Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31999R1073

Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1073/1999 (ke) tal-25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF)

OJ L 136, 31.5.1999, p. 1–7 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 01 Volume 003 P. 91 - 97
Special edition in Estonian: Chapter 01 Volume 003 P. 91 - 97
Special edition in Latvian: Chapter 01 Volume 003 P. 91 - 97
Special edition in Lithuanian: Chapter 01 Volume 003 P. 91 - 97
Special edition in Hungarian Chapter 01 Volume 003 P. 91 - 97
Special edition in Maltese: Chapter 01 Volume 003 P. 91 - 97
Special edition in Polish: Chapter 01 Volume 003 P. 91 - 97
Special edition in Slovak: Chapter 01 Volume 003 P. 91 - 97
Special edition in Slovene: Chapter 01 Volume 003 P. 91 - 97
Special edition in Bulgarian: Chapter 01 Volume 002 P. 129 - 135
Special edition in Romanian: Chapter 01 Volume 002 P. 129 - 135
Special edition in Croatian: Chapter 01 Volume 002 P. 100 - 106

No longer in force, Date of end of validity: 30/09/2013; Imħassar b' 32013R0883

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1999/1073/oj

31999R1073



Official Journal L 136 , 31/05/1999 P. 0001 - 0007


Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1073/1999 (ke)

tal-25 ta' Mejju 1999

dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea, u partikolarment Artikolu 280 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti ta' l-Awdituri [2],

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stipulata f'Artikolu 251 tat-Trattat [3],

(1) Billi l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri jagħtu importanza kbira lill-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet u lill-ġlieda kontra l-frodi u kull attività illegali oħra li hija ta' ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet; Billi r-responsabbiltà tal-Kummissjoni f'dak ir-rigward hija marbuta mill-qrib mad-dmir tagħha li timplimenta l-budget skond Artikolu 274 tat-Trattat; billi l-importanza li tittieħed azzjoni għal dak l-iskop hija konfermata minn Artikolu 280 tat-Trattat tal-KE;

(2) Billi l-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet testendi mhux biss għall-amministrazzjoni ta' l-approprjazzjonijiet ta' l-budget tagħhom iżda wkoll għall-miżuri kollha li jaffettwaw jew li jistgħu jaffettwaw il-beni tagħhom;

(3) Billi l-mezzi kollha disponibbli għandhom jintużaw bis-sħiħ sabiex jinkiseb dan l-għan, notevolment fil-kuntest ta' dmirijiet investigattivi li jaqgħu fuq il-Komunità, filwaqt li t-tqassim u l-bilanċ ta' responsabbilitajiet preżenti bejn il-livelli nazzjonali u tal-Komunità għandhom jinżammu;

(4) Billi sabiex issaħħaħ il-mezzi disponibbli biex tikkumbatti l-frodi, filwaqt li tirrispetta l-prinċipju ta' l-awtonomija fl-organizzazzjoni interna ta' kull istituzzjoni, il-Kummissjoni stabbilitet fost id-dipartimenti tagħha permezz tad-Deċiżjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom [4], Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (minn hawn 'l isfel imsejjaħ "l-Uffiċċju") responsabbli biex imexxi investigazzjonijiet ta' frodi amministrattivi; Billi tat lil dan l-uffiċċju indipendenza sħiħa biex jeżerċita l-funzjoni investigattiva tiegħu;

(5) Billi r-responsabbiltà ta' l-Uffiċċju kif stabbilit mill-Kummissjoni testendi lil hinn mill-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji biex tinkludi l-attivitajiet kollha li għandhom x'jaqsmu mas-salvagwardja ta' l-interessi tal-Komunità kontra mġieba rregolari li tista' twassal għal proċeduri amministrattivi jew kriminali;

(6) Billi huwa xieraq li jiġi stipulat li l-Uffiċċju jiżgura koperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni sabiex jiġu mħarsa l-interessi finanzjarji tal-Komunità kif hemm provdut f'Artikolu 280 tat-Trattat tal-KE;

(7) Billi, minħabba l-ħtieġa li tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi, l-korruzzjoni u kull attività oħra illegali li hija ta' detriment għall-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet, l-Uffiċċju għandu jkun jista' jagħmel investigazzjonijiet interni fl-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji stabbiliti minn jew fuq il-bażi tat-Trattati tal-KE u Euratom (minn hawn iżjed il quddiem "l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji");

