Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31998R1172

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/98 tal-25 ta' Mejju 1998 dwar prospetti ta' l-istatistika rigward it-trasport ta' merkanzija bit-triq

    ĠU L 163, 6.6.1998, p. 1–12 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 22/02/2012; Imħassar b' 32012R0070

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1998/1172/oj

    31998R1172



    Official Journal L 163 , 06/06/1998 P. 0001 - 0008


    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/98

    tal-25 ta' Mejju 1998

    dwar prospetti ta' l-istatistika rigward it-trasport ta' merkanzija bit-triq

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 213 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-abbozz tar-Regolament sottomess mill-Kummissjoni [1],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

    (1) Billi, sabiex twettaq ix-xogħlijiet mogħtija lilha fil-kuntest tal-politika komuni tat-trasport, il-Kummissjoni għandu jkollha għad-dispożizzjoni tagħha data statistika komparabbli, ta' min jorbot fuqha, sinkronizzata, regolari u komprensiva fuq l-iskala u l-iżvilupp tal-ġarr tal-merkanzija bit-triq permezz ta' vetturi rreġistrati fil-Komunità, u fi grad ta' utilizzazzjoni tal-vetturi li jwettqu dan it-trasport.

    (2) Billi d-Direttiva tal-Kunsill 78/546/KEE tat-12 ta' Ġunju 1978 dwar ir-riżultati ta' l-istatistika rigward il-ġarr tal-merkanzija bit-triq, bħala parti mill-istatistiċi reġjonali [4] ma tipprovdix għal riżultati dwar it-tipi ta' trasport li ma kinux awtorizzati fiż-żmien meta kienet adottata d-Direttiva; billi r-riżultati li hemm ipprovdut għalihom ifornu informazzjoni differenti għat-trasport nazzjonali u internazzjonali u billi din ma tipprovdi ebda informazzjoni fuq il-grad ta' utilizzazzjoni għall-vetturi li jwettqu dan it-trasport.

    (3) Billi huwa neċessarju li jiġu kkompilati statistiċi reġjonali komprensivi kemm rigward il-ġarr tal-merkanzija kif ukoll rigward il-vjaġġi tal-vetturi.

    (4) Billi hu għalhekk xieraq li tiġi emendata s-sistema stabbilita mid-Direttiva 78/546/KEE biex tiġi assigurata d-deskrizzjoni ta' l-oriġini u d-destinazzjoni reġjonali tat-trasport intra-Komunitarju fuq l-istess bażijiet tat-trasport nazzjonali, u biex tiġi pprovduta rabta bejn il-ġarr tal-merkanzija u l-vjaġġi tal-vetturi billi jitkejjel il-grad ta' l-utilizzazzjoni tal-vetturi li jwettqu dan it-trasport.

    (5) Billi, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-ħolqien tal-livelli statistiċi komuni li jippermettu l-produzzjoni ta' l-informazzjoni armonizzata jista' jsir b'mod effiċjenti biss fil-livell Komunitarju, filwaqt li d-data tinġabar f'kull Stat Membru taħt l-awtorità ta' l-entitajiet u l-istituzzjonijiet inkarigati mill-kompilazzjoni ta' l-istatistiċi uffiċjali.

    (6) Billi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 tas-17 ta' Frar 1997 dwar l-istatistiċi Komunitarji [5] jipprovdi qafas ta' referenza għad-dispożizzjonijiet stabbiliti minn dan ir-Regolament, b'mod partikulari dawk relatati ma' l-aċċess għas-sorsi tad-data amministrattivi, ma' kemm il-prezz tar-riżorsi disponibbli jkun ekonomiku u mal-kunfidenzjalità statistika.

    (7) Billi li l-komunikazzjoni tad-data individwali, ladarba ssir anonima, tkun neċessarja sabiex tiġi stmata l-preċiżjoni globali tar-riżultati.

    (8) Billi huwa importanti li jiġi assigurat li l-informazzjoni statistika tixxerred kif suppost.

    (9) Billi, matul il-perijodu tal-bidu, il-Komunità tkun teħtieġ li tipprovdi lill-Istati Membri kontribuzzjoni finanzjarja għat-twettiq tax-xogħol neċessarju.

