan il-paragrafu lil applikant ġdid f'xi reġjun fejn ikun hemm riskju kontinwu ta' qbiż tal-limitu sinifikanti taż-żona bażi reġjonali.

Artikolu 7

Applikazzjonijiet għal ħlasijiet ma jistgħux isiru fir-rigward ta' art li fil-31 Diċembru 1991 kienet taħt mergħa permanenti, prodotti tar-raba' jew siġar permanenti jew kienet tintuża għal skopijiet mhux agrikoli.

L-Istati Membri jistgħu, b'kondizzjonijiet li jridu jiġu stabbiliti, ma jimxux ma' dawn id-diposizzjonijiet taħt ċerti ċirkostanzi speċifiċi, partikolarment għal żoni soġġetti għal programmi ta' ristrutturazzjoni jew għal żoni soġġetti għal newba standard ta' prodotti tar-raba' multi-annwali ma' dawk il-prodotti tar-raba' elenkati fl-Anness I. F'każijiet bħal dawn, għandhom jieħdu azzjoni sabiex jevitaw kull żieda sinifikanti fiż-żona agrikola totali eliġibbli. Dan jista' partikolarment jinvolvi li żoni li qabel kienu jitqiesu eliġibbli jibdew jitqiesu mhux eliġibbli bħala miżura li tikkumpensa.

L-Istati Membri jistgħu wkoll ma jimxux mad-dispożizzjonijiet ta' l-ewwel subparagrafu taħt ċerti ċirkostanzi speċifiċi li għandhom x'jaqsmu ma' forma jew oħra ta' intervent pubbliku fejn dak l-intervent jirriżulta f'bidwi li jkabbar prodotti fuq art li qabel kienet meqjusa mhux eliġibbli sabiex ikompli bl-attività agrikola normali tiegħu u l-intervent fil-kwistjoni jfisser illi art li oriġinarjament kienet eliġibbli ma tibqax hekk bir-riżultat illi l-ammont totali ta' art eliġibbli ma tiżdiedx b'mod sinifikanti.

Barra dan, l-Istati Membri jistgħu, f'ċerti kazi mhux koperti biż-żewġ subparagrafi preċedenti, ma jimxux ma' l-ewwel subparagrafu jekk jipprovdu prova fi pjan preżentat lill-Kummissjoni illi l-ammont totali ta' art eliġibbli jkun ser jibqa l-istess.

Artikolu 8

1. Il-ħlasijiet għandhom isiru bejn is-16 Novembru u l-31 Jannar wara l-ħsad. Madankollu, fejn japplika Artikolu 6(3), ħlasijiet taż-żona għall-art imwarrba għandhom jitħallsu bejn is-16 Novembru u l-31 Marzu.

2. Sabiex jikkwalifika għall-ħlas taż-żona, produttur għandu sa mhux aktar tard mill-31 Mejju ta' qabel il-ħsad rilevanti jkun żergħa ż-żerriegħa u sa mhux aktar tard mill-15 Mejju jkun ippreżenta applikazzjoni.

3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex ifakkru lill-applikanti dwar il-ħtieġa li jirrispettaw il-liġijiet dwar l-ambjent.

Artikolu 9

Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' dan il-Kapitolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 23 ta' Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1766/92 tat-30 Ġunju 1992 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq taċ-ċereali [11] u partikolarment:

- dawk li għandhom x'jaqsmu mat-twaqqif u tmexxija ta' żoni bażi,

- dawk li għandhom x'jaqsmu mat-twaqqif ta' pjanijiet għall-qsim tal-produzzjoni f'reġjuni,

- dawk li għandhom x'jaqsmu mal-ħżin ta' ħaxix,

- dawk li għandhom x'jaqsmu ma' l-għoti tal-ħlas taż-żona,

- dawk li għandhom x'jaqsmu maż-żona minima eliġibbli għall-ħlas; dawk ir-regoli għandhom jieħdu kont partikolari tal-ħtiġijiet ta' osservazzjoni u ta' l-effikaċja mixtieqa ta' l-iskema fil-kwistjoni,