(8) Billi d-Deciżjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom tipprovdi li għall-iskopijiet ta' investigazzjonijiet l-Uffiċċju għandu jeżerċita il-poteri mogħtija mill-leġislatur tal-Komunità, bla ħsara għall-limiti u kondizzjonijiet stabbiliti minnhom;

(9) Billi l-Uffiċċju għandu jiġi fdat bl-eżerċizzju tal-poteri mogħtija lill-Kummissjoni mir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tħares l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra [5]; Billi l-Uffiċċju għandu jitħalla wkoll jeżerċita l-poteri l-oħra mogħtija lill-Kummissjoni sabiex tagħmel kontrolli fuq il-post u spezzjonijiet fl-Istati Membri, notevolment għall-iskop li jiġi skoperti irregolaritajiet kif mitlub minn l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-ħarsien ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej [6];

(10) Billi dawn l-investigazzjonijiet għandhom jitmexxew skond it-Trattat u partikolarment skond il-Protokoll dwar il-privileġġi u immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, waqt li jirrispettaw ir-Regolamenti tal-Persunal ta' uffiċjali u l-kondizzjonijiet ta' l-impjieg ta' impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej (minn hawn iżjed 'il quddiem imsejjħa "ir-Regolamenti tal-Persunal"), u b'rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, b'mod partikolari l-prinċipju ta' l-imparzjalità, għad-dritt tal-persuni iinvoluti li jesprimu ruħhom dwar il-fatti li jikkonċernawhom u għall-prinċipju li l-konklużjonijiet ta' investigazzjoni jistgħu jkunu bażati biss fuq elementi li għandhom valur bħala xiehda; Billi għal dak il-għan l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji għandhom jistipulaw it-termini u l-kondizzjonijiet li taħthom isiru dawk l-investigazzjonijiet interni; Billi konsegwentement ir-Regolamenti tal-Persunal għandhom jiġu emendati sabiex jistipulaw id-drittijiet u l-obbligi ta' uffiċjali u impjegati oħra fir-rigward ta' investigazzjonijiet interni;

(11) Billi dawn l-investigazzjonijiet interni jistgħu jitmexxew biss jekk l-Uffiċċju jkollu aċċess garantit għall-fondi kollha ta' l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji u għall-informazzjoni u d-dokumenti kollha miżmuma minnhom;

(12) Billi sabiex jiġi żgurat li l-Uffiċċju jkun indipendenti fit-twettieq tax-xogħol lilu mogħti b'dan ir-Regolament, id-Direttur tiegħu għandu jingħata l-poter li jiftaħ investigazzjoni fuq inizjattiva tiegħu stess;

(13) Billi huwa f'idejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji, skond il-każ, li jiddeċiedu x'azzjoni għandha tittieħed dwar investigazzjonijiet li jkunu tlestew fuq il-bażi tar-rapport imħejji mill-Uffiċċju; Billi madankollu għandu jkun id-dmir tad-Direttur ta' l-Uffiċċju li jibgħat direttament lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta' l-Istat Membru iinvolut l-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju waqt l-investigazzjonijiet interni dwar sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal proċeduri kriminali;

(14) Billi t-termini dwar kif l-impjegati ta' l-Uffiċċju għandhom iwettqu d-dmirijiet tagħhom u t-termini li jirregolaw l-eżerċizzju mid-Direttur tar-responsabbiltà tiegħu fit-tmexxija ta' investigazzjonijiet minn impjegati ta' l-Uffiċċju għandhom jiġu stabbiliti;

(15) Billi, sabiex tirnexxi l-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċju, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji relevanti, l-iskambju reċiproku ta' informazzjoni għandu jkun organizzat, bla ħsara għar-regoli ta' kunfidenzjalità fejn l-informazzjoni hija soġġetta għas-segretezza professjonali, filwaqt li għandha tiġi żgurata t-tgawdija xierqa tal-protezzjoni ta' l-informazzjoni;

(16) Billi, biex jiġi żgurat illi s-sejbiet ta' l-investigazzjonijiet immexxija minn impjegati ta' l-Uffiċċju jiġu kunsidrati u li tittieħed l-azzjoni sussegwenti meħtieġa, ir-rapporti għandu jkollhom l-istatus ta' prova ammissibbli fi proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji; billi, għal dak il-għan, għandhom jitfasslu b'mod kompatibbli mar-regoli li jirregolaw ir-rapporti amministrattivi fl-Istati Membri;