    (10) Billi huwa xieraq li ssir proċedura simplifikata għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u l-adattazzjoni tiegħu għall-progress ekonomiku u tekniku.

    (11) Billi l-Kumitat tal-Programm Statistiku stabbilit mid-Deċiżjoni 89/382/KEE, Euratom [6] ġie kkonsultat skond l-L-Artikolu 3 tagħha; billi dan iddikjara li huwa jaqbel ma' dan ir-Regolament,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    L-Artikolu 1

    Is-suġġett u l-kamp ta' applikazzjoni

    1. Kull Stat Membru għandu jikkompila statistiċi Komunitarji dwar il-ġarr ta' merkanzija bit-triq permezz ta' vetturi tat-triq għat-trasport tal-merkanzija li jkunu rreġistrati f'dak l-Istat Membru, u dwar il-vjaġġi li jsiru minn vetturi bħal dawn.

    2. Dan ir-Regolament m'għandux japplika għall-ġarr tal-merkanzija bit-triq permezz ta':

    (a) l-vetturi tat-triq għat-trasport tal-merkanzja li l-piż awtorizzat jew id-dimensjonijiet tagħhom jaqbżu l-limiti normalment permessi fl-Istati Membri kkonċernati;

    (b) il-vetturi agrikoli, il-vetturi militari u l-vetturi li jkunu ta' l-amministrazzjonijiet ċentrali jew pubbliċi lokali, bl-eċċezzjoni tal-vetturi tat-triq għat-trasport tal-merkanzija li jkunu ta' impriżi pubbliċi, u b'mod partikulari ta' impriżi ferrovjarji.

    Kull Stat Membru jista' jeskludi mill-ambitu ta' dan ir-Regolament il-vetturi tat-triq għat-trasport tal-merkanzija li l-kapaċità tat-tagħbija tagħhom jew il-piż permissibbli tagħhom meta bit-tagħbija jkun anqas minn ċertu limitu. Dan il-limitu ma jistax jaqbeż kapaċita tat-tagħbija ta' 3,5 tunnellata metrika jew piż permissibbli meta bit-tagħbija ta' 6 tunellati metriċi fil-każ ta' vetturi b'mutur wieħed.

    L-Artikolu 2

    Id-definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom jgħoddu:

    - "ġarr tal-merkanzija bit-triq": it-trasport kollu tal-merkanzija permezz tal-vetturi tat-triq għat-trasport tal-merkanzija,

    - "il-vettura tat-trasport bit-triq": vettura tat-trasport bit-triq li tkun mgħammra b'mutur li jkun il-mezz waħdieni għall-propulsjoni tagħha, li hi normalment użata għall-ġarr tal-persuni jew tal-merkanzija bit-triq, jew għall-ġbid, bit-triq, ta' vetturi wżati għall-ġarr ta' persuni jew merkanzija,

    - "vettura tat-triq għat-trasport tal-merkanzija": vettura tat-triq iddisinjata esklussivament jew primarjament għall-ġarr tal-merkanzija (vann, karru, nofs-karru),

    - "vettura għat-trasport tal-merkanzija bit-triq": kwalunkwe vettura singola tat-triq għat-trasport (trakk), jew kombinazzjoni ta' vetturi tat-triq, jiġifieri tren (trakk ma' karru) jew vettura artikolata (żiemel ma' nofs-karru) iddisinjati għall-ġarr tal-merkanzija,

    - "trakk": vettura tat-triq riġida ddisinjata esklussivament jew primarjament għall-ġarr tal-merkanzija,

    - "żiemel": vettura tat-triq għat-trasport iddisinjata esklussivament jew primarjament biex tiġbed vetturi oħra tat-triq li ma jkunux misjuqa minn mutur (b'mod ewlieni nofs karru),

    - "karru": vettura tat-triq għat-trasport tal-merkanzija ddisinjata biex tinġibed minn vettura tat-trasport bit-triq,

    - "nofs-karru": vettura tat-triq għat-trasport tal-merkanzija mingħajr fus fuq quddiem iddisinjata b'dan il-mod biex parti mill-vettura u parti sostanzjali tal-piż mgħobbi tagħha tistrieħ fuq iż-żiemel,

    - "vettura artikolata": żiemel flimkien ma' nofs-karru,

    - "tren tat-triq": vettura tat-triq għat-trasport tal-merkanzija imqabbda ma' karru.

    Din il-kategorija tinkludi wkoll vettura artikolata b'karru ieħor imqabbad magħha,

    - "irreġistrat": l-istat ta' meta vettura titniżżel f'reġistru ta' vetturi tat-triq għat-trasport, miżmum minn entità uffiċjali fi Stat Membru, sew jekk ir-reġistrazzjoni tkun akkumpanjata mill-ħruġ tal-pjanċa tar-reġistrazzjoni sew jekk le.

    Fil-każ ta' ġarr permezz ta' kombinazzjoni ta' vetturi tat-triq għat-trasport, jiġifieri tren (trakk ma' karru) jew vettura artikolata (żiemel ma' nofs karru), fejn il-vettura tat-triq għall-merkanzija (trakk jew żiemel) u l-karru jew in-nofs karru jkunu rreġistrati f' pajjiżi differenti, il-vettura sħiħa għandha titqies bħala li tkun irreġistrata fil-pajjiż fejn il-vettura tat-triq għall-merkanzija tkun irreġistrata,

    - "il-kapaċità għat-tagħbija": il-piż massimu tal-merkanzija ddikjarata permessibbli mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż tar-reġistrazzjoni tal-vettura.

    Meta l-vettura għat-trasport tal-merkanzija bit-triq ikun tren magħmul minn trakk b'karru, il-kapaċità tat-tagħbija tat-tren tkun it-total tal-kapaċità tat-tagħbija tat-trakk u tal-karru,

    - "il-piż massimu permissibbli": il-piż totali tal-vettura (jew il-kombinazzjoni tal-vetturi) meta din tkun wieqfa u lesta għat-triq flimkien mal-piż tat-tagħbija iddikjarat permissibbli mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż tar-reġistrazzjoni tal-vettura,

    - "Eurostat": id-dipartiment tal-Kummissjoni responsabbli għat-twettiq tax-xogħlijiet li jaqgħu fuq dik l-istituzzjoni fis-settur tal-produzzjoni ta' l-istatistiċi Komunitarji.

    L-Artikolu 3

    Il-ġbir tad-data

    1. L-Istati Membri għandhom jikkompilaw data statistika li jkollha x'taqsmu mas-setturi li ġejjin:

    (a) id-data li għandha x'taqsam mal-vetturi;

    (b) id-data li għandha x'taqsam mal-vjaġġ;

    (ċ) id-data li għandha x'taqsam mal-merkanzija.

    2. It-tagħrif varjabbli fl-istatistiċi ta' kull żona, id-definizzjoni tagħhom u l-livelli fil-klassifika użata għall-analiżi qed jingħataw fl-Annessi.

    3. Meta jkun qed jiġi deċiż il-metodu li għandu jiġi użat għall-kompilazzjoni tad-data statistika, l-Istati Membri għandhom jieqfu milli jwettqu kwalunkwe formalità fuq il-fruntieri ta' bejn l-Istati Membri.

    4. Il-karatteristiċi tal-ġbir tad-data u l-kontenut ta' l-Annessi għandhom jiġu addottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10.

    L-Artikolu 4

    Il-preċiżjoni tar-riżultati

    Il-metodi għall-ġbir u l-ipproċessar tad-data għandhom jiġu żviluppati biex jassiguraw li r-riżultati ta'l-istatistika trasmessi mill-Istati Membri jilħqu l-livelli minimi tal-preċiżjoni, waqt li jitiqesu l-karatteristiċi strutturali tat-trasport bit-triq fl-Istati Membri. Dawn il-livelli għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura speċifikata fl-Artikolu 10.

    L-Artikolu 5

    It-trasmissjoni tar-riżultati lill-Eurostat

    1. L-Istati Membri għandhom jittrasmettu lill-Eurostat kull erba' xhur id-data individwali vverifikata kif suppost li tkun tikkorrispondu mat-tibdiliet imsemmija fl-Artikolu 3 u elenkati fl-Anness A, mingħajr l-indikazzjoni ta' l-isem, l-indirizz jew in-numru tar-reġistrazzjoni.

    Trasmissjoni bħal din għandha, fejn ikun xieraq, tinkludi d-data li għandha x'taqsam ma' termini trimensili anteċedenti li għalihom id-data trasmessa kienet proviżorja.

    2. L-arranġamenti għat-trasmissjoni tad-data msemmija fil-paragrafu 1, inklużi, jekk ikun hemm, l-iskedi statistiċi bbażati fuq dawk id-data, għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura speċifikata fl-Artikolu 10.

    3. It-trasmissjoni għandha sseħħ fi żmien ħames xhur mill-aħħar ta' kull perjodu ta' tliet xhur ta' osservazzjoni.

    L-ewwel trasmissjoni għandha tkopri l-ewwel tliet xhur ta' l-1999.

    4. Matul perijodu transizzjonali mill-1 ta' Jannar 1999 sa data stabbilita skond il-paragrafu 5, Stat Membru jista' juża kodifikazzjoni simplifikata għall-varjabbli elenkati fl-Anness A, il-parti A2, it-taqsimiet 3, 4, 8 u 9, u fil-parti A3, it-taqsimiet 5 u 6.

    Din il-kodifikazzjoni simplifikata għandha tkun tikkonsisti fi:

    - għat-trasport nazzjonali: kodifikazzjoni skond l-Anness G,

    - għat-trasport internazzjonali: għall-kodifikazzjoni għal kull pajjiż.

    5. Id-data ta' l-iskadenza tal-perjiodu transizzjonali provdut fil-paragrafu 4 għandha tiġi ffissata, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10, malli l-kondizzjonijiet tekniċi jkunu jeżistu biex jagħmluha possibbli li jkun hemm sistema effettiva ta' kodifikazzjoni reġjonali biex tintuża kemm għat-trasport nazzjonali kif ukoll internazzjonali skond l-Anness G, it-taqsimiet 1 u 2.

    L-Artikolu 6

    Id-disseminazzjoni tar-riżultati

    Id-dispożizzjonijiet dwar id-disseminazzjoni tar-riżultati ta' l-istatisitika rigward il-ġarr tal-merkanzija bit-triq, inklużi l-istruttura u l-kontenut tar-riżultati li għandhom jiġu disseminati, għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura speċifikata fl-Artikolu 10.

    L-Artikolu 7

    Ir-rapporti

    1. L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Eurostat, fid-data jew qabel id-data li fiha l-informazzjoni ta' l-ewwel tliet xhur tiġi mgħoddija, rapport dwar il-metodi użati għall-kompilazzjoni tad-data.

    L-Istati Membri għandhom ukoll jgħaddu lill-Eurostat id-dettalji ta' kwalunkwe tibdil sostanzjali fil-metodi użati għall-ġbir tad-data.

    2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Eurostat bl-informazzjoni ta' kull sena dwar id-daqsijiet tal-kampjuni, ir-rati ta' dawk li ma weġbux u, fil-forma ta' żball normali jew intervalli tal-kunfidenza, kemm ikunu ta' min jorbot fuqhom ir-riżultati ewlenija.

    3. Wara li d-data tkun inġabret matul tliet snin, il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-esperjenza miksuba fix-xogħol imwettaq skond dan ir-Regolament.

    L-Artikolu 8

    Il-kontribuzzjoni finanzjarja

    1. Matul l-ewwel tliet snin ta' l-implimentazzjoni tar-riżultati ta' l-istatistika kif provdut minn dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jirċievu kontribuzzjoni fil-forma ta' assistenza finanzjarja mill-Komunità favur l-ispiża minfuqa fit-twettiq tax-xogħol involut.

    2. L-ammont ta' l-approprjazzjonijiet allokati għal din il-miżura kull sena għandu jiġi ffissat bħala parti mill-proċedura annwali tal-budget.

    3. L-awtorità tal-budget għandha tiddeċiedi l-approprjazzjonijiet disponibbli għal kull sena.

    4. Fir-rapport provdut fl-Artikolu 7(3), il-Kummissjoni għandha tenumera l-użu tal-fondi Komunitarji allokati għal din il-miżura.

    Fuq il-bażi tar-rapport provdut mill-Artikolu 7(3), il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk kontribuzzjonijiet finanzjarji oħra jkunux neċessarji għal perjodu addizzjonali ta' tliet snin.

    L-Artikolu 9

    Il-proċeduri għall-implimentazzjoni

    Il-proċeduri għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, inklużi l-miżuri għall-adattazzjoni tiegħu b'riżq il-progress ekonomiku u tekniku għandhom jiġu stabbiliti, sakemm dan ma jkunx jinvolvi żieda sproporzjonata fl-ispiża għall-Istati Membri u/jew piż fuq dawk li jirrispondu, b'konformità mal-proċedura speċifikata fl-Artikolu 10. Proċeduri bħal dawn għandhom jikkonċernaw b'mod partikulari:

    - l-adattazjoni tal-karatteristiċi tal-ġbir tad-data u tal-kontenut ta' l-Annessi,

    - il-ħtiġiet dwar il-preċiżjoni,

    - l-arranġamenti għat-trasmissjoni tad-data lill-Eurostat, inklużi, jekk ikun hemm, l-iskedi ta' l-istatistika bbażati fuq dik id-data,

    - id-disseminazzjoni tar-riżultati,

    - l-appuntar tad-data ta' l-iskadenza tal-perjodu transizzjonali provdut fl-Artikolu 5(5) għat-trasmissjoni tal-varjabbli elenkati fl-Artikolu 5(4).

    L-Artikolu 10

    Il-proċedura

    Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat tal-Programm ta' l-Istatistika, minn issa 'l quddiem imsejjaħ "il-Kumitat".

    Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fuq l-abbozz fi żmien limitat li l-president għandu jistabilixxi skond l-urġenza tal-kwestjoni. L-opinjoni għandha tingħata mill-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta' deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun meħtieġ li jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fil-Kumitat għandhom jiġu peżati skond il-mod provdut f'dak l-Artikolu. Il-president m'għandux jivvota.

    Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri, li għandhom jgħoddu immedjatament. Madanakollu, jekk dawn il-miżuri ma jkunux konformi ma'l-opinjoni tal-Kumitat, dawn għandhom immedjatament jiġu kkomunikati mill-Kummissjoni lill-Kunsill. F'dak il-każ:

    - il-Kummissjoni għandha tipposponi l-applikazzjoni tal-miżuri li tkun iddeċidiet fuqhom għal perijodu ta' tliet xhur mid-data tal- komunikazzjoni,

    - il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata, jista' jieħu deċiżjoni differenti fi żmien il-limitu ta' żmien imsemmi fl-ewwel inċiż.

    L-Artikolu 11

    Id-Direttiva 78/546/KEE

    1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu r-riżultati għas-snin 1997 u 1998 skond id-Direttiva 78/546/KEE.

    2. Id-Direttiva 78/546/KEE qiegħda b'dan titħassar b'effett mill-1 ta' Jannar 1999.

    L-Artikolu 12

    Id-dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, fil-25 ta' Mejju 1998.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. Cunningham

    [1] ĠU C 341, tal-11.11.1997, p. 9.

    [2] ĠU C 104, tas-6.4.1998.

    [3] ĠU C 95, tat-30.3.1998, p. 33.

    [4] ĠU L 168, tas-26.6.1978, p. 29. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata mill-Att tas-Sħubija ta' l-1994.

    [5] ĠU L 52, tat-22.2.1997, p. 1.

    [6] ĠU L 181, tat-28.6.1989, p. 47.

    --------------------------------------------------

    L-ANNESSI

    L-Anness A | IL-LISTA TAL-VARJABBLI |

    L-Anness B | IL-KLASSIFIKA TAL-KONFIGURAZZJONIJIET TAL-FUS |

    L-Anness Ċ | IL-KLASSIFIKA TAT-TIPI TAL-VJAĠĠI |

    L-Anness D | IL-KLASSIFIKA TAL-MERKANZIJA |

    L-Anness E | IL-KLASSIFIKA TAL-KATEGORIJI TAL-MERKANZIJA PERIKOLUŻA |

    L-Anness F | IL-KLASSIFIKA TAT-TIPI TAL-MERKANZIJA |

    L-Anness G | IL-KODIFIKA TAL-POSTIJIET TAT-TAGĦBIJA U L-ĦATT |

    --------------------------------------------------

    Top