Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31998D0140

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l-4 ta’ Frar 1998 li tistabbilixxi ċerti regoli ddettaljati li jirrigwardaw il-kontrolli fuq il-post fil-qasam veterinarju mill-esperti tal-Kummissjoni f’pajjiżi terziTest b’rilevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 38, 12.2.1998, p. 14–16 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1998/140/oj

    31998D0140



    Official Journal L 038 , 12/02/1998 P. 0014 - 0016


    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

    ta’ l-4 ta’ Frar 1998

    li tistabbilixxi ċerti regoli ddettaljati li jirrigwardaw il-kontrolli fuq il-post fil-qasam veterinarju mill-esperti tal-Kummissjoni f’pajjiżi terzi

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    (98/140/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 71/118/KEE tal-15 ta’ Frar 1971 dwar il-problemi tas-saħħa li jaffettwaw il-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq tal-laħam frisk tat-tjur [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 96/23/KE [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tagħha, u d-disposizzjonijiet korrispondenti tad-Direttivi l-oħra fil-qasam veterinarju li jirrigwardaw ir-regoli tas-saħħa u l-ħtiġijiet tas-saħħa li japplikaw għall-importazzjonijiet ta’ speċi diversi ta’ annimali jew ta’ prodotti li oriġinaw mill-annimali,

    Billi l-Kummissjoni għandha tadotta r-regoli ġenerali ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-kondizzjonijiet li fuqhom għandhom jitwettqu l-kontrolli fuq il-post fil-qasam veterinarju f’pajjiżi terzi, f’kollaborazzjoni ma’ l-Istati Membri.

    Billi wħud mir-regoli li għandhom x’jaqsmu mal-kontrolli fuq il-post mill-esperti tal-Kummissjoni għandhom ikunu komuni għall-leġislazzjoni kollha f’dan il-qasam; billi, għal dan il-għan, għandhom jiġu stabbiliti f’Deċiżjoni waħda; billi, madankollu, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 86/474/KEE tal-11 ta’ Settembru 1986 dwar l-implimentazzjoni ta’ l-ispezzjonijiet fuq il-post li jridu jitwettqu rigward l-importazzjoni tal-bhejjem tal-ifrat u l-ħnieżer u l-laħam frisk [3] għandha tissokta tapplika;

    Billi għandha tiġi vverifikata matul il-kontrolli fuq il-post l-applikazzjoni tal-pjani illi l-pajjiżi terzi jridu jissottomettu skond id-Direttiva tal-Kunsill 92/117/KEE tas-17 ta’ Diċembru 1992 li jirrigwardaw il-miżuri tal-protezzjoni kontra ż-żoonosi speċifikata u l-aġenti żoonitiċi speċifikati fl-annimali u fil-prodotti li joriġinaw mill-annimali sabiex jipprevjienu t-tfaqqigħ ta’ l-infezzjonijiet u l-intossikazzjonijiet miġrura mill-ikel [4], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 97/22/KE [5];

    Billi, meta jkunu qegħdin jiġu spezzjonati l-istabbilimenti approvati jew dawk li għaddejjin mill-proċess ta’ l-approvazzjoni bil-għan li jesportaw il-laħam frisk lejn il-Komunità, għandhom jiġu ċċekkjati wkoll il-kondizzjonijiet tal-qatla skond l-Artikolu 15 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/119/KE tat-22 ta’ Diċembru 1993 dwar il-protezzjoni ta’ l-annimali fil-ħin tal-qatla jew tal-qtil [6];

    Billi, fl-interessi ta’ l-effiċjenza, għandhom jiġu stabbiliti temmiet taż-żmien għad-dispaċċ mill-Kummissjoni tar-riżultati tal-kontrolli fuq il-post lill-pajjiżi terzi fejn kienu midħula għalihom il-kontrolli.

    Billi, meta dan huwa meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-leġislazzjoni Komunitarja, il-kontrolli fuq il-post għandhom ikunu inklużi fil-programmi stabbiliti wara diskussjoni ma’ l-Istati Membri u l-bdil tal-veduti fil-Kumitat Veterinarju Permanenti;

    Billi din il-kollaborazzjoni għandha tissokta matul il-kontrolli fuq il-post imwettqa mill-esperti tal-Kummissjoni, akkumpanjati mill-esperti ta’ l-Istati Membri maħtura mill-Kummissjoni; billi l-esperti ta’ l-Istati Membri għandhom ikunu bla ħsara għal ċerti obbligi u jiġu rimborżati għall-ispejjeż tal-vjaġġi u tal-manteniment tagħhom;