(17) Billi l-Uffiċċju għandu jgawdi indipendenza fil-qadi tal-funzjoni tiegħu; Billi, sabiex tissaħħaħ dik l-indipendenza, l-Uffiċċju għandu jkun soġġett għal sorveljanza mill-qrib b'mod regolari tal-funzjoni investigattiva tiegħu minn Kumitat ta' Sorveljanza, kompost minn persuni indipendenti esterni li huma kwalifikati sew fl-oqsma ta' attività ta' l-Uffiċċju; billi d-dmirijiet tal-Kumitat għandhom jinkludu wkoll li jgħin lid-Direttur ta' l-Uffiċċju fil-qadi tar-responsabbilitajiet tiegħu;

(18) Billi għandhom isiru investigazzjonijiet amministrattivi taħt l-awtorità tad-Direttur ta' l-Uffiċċju, b'indipendenza sħiħa mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji u mill-Kumitat ta' Sorveljanza;

(19) Billi għandu jkun id-dmir tad-Direttur ta' l-Uffiċċju li jiżgura l-protezzjoni ta' informazzjoni personali u r-rispett għall-kunfidenzjalità ta' l-informazzjoni miġbura waqt l-investigazzjonijiet; Billi l-uffiċjali u impjegati oħra tal-Komunitajiet għandhom jingħataw garanzija ta protezzjoni legali ekwivalenti għal dik stabbilita minn Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal;

(20) Billi l-attivitajiet ta' l-Uffiċċju għandhom jiġu evalwati wara perjodu ta' tlett snin;

(21) Billi dan ir-Regolament b'ebda mod ma jnaqqas il-poteri u r-responsabbilitajiet ta' l-Istati Membri li jieħdu passi sabiex jikkumbattu frodi li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet; Billi jekk ix-xogħol ta' investigazzjonijiet amministrattivi esterni f'dan il-qasam jiġi fdat f'idejn Uffiċċju indipendenti, dan ikun f'konformità sħiħa mal-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit minn Artikolu 5 tat-Trattat; Billi l-operat ta' l-Uffiċċju aktarx li jsaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kull attività oħra illegali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet u huwa għalhekk kompatibbli mal-prinċipju tal-proporzjonalità,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għanijiet u xogħol

1. Sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kull attività oħra illegali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi li ġie stabbilit b'deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom (minnhawn 'il quddiem imsejjaħ "l-Uffiċċju") għandu jeżerċita l-poteri ta' investigazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni mir-regoli tal-Komunità u Regolamenti u ftehim fis-seħħ f'dawk l-oqsma.

2. L-Uffiċċju għandu jipprovdi lill-Istati Membri b'għajnuna mingħand il-Kummissjoni sabiex jorganizzaw kooperazzjoni mill-qrib u regolari bejn l-awtoritajiet kompetenti tagħhom sabiex jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom bil-għan li jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi. L-Uffiċċju għandu jikkontribwixxi lejn it-tfassil u l-iżvilupp ta' metodi tal-ġlieda kontra l-frodi u kull attività oħra illegali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea.

3. Fi ħdan l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji mwaqqfa minn, jew skond il-bażi ta', it-Trattati (minnhawn iżjed 'il quddiem imsejħa "l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji"), l-Uffiċċju għandu jmexxi investigazzjonijiet amministrattivi bil-għan li:

- jiġġieled kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kull attività oħra illegali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea,

- jinvestiga għal dak l-iskop kwistjonijiet serji li għandhom x'jaqsmu mal-qadi ta' dmirijiet professjonali b'tali mod li jkun jikkostitwixxi nuqqas ta' ħarsien ta' l-obbligi ta' uffiċjali u impjegati oħra tal-Komunitajiet li jistgħu iwasslu għal proċeduri dixxiplinarji jew, skond il-każ, għal proċeduri kriminali, jew nuqqas ekwivalenti ta' qadi ta' obbligi minn membri ta' istituzzjonijiet u korpi, kapi ta' uffiċċji u aġenziji jew membri tal-Persunal ta' istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji li m'humiex soġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal ta' uffiċjali u l-Kondizzjonijiet ta' l-impjieg ta' impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej ("ir-Regolamenti tal-Persunal").

Artikolu 2

Investigazzjonijiet amministrattivi

Skond it-tifsira ta' dan ir-Regolament, "investigazzjonijiet amministrattivi" (minnhawn iżjed il quddiem imsejħa "investigazzjonijiet") għandha tfisser kull spezzjoni, kontroll u miżura oħra meħuda minn impjegati ta' l-Uffiċċju fil-qadi tad-dmirijiet tagħhom, skond Artikoli 3 u 4, bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti f'Artikolu l u li jistabilixxu, fejn ikun meħtieġ, in-natura irregolari ta' l-attivitajiet li jkunu qegħdin jiġu investigati. Dawn l-investigazzjonijiet m'għandhomx jaffettwaw il-poteri ta' l-Istati Membri li jieħdu proċeduri kriminali.