- dawk li jistabbilixxu, għall-qamħ durum, l-eliġibbiltà għas-suppliment tal-ħlas taż-żona li ssir riferenza għalih fl-Artikolu 5 u l-ħtiġijiet ta' eliġibbiltà għall-għajnuna speċjali li ssir riferenza għaliha f'dak l-Artikolu, u partikolarment id-determinazzjoni tar-reġjuni li għandhom jiġu kkunsidrati,

- dawk li għandhom x'jaqsmu mat-twarrib, partikolarment dawk li għandhom x'jaqsmu ma' l-Artikolu 6(3); dawk il-kondizzjonijiet jistgħu jinkludu t-tkabbir ta' prodotti mingħajr kumpens,

- dawk li għandhom x'jaqsmu mal-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta' Artikolu 7; dawn il-kondizzjonijiet għandhom jispeċifikaw taħt liema ċirkostanzi d-dispożizzjonijiet ta' Artikolu 7 jistgħu jiġu rinunzjati u l-obbligu ta' l-Istati Membri li jirreferu azzjoni prevista lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni,

- dawk li għandhom x'jaqsmu mal-konformità mal-Memorandum ta' Ftehim dwar ċerta żerriegħa taż-żejt bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Istati Uniti ta' l-Amerika fi ħdan il-qafas tal-GATT approvata b'Deċiżjoni 93/355/EEC [12].

Skond l-istess proċedura, il-Kummissjoni tista':

- jew tagħmel l-għoti tal-ħlasijiet soġġett għall-użu ta' żerriegħa speċifika, żerriegħa ċertifikata fil-każ ta' qamħ durum, ċerti varjetajiet fil-każi ta' żerriegħa taż-żejt, qamħ durum u żerriegħa tal-kittien jew tipprovdi għall-possibbilità li l-Istati Membri jagħmlu l-għoti tal-ħlasijiet soġġett għal dawk il-kondizzjonijiet,

- tippermetti li d-dati fl-Artikolu 8(2) jiġu varjati f'ċerti żoni fejn kondizzjonijiet eċċezzjonali ta' klima jirrendu d-dati normali mhux applikabbli,

- tippermetti lill-Istati Membri, bla ħsara għas-sitwazzjoni ta' l-estimi, li jawtorizzaw, permezz ta' deroga minn Artikolu 8(1), ħlasijiet qabel is-16 Novembru f'ċerti reġjuni, sa 50 % tal-ħlasijiet taż-żona u tal-ħlas għat-twarrib fis-snin li fihom kondizzjonijiet eċċezzjonali ta' klima jkunu hekk naqqsu l-ġbir li l-produtturi jkunu qegħdin jiffaċċjaw diffikultajiet kbar finanzjarji.

IL-KAPITOLU II

Artikolu 10

1. Għas-snin tas-suq 2000/2001 u 2001/2002 il-ħlasijiet taż-żona għal żerriegħa taż-żejt jiġu kkalkolati billi jiġu multiplikati s-segwenti ammonti bil-ġabra medja taċ-ċereali stabbilita fil-pjan tal-qsim ta' l-art f'reġjuni fir-reġjun involut:

- EUR 81,74/t għas-sena tas-suq 2000/2001,

- EUR 72,37/t għas-sena tas-suq 2001/2002.

Madankollu, l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbilità li jkomplu jistabbilixxu l-ħlasijiet għaż-żerriegħa taż-żejt skond il-bażi tal-ġabra storika tar-reġjun ta' żerriegħa taż-żejt. F'dak il-każ il-ġabra għandha tiġi multiplikata b'1,95.

2. Għas-snin tas-suq 2000/2001 u 2001/2002, żona massima garantita (MGA) għandha tiġi stabbilita għall-ħlasijiet taż-żoni speċifiċi għall-prodotti tar-raba' għal żerriegħa taż-żejt ta' 5482000 ettari, mnaqqsa bir-rata ta' twarrib obbligatorju applikabbli għal dik is-sena tas-suq, jew b'10 % jekk dik ir-rata hija inqas minn 10 %. Jekk wara l-applikazzjoni ta' Artikolu 2 iż-żona massima garantita tinqabeż, il-Kummissjoni għandha tnaqqas l-ammonti li ssir riferenza għalihom f'paragrafu 1, skond id-dispożizzjonijiet ta' paragrafi 3 u 4.

