EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 31998L0024
Council Directive 98/24/EC of 7 April 1998 on the protection of the health and safety of workers from the risks related to chemical agents at work (fourteenth individual Directive within the meaning of Article 16(1) of Directive 89/391/EEC)
Id-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE tas-7 ta'April 1998 dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mir-riskji li għandhom x'jaqsmu ma’ l-aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol (l-erbatax-il Direttiva individwali fit-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE)
Id-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE tas-7 ta'April 1998 dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mir-riskji li għandhom x'jaqsmu ma’ l-aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol (l-erbatax-il Direttiva individwali fit-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE)
ĠU L 131, 5.5.1998, p. 11–23
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)
In force
Official Journal L 131 , 05/05/1998 P. 0011 - 0023
DIRETTIVA TAL-KUNSILL 98/24/KE tas-7 ta'April 1998 dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mir-riskji li għandhom x'jaqsmu ma' l-aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol (l-erbatax-il Direttiva individwali fit-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidrat t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 118a tiegħu, Wara li kkunsidrat l-proposta mill-Kummissjoni([1]), imfassla wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv tas-Sigurtà, l-Iġjene u l-Protezzjoni tas-Saħħa fuq ix-Xogħol, Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali ([2]), Filwaqt li jaġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 189ċ tat-Trattat ([3]), (1) Billi l-Artikolu 118a tat-Trattat jipprovdi illi l-Kunsill għandu jadotta, permezz ta' Direttivi, il-ħtiġijiet minimi sabiex jinkoraġġixxi t-titjib, b'mod speċjali fl-ambjent tax-xogħol, li jiggarantixxi livell aħjar ta' protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema; (2) Billi, skond dan l-Artikolu, ċerti Direttivi għandhom jevitaw li jimponu restrizzjonijiet amministrattivi, finanzjari u legali hekk illi jżommu lura l-ħolqien u l-iżvilupp ta' l-impriżi ż-żgħar u ta' daqs medju. (3) Billi t-titjib tas-sigurtà, l-iġjene u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol huwa għan illi ma għandux ikun subordinat għal konsiderazzjonijiet purament ekonomiċi; (4) Billi r-rispett għall-ħtiġijiet minimi dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mir-riskji li għandhom x'jaqsmu ma' l-aġenti kimiċi jimmira illi jiżgura mhux biss il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà ta' kull ħaddiem individwali imma wkoll li jipprovdi livell minimu ta' protezzjoni għall-ħaddiema kollha fil-Komunitá li jevita kull tgħawwiġ possibli fil-qasam tal-kompetizzjoni; (5) Billi għandu jiġi stabbilit għall-Komunità kollha livell konsistenti ta' protezzjoni mir-riskji li għandhom x'jaqsmu ma' l-aġenti kimiċi; billi dan il-livell ta' protezzjoni għandu jiġi ffissat mhux permezz ta' ħtiġijiet dettaljati preskrittivi imma minn qafas ta' prinċipji ġenerali li jgħinu lill-Istati Membri sabiex japplikaw il-ħtiġijiet minimi b'mod konsistenti; (6) Billi attività ta' xogħol li tinvolvi aġenti kimiċi x'aktarx illi tesponi lill-ħaddiema għar-riskju; (7) Billi d-Direttiva tal-Kunsill 80/1107/KEE tas-27 ta' Novembru 1980 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji li għandhom x'jaqsmu ma' l-espożizzjoni ta' kimiċi, aġenti fiżiċi u bioloġiċi fuq il-post tax-xogħol ([4]), id-Direttiva tal-Kunsill 82/605/KEE tat-28 Lulju 1982 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji li għandhom x'jaqsmu ma' l-espożizzjoni għaċ-ċomb metalliku u l-komposti joniċi tiegħu waqt ix-xogħol (l-ewwel Direttiva individwali fit-tifsira ta' l-Artikolu 8 tad-Direttiva 80/1107/KEE) ([5]) u d-Direttiva tal-Kunsill 88/364/KEE tad-9 ta'Ġunju 9 1988 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema permezz tat-tneħħija ta' ċerti aġenti speċifiċi u/jew ċerti attivitajiet tax-xogħol (ir-raba' Direttiva individwali fit-tifsira ta' l-Arikolu 8 tad-Direttiva 80/1107/KEE) ([6]), għandhom, għall-konsistenza u ċ-ċarezza kif ukoll għal raġunijiet tekniċi, jiġu reveduti u inklużi f'Direttiva unika li tistabbilixxi l-ħtiġijiet minimi għall-protezzjoni u s-sigurtà tal-ħaddiema f'attivitajiet tax-xogħol li jinvolvu l-aġenti kimiċi; billi dawn id-Direttivi jistgħu jiġu mħassra; (8) Billi din id-Direttiva hija Direttiva individwali skond it-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391//KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri li jinkoraġġixxu t-titjib fis-sigurtà u fis-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol ([7]); (9) Billi għalhekk id-disposizzjonijiet tad-Direttiva msemmija japplikaw fl-intier tagħhom għall-espożizzjoni tal-ħaddiema għall-aġenti kimiċi, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet iktar strinġenti u/jew speċifiċi li jinsabu f'din id-Direttiva; (10) Billi disposizzjonijiet iktar strinġenti u/jew speċifiċi li għandhom x'jaqsmu mat-trasport ta' l-aġenti kimiċi perikolużi jinsabu fil-ftehim u l-konvenzjonijiet internazzjonali li jorbtu inkorporati fid-disposizzjonijiet Komunitarji dwar it-trasport ta' l-merkanzija perikoluż bit-triq, bil-ferrovija, bil-baħar u bl-ajru; (11) Billi fid-Direttiva 67/548/KEE ([8]) u d-Direttiva 88/379/KEE ([9]) dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u t-tikkettjar, rispettivament, tas-sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi, il-Kunsill stabbilixxa sistema ta' kriterji għall-klassifikazzjoni tas-sustanzi u l-preparazzjonijiet perikolużi; (12) Billi d-definizzjoni ta' l-aġenti kimiċi ta' riskju għandhom jinkludu kull sustanza kimika li tilħaq dawn il-kriterji kif ukoll kull sustanza kimika li, filwaqt li ma tilħaqx dawn il-kriterji, tista' minħabba il-propjetajiet fiżiko-kimiċi, kimiċi jew tossikoloġiċi tagħha, u l-mod li tintuża jew tkun preżenti fuq il-post tax-xogħol, tippreżenta riskju għas-sigurtà u saħħa tal-ħaddiema; (13) Billi fid-Direttiva 90/492/KEE ([10]) il-Kummissjoni tat definizzjoni ta' u stabbiliet sistema ta' tagħrif speċifiku dwar sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi, fl-għamla ta' folji bid-data dwar is-sigurtà prinċipalment intiżi għall-utenti industrijali sabiex jippermettulhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw il-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema; billi d-Direttiva tal-Kunsill 92/58/KEE ta' l-24 ta' Ġunju 1992 dwar il-ħtiġijiet minimi għall-provvediment tas-sinjali tas-sigurtà u/jew is-saħħa fuq ix-xogħol (id-disa' Direttiva individwali fit-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE ([11]) tistabbilixxi sistema sabiex jiġu mmarkati l-kontenituri u l-pajpijiet użati għas-sustanzi jew il-preparazzjonijiet perikolużi fuq ix-xogħol; (14) Billi min iħaddem għandu jagħmel stima ta' kull riskju għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema li jinħolqu mill-preżenza ta' l-aġenti kimiċi perikolużi fuq il-post tax-xogħol, sabiex jittieħdu l-miżuri ta' prevenzjoni u ta' protezzjoni meħtieġa ddikjarati f'din id-Direttiva; (15) Billi l-miżuri ta' prevenzjoni identifikati mill-istima tar-riskju u meħuda minn min iħaddem għandhom ikunu konsistenti mal-ħtieġa tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika u ta' l-ambjent; (16) Billi, sabiex jiġi ssupplimentat it-tagħrif disponibbli għall-ħaddiema hekk li jiżgura livell imtejjeb tal-protezzjoni, hu meħtieġ għall-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom li jiġu mgħarrfa dwar ir-riskji li l-aġenti kimiċi joħolqu għas-sigurtà u s-saħħa tagħhom u dwar il-miżuri meħtieġa sabiex inaqqsu jew jeliminaw dawn ir-riskji, u li jkunu f'pożizzjoni biex jiċċekkjaw illi jittieħdu l-miżuri protettivi meħtieġa; (17) Billi s-sorveljanza tas-saħħa tal-ħaddiema li għalihom ir-riżultati ta' l-istima msemmija hawn fuq jiżvelaw riskju għas-saħħa, tista' tikkontribwixxi għal miżuri ta' prevenzjoni u ta' protezzjoni li min iħaddem għandu jidħol għalihom; (18) Billi min iħaddem għandu iwettaq evalwazzjoni u kejl fuq bażi regolari u jkun konxju ta' l-iżviluppi ġodda fit-teknoloġija bil-ħsieb li jtejjeb il-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema; (19) Billi l-iktar informazzjoni xjentifika riċenti għandha tiġi evalwata minn xjenzjati indipendenti sabiex jgħinu lill-Kummissjoni li tistabbilixxi l-valuri tal-limitu ta' l-espożizzjoni kkawżati mix-xogħol; (20) Billi, għalkemm f'ċerti każi l-għerf xjentifiku jista' ma jkunx hekk illi jista' jiġi stabbilit livell ta' l-espożizzjoni għall-aġenti kimiċi li iktar baxx minnu ma jibqgħux jeżistu riskji għas-saħħa, tnaqqis fl-espożizzjoni għal dawn l-aġenti kimiċi għandu madankollu jnaqqas dawn ir-riskji; (21) Billi fid-Direttiva 91/322/KEE ([12]) u d-Direttiva 96/94/KE ([13]) il-Kummissjoni stabbilixxiet il-valuri tal-limitu indikattivi kif ipprovdut bid-Direttiva 80/1107/KEE; billi d-Direttivi ta' qabel għandhom jinżammu bħala parti mill-qafas korrenti; (22) Billi għandhom jiġu mfassla aġġustamenti tekniċi meħtieġa għal din id-Direttiva mill-Kummissjoni b'kooperazzjoni mal-Kumitat stabbilit bid-Direttiva 89/391/KEE sabiex jgħinu lill-Kummissjoni tagħmel l-addattamenti tekniċi għad-Direttivi individwali; billi l-Kummissjoni, wara li l-ewwek tfittex il-parir tal-Kumitat Konsultattiv tas-Sigurtà, l-Iġjene u l-Protezzjoni tas-Saħħa fuq ix-Xogħol skond id-Deċiżjoni 74/325/KEE ([14]), għandha wkoll tfassal linji gwida prattiċi sabiex tiġi applikata din id-Direttiva; (23) Billi r-revoka ta' din id-Direttiva 80/1107/KEE ma tridx twassal li jitbaxxew il-livelli preżenti għall-protezzjoni tal-ħaddiema mill-aġenti kimiċi, fiżiċi u bijoloġiċi; billi l-istandards li jirriżultaw mid-Direttivi eżistenti dwar l-aġenti bijoloġiċi, id-Direttiva proposta dwar l-aġenti fiżiċi, din id-Direttiva u kull emenda għal dawn it-test għandhom jirriflettu u mill-inqas iżommu l-istandards stabbiliti fid-Direttiva msemmija; (24) Billi din id-Direttiva hija kontribuzzjoni prattika lejn il-ħolqien tad-dimensjoni soċjali tas-suq intern ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: TAQSIMA I DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI Artikolu 1 Għanijiet u firxa 1. Din id-Direttiva, li hija l-erbatax-il Direttiva individwali fit-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE, tistabbilixxi l-ħtiġijiet minimi għall-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji għas-sigurtà u s-saħħa tagħhom li jinħolqu, jew li x'aktarx jinħolquu, mill-effetti ta' l-aġenti kimiċi li jkunu preżenti fil-post tax-xogħol jew bħala riżultat ta' kull attività ta' xogħol li tinvolvi l-aġenti kimiċi. 2. Il-ħtiġijiet ta'din id-Direttiva japplikaw fejn l-aġenti kimiċi ta' riskju jkunu preżenti jew jistgħu jkunu preżenti fuq il-post tax-xogħol, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjoniet rigward l-aġenti kimiċi li għalihom il-miżuri għall-protezzjoni mir-radjazzjoni japplikaw skond id-Direttivi adottati skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika. 3. Għall-karċinoġeni fuq ix-xogħol id-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet aktar strinġenti u/jew speċifiċi li jinsabu fid-Direttiva tal-Kunsill 90/394/KEE tat-28 ta'Ġunju 1990 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji li għandhom x'jaqsmu ma' l-espożizzjoni għall-karċinoġeni (is-sitt Direttiva individwali fit-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) ([15]). 4. Id-disposizzjonijiet tad-Direttiva 89/391/KEE għandhom japplikaw fl-intier tagħhom għall-qasam kollu referit f'dan l-Artikolu, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet aktar strinġenti u/jew speċifiċi li jinsabu f'din id-Direttiva. 5. Safejn u sakemm jirrigwarda t-trasport ta' l-aġenti kimiċi perikolużi, id-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet aktar strinġenti u/jew speċifiċi li jinsabu fid-Direttiva 94/55/KE ([16]), fid-Direttiva 96/49/KE ([17]), fid-disposizzjonijiet tal-kodiċi ta' l-IMDG, tal-Kodiċi ta' l-IBC u tal-Kodiċi ta' l-IGC kif iddefiniti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 93/75/KEE ([18]), fid-disposizzjonijiet tal-Ftehim Ewropew li jirrigwarda t-Trasport Internazzjonali ta' l-Merkanzija Perikoluża permezz tal-Passaġġi Interni fuq l-Ilma u r-Regolament rigward it-Trasport ta' Sustanzi Perikolużi fuq ix-xmara Reno kif inkorporati fil-liġijiet Komunitarji u fl-istruzzjonijiet tekniċi għat-trasport fis-sigurtà ta' l-Merkanzija Perikoluża maħruġa, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, mill-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' l-Avjazzjoni Ċivili. Artikolu 2 Definizzjonijiet Għall-għan ta'din id-Deċiżjoni, it-termini użati għandu jkollhom it-tifsiriet li ġejjin: (a) Aġent kimiku' ifisser kull element jew kompost kimiku, waħdu jew f'taħlita, kif jidher fl-istat naturali tiegħu jew kif prodott, użat