Artikolu 3

Investigazzjonijiet esterni

L-Uffiċċju għandu jeżerċita l-poter mogħti lill-Kummissjoni mir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 sabiex iwettaq spezzjonijiet u kontrolli fuq il-post fl-Istati Membri u, skond il-ftehim ta' kooperazzjoni fis-seħħ, f'pajjiżi terzi.

Bħala parti mill-funzjoni investigattiva tiegħu, l-Uffiċċju għandu jagħmel spezzjonijiet u kontrolli kif stabbilt f'Artikolu 9(1) ta' Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 u fir-regoli settorjali li għalihom issir referenza f'Artikolu 9(2) ta' dak ir-Regolament fl-Istati Membri u, skond il-ftehim ta' koperazzjoni fis-seħħ, f'pajjiżi terzi.

Artikolu 4

Investigazzjonijiet interni

1. Fl-oqsma li għalihom issir referenza f'Artikolu 1, l-Uffiċċju għandu jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi fi ħdan istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji (minnhawn iżjed 'il quddiem imsejjħa "investigazzjonijiet interni").

Dawn l-investigazzjonijiet interni għandhom jitwettqu bla ħsara għar-regoli tat-Trattati, partikolarment il-Protokoll dwar privileġġi u immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, u b'attenzjoni xierqa għar-Regolamenti il-Persunaltal-Persunal taħt il-kondizzjonijiet u skond il-proċeduri stabbiliti minn dan ir-Regolament u d-deċiżjonijiet adottati minn kull istituzzjoni, korp, uffiċċju u aġenzija. L-istituzzjonijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin dwar ir-regoli li għandhom jiġu stabbiliti minn dawk id-deċiżjonijiet.

2. Sakemm id-dispożizzjonijiet li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1 jiġu mħarsa:

- l-Uffiċċju għandu jkollu d-dritt ta' aċċess immedjat u minngħajr avviż għal kull informazzjoni miżmuma mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji, u għall-postijiet tagħhom. L-Uffiċċju għandu jkollu l-poter li jispezzjona l-kotba ta' l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji. L-Uffiċċju jista' jieħu kopja jew jikseb estratti minn kull dokument jew il-kontenut ta' kull medjum ta' informazzjoni miżmum mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji u, jekk ikun hemm bżonn, jassumi l-kustodja ta' dawk id-dokumenti jew informazzjoni sabiex jiżgura li ma jkunx hemm periklu li dawn jgħibu,

- l-Uffiċċju jista' jitlob informazzjoni bil-fomm minngħand membri ta' l-istituzzjonijiet u korpi, mingħand managers ta' uffiċċji u aġenziji u mingħand il-Persunal ta' l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji.

3. Taħt il-kondizzjonijiet u skond il-proċeduri stabbiliti b'Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96, l-Uffiċċju jista' jagħmel spezzjonijiet fuq il-post fil-fond ta' l-operaturi ekonomiċi iinvoluti, sabiex jikseb aċċess għal informazzjoni dwar irregolaritajiet possibbli li dawk l-operaturi jista' jkollhom.

L-Uffiċċju jista', barra minnhekk, jitlob lil kull persuna iinvoluta sabiex tipprovdi dik l-informazzjoni li jidhirlu li hija relevanti għall-investigazzjonijiet tiegħu.

4. L-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji għandhom jiġu nfurmati kull meta impjegati ta' l-Uffiċċju jagħmlu investigazzjoni fil-fond tagħhom jew jikkonsultaw dokument jew jitolbu informazzjoni miżmuma minn dawk l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji.

5. Meta l-investigazzjonijiet jisvelaw li xi membru, maniġer, uffiċjal jew impjegat ieħor jista' jkun personalment iinvolut, l-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija ta' min ikun għandhom jipu infurmati.

F'każijiet li jkunu jeħtieġu segretezza assoluta għall-iskopijiet ta' l-investigazzjoni jew li jkunu jeħtieġu rikors għal mezzi ta' investigazzjoni li jaqgħu taħt il-kompetenza ta' awtorità ġudizzjarja nazzjonali, l-għoti ta' dik l-informazzjoni jista' jiġi differit.