3. Jekk iż-żona ta' żerriegħa taż-żejt diġà stabbilita bħala eliġibbli għal ħlasijiet taż-żona speċifiċi għal prodotti tar-raba' għal żerriegħa taż-żejt f'xi sena li taqbeż l-MGAs, il-Kummissjoni għandha tnaqqas, b'1 % għal kull punt perċentwali li bih l-MGA tinqabeż, l-ammont bażiku għal dik is-sena. Jekk l-MGA tinqabeż b'aktar minn perċentwali tal-limitu, għandhom japplikaw regoli speċjali. Sal-perċentwali tal-limitu, it-tnaqqis ta' l-ammont għandu jkun uniformi fl-Istati Membri kollha. Aktar mill-perċentwali tal-limitu, tnaqqis ieħor xieraq għandu japplika f'dawk l-Istati Membri li jkunu qabżu ż-żoni nazzjonali ta' riferenza stipulati fl-Anness V, imnaqqsa bir-rata li ssir riferenza għaliha f'paragrafu 4. Madankollu, fil-każ tal-Ġermanja it-tnaqqis addizzjonali xieraq jista' jiġi aġġustat fuq talba tagħha, kollu jew parti minnu, skond iż-żona bażi reġjonali; fejn din l-għażla tiġi eżerċitata, il-Ġermanja għandha immedjatament tibgħat lill-Kummissjoni d-data użata biex tikkalkula t-tnaqqis li għandu jiġi applikat.

Il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 23 ta' Regolament (KEE) Nru 1766/92, tistabbilixxi d-daqs u d-distribuzzjoni tat-tnaqqis xieraq li għandu jiġi applikat u għandha, partikolarment, tiżgura li t-tnaqqis medju mgħobbi għall-Komunità bħala ħaġa waħda jkun daqs il-perċentwali li biha jkun inqabeż l-MGA.

4. Il-perċentwali tal-limitu li hemm provdut dwaru fil-paragraph 3 għandu jkun 0 %.

5. Jekk il-ħlas taż-żona għaż-żerriegħa taż-żejt jiġi mnaqqas skond id-dispożizzjonijiet fil-paragrafi 3 u 4, il-Kummissjoni għandha tnaqqas l-ammonti bażiċi rilevanti għas-sena tas-suq ta' wara bl-istess perċentwali kemm-il darba l-MGA ma tinqabiżx f'dik is-sena, f'liema każ il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li dak it-tnaqqis m'għandux japplika.

6. Jekk l-MGA għall-Komunità jinqabeż fis-sena tas-suq 2000/2001, il-perċentwali ta' tnaqqis fl-ammonti ta' riferenza reġjonali applikati għas-sena tas-suq 1999/2000 għandhom jiġu applikati mill-Kummissjoni lill-ammont bażiku rilevanti għas-sena tas-suq 2000/2001 bl-istess perċentwali.

7. Minkejja d-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri li fihom hemm riskju sinifikanti li ż-Żoni ta' Riferenza Nazzjonali stipulati fl-Anness V jinqabżu sostanzjalment fis-sena tas-suq ta' wara jistgħu jillimitaw iż-żona li għaliha produttur individwali jista' jirċevi l-ħlasijiet taż-żona għaż-żerriegħa taż-żejt li ssir riferenza għalihom f'dan l-artikolu. Dak il-limitu għandu jiġi kalkolat bħala perċentwali taż-żona ta' art tar-raba' li tinħadem, ta' l-Istat Membru jew inkella taż-żona bażi reġjonali, li tkun eliġibbli għall-ħlasijiet taż-żona li hemm provdut dwarhom f'dan ir-Regolament u għandhom jiġu applikati għaż-żona eliġibbli ta' art li tinħarat tal-produttur. Dan il-limitu jista' jiġi divrenzjat bejn iż-żoni bażi reġjonali jew żoni sub-bażi skond il-bażi ta' kriterji oġġettivi. L-Istati Membri għandhom iħabbru dak il-limitu, mhux aktar tard mill-1 ta' Awwissu tas-sena tas-suq li tiġi qabel dik li fir-rigward tagħha jiġi mitlub il-ħlas taż-żona, jew sa data aktar kmieni fil-każ ta' Stat Membru, jew reġjuni fi Stat Membru, fejn it-tħawwil għas-sena tas-suq fil-kwistjoni jsir qabel l-1 ta' Awwissu.