jew irrilaxxjat, li jinkludu r-rilaxx bħala skart, minn kull attività ta' xogħol, sewwa jekk prodott intenzjonalment u sewwa jekk le u sewwa jekk imqiegħed fis-suq u sewwa jekk le; (b) Aġent kimiku ta' riskju' ifisser: (i) kull aġent kimiku li jilħaq il-kriterji sabiex jiġi kklassifikat bħala sustanza perikoluża skond il-kriterji fl-Anness VI mad-Direttiva 67/548/KEE, kemm jekk dik is-sustanza hija kklassifikata skond din id-Direttiva u sewwa jekk le, għajr għal dawk is-sustanzi li jilħqu biss il-kriterji sabiex jiġu kklassifikati bħala perikolużi għall-ambjent; (ii) kull aġent kimiku li jilħaq il-kriterji sabiex jiġi kklassifikat bħala preparazzjoni perikoluża fit-tifsira tad-Direttiva 88/379/KEE, sewwa jekk din il-preparazzjoni hija kklassifikata skond din id-Direttiva u sewwa jekk le, għajr għal dawk it-tħejjijiet li jilħqu biss il-kriterji sabiex jiġu kklassifikati bħala perikolużi għall-ambjent; (iii) kull aġent kimiku li, filwaqt jilħaq il-kriterji sabiex jiġi kklassifikat bħala perikoluż skond il-(i) u t-(ii), jista', minħabba l-l-proprjetajiet fiżiko-kimiċi, kimiċi jew tossikoloġiċi tiegħu u l-mod li jintuża jew ikun preżenti fuq il-post tax-xogħol, jippreżenta riskju għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, inkluż kull aġent kimiku li jiġi assenjat espożizzjoni minħabba x-xogħol ta' valur tal-limitu skond l-Artikolu 3. (ċ) Attivita li tinvolvi l-aġenti kimiċi' tfisser kull xogħol li fih jintużaw l-aġenti kimiċi, jew li jkunu maħsuba li jintużaw, f'kull proċess, inklużi l-produzzjoni, it-tqandil, il-ħażna jew id-disponiment u t-trattament, jew li jirriżultaw minn dan ix-xogħol; (d) Valur tal-limitu ta' espożizzjoni minħabba x-xogħol' tfisser, għajr jekk speċifikat xort'oħra, il-limitu tal-medju ppeżat bil-ħin tal-konċentrazzjoni ta' aġent kimiku fl-arja ġewwa ż-żona tat-teħid tan-nifs ta' ħaddiem b'relazzjoni mal-perjodu speċifikat taż-żmien ta' referenza; (e) Valur tal-limitu bijoloġiku' tfisser il-limitu tal-konċentrazzjoni fil-medju approprjat bijoloġiku ta' l-aġent relevanti, il-metabolit tiegħu, jew indikatur ta' l-effetti; (f) Sorveljanza dwar is-saħħa' tfisser l-istima ta' ħaddiem individwali sabiex tistabbilixxi l-istat tas-saħħa ta' dan l-individwu, skond kif ikollha x'taqsam ma' l-espożizzjoni għal aġenti kimiċi speċifiċi fuq ix-xogħol; (g) Riskju' ifisser il-proprjetà intrinsika ta' l-aġent kimiku bil-potenzjal li jikkawża ħsara; (h) Riskju' jfisser il-possibbiltà li l-potenzjal għall-ħsara jinkiseb skond il-kondizzjonijiet ta' l-użu u/jew l-espożizzjoni. Artikolu 3 Valuri tal-limitu ta' l-espożizzjoni waqt ix-xogħol u valuri tal-limitu bjioloġiċi 1. Il-Kummissjoni għandha tevalwa r-relazzjoni bejn l-effetti tas-saħħa ta' l-aġenti kimiċi ta' riskju u l-livell ta' l-espożizzjoni minħabba x-xogħol permezz ta' stima xjentifika indipendenti dwar l-aħħar informazzjoni xjentifika disponibbli. 2. Fuq il-bażi ta' l-evalwazzjoni deskritta fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni, wara li l-ewwel tikkonsulta lill-Kumitat Konsultattiv tas-Sigurtà, l-Iġjene u l-Protezzjoni tas-Saħħa fuq ix-Xogħol, għandha tipproponi għanijiet Ewropej fl-għamla ta' valuri tal-limitu indikattivi ta' l-espożizzjoni minħabba x-xogħol għall-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji kimiċi li għandhom jiġu ffissati fil-livell Komunitarju. Dawn il-valuri tal-limitu għandhom jiġu stabbiliti, filwaqt li titqies id-disponibbiltà tal-metodi tat-teknika tal-kejl, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 89/391/KEE. L-Istati Membri għandhom iżommu lill-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u ta' min iħaddem imgħarrfa bil-valuri tal-limitu indikattivi ta' l-espożizzjoni minħabba x-xogħol iffissati fil-livell Komunitarju. 3. Għal kull aġent kimiku li għalih valur indikattiv tal-limitu ta' l-espożizzjoni minħabba x-xogħol huwa stabbilit fil-livell Komunitarju, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu valur nazzjonali tal-limitu ta' l-espożizzjoni minħabba x-xogħol, filwaqt li jqisu l-valur tal-limitu Komunitarju, li jistabbilixxi n-natura tiegħu skond il-leġislazzjoni u l-prattiċi nazzjonali. 4. Jistgħu jitfasslu valuri tal-limitu ta' l-espożizzjoni minħabba x-xogħol li jorbtu fuq il-livell Komunitarju u, b'żieda ma' dan il-fatturi kkunsidrati meta jiġu stabbiliti l-valuri tal-limitu indikattivi ta' l-espożizzjoni minħabba x-xogħol, għandhom jirriflettu l-fatturi dwar kemm huma possibbli filwaqt li jżommu l-għan li tiġi żgurata s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol. Dawn il-valuri tal-limitu għandhom jiġu stabbiliti skond l-Artikolu 118a tat-Trattat u stabbiliti fl-Anness I ma' din id-Direttiva. 5. Għal kull aġent kimiku li għalih jiġi stabbilit valur tal-limitu ta' l-espożizzjoni minħabba x-xogħol li jorbot, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu valur tal-limitu nazzjonali ta' l-espożizzjoni minħabba x-xogħol li jorbot imsejjes fuq, imma li ma jaqbiżx, il-valur tal-limitu Komunitarju. 6. Jistgħu jitfasslu valuri bijoloġiċi tal-limitu li jorbtu fil-livell Komunitarju fuq il-bażi ta' l-evalwazzjoni deskritta fil-paragrafu 1 u tad-disponibbiltà tal-metodi tat-teknika tal-kejl, u għandhom jirriflettu l-fatturi dwar kemm huma possibbli filwaqt li jinżamm l-għan li tiġi żgurata s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol. Dawn il-valuri tal-limitu għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 118a tat-Trattat u stabbiliti fl-Anness II ma' din id-Direttiva, flimkien mat-tagħrif l-ieħor relevanti dwar is-sorveljanza tas-saħħa. 7. Għal kull aġent kimiku li għalih jiġi stabbilit valur bijoloġiku tal-limitu li jorbot, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu valur korrispondenti nazzjonali bijoloġiku tal-limitu msejjes fuq, imma li ma jaqbiżx, il-valur tal-limitu Komunitarju. 8. Meta Stat Membru jintroduċi jew jirrevedi valur nazzjonali tal-limitu ta' l-espożizzjoni minħabba x-xogħol jew valur bijoloġiku nazzjonali tal-limitu għal aġent kimiku, għandu jgħarraf lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b'dan flimkien ma' l-informazzjoni xjentifika u teknika relevanti. Il-Kummissjoni għandha tindaħal għall-azzjoni xierqa. 9. Fuq il-bażi tar-rapporti pprovduti mill-Istati Membri skond l-Artikolu 15, il-Kummissjoni għandha twettaq stima tal-mod li fih Stati Membri jkunu qiesu l-valuri indikattivi Komunitarji tal-limitu meta tistabbilixxi l-valuri tal-limitu korrispondenti nazzjonali ta' l-espożizzjoni minħabba x-xogħol. 