6. Mingħajr preġudizzju għar-regoli stabbiliti mit-Trattati, partikolarment il-Protokoll dwar privileġġi u immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, u d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, id-deċiżjoni li għandha tiġi adottata minn kull istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija kif hemm provdut fil-paragrafu 1, għandha b'mod partikolari tinkludi regoli dwar:

(a) id-dover minn naħa tal-membri, l-uffiċjali, u l-impjegati oħra ta' l-istituzzjonijiet u korpi, u managers, uffiċjali u impjegati ta' uffiċċji u aġenziji, li jikkooperaw u jipprovdu informazzjoni lill-impjegati ta' l-Uffiċċju;

(b) il-proċeduri li għandhom jiġu osservati mill-impjegati ta' l-Uffiċċju meta jagħmlu investigazzjonijiet interni u l-garanziji tad-drittijiet tal-persuni iinvoluti f'investigazzjoni nterna.

Artikolu 5

Ftuħ ta' investigazzjonijiet

Għandhom jinfetħu investigazzjonijiet esterni fuq deċiżjoni tad-Direttur ta' l-Uffiċċju, li jista' jaġixxi fuq inizjattiva tiegħu stess jew wara talba mill-Istat Membru in kwestjoni.

Għandhom jinfetħu investigazzjonijiet interni fuq deċiżjoni tad-Direttur ta' l-Uffiċċju, li jista' jaġixxi fuq inizjattiva tiegħu stess jew wara talba mill-istituzzjoni, korp, uffiċċju, jew aġenzija li fi ħdanha għandha ssir l-investigazzjoni.

Artikolu 6

Proċedura ta' l-investigazzjonijiet

1. Id-Direttur ta' l-Uffiċċju għandu jidderiġi l-mod kif jitmexxew l-investigazzjonijiet.

2. L-impjegati ta' l-Uffiċċju għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom wara li jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li turi l-identità u l-kapaċità tagħhom.

3. L-impjegati ta' l-Uffiċċju għandhom ikunu attrezzati għal kull intervent b'awtorità bil-miktub maħruġa mid-Direttur li tindika s-suġġett ta' l-investigazzjoni.

4. Waqt l-ispezzjonijiet u l-kontrolli fuq il-post, l-impjegati ta' l-Uffiċċju għandhom jadottaw attitudni li tikkonforma mar-regoli u l-prassi li jirregolaw uffiċjali ta' l-Istat Membru iinvolut, mar-Regolamenti tal-Persunal u mad-deċiżjonijiet li ssir referenza għalihom fit-tieni subparagrafu ta' Artikolu 4(1).

5. L-investigazzjonijiet għandhom jitmexxew kontinwament matul perjodu li għandu jkun proporzjonat għaċ-ċirkostanzi u l-komplessità tal-każ.

6. L-Istati Membri għandhom jagħmlu ċert illi l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet nazzjonali, jagħtu l-għajnuna neċessarja sabiex l-impjegati ta' l-Uffiċċju jkunu jistgħu jwettqu xogħolhom. L-istituzzjonijiet u l-korpi għandhom jagħmlu ċert li l-membri u l-Persunal tagħhom jagħtu l-għajnuna meħtieġa sabiex l-aġenti ta' l-Uffiċċju jkunu jistgħu jwettqu xogħolhom; l-uffiċċji u aġenziji għandhom jagħmlu ċert illi l-managers u l-Persunal tagħhom jagħmlu l-istess.

Artikolu 7

Dmir li jiġi informat l-Uffiċċju

1. L-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji għandhom jgħaddu lill-Uffiċċju mingħajr dewmien kull informazzjoni li għandha x'taqsam ma' każijiet possibbli ta' frodi jew korruzzjoni jew kull attività illegali oħra.

2. L-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji u, sa fejn il-liġi nazzjonali tippermetti, l-Istati Membri għandhom, fuq talba ta' l-Uffiċċju jew fuq inizjattiva tagħhom stess, jibagħtu kull dokument jew informazzjoni li jkollhom li għandhom x'jaqsmu ma' investigazzjoni interna li tkun għaddejja.

L-Istati Membri għandhom jibagħtu d-dokumenti u l-informazzjoni li għandhom x'jaqsmu ma' l-investigazzjonijiet esterni skond id-dispożizzjonijiet relevanti.

3. L-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji, u, sa fejn il-liġi nazzjonali tippermetti, l-Istati Membri għandhom ukoll jibagħtu lill-Uffiċċju kull dokument ieħor jew kull informazzjoni li jkollhom u li jidhrilhom li jkunu relevanti għall-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni jew kull attività oħra illegali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet.