    Billi, wara li jkunu saru l-kontrolli fuq il-post, huwa meħtieġ li jiġi żgurat illi l-Istati Membri jkunu mgħarrfa bir-riżultati u li jiġu proposti l-miżuri approprjati skond il-leġislazzjoni Komunitarja;

    Billi, fl-interessi tat-trasparenza, il-Parlament Ewropew, il-konsumatur u l-produttur għandhom jinżammu mgħarrfa fil-limiti tat-Trattat u b’mod partikolari bil-ħtieġa li jiġu rrispettati l-obbligi tas-segretezza professjonali stabbiliti fl-Artikolu 214 tat-Trattat, dwar is-sejbiet mill-kontrolli fuq il-post, u dwar ir-rakkommandazjonijiet għall-azzjoni li jsegwu minnhom;

    Billi, il-Ftehim ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-Applikazzjoni tal-Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji, u b’mod partikolari l-Artikolu 8 u l-paragrafu 1(d) ta’ l-Anness Ċ, jeħtieġ illi tiġi rispettata l-kunfidenzjalità tat-tagħrif li joħroġ mit-tħaddim tal-proċeduri tal-kontroll, l-ispezzjonijiet u l-proċeduri ta’ l-approvazzjoni hekk illi jiġu protetti l-interessi kummerċjali leġittimi;

    Billi, fl-interessi taċ-ċarezza, għandha titħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/134/KE [7];

    Billi l-miżuri pprovvduti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Veterinarju Permanenti,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1. Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi ċerti regoli li għandhom x’jaqsmu mal-kontrolli fuq il-post imwettqa fil-qasam veterinarju f’pajjiżi terzi mill-esperti tal-Kummissjoni akkumpanjati mill-esperti ta’ l-Istati Membri.

    Għall-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni, ‘kontrolli fuq il-post fil-qasam veterinarju’ (minn issa ‘l quddiem imsejħa il-‘kontrolli’) ifissru l-miżuri ta’ verifika u ta’ spezzjon meħtieġa għalbiex jiżguraw illi, mingħajr preġudizzju għall-kontroll ta’ l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni veterinarja eżistenti, il-garanzija tas-saħħa tal-pubbliku u ta’ l-annimali u l-protezzjoni ta’ l-annimali offruti mill-pajjiżi terzi rigward il-kondizzjonijiet tal-produzzjoni u t-tqegħid fuq is-suq jistgħu jitqiesu bħala mill-inqas ekwivalenti għal dawk applikati fil-Komunità.

    2. Il-kontrolli għandhom jippermettu, skond il-leġislazzjoni interessata, li jiġu stabbiliti jew emendati b’mod partikolari:

    - il-lista tal-pajjiżi terzi jew tal-partijiet minn pajjiżi terzi li minnhom l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjonijiet,

    - il-kondizzjonijet ta’ l-importazzjoni speċifiċi għal kull pajjiż terz, inkluż kull ċertifikat tas-saħħa li jrid jakkumpanja l-kunsinni kollha maħsuba għall-Komunità,

    - il-lista ta’ l-istabbilimenti li minnhom l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjonijiet.

    3. Id-disposizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta’ kull ftehim dwar il-miżuri sanitarji li japplikaw għall-kummerċ fl-annimali ħajjin u l-prodotti mill-annimali milħuq bejn il-Komunità Ewropea u pajjiżi terzi.

    Artikolu 2

    1. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi programm ġenerali ta’ kontrolli għall-leġislazzjoni u għall-pajjiżi terzi interessati u tissottomettih għall-bdil tal-veduti fil-Kumitat Veterinarju Permanenti.

    Il-programm ġenerali għandu jinkludi tagħrif dwar il-kontenut u l-frekwenza tal-miżuri li jridu jittieħdu mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kontrolli.

    2. Il-Kummissjoni tista’ tiddifferixxi jew tressaq ‘il quddiem ċerti kontrolli jew tagħmel kontrolli addizzjonali meta tqis dawn meħtieġa, b’mod partikolari għar-raġunijiet tas-saħħa jew fuq il-bażi tar-riżultati ta’ kontrolli preċedenti, wara li tikkonsulta lill-Istati Membri fil-Kumitat Veterinarju Permanenti.

    Artikolu 3

    1. L-esperti tal-Kummissjoni jistgħu jkunu akkumpanjati minn espert jew aktar matul il-kontrolli, elenkati skond il-paragrafu 2, minn Stat Membru wieħed jew aktar.

    2. Kull Stat Membru għandu jipproponi lill-Kummissjoni mill-inqas żewġ esperti b’kompetenza speċifika f’żoni ddeżinjati tal-kompetenzi, u għandhom jibgħatulha isimhom, l-oqsma tal-kompetenza, l-indirizz uffiċjali, in-numri tat-telfon u tal-fax eżatti.