10. Il-metodi standardizzati għall-kejl u l-evalwazzjoni tal-konċentrazzjonijiet ta' l-arja fuq il-post tax-xogħol f'relazzjoni mal-valuri tal-limitu ta' l-espożizzjoni minħabba x-xogħol għandhom jiġu żviluppati skond l-Artikolu 12(2). TAQSIMA II OBBLIGI TA'MIN IĦADDEM Artikolu 4 Kif jiġi stabbilit u stmat ir-riskju ta' l-aġenti kimiċi ta' riskju 1. Sabiex iwettaq l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 6(3) u 9(1) tad-Direttiva 89/391/KEE, min iħaddem għandu l-ewwel jistabbilixxi jekk ikunx hemm aġenti kimiċi ta' riskju preżenti fuq il-post tax-xogħol. Jekk iva, għandu mbagħad jagħmel stima tar-riskju għas-sigurtà u saħħa tal-ħaddiema li jinħoloq mill-preżenza ta' dawn l-aġenti kimiċi, filwaqt li jikkunsidra dan li ġej: il-proprjetajiet tagħhom ta' riskju, it-tagħrif dwar is-sigurtà u s-saħħa li għandhom jiġu pprovduti mill-fornitur, (p.e. il-folju relevanti ta' l-informazzjoni dwar is-sigurtà skond id-disposizzjonijiet tad-Direttiva 67/548/KEE jew tad-Direttiva 88/379/KEE), il-livell, it-tip u t-tul taż-żmien ta' l-espożizzjoni, iċ-ċirkostanzi tax-xogħol li jinvolvi dawn l-aġenti, inkluż l-ammont tagħhom, kull valur tal-limitu ta' l-espożizzjoni minħabba x-xogħol jew il-valuri tal-limitu bijoloġiċi fit-territorju ta' l-Istat Membru fil-kwistjoni, l-effett tal-miżuri ta' prevenzjoni meħuda jew li għandhom jittieħdu, meta disponibbli, il-konklużjonijiet li għandhom jinħarġu minn kull sorveljanza dwar is- saħħa diġà midħula għaliha. Min iħaddem għandu jikseb it-tagħrif addizzjonali li jkun meħtieġ minn għand il-fornitur jew minn sorsi oħra disponibbli fil-pront rigward l-istima għar-riskju jew minn sorsi oħra diġa' għad-disposizzjoni. Meta approprjat, dan it-tagħrif għandu ikun fih l-istima speċifika li tirrigwarda r-riskju għall-utenti stabbilit fuq il-bażi tal-leġislazzjoni Komunitarja dwar l-aġenti kimiċi. 2. Min iħaddem għandu ikollu fil-pussess tiegħu stima tar-riskju skond l-Artikolu 9 tad-Direttiva 89/391/KEE, u għandu jidentifika liema miżuri jkunu ttieħdu skond l-Artikoli 5 u 6 ta' din id-Direttiva. L-istima tar-riskju għandha tiġi ddokumentata f'għamla xierqa skond il-liġijiet u l-prattika nazzjonali, u tista' tinkludi ġustifikazzjoni minn min iħaddem illi n-natura u l-kobor tar-riskji li għandhom x'jaqsmu ma' l-aġenti kimiċi mhux meħtieġa jagħmlu stima oħra iktar iddettaljata. L-istima tar-riskju għandha tinżamm aġġornata, b'mod partikolari jekk kien hemm bidliet sinifikanti li jistgħu jwassluha li ssir skaduta, jew meta r-riżultati tas-sorveljanzi tas-saħħa juru li hija meħtieġa. 3. Ċerti attivitajiet ġewwa impriża jew stabbiliment, bħalma hija l-manutenzjoni, li rigward tagħhom ikun previst illi jkun hemm il-potenzjal ta' espożizzjoni sinifikanti, jew li jistgħu jirriżultaw f'effetti ta' ħsara għas-sigurtà u s-saħħa għal raġunijiet oħra, saħansitra wara li jkunu ttieħdu l-miżuri tekniċi kollha, għandhom jiġu inklużi fl-istima tar-riskju. 4. Fil-każ ta' l-attivitajiet li jinvolvu espożizzjoni għal numru ta' aġenti kimiċi ta' riskju, ir-riskju għandu jiġi stmat fuq il-bażi tar-riskju ppreżentat minn dawn l-aġenti kimiċi kollha f'għaqda. 5. Fil-każ ta' attività ġdida li tinvolvi aġenti kimiċi ta' riskju, ix-xogħol għandu jinbeda biss wara li tkun saret stima tar-riskju ta' din l-attività u wara li tkun ġiet implimentata kull miżura preventiva identifikata. 6. Għandhom jiġu żviluppati linji gwida prattiċi sabiex jiġi stabbilit u stmat ir-riskju, u r-reviżjoni u, jekk meħtieġ, l-aġġornament tagħhom, skond l-Artikolu 12(2). Artikolu 5 Il-prinċipji ġenerali tal-prevenzjoni tar-riskji assoċjati ma' l-aġenti kimiċi ta' riskju u l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva li għandha x'taqsam ma' l-istima tar-riskji 1. Fit-twettieq ta' l-obbligi tiegħu sabiex jiżgura s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema f'kull attività li tinvolvi l-aġenti kimiċi ta' riskju, min iħaddem għandu jieħu l-miżuri preventivi meħtieġa ddikjarati fl-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 89/391/KEE u jinkludu l-miżuri ddikjarati f'din id-Direttiva. 2. Ir-riskji għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fuq ix-xogħol li jinvolvu aġenti kimiċi perikolużi għandhom jiġu eliminati jew imnaqqsa għall-minimu bi: id-disinn u l-organizzazzjoni tas-sistemi tax-xogħol fuq il-post tax-xogħol, il-provvediment tat-tagħmir addattat għax-xogħol bl-aġenti kimiċi u l-proċeduri tal-manutenzjoni li jiżguraw is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fuq ix-xogħol, it-tnaqqis għall-minimu tan-numru tal-ħaddiema esposti jew li x'aktarx jiġu esposti, it-tnaqqis għall-minimu tat-tul taż-żmien u l-intensità ta' l-espożizzjoni, il-miżuri iġjeniċi approprjati, it-tnaqqis tal-kwantità ta' l-aġenti kimiċi preżenti fuq il-post tax-xogħol għall-minimu meħtieġ għat-tip tax-xogħol interessat, proċeduri xierqa għax-xogħol inklużi l-arranġamenti għat-tqandil, il-ħażna u t-trasport fis-sigurtà ġewwa l-post tax-xogħol ta' l-aġenti kimiċi ta' riskju u l-iskart li jkun fih dawn l-aġenti kimiċi. Għandhom jiġu żviluppati linji gwida prattiċi għall-miżuri ta' prevenzjoni sabiex jikkontrollaw ir-riskju, skond l-Artikolu 12(2). 3. Meta r-riżultati ta' l-istima referita fl-Artikolu 4(1) jiżvelaw riskju għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, għandhoim jiġu applikati l-miżuri tal-protezzjoni, il-prevenzjoni u l-monitoraġġ speċifiċi stabbiliti fl-Artikoli 6, 7 u 10. 4. Meta r-riżultati ta' l-istima tar-riskju referita fl-Artikolu 4(1) juru illi, minħabba kwantitajiet ta' l-aġenti kimiċi ta' riskju preżenti fil-post tax-xogħol, jeżisti biss riskju żgħir għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, u l-miżuri meħuda skond il-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu huma biżżejjed sabiex inaqqsu r-riskju, ma għandhomx japplikaw id-disposizzjonijiet ta' l-Artikoli 6,7 u 10. Artikolu 6 Protezzjoni speċifika u miżuri tal-prevenzjoni speċifiċi 1. Min iħaddem għandu jiżgura illi r-riskju minn aġent kimiku ta' riskju għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol jiġi eliminat jew imnaqqas għall-minimu. 