Artikolu 8

Il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni ta' l-informazzjoni

1. L-informazzjoni miksuba waqt investigazzjonijiet esterni, tkun xi tkun il-forma tagħha, għandha tkun protetta mid-dispożizzjonijiet relevanti.

2. L-informazzjoni mibgħuta jew miksuba matul l-investigazzjonijiet interni, tkun xi tkun il-forma tagħha, għandha tkun soġġetta għas-segretezza professjonali mogħtija mid-dispożizzjonijiet applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej.

Din l-informazzjoni m'għandhiex tiġi komunikata lil persuni oħra ħlief lil dawk fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej jew fl-Istati Membri li minħabba l-funzjonijiet tagħhom jeħtieġu li jkunu jafu, u l-anqas ma tista' tintuża għal skopijiet oħrajn apparti mill-prevenzjoni ta' frodi, korruzzjoni jew kull attività oħra illegali.

3. Id-Direttur għandu jagħmel ċert li l-impjegati ta' l-Uffiċċju u l-persuni l-oħra li jkunu qegħdin jaġixxu taħt l-awtorità tiegħu josservaw id-dispożizzjonijiet tal-Komunità u dawl nazzjonali dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni personali, partikolarment dawk li hemm provdut dwarhom fid-Direttiva 95/46/KE ta' l-Parlament Ewropew u ta l-Kunsill ta' l-24 Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' informazzjoni personali u l-moviment liberu ta' dik l-informazzjoni [7].

4. Id-Direttur ta' l-Uffiċċju u l-membri tal-Kumitat ta' Sorveljanza li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 11 għandhom jiżguraw li dan l-Artikolu u Artikoli 286 u 287 tat-Trattat jiġu applikati.

Artikolu 9

Ir-rapport ta' l-investigazzjoni u l-azzjoni meħuda wara l-investigazzjonijiet

1. Malli titlesta investigazzjoni mwettqa mill-Uffiċċju, dan ta' l-aħħar għandu jħejji rapport, taħt l-awtorità tad-Direttur, li jispeċifika l-fatti stabbiliti, it-telf finanzjarju, jekk ikun hemm, u s-sejbiet ta' l-investigazzjoni, inklużi r-rakkomandazzjonijiet tad-Direttur ta' l-Uffiċċju dwar l-azzjoni li għandha tittieħed.

2. Meta jiġu mħejjija dawn ir-rapporti, għandhom jiġu meqjusa r-rekwiżiti proċedurali stabbiliti fil-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru iinvolut Ir-rapporti preparati fuq dik il-bażi għandhom jikkostitwixxu prova ammissibbli fi proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji ta' l-Istat Membru li fih l-użu tagħhom jirriżulta li huwa meħtieġ, bl-istess mod u taħt l-istess kondizzjonijiet bħar-rapporti amministrattivi mħejjija minn spetturi amministrattivi nazzjonali. Għandhom ikunu soġġetti għall-istess regoli ta' valutazzjoni bħal dawk applikabbli għar-rapporti amministrattivi mħejjija minn spetturi amministrattivi nazzjonali u huma ta' valur identiku għal dawk ir-rapporti.

3. Rapporti magħmula wara investigazzjoni esterna u kull dokument relatat li jkun utli għandhom jintbagħtu lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri in kwistjoni skond ir-regoli li għandhom x'jaqsmu ma' investigazzjonijiet esterni.

4. Rapporti mħejjija wara investigazzjoni interna u kull dokument relatat li jkun utli għandhom jintbagħtu lill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija iinvoluta. L-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija għandhom jieħdu dik l-azzjoni, partikolarment dixxiplinarja jew legali, fuq il-bażi ta' l-investigazzjonijiet interni, skond ir-riżultati ta' dawk l-investigazzjonijiet, u għandha tirraporta dwarha lid-Direttur ta' l-Uffiċċju fit-terminu ta' żmien minnu stipulat fis-sejbiet tar-rapport tiegħu.

Artikolu 10

Informazzjoni mibgħuta mill-Uffiċċju

1. Mingħajr preġudizzju għal Artikoli 8, 9 u 11 ta' dan ir-Regolament u għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96, l-Uffiċċju jista' f'kull ħin jibgħat lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri nteressati l-informazzjoni miksuba waqt investigazzjonijiet esterni.

2. Mingħajr preġudizzju għal Artikoli 8, 9 u 11 ta' dan ir-Regolament, id-Direttur ta' l-Uffiċċju għandu jibgħat lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta' l-Istat Membru iinvolut l-informazzjoni miksuba mill-Uffiċċju waqt investigazzjonijiet interni fi kwistjonijiet li jistgħu jwasslu għal proċeduri kriminali. Bla ħsara għar-rekwiżiti ta' l-investigazzjoni, huwa għandu fl-istess ħin jinforma lill-Istat Membru involut.

3. Mingħajr preġudizzju għal Artikoli 8 u 9 ta' dan ir-Regolament, l-Uffiċċju jista' f'kull ħin jibgħat lill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija iinvoluti l-informazzjoni miksuba waqt l-investigazzjonijiet interni.

Artikolu 11

Kumitat ta' Sorveljanza

1. Il-Kumitat tas-Sorveljanza għandu jsaħħaħ l-indipendenza ta' l-Uffiċċju b'sorveljanza regolari mill-qrib ta' l-implimentazzjoni tal-funzjoni investigattiva.

Fuq talba tad-Direttur jew fuq inizjattiva tiegħu stess, il-kumitat għandu jagħti opinjonijiet lid-Direttur dwar l-attivitajiet ta' l-Uffiċċju, mingħajr madankollu ma jfixkel it-tmexxija ta' l-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin.

2. Għandu jkun kompost minn ħames persuni indipendenti u esterni li jkollhom il-kwalifiki meħtieġa għall-ħatra fil-pajjiżi rispettivi tagħhom f'karigi ta' anzjanità li għandhom x'jaqsmu ma' l-oqsma ta' attività ta' l-Uffiċċju. Għandhom jiġu maħtura bi qbil komuni mal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni.

3. Il-mandat tal-membri għandu jkun ta' tlett snin u jista' jiġġedded darba.

4. Meta jiskadi l-mandat tagħhom, il-membri għandhom jibqgħu fil-kariga sakemm il-ħatriet tagħhom jiġġeddu jew sakemm jiġu mibdula.

5. Waqt li jwettqu d-dmirijiet tagħhom, m'għandhom la jfittxu u l-anqas jieħdu struzzjonijiet mingħand xi gvern jew xi istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija.

6. Il-Kumitat ta' Sorveljanza għandu jaħtar il-President tiegħu. Għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu. Għandu jsejjaħ ta' mill-inqas 10 laqgħat fis-sena. Għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu b'maġġoranza tal-membri tiegħu. Is-segretarjat tiegħu għandu jiġi provdut mill-Uffiċċju.

7. Id-Direttur għandu kull sena jibgħat lill-Kumitat ta' Sorveljanza l-programm ta' attivitajiet ta' l-Uffiċċju li ssir referenza għalih f'Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament. Id-Direttur għandu jżomm lill-kumitat informat regolarment dwar l-attivitajiet ta' l-Uffiċċju, l-investigazzjonijiet tiegħu, ir-riżultati tagħhom u l-azzjoni meħuda fuqhom. Meta investigazzjoni tkun ilha għaddejja għal aktar minn disa' xhur, id-Direttur għandu jinforma lill-Kumitat ta' Sorveljanza bir-raġunijiet li minħabba fihom ma kienx possibbli li tingħalaq l-investigazzjoni, u biż-żmien meta huwa mistenni li titlesta. Id-Direttur għandu jinforma lill-Kumitat dwar każijiet fejn l-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija in kwistjoni jkunu naqsu milli jaġixxu fuq ir-rakomandazzjonijiet magħmula minnu. Id-Direttur għandu jinforma lill-kumitat dwar każijiet li jkunu jeħtieġu li xi informazzjoni tintbagħat lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta' Stat Membru.

8. Il-Kumitat ta' Sorveljanza għandu jadotta ta' mill-inqas rapport wieħed dwar l-attivitajiet tiegħu kull sena, u dan għandu jibagħtu wkoll lill-istituzzjonijiet. Il-kumitat jista' jippreżenta rapporti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti ta' l-Awdituri dwar ir-riżultati ta' l-investigazzjonijiet ta' l-Uffiċċju u l-azzjoni meħuda fuqhom.

Artikolu 12

Id-Direttur

1. L-Uffiċċju għandu jitmexxa minn Direttur nominat mill-Kummissjoni b'mandat ta' ħames snin, li jista' jiġġedded darba.

2. Bl-għan li taħtar id-Direttur, il-Kummissjoni għandha, wara sejħa għall-applikazzjonijiet li għandha, jekk ikun xieraq, tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u wara li tkun ingħatat opinjoni favorevoli mill-Kumitat ta' Sorveljanza, tħejji lista ta' kandidati li huma kkwalifikati kif inhu xieraq. Wara konsultazzjonijiet mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, il-Kummissjoni għandha taħtar lid-Direttur.