8. It-tnaqqis li jirriżulta miż-żieda tal-MGA, applikat skond id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu, ma jistax iwassal għal ammont inqas minn:

- EUR 58,67/t għas-sena tas-suq 2000/2001,

- EUR 63,00/t għas-sena tas-suq 2001/2002.

9. Produtturi ta' żerriegħa tal-ġirasol użata għall-ħlewwiet, miżrugħa għall-ħsad, għandhom jiġu esklużi mill-benefiċċju ta' l-appoġġ li hemm provdut dwaru taħt it-termini ta' dan l-artikolu.

10. Fi żmien sentejn mill-applikazzjoni ta' l-artikolu preżenti l-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Kunsill dwar l-iżvilupp tas-suq taż-żerriegħa taż-żejt. Jekk ikun meħtieġ dan ir-rapport ikun akkumpanjat minn proposti xierqa f'każ li l-potenzjal tal-produzzjoni jiddeterjora serjament.

Artikolu 11

L-ammonti tal-ħlasijiet taż-żona u l-ħlasijiet għat-twarrib kif ukoll il-perċentwali taż-żona li għandha titwarrab stabbilita f'dan ir-Regolament jistgħu jinbidlu fid-dawl ta' żviluppi fil-produzzjoni, produttività u s-swieq, skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 37(2) tat-Trattat.

Artikolu 12

Jekk ikunu meħtieġa miżuri speċifiċi biex jiffaċilitaw it-transizzjoni mis-sistema li hija fis-seħħ għal dik stabbilita b'dan ir-Regolament, dawk il-miżuri għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 23 ta' Regolament (KEE) Nru 1766/92.

Artikolu 13

Il-miżuri ddefiniti f'dan ir-Regolament għandhom jiġu meqjusa bħala intervent maħsub biex jistabbilizza s-swieq agrikoli fit-tifsira ta' l-Artikolu 1(2)(b) ta' Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999.

Artikolu 14

Regolament (KEE) Nru 1765/92 u Regolament (KEE) Nru 1872/94 qegħdin b'dan jiġu mħassra.

Artikolu 15

1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ sebat ijiem wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

2. Dan ir-Regolament għandu japplika mis-sena tas-suq tal-2000/2001 'il quddiem.

3. Regolament (KEE) Nru 1765/92 u Regolament (KEE) Nru 1872/94 għandhom jibqgħu jiġu applikati fir-rigward tas-snin tas-suq 1998/1999 u 1999/2000.

Dan ir-Regolament għandu jorbot kollu kemm hu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 17 Mejju 1999.

Għall-Kunsill

Il-President

K.-H. Funke

[1] ĠU C 170, ta’ l-4.6.1998, p.4

[2] L-Opinjoni mogħtija fis-6 ta' Mejju 1999 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)

[3] ĠU C 284, ta’ l-14.9.1998, p. 55

[4] ĠU C 93, tas-6.4.1999, p. 1

[5] ĠU C 401, tat-22.12.1998, p. 3

[6] ĠU L 181, ta’ l-1.7.1992, p. 12. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1624/98 (ĠU L 210, tat-28.7.1998, p. 3)

[7] Ara pagna 103 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[8] Ara paġna 21 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[9] ĠU L 362, tas-27.12.1990, p. 28. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1664/95 (ĠU L 158, tat-8.7.1995, p. 13)