2. Meta jiġi applikat il-paragrafu 1, għandha bi preferenza tiġi midħula għaliha s-sostituzzjoni, li biha min iħaddem għandu jevita l-użu ta' aġent kimiku tar-riskju billi jibdlu b'aġent kimiku ieħor jew bi proċess li, skond il-kondizzjonijiet ta' l-użu tiegħu, ma jkunx ta' riskju jew ta' riskju inqas għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, skond kif ikun il-każ. Fejn in-natura ta' l-attività ma tippermettix li riskju jiġi eliminat b'sostituzzjoni, filwaqt li jkun qies l-istima ta' l-attività u tar-riskju referita fl-Artikolu 4, min iħaddem għandu jiżgura illi r-riskju jiġi mnaqqas għal dak minimu billi japplika l-miżuri ta' protezzjoni u ta' prevenzjoni, konsistenti ma' l-istima tar-riskju magħmul skond l-Artikolu 4. Dawn jinkludu, skond l-ordni tal-prijoritá: (a) id-disinn tal-proċessi approprjati tax-xogħol u l-kontrolli ta' l-inġinerija u l-użu tat-tagħmir u tal-materjali adegwati, sabiex jiġi evitat jew imnaqqas għall-minimu r-rilaxx ta' l-aġenti kimiċi li jistgħu jippreżentaw riskju għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol; (b) l-applikazzjoni ta' miżuri kollettivi ta' protezzjoni fis-sors tar-riskju, bħalma huma l-ventilazzjoni adegwata u l-miżuri organizzativi approprjati; (ċ) meta ma tkunx tista' tiġi pprevenuta espożizzjoni b'mezzi oħra, jiġu applikati l-miżuri ta' protezzjoni individwali li jinkludu t-tagħmir personali protettiv. Għandhom jiġu żviluppati linji gwida prattiċi għall-miżuri tal-protezzjoni u l-prevenzjoni sabiex jikkontollaw ir-riskju skond l-Artikolu 12(2). 3. Il-miżuri referiti fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu akkumpanjati b'sorveljanza dwar is-saħħa skond l-Artikolu 10 jekk ikun approprjat għan-natura tar-riskju. 4. Għajr jekk minn iħaddem juri biċ-ċar b'mezzi oħra ta' evalwazzjoni illi, skond il-paragrafu 2, ikunu nkisbu l-prevenzjoni u l-protezzjoni adegwati, min iħaddem għandu jwettaq fuq bażi regolari, u meta tiġri kull bidla fil-kondizzjonijiet li tista' taffettwa lill-ħaddiema għall-espożizzjoni ta' l-aġenti kimiċi, dawk il-miżuri dwar l-aġenti kimiċi li jistgħu jippreżentaw riskju għas-saħħa tal-ħaddiem fuq il-post tax-xogħol skond kif meħtieġ, b'mod partikolari fejn għandhom x'jaqsmu l-valuri tal-limitu ta' l-espożizzjoni minħabba x-xogħol. 5. Min iħaddem għandu jqis ir-riżultati tal-proċeduri referiti fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu rigward it-twettiq ta' l-obbligi stabbiliti jew li jirriżultaw bħala konsegwenza ta' l-Artikolu 4. F'kull każ, fejn ikun inqabeż il-valur tal-limitu ta' l-espożizzjoni minħabba x-xogħol stabbilit b'mod effettiv fit-territorju ta' Stat Membru, min iħaddem għandu jieħu passi fil-pront, filwaqt li jqis in-natura ta' dak il-limitu, li jirrimedja s-sitwazzjoni billi jwettaq il-miżuri ta' prevenzjoni u ta' protezzjoni. 6. Fuq il-baż ta' l-istima ġenerali u tal-prinċipji ġenerali għall-prevenzjoni tar-riskju fl-Artikoli 4 u 5, min iħaddem għandu jieħu l-miżuri tekniċi u/jew organizzattivi approprjati għan-natura tal-ħidma, inklużi l-ħażna, it-tqandil u s-segregazzjoni ta' l-aġenti kimiċi inkompatibbli, billi jipprovdi għall- protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji li jinħolqu mill-proprjetajiet fiżiko-kimiċi ta' l-aġenti kimiċi. B'mod partikolari għandu jieħu l-miżuri, skond l-ordni tal-prijorità, sabiex: (a) jipprevjeni l-preżenza fuq il-post tax-xogħol tal-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi li jieħdu n-nar jew ta' kwantitajiet tas-sustanzi kimikament mhux stabbli ta' riskju jew, meta n-natura tax-xogħol ma tippermettix dan, (b) jevita l-preżenza tas-sorsi tat-teħid tan-nar li jistgħu joħolqu ħruq u splużjonijiet, jew kondizzjonijiet negattivi li jistgħu jikkawżaw sustanzi kimiċi mhux stabbli jew it-taħlitiet ta' sustanzi li joħolqu effetti fiżiċi ta' ħsara, u (ċ) itaffi l-effetti detrimentali għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fil-każ ta' ħruq jew splużjoni minħabba t-teħid tan-nar minn sustanzi li jieħdu n-nar, jew l-effetti fiżiċi ta' ħsara li jinħolqu minn sustanzi kimiċi jew minn taħlitiet ta'sustanzi mhux stabbli. It-tagħmir tax-xogħol u s-sistemi tal-protezzjoni pprovduti minn min iħaddem għall-protezzjoni tal-ħaddiema għandhom iħarsu d-disposizzjonijiet relevanti Komunitarji dwar id-disinn, il-fabbrikazzjoni u l-provvista rigward is-sigurtà u s-saħħa. Il-miżuri tekniċi u/jew organizzattivi meħuda minn min iħaddem għandhom iqisu u jkunu konsistenti ma' l-għoti tal-kategorija skond il-grupp tat-tagħmir fl-Anness I mad-Direttiva 94/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Marzu 1994 dwar it-tqarrib lejn xulxin tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li jirrigwardaw it-tagħmir u s-sistemi tal-protezzjoni maħsuba għall-użu f'atmosferi potenzjalment splussivi ([19]). Min iħaddem għandu jieħu l-miżuri sabiex jipprovdi kontroll biżżejjed ta' l-impjant, tat-tagħmir u tal-makkinarju jew tal-provvediment tat-tagħmir li jrażżan l-isplużjonijiet jew l-arranġamenti ta' għajnuna mill-pressjoni ta' splużjoni. Artikolu 7 Arranġamenti għal kif inċidenti, aċċidenti u emerġenzi għandhom ikunu trattati 1. Mingħajr preġudizzju għall-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 89/391/KEE, min iħaddem għandu, sabiex jipproteġi s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema mill-inċidenti, l-aċċċidenti jew l-emerġenza li għandhom x'jaqsmu mal-preżenza ta' l-aġenti kimiċi ta' riskju fuq il-post tax-xogħol, jistabbilixxi l-proċeduri (il-pjanijiet ta' azzjoni) li jkunu jistgħu jiddaħħlu fis-seħħ meta jiġri dan il-każ, sabiex tittieħed l-azzjoni approprjata. Dawn l-arranġamenti għandhom jinkludu kull eżerċizzju relevanti tas-sigurtà li jiġu mwettqa f'intervalli regolari taż-żmien, u l-provvediment approprjat tal-faċilitajiet ta' l-ewwel għajnuna. 2. Fil-każ ta' l-okkorrenza ta' każ bħal dak imsemmi fil-paragrafu 1, min iħaddem għandu jieħu passi fil-pront sabiex itaffi l-effetti ta' dan il-każ u jgħarraf lill-ħaddiema interessati bihom. Sabiex is-sitwazzjoni tiġi rrestawrata għan-normal: min iħaddem għandu jimplimenta l-miżuri approprjati sabiex jirrimedja s-sitwazzjoni mill-iktar fis possibbli, dawk il-ħaddiema biss li huma essenzjali sabiex iwettqu t-tiswijiet u x-xogħol l-ieħor meħtieġ għandhom jingħataw il-permess li jaħdmu fiż-żona effettwata. 3. Il-ħaddiema li jkollhom il-permess li jaħdmu fiż-żona effettwata għandhom jiġu pprovduti bl-ilbies tal-protezzjonai approprjat, it-tagħmir personali ta' protezzjoni, it-tagħmir u l-impjant speċjalizzati tas-sigurtà li għandhom jużaw sakemm tippersisti s-sitwazzjoni; din is-sitwazzjoni ma għandhiex tkun permanenti. Il-persuni mhux protetti ma għandhomx jitħallew li jibqgħu fiż-żona effettwata. 4. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8 tad-Direttiva 89/391/KEE min iħaddem għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jipprovdi s-sistemi tat-twissja u ta' komunikazzjoni oħra meħtieġa sabiex jagħtu s-sinjal tar-riskju miżjud għas-sigurtà u s-saħħa, sabiex jippermettu r-rispons approprjat u jvaraw l-azzjonijiet ta' rimedju, ta' assistenza, il-ħidmiet tal-ħelsien u s-salvataġġ fil-pront jekk tinħoloq il-ħtieġa. 5. Min iħaddem għandu jiżgura li jkun disponibbli t-tagħrif dwar l-arranġamenti ta' emerġenza li jinvolvu l-aġenti kimiċi ta' riskju. Is-servizzi relevanti interni u esterni dwar l-inċidenti u ta' emerġenza għandu jkollhom aċċess għal dan it-tagħrif. Dan għandu jinkludi li ġej: avviż bil-quddiem tar-riskji relevanti tax-xogħol, l-arranġementi dwar l-identifikazzjoni tar-riskji, il-prekawzjonijiet u l-proċeduri, sabiex is-servizzi ta' l-emerġenza jistgħu jħejju l-proċeduri tagħhom ta' rispons u tal-miżuri ta' prekawzjoni; u kull tagħrif disponibbli li jirrigwarda r-riskji speċifiċi li jinħolqu, jew li x'aktarx jinħolqu, filwaqt ta' inċident jew ta' emerġenza, li jinkludu t-tagħrif dwar il-proċeduri mħejjija skond dan l-Artikolu. Artikolu 8 Tagħrif u taħriġ għall-ħaddiema 1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 10 u 12 tad-Direttiva 89/391/KEE min iħaddem għandu jiżgura illi l-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom jiġu pprovduti bi: l-informazzjoni skond l-Artikolu 4 ta' din id-Direttiva, u informata iktar kull meta bidla maġġuri fuq il-post tax-xogħol twassal għall-bidla f'din l-informazzjoni, it-tagħrif dwar l-aġenti kimiċi ta' riskju li jkunu jinsabu fuq il-post tax-xogħol, bħalma huma l-identità ta' dawn l-aġenti, ir-riskji għas-sigurtà u s-saħħa, il-valuri relevanti tal-limitu ta' l-espożizzjoni minħabba x-xogħol u d-disposizzjonijiet leġislattivi l-oħra, it-taħriġ u t-tagħrif dwar il-prekawzjonijiet approprjati u l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu sabiex jissalvagwardjaw lilhom infushom u lill-ħaddiema l-oħra fuq il-post tax-xogħol, l-aċċess għal kull folja ta' tagħrif dwar is-sigurtà pprovdut mill-fornitur skond l-Artikolu 10 tad-Direttiva 88/379/KEE u l-Artikolu 27 tad-Direttiva 92/32/KEE([20]); u dan it-tagħrif huwa: ipprovdut b'mod approprjat għar-riżultat tar-riskju skond l-Artikolu 4 ta' din id-Direttiva. Dan jista' jvarja mill-komunikazzjoni bil-fomm għall-istruzzjonijiet u t-taħriġ individwali appoġġjat bit-tagħrif bil-miktub, jiddependi min-natura u l-grad tar-riskju żvelat mill-istima meħtieġa mill-Artikolu msemmi, aġġornat sabiex iqis it-bdil fiċ-ċirkostanzi. 2. Fejn il-kontenituri u l-pajpijiet ta' l-aġenti kimiċi ta' riskju użati waqt ix-xogħol ma jkunux immarkati skond il-leġislazzjoni relevanti Komunitarja dwar l-ittikkettjar ta' l-aġenti kimiċi u dwar sinjali tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, min iħaddem għandu, mingħajr preġudizzju għad-derogi pprovduti fil-leġislazzjoni msemmija hawn fuq, jiżgura illi l-kontenuti tal-kontenituri u tal-pajpijiet, flimkien man-natura ta' dawn il-kontenuti u ta' kull riskju assoċjat magħhom, ikunu jistgħu jiġu identifikati biċ-ċar. 3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi min iħaddem jista', preferibbilment mill-produttur jew mill-fornitur, jikseb fuq talba t-tagħrif kollu meħtieġ dwar l-aġenti kimiċi ta' riskju għalbiex jiġi applikat l-Artikolu 4(1) ta' din id-Direttiva, safejn u sakemm id-Direttivi 67/584/KEE u 88/379/KEE ma jinkludu l-ebda obbligu li jipprovdu t-tagħrif. TAQSIMA III DISPOSIZZJONIJIET MIXXELLANJI Artikolu 9 Projbizzjonijiet 1. Sabiex tiġi pprevenuta l-espożizzjoni tal-ħaddiema għar-riskji tas-saħħa minn ċerti aġenti kimiċi u/jew ċerti attivitajiet li jinvolvu l-aġenti kimiċi, għandhom jiġu aboliti l-produzzjoni, il-fabbrikazzjoni jew l-użu fuq ix-xogħol ta' l-aġenti kimiċi u l-attivitajiet stabbiliti fl-Anness III safejn u sakemm speċifikati fih. 2. L-Istati Membri jistgħu jippermettu derogi mill-ħtiġijiet tal-paragrafu 1 fiċ-ċirkostanzi li ġejjin: għall-għan waħdieni tar-riċerka u t-testijiet xjentifiċi, li jinkludu l-analiżi, għall-attivitajiet maħsuba li jeliminaw l-aġenti kimiċi li jkunu preżenti fl-għamla ta' prodotti sekondarji jew prodotti ta' l-iskart, għall-produzzjoni ta' l-aġenti kimiċi referiti fil-paragrafu 1 għall-użu bħala intermedji, u għal dan l-użu. L-espożizzjoni tal-ħaddiema għall-aġenti kimiċi referiti fil-paragrafu 1 għandhom jiġu pprevenuti, b'mod partikolari billi jiġi pprovdut illi l-produzzjoni u l-użu mill-iktar fis possibbli ta' dawn l-aġenti kimiċi bħala intermedji għandhom jsiru f'sistema waħda magħluqa, li minnha l-aġenti kimiċi msemmija hawn fuq jistgħu jitneħħew biss safejn u sakemm meħtieġ għall-monitoraġġ tal-proċess jew għalbiex jaqdu s-sistema. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal sistemi ta' awtorizzazzjonijiet individwali. 3. Meta jkunu permessi derogi skond il-paragrafu 2, l-awtorità kompetenti għandha titlob lil min iħaddem li jissottometti t-tagħrif li ġej: ir-raġuni għat-talba tad-deroga, il-kwantità ta' l-aġent kimiku li għandu jintuża kull sena, l-attivitajiet u/jew ir-reazzjonijiet jew il-proċessi involuti, in-numru tal-ħaddiema li x'aktax ikunu involuti, il-prekawzjonijiet previsti sabiex jipproteġu s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema interessati, il-miżuri tekniċi u organizattivi meħuda biex jipprevjenu l-espożizzjoni tal-ħaddiema. 4. Il-Kunsill, skond il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 118a tat-Trattat, jista' jemenda l-lista tal-projbizzjonijiet fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, sabiex jinkludu iktar aġenti jew attivitajiet kimiċi. Artikolu 10 Sorveljanza tas-saħħa 1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 14 tad-Direttiva 89/391/KEE, l-Istati Membri għandhom idaħħlu arranġamenti sabiex iwettqu s-sorveljanza approprjata tas-saħħa tal-ħaddiema li tagħha r-riżultati ta' l-istima referita fl-Artikolu 4 ta' din id-Direttiva jiżvela riskju għas-saħħa. Dawn l-arranġamenti, inklużi l-ħtiġijiet speċifiċi għas-saħħa u r-reġistrazzjonijiet ta' l-espożizzjoni u d-disponibbiltà tagħhom, għandhom jiddaħħlu skond il-liġijiet u/jew il-prattika nazzjonali. Is-sorveljanza tas-saħħa, ir-riżultati li tagħhom għandu jingħata qies meta jiġu applikati l-miżuri ta' prevenzjoni fuq il-post tax-xogħol speċifiku, għandhom ikun approprjati meta: l-espożizzjoni tal-ħaddiema għal aġent kimiku ta' riskju tkun hekk illi marda identifikata jew effett negattiv għas-saħħa jista' jkollhom x'jaqsmu ma' l-espożizzjoni, u ikun il-possibbiltà illi l-marda jew l-effett jistgħu jiġru fil-kondizzjonijiet partikolari tax-xogħol tal-ħaddiema, u il-metodu tat-teknika ta' l-investigazzjoni ikun ta' riskju baxx għall-ħaddiema. Barra minn hekk, għandu jkun hemm metodi tat-teknika validi sabiex jikxfu l-indikazzjonijiet tal-marda jew l-effett. Meta valur bijoloġiku tal-limitu li jorbot jiġi ffissat kif indikat fl-Anness II, sorveljanza tas-saħħa għandha tkun ħtieġa obbligatorja għax-xogħol bl-aġent kimiku ta' riskju fil-kwistjoni, skond il-proċeduri f'dan l-Anness. Il-ħaddiema għandhom jiġu mgħarrfa b'din il-ħtieġa qabel ma jiġu assenjati l-kompitu li jinvolvi riskju ta' l-espożizzjoni għal aġent kimiku ta' riskju indikat. 2. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu arranġamenti sabiex jiżguraw illi għal kull wieħed mill-ħaddiema li jgħaddi minn sorveljanza dwar is-saħħa skond il-ħtiġijiet tal-paragrafu 1, isiru r-reġistrazzjonijiet tas-saħħa individwali u ta' l-espożizzjoni u jissoktaw jiġu aġġornati. 3. Ir-reġistrazzjonijiet tas-saħħa u ta' l-espożizzjoni għandu jkollhom sommarju tar-riżultati tas-sorveljanza mwettqa dwar is-saħħa u ta' kull informazzjoni dwar il-monitoraġġ li tirrappreżenta l-espożizzjoni ta' l-individwu. Il-monitoraġġ bijoloġiku u ħtiġijiet li jkollhom x'jaqsmu miegħu jistgħu jagħmlu parti mis-sorveljanza tas-saħħa. Ir-reġistrazzjonijiet tas-saħħa u ta' l-espożizzjoni għandhom jinżammu fuq formola addattata sabiex jippermettu konsultazzjonijiet f'data aktar tard, filwaqt li titqies kull kunfidenzjalità. Kopji tar-reġistrazzjonijiet approprjati għandhom jiġu forniti lill-awtorità kompetenti fuq talba. Il-ħaddiem individwali għandu, fuq it-talba tiegħu, ikollu aċċess għar-reġistrazzjonijiet tas-saħħa u espożizzjoni li jkollhom x'jaqsmu miegħu personalment. Meta impriża tieqaf min-negozju, ir-reġistrazzjonijet tas-saħħa u l-espożizzjoni għandhom jintgħamlu disponibbli lill-awtorità kompetenti. 4. Meta, bħala riżultat tas-sorveljanza tas-saħħa: ħaddiem jinstab li jkollu marda li tista' tiġi identifikata jew effett negattiv għas-saħħa li jitqiesu minn tabib jew professjonista fil-kura tas-saħħa minħabba x-xogħol li jkunu r-riżultat ta' l-espożizzjoni fuq ix-xogħol għal aġent kimiku ta' riskju, jew valur bijoloġiku tal-limitu li jorbot jinstab li jkun inqabeż, il-ħaddiem għandu jiġi mgħarraf mit-tabib jew minn persuna oħra kkwalifikata kif jixraq bir-riżultat li jkollu x'jaqsam miegħu lilu personalment, li jinkludi t-tagħrif u l-pariri rigward kull sorveljanza dwar is-saħħa li jkollu jgħaddi minnha wara t-tmiem ta' l-espożizzjoni, u min iħaddem għandu: jirrevedi l-istima tar-riskju magħmul skond l-Artikolu 4(1), jirrevedi l-miżuri pprovduti sabiex jeliminaw jew inaqqsu r-riskji skond l-Artikoli 5 u 6, iqis il-parir tal-professjonista tal-kura tas-saħħa minħabba x-xogħol jew persuna oħra kkwalifikata jew l-awtorità kompetenti sabiex tiġi implimentata kull miżura meħtieġa sabiex jiġi eliminat jew jitnaqqas ir-riskju skond l-Artikolu 6, li jinkludi l-possibbiltà li l-ħaddiem jiġi assenjat xogħol alternattiv fejn ma jkun hemm l-ebda riskju ta' aktar espożizzjoni, u jirranġa s-sorveljanza ssoktata dwar is-saħħa u jipprovdi reviżjoni ta' l-istat tas-saħħa ta' kull ħaddiem ieħor li jkun ġie espost bl-istess mod. F'dawn il-każijiet it-tabib kompetenti jew il-professjonista tal-kura tas-saħħa minħabba x-xogħol jew l-awtorità kompetenti jistgħu jipproponu illi persuni esposti jgħaddu minn eżami mediku. Artikolu 11 Konsultazzjoni u parteċipazzjoni tal-ħaddiema Il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u/jew tar-rappreżentanti tagħhom għandha ssir skond l-Artikolu 11 tad-Direttiva 89/39/KEE dwar il-materji koperti b'din id-Direttiva, li jinkludu l-Annessi ta' magħha. Artikolu 12 Addattament ta' l-Annessi, preparazzjoni u adozzjoni ta' gwida teknika 1. L-aġġustamenti ta' natura strettament teknika għall-Annessi f'linja ma': l-adozzjoni tad-Direttivi fil-qasam ta' l-armonizzazzjoni u l-istandardizzazzjoni tekniċi li jirrigwardaw l-aġenti kimiċi,u/jew il-progress tekniku, il-bidliet fl-istandards internazzjonali jew l-ispeċifikazzjonijiet u s-sejbiet il-ġodda li jirrigwardaw l-aġenti kimiċi, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 89/391/KEE. 2. Il-Kummissjoni għandha tfassal linji gwida prattiċi ta' natura li ma jorbtux. Dawn il-linji gwida għandhom jindirizzaw is-suġġetti referiti fl-Artikoli 3, 4, 5, u 6, u t-Taqsima I ta' l-Anness II. Il-Kummissjoni għandha l-ewwel tikkonsulta lill-Kumitat Konsultattiv tas-Sigurtà, l-Iġjene u l-Protezzjoni tas-Saħħa fuq ix-Xogħol skond id-Deċiżjoni 74/325/KEE. Fil-kuntest ta' l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom iqisu dawn il-linji gwida safejn u sakemm huwa possibbli fit-tifsil tal-politika nazzjonali tagħhom għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. Artikolu 13 Revoka u l-emendi tad-Direttivi ta' qabel 1. Id-Direttivi 80/1107/KEE, 82/605/KEE u 88/364/KEE għandhom jiġu rrevokati fid-data msemmija fl-Artikolu 14(1). 2. Id-Direttiva tal-Kunsill 83/477/KEE tad-19 ta' Settembru 1983 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji li għandhom x'jaqsmu ma' l-espożizzjoni għall-asbestos fuq ix-xogħol (it-tieni Direttiva individwali fit-tifsira ta' l-Artikolu 8 tad-Direttiva 80/1 107/KEE) ([21]), tiġi emendata kif ġej: (a) fl-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 1(1), il-kliem li ġej għandu jiġi mħassar: li hija t-tieni Direttiva individwali fit-tifsira ta' l-Artikolu 8 tad-Direttiva 80/1107/KEE'; (b) l-Artikolu 9(2) għandu jinbidel b'dan li ġej: 2. L-emendi meħtieġa sabiex jaddattaw l-Annessi ma' din id-Direttiva għall-progress tekniku għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu t-titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol (*). ______________ (*) ĠU L 183, tad-29.6.1989, p. 1.'; (ċ) fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 15(1) il-kliem skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 80/1107/KEE' għandu jinbidel bi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 89/391/KEE'. 3. Id-Direttiva tal-Kunsill 86/188/KEE tat-12 ta' Mejju 1986 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji li għandhom x'jaqsmu ma' l-espożizzjoni għall-ħsejjes fuq ix-xogħol ([22]) tiġi emendata kif ġej: (a) fl-Artikolu 1(1), għandu jiġi mħassar il-kliem li ġej: li hija t-tielet Direttiva individwali fit-tifsira tad-Direttiva 80/1107/KEE'; (b) fl-Artikolu 12(2), it-tieni subparagrafu għandu jinbidel b'dan li ġej: L-Annessi I u II għandhom jiġu addattati għall-progress tekniku skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta'Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri li jinkoraġġixxu t-titjib fis-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax- xogħol (*). ______________ (*) ĠU L 183, tad-29.6.1989, p. 1.'; 4. Kull referenza oħra fid-Direttiva 83/477/KEE u d-Direttiva 86/188/KEE għad-Direttiva 80/1107/KEE għandha tittieħed skaduta mid-data tad-Direttiva msemmija. 