3. Id-Direttur m'għandu la jfittex u lanqas jieħu struzzjonijiet minngħand xi gvern jew xi istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija waqt l-eżekuzzjoni tad-doveri tiegħu fir-rigward tal-ftuħ u t-twettieq ta' investigazzjonijiet esterni u interni jew tat-tħejjija ta' rapporti wara dawk l-investigazzjonijiet. Jekk id-Direttur jidhirlu li xi miżura meħuda mill-Kummissjoni titfa' xi dubju fuq l-indipendenza tiegħu, ikun intitolat li jressaq azzjoni kontra din l-istituzzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Id-Direttur għandu jirraporta regolament lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti ta' l-Awdituri dwar is-sejbiet ta' l-investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċċju, waqt li jirrispetta l-kunfidenzjalità ta' dawk l-investigazzjonijiet, id-drittijiet leġittimi tal-persuni iinvoluti u, fejn ikun xieraq, id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għal proċedimenti ġudizzjarji.

L-istituzzjonijiet hawn fuq imsemmija għandhom jiżguraw li l-kunfidenzjalità ta' l-investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju tiġi rispettata, flimkien mad-drittijiet leġittimi tal-persuni iinvoluti, u, fejn ikunu nbdew proċeduri ġudizzjarji, li d-dispożizzjonijiet nazzjonali kollha applikabbli għal dawk il-proċedimenti jkunu ġew imħarsa.

4. Qabel ma tieħu xi sanzjoni dixxiplinarja kontra d-Direttur, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Kumitat ta' Sorveljanza. Barraminnhekk, miżuri li għandhom x'jaqsmu ma' sanzjonijiet dixxiplinarji kontra d-Direttur għandhom ikunu s-suġġett ta' deċiżjonijiet raġunati li għandhom jintbagħtu għall-informazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Artikolu 13

Finanzjament

L-approprijazzjonijiet għall-Uffiċċju, li l-ammont totali tagħhom għandu jiddaħħal taħt kategorija speċjali tal-budget f'Parti A tat-taqsima tal-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea li għandha x'taqsam mal-Kummissjoni, għandhom jiġu ppreżentati b'mod dettaljat għal dik il-Parti.

Il-karigi allokati lill-Uffiċċju għandhom jiġu elenkati fl-Anness għall-pjan ta' l-istabbiliment tal-Kummissjoni.

Artikolu 14

Reviżjoni ġudizzjarja

Sakemm jiġu emendati r-Regolamenti tal-Persunal, kull uffiċjal jew impjegat ieħor tal-Komunitajiet Ewropej jista' jippreżenta lid-Direttur ta' l-Uffiċċju lment bis-saħħa ta' dan l-Artikolu kontra xi att magħmul mill-Uffiċċju bħala parti minn investigazzjoni interna li jkun laqtu b'mod negattiv, skond il-proċeduri stabbiliti f'Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Artikolu 91 tar-Regolamenti il-Persunaltal-Persunal għandu japplika għal deċiżjonijiet meħuda fir-rigward ta' dawk l-ilmenti.

Id-dispożizzjonijiet ta' hawn fuq għandhom japplikaw b'analoġija għalil-Persunal ta' l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji li m'humiex soġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal.

Artikolu 15

Rapport tal-progress

Matul it-tielet sena wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport tal-progress dwar l-attivitajiet ta' l-Uffiċċju, flimkien ma' l-opinjoni tal-Kumitat ta' Sorveljanza, kif ukoll ma' proposti sabiex jiġi modifikat jew estiż ix-xogħol ta' l-Uffiċċju, fejn dawn ikunu approprjati.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol Fis-seħħ Fl-1 ta’ Ġunju 1999.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fil-25 ta' Mejju 1999.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J.M. Gil-robles

Għall-Kunsill

Il-President

H. Eichel

[1] ĠU Ċ 21, tas-26.1.1999, p. 10.

[2] Opinjoni mogħtija fl-14 April 1999 (għadha ma ġietx pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew mogħtija fis-6 Mejju 1999 (għadha ma ġietx pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 Mejju 1999.

[4] Ara l-paġna 20 ta' din l-edizzjoni tal-Ġurnal Uffiċjali.

[5] ĠU L 292, tal-15.11.1996, p. 2.

[6] ĠU L 312, tat-23.12.1995, p. 1.

[7] ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31.

--------------------------------------------------

Top