    Il-Kummissjoni għandha żżomm lista ta’ dawn l-esperti u għandha tikkonsulta l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ l-espert qabel toħroġ stedina lill-espert sabiex jakkumpanja lill-esperti tal-Kummissjoni matul il-kontrolli riferiti fil-paragrafu 1.

    Meta Stat Membru jikkunsidra illi wieħed mill-esperti proposti minnu ma għandux jibqa’ inkluż fil-lista, għandu jgħarraf lill-Kummissjoni b’dan. Jekk in-numru ta’ l-esperti b’hekk jaqa’ taħt il-minimu meħtieġ, l-Istat Membru għandu jipproponi sostitut jew aktar lill-Kummissjoni.

    Artikolu 4

    1. Matul il-kontrolli, l-espert jew l-esperti minn Stat Membru jew aktar maħtura mill-Kummissjoni sabiex jakkumpanja lill-esperti tagħha għandhom jikkonformaw ma’ l-istruzzjonijiet amministrattivi tal-Kummissjoni.

    It-tagħrif miġbur jew il-konklużjonijiet magħmula mill-espert jew l-esperti ta’ l-Istat Membru matul il-kors tal-kontrolli ma għandhom qatt jintużaw għal għanijiet personali jew jixxandru lil persuni barra mid-dipartimenti kompetenti tal-Kummissjoni jew ta’ l-Istati Membri.

    2. L-ispejjeż tal-vjaġġi u l-manteniment miġrura mill-espert jew l-esperti ta’ l-Istat Membru maħtura mill-Kummissjoni għandhom ikunu rimborżati skond ir-regoli tagħha li jirregolaw l-ispejjeż tal-vjaġġi u l-manteniment miġrura minn persuni li mhumiex uffiċjali tal-Kummissjoni u li jissejħu sabiex jaġixxu bħala esperti.

    Artikolu 5

    Ġaladarba jitlestew il-kontrolli, l-esperti tal-Kummissjoni għandhom jgħarrfu lill-pajjizi terzi bil-fomm dwar il-konklużjonijiet tagħhom u, fejn meħtieġ, dwar il-miżuri korrettivi li jqisu meħtieġa u l-grad ta’ l-urġenza tagħhom.

    Il-Kummissjoni għandha tikkonferma r-riżultati tal-kontrolli fi żmien 20 jum tax-xogħol f’rapport bil-miktub, bla ħsara li tirċievi kull tagħrif addizzjonali mitlub matul il-kontrolli iżda li ma kienx disponibli f’dak iż-żmien.

    Madankollu, fl-eventwalità ta’ emerġenza, jew fejn ikun ġie indentifikat riskju sinifikanti għas-saħħa matul il-kontrolli fuq il-post, il-pajjiż terz għandu jiġi mgħarraf malajr kemm jista’ jkun bis-sejbiet tal-missjoni f’rapport bil-miktub u f’kull każ fi żmien għaxart ijiem mit-tmiem tal-missjoni.

    Meta tipprovdi t-tagħrif dwar is-sejbiet tal-missjonijiet, il-Kummissjoni għandha b’mod partikolari tikkonforma mal-ħtiġijiet stabbiliti fl-Artikolu 214 tat-Trattat.

    Dawn id-disposizzjonijiet huma mingħajr preġudizzju għall-poteri tal-Kummissjoni li tieħu miżuri interim ta’ protezzjoni skond id-disposizzjonijiet Komunitarji fil-qasam veterinarju.

    Artikolu 6

    1. Il-Kummisjsoni għandha tgħarraf, permezz ta’ rapporti bil-miktub, lill-Istati Membri fil-Kumitat Veterinarju Permanenti, bis-sejbiet mill-kontrolli fuq il-post imwettqa f’kull pajjiż terz u bir-rakkomandazzjonijiet għall-azzjoni li jsegwu minnhom.

    Ir-rapporti għandhom jindikaw, kif approprjat, u jekk il-leġislazzjoni interessata tipprovdi dan, jekk hux meħtieġ:

    - li tiġi emendata kull lista riferita fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 1(2),

    - li jiġu stabbiliti jew emendati l-kondizzjonijiet ta’ l-importazzjoni riferiti fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 1(2),

    jew

    - li jiġu stabbiliti jew emendati l-listi ta’ l-istabbilimenti riferiti fit-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 1(2).

    Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Parlament Ewropew b’dawn is-sejbiet u rakkomandazzjonijiet.

    Il-Kummissjoni għandha wkoll tagħmel dawn is-sejbiet u rakkomandazzjonijiet disponibbli lill-pubