EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31998L0052

Id-Direttiva tal-Kunsill 98/52/KE tat-13 ta' Lulju 1998 dwar l-estensjoni tad-Direttiva 97/80/KE rigward il-piż tal-prova fil-każijiet ta' diskriminazzjoni msejsa fuq is-sess fir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta'Fuq

ĠU L 205, 22.7.1998, p. 66–66 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/08/2009; Imħassar b' 32006L0054

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1998/52/oj

31998L0052



Official Journal L 205 , 22/07/1998 P. 0066 - 0066


Id-Direttiva Tal-Kunsill 98/52/KE

tat-13 ta' Lulju 1998

dwar l-estensjoni tad-Direttiva 97/80/KE rigward il-piż tal-prova fil-każijiet ta' diskriminazzjoni msejsa fuq is-sess fir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u b'mod partikolari l-Artikolu 100 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-Kunsill, skond il-Ftehim dwar il-politika soċjali anness mal-Protokoll 14 dwar il-politika soċjali anness mat-Trattat tal-KE, u b'mod partikolari l-Artikolu 2(2) tiegħu, adotta d-Direttiva 97/80/KE [4]; billi, b'riżultat ta' dan, din id-Direttiva ma tapplikax għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq;

Billi l-Kunsill Ewropew ta' Amsterdam li sar fis-16 u fis-17 ta' Ġunju 1997, innota b'approvazzjoni l-ftehim tal-Konferenza Intergovernattiva sabiex tinkorpora l-Ftehim dwar il-politika socjali fit-Trattat u nnota wkoll illi kellu jinstab mezz sabiex jagħti effett legali lix-xewqa tar-Renju Unit li jaċċetta d-Direttivi diġà adottati fuq il-bażi ta' dan il-Ftehim u ta' dawk li jistgħu jiġu adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Amsterdam;

Billi, fil-Kunsill ta' l-24 ta' Lulju 1997, il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu li jdaħħlu fis-seħħ il-konklużjonijiet adottati fil-Kunsill Ewropew ta' Amsterdam; billi ftiehmu wkoll li japplikaw l-istess proċeduri, mutatis mutandis, għad-Direttivi tal-futur adottati fuq il-bażi tal-Ftehim dwar il-politika soċjali; billi din id-Direttiva tipprova tikseb dan il-għan billi testendi d-Direttiva 97/80/KE għar-Renju Unit;

Billi l-fatt illi d-Direttiva 97/80/KE ma tapplikax fir-Renju Unit jaffettwa direttament il-funzjonament tas-suq komuni; billi implimentazzjoni effettiva tal-principju dwar it-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa, b'mod partikolari rigward ir-regoli li jorganizzaw il-piż tal-prova fil-każijiet ta' diskriminazzjoni msejsa fuq is-sess, fl-Istati Membri kollha trid tmexxi 'l quddiem il-funzjonament tas-suq komuni;

Billi l-addozzjoni ta' din id-Direttiva tagħmel li d-Direttiva 97/80/KE tapplika għar-Renju Unit; billi, mid-data li fiha din id-Direttiva tidħol fis-seħħ, l-espressjoni "Stati Membri" fid-Direttiva 97/80/KE għandha titqies li tinkludi r-Renju Unit;

Billi r-Renju Unit għandu jibbenefika mill-istess perjodu taż-żmien ta' tliet snin illi kien ingħata lill-Istati Membri l-oħra sabiex idaħħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet meħtieġa għalbiex iħarsu d-Direttiva 97/80/KE,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2, id-Direttiva 97/80/KE għandha tapplika għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq.

L-Artikolu 2

Il-paragrafu li ġej għandu jiddaħħal fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 97/80/KE:

"Rigward ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, id-data ta' l−1 ta' Jannar 2001 fil-paragrafu 1 għandha tinbidel bid-data 22 ta' Lulju 2001."

L-Artikolu 3

Din id Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha.

L-Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-13 ta' Lulju 1998.

Għall-Kunsill

Il-President

W. Schüssel

[1] ĠU C 332, tas-7.11.1996, p. 11.

[2] ĠU C 167, ta' l-6.1.1998.

[3] ĠU C 157, tal-25.5.1998, p. 64.

[4] ĠU L 14, ta' l-20.1.1998, p. 6.

--------------------------------------------------

Top