5. Id-Direttivi 91/322/KEE u 96/94/KE jibqgħu fis-seħħ. TAQSIMA IV Disposizzjonijiet finali Artikolu 14 1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux iktar tard mill-5 ta' Mejju 2001. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dan minnufih. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri. 2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-disposizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali li huma jkunu diġà adottaw jew li jadottaw fil-qasam irregolat b'din id-Direttiva. Artikolu 15 L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni kull ħames snin dwar l-implimentazzjoni prattika ta' din id-Direttiva, u jindikaw il-veduti ta'min iħaddem u tal-ħaddiema. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali b'dan. Artikolu 16 Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Artikolu 17 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fil-Lussemburgu, fis-7 ta' April 1998. Għall-Kunsill Il-President D. BLUNKETT _______________ ANNESS I LISTA LI TORBOT TAL-VALURI TAL-LIMITU TA' ESPOŻIZZJONI FUQ IX-XOGĦOL L-isem ta' l-aġent In-Numru ta' l-EINECS (1) In-Numru tal-CAS (2) Il-Valur tal-limitu ta' l-espożizzjoni minħabba x-xogħol 8 h (3) Il-Valur tal-limitu ta' l-espożizzjoni minħabba x-xogħol fuq skond qasir (4) mg/m3 (5) ppm (6) mg/m3 ppm Ċomb inorganiku u 0,15 l-komposti tiegħu (1) EINECS: L-Inventarju Ewropew tas-Sustanzi Kimiċi Kummerċjali Eżistenti. (2) CAS: Is-Servizz ta' l-Astratti Kimiċi. (3) Imkejjel jew ikkalkolat b'relazzjoni għall-perjodu referit ta' tmien sigħat, medja ppeżata taż-żmien. (4) Valur tal-limitu dwar liema esponiment m'għandux ifiġġ, liema hu rrelatat ma' perjodu ta' ħmistax-il minuta sakemm mhux speċifikat mod ieħor. (5) mg/m3 = milligrammi kull metru kubu ta' l-arja għal 20C u 101,3 kPa. (6) ppm = biċċiet kull miljun skond il-volum fl-arja (ml/m3). ANNESS II VALURI TAL-LIMITU BIJOLOĠIĊI LI JORBTU U MIŻURI TAS-SORVELJANZA TAS-SAĦĦA 1. Ċomb u l-komposti joniċi tiegħu 1.1. Il-monitoraġġ bijoloġiku għandu jinkludi l-kejl tal-livell taċ-ċomb fid-demm (PbB) bl-użu ta' l-ispettrometrija ta' l-assorbiment jew metodu li jagħti riżultati ekwivalenti. Il-valur tal-limitu bijoloġiku li jorbot huwa: 70 µg Pb/100 ml demm 1.2 Titwettaq is-sorveljanza medika jekk: l-espożizzjoni għall-konċentrazzjoni taċ-ċomb fl-arja tkun ikbar minn 0,075 mg/m3, ikkalkolati bħala medja ppeżata taż-żmien matul 40 siegħa kull ġimgħa, jew jiġi mkejjel livell taċ-ċomb fid-demm ikbar minn 40 µg Pb/100 ml demm f'ħaddiema individwali. 1.3 Il-linji gwida prattiċi għall-monitoraġġ bijoloġiku u s-sorveljanza medika għandhom jiġu żviluppati skond l-Artikolu 12(2). Dawn għandhom jinkludu r-rakkomandazzjonijiet ta' l-indikaturi bijoloġiċi (p.e., ALAU, ZPP, ALAD) u strateġiji tal-monitoraġġ bijoloġiku. _________________ ANNESS III PROJBIZZJONIJIET Huma pprojbiti l-produzzjoni, il-fabbrikazzjoni jew l-użu fuq ix-xogħol ta' l-aġenti kimiċi u l-attivitajiet li jinvolvu l-aġenti kimiċi ddikjarati hawn taħt. Il-projbizzjoni ma tapplikax jekk l-aġent kimiku ikun preżenti f'aġent kimiku ieħor, jew bħala kostitwent ta' l-iskart, sakemm il-konċentrazzjoni individwali tiegħu tkun inqas mil-limitu speċifikat. (a) Aġenti Kimiċi Numru ta' l-EINECS (1) Numru tal-CAS (2) Isem ta' l-aġent Limitu tal-konċentrazzjoni għall-eżenzjoni 202-080-4 91-59-8 It-2-naftilamin u l-imluħ tiegħu 0,1 % w/w 202-177-1 92-67-1 Il-4-minodifenil u l-imluħ tiegħu 0,1 % w/w 202-199-1 92-87-5 Il-Benżidin u l-imluħ tiegħu 0,1 % w/w 202-204-7 92-93-3 Il-4-nitrodifenil 0,1 % w/w (1) EINECS: L-Inventarju Ewropew tas-Sustanzi Kimiċi Kummerċjali Eżistenti (2) CAS: Is-Servizz tas-Sommarji Kimiċi (b) Attivitajiet tax-xogħol Xejn. ________________ Proofread by Claudine Camilleri [1] ĠU C 165, tas-16.6.1993, p. 4. [2] ĠU C 34, tat-2.2.1994, p. 42. [3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-20 ta' April 1994 (ĠU C 128, tad-9.5.1994, p. 167), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-7 ta' Ottubru 1997 (ĠU C 375, tal-10.12.1997, p. 2) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Novembru 1998 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). [4] ĠU L 327, tat-3.12.1980, p. 8. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 88/642/KEE (ĠU L 356, ta' l-24.12.1988, p. 74). [5] ĠU L 247, tat-23.8.1982, p. 12. [6] ĠU L 179, tad-9.7.1988, p. 44. [7] ĠU L 183, tad-29.6.1989, p. 1. [8] ĠU L 196, tas-16.8.1967, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 96/56/KE (ĠU L 236, tat-18.9.1996, p. 35). [9] ĠU L 187, tas-16.7.1988, p. 14. Direttva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 96/65/KE (ĠU L 265, tat-18.10.1996, p. 15). [10] ĠU L 275, tal-5.10.1990, p. 35. [11] ĠU L 245, tas-26.8.1992, p. 23. [12] ĠU L 177, tal-5.7.1991, p. 22. [13] ĠU L 338, tat-28.12.1996, p. 86. [14] (14) ĠU L 185, tad-9.7.1974, p. 15. Deċiżjoni kif l-aħħar emendat bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-1994. [15] ĠU L 196, tas-26.7.1990, p. 1. [16] Direttiva tal-Kunsill 94/55/KE tal-21 ta'Novembru 1994 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-trasport ta' l-oġġetti perikolużi bit-triq (ĠU L 319, tat-12.12.1994, p. 7). Direttiva kif emendata bid-Direttiva 96/86/KE (ĠU L 335, ta' l-24.12.1996 p. 43). [17] Direttiva tal-Kunsill 96/49/KE tal-23 ta'Lulju 1996 dwar it-tqarrib lejn xulxin tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-trasport ta' l-oġġetti perikolużi bil-ferrovija (ĠU L 235, tas-17.9.1994, p. 25). Direttiva kif emendata bid-Direttiva 96/87/KE (ĠU L 335, ta' l-24.12.1996 p. 45). [18] Direttiva tal-Kunsill 93/75/KEE tat-13 ta'Settembru 1993 li tirrigwarda l-ħtiġiet minimi għall-bastimenti fi triqthom lejn jew li jħallu l-portijiet Komunitarji u li jġorru oġġetti perikolużi jew ta' tniġġiż (ĠU L 247, tal-5.10.1993, p. 19). Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 97/34/KE (ĠU L 158, tas-17.6.1997 p. 40). [19] ĠU L 100, tad-19.4.1994, p. 1. [20] ĠU L 154, tal-5.6.1992, p. 1. [21] ĠU L 263, ta' l-24.9.1983, p. 25. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 91/382/KEE (ĠU L 206, tat-12.7.1991, p. 16). [22] ĠU L 137, ta' l-24.5.1986, p. 28.