[10] Ara paġna 80 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[11] ĠU L 181, ta’ l-1.7.1992, p. 21. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 923/96 (ĠU L 126, ta’ l-24.5.1996, p. 37)

[12] ĠU L 147, tat-18.6.1993, p. 25

--------------------------------------------------

ANNESS I

DEFINIZZJONI TAL-PRODOTTI

Kodiċi NM | Deskrizzjoni |

I.ĊEREALI

10011000 | Qamħ |

100190 | Qamħ ieħor u meslin li ma jkunx durum |

10020000 | Sikrana |

100300 | Xgħir |

10040000 | Ħafur |

1005 | Qamħirrum |

100700 | Grain sorgħum |

1008 | Buckwheat, millet u canary seed; ċereali oħra |

07099060 | Sweet corn |

II.ŻRIERAGĦ TAŻ-ŻEJT

120100 | Soya beans |

ex120500 | Rape seed |

ex12060010 | Żerriegħa tal-ġirasol |

III.PROTEIN CROPS

071310 | Piżelli |

071350 | Field beans |

ex12092950 | Sweet lupins |

IV.KITTIEN

li ma jkunx fibra tal-kittien | |

ex120400 | Żerriegħa tal-kittien (Linum usitatissimum L.) |

--------------------------------------------------

ANNESS II

ŻONI TRADIZZJONALI GĦALL-PRODUZZJONI TA' QAMĦ DURUM

IL-GREĊJA

In-Nomoi (prefetturi) tar-reġjuni li ġejjin

Il-Greċja ċentrali

Il-Peloponnese

Il-Gżejjer Jonji

Thessaly

Il-Maċedonja

Il-Gżejjer Eġej

Thrace

SPANJA

Il-Provinċji

Almería

Badajoz

Burgos

Cádiz

Córdoba

Granada

Huelva

Jaén

Málaga

Navarra

Salamanca

Seville

Toledo

Zamora

Zaragoza

L-AWSTRIJA

Pannonia

FRANZA

Ir-Reġjuni

Midi-Pyrénées

Provence-Alpes-Côte d'Azur

Languedoc-Roussillon

Departments [1]

Ardèche

Drôme

L-ITALJA

Ir-Reġjuni

Abruzzo

Basilicata

Calabria

Campania

Latium

Marzu

Molise

Umbria

Apulia

Sardinia

Sqallija

Toskana

IL-PORTUGALL

Distretti

Santarém

Lisbona

Setúbal

Portalegre

Évora

Beja

Faro

[1] Kull wieħed minn dawn id-dipartimenti jista' jkun marbut ma wieħed mir-reġjuni msemmija hawn fuq

--------------------------------------------------

ANNESS III

ŻONI MASSIMI GARANTITI LI QED JIRĊIEVU S-SUPPLIMENT TAL-ĦLAS TAŻ-ŻONA GĦALL-QAMĦ DURUM

(ettari) |

Greċja | 617000 |

Spanja | 594000 |

Franza | 208000 |

Italja | 1646000 |

Awstrija | 7000 |

Portugall | 118000 |

--------------------------------------------------

ANNESS IV

ŻONI MASSIMI GARANTITI LI QED JIRĊIEVU L-GĦAJNUNA SPEĊJALI GĦALL-QAMĦ DURUM

(ettari) |

Ġermanja | 10000 |

Spanja | 4000 |

Franza | 50000 |

Italja | 4000 |

Renju Unit | 5000 |

--------------------------------------------------

ANNESS V

ŻONA NAZZJONALI TA' RIFERENZA

(f'1000 ettaru) |

Pajjiż | Għal 2001/2001 u 2001/2002 snin tas-suq |

Belġju | 6 |

Danimarka | 236 |

Ġermanja | 929 |

Greċja | 26 |

Spanja | 1168 |

Franza | 1730 |

Irlanda | 5 |

Italja | 542 |

Lussimburgu | 2 |

Olanda | 7 |

Awstrija | 147 |

Portugall | 93 |

Finlandja | 70 |

Sveżja | 137 |

Renju Unit | 385 |

--------------------------------------------------

Top