Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31998D0743

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Diċembru 1998 dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jikkonċernaw il-komposizzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju

    ĠU L 358, 31.12.1998, p. 109–110 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1998/743/oj

    31998D0743



    Official Journal L 358 , 31/12/1998 P. 0109 - 0110


    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

    tal-21 ta' Diċembru 1998

    dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jikkonċernaw il-komposizzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju

    (98/743/KE)

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 109ċ(3) miġjub fih,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew [2],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Monetarju [3],

    (1) Billi t-Trattat jipprovdi li Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju għandu jitwaqqaf fil-bidu tat-tielet stadju ta' l-unjoni ekonomika u monetarja;

    (2) Billi t-Trattat jirrikjedi li l-Kunsill jadotta dispożizzjonijiet dettaljati li jikkonċernaw il-komposizzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju; billi kull wieħed mill-Istati Membri, il-Kumissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew għandhom jaħtru mhux iżjed minn żewġ membri tal-Kumitat;

    (3) Billi l-kompiti tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju huma mniżżla fl-Artikolu 109ċ(2) tat-Trattat; billi bħala parti minn dawn il-kompiti l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju għandu jżomm taħt reviżjoni is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja ta' l-Istati Membri u tal-Komunità u għandu jirrapporta regolarment dwarhom lill-Kunsill u lill-Kumissjoni b'mod partikolari dwar ir-relazzjonijiet finanzjarji ma' pajjiżi terzi u ma' istituzzjonijiet internazzjonali; billi l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju għandu jikkontribwixxi għall-preparazzjoni tax-xogħol tal-Kunsill, inter alia, għar-rakomandazzjonijiet meħtieġa bħala parti minn sorveljanza multilaterali u linji gwidi ekonomiċi wiesa' mniżżla fl-Artikolu 103 tat-Trattat, u għad-deċiżjonijiet meħtieġa bħala parti mill-proċedura ta' l-iżbilanċ eċċessiv imniżżla fl-Artikolu 104ċ tat-Trattat; billi minħabba n-natura u l-importanza ta' dawn il-kompiti, huwa essenzjali li l-membri tal-Kumitat u membri alternattivi jiġu magħżula minn fost esperti li jippossedu kompetenza straordinarja fil-qasam ekonomiku u finanzjarju;

    (4) Billi fir-Resoluzzjoni [4] tiegħu dwar il-Koordinazzjoni tal-Policy Ekonomika fi stadju 3 tal-EMU, il-Kunsill Ewropew tal-Lussemburgu tat-12 u t-13 ta' Diċembru 1997 ikkonkluda li l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju għandu jipprovdi l-istruttura li fiha d-djalogu bejn il-Kunsill u l-Bank Ċentrali Ewropew jista jiġi ppreparat u komplut fil-livell ta' uffiċjali għolja; billi dawn l-uffiċjali għandhom jiġu minn banek ċentrali nazzjonali u l-Bank Ċentrali Ewropew kif ukoll minn amministrazzjonijiet nazzjonali;

    (5) Billi "amministrazzjoni" tirreferi għas-sevizzi tal-Ministri li jattendu l-Kunsill meta jiltaqgħu fil-komposizzjoni tal-Ministri Ekonomiċi u Finanzjarji;

    (6) Billi s-sħubija tal-Kumitat ta' l-uffiċjali mill-Bank Ċentrali Ewropew u banek ċentrali nazzjonali għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 107 tat-Trattat,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    L-Istati Membri, il-Kumissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew għandhom kull wieħed jaħtar żewġ membri tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju. Jistgħu wkoll jaħtru żewġ membri alternattivi oħra tal-Kumitat.

    Artikolu 2

    Il-membri tal-Kumitat u l-alternati għandhom jiġu magħżula minn fost esperti li jippossjedu kompetenza straordinarja fil-qasam ekonomiku u finanzjarju.

    Artikolu 3

    Iż-żewg membri appuntati mill-Istati Membri għandhom jiġu magħżula rispettivament minn fost uffiċjali anzjani mill-amministrazzjoni u l-bank ċentrali nazzjonali. L-alternati għandhom jiġu magħżula taħt l-istess kondizzjonijiet.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Għandu jkollha effett mill-1 ta' Jannar 1999.

    Magħmula fi Brussel, fil-21 ta' Diċembru 1998.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. Bartenstein

    [1] ĠU C 125, tat-23.4.1998, p. 17.

    [2] Opinjoni mogħtija fis-26 ta' Novembru 1998 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    [3] Opinjoni mogħtija fis-17 ta' Novembru 1998 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    [4] ĠU C 35, tat-2.2.1998, p. 1.

    --------------------------------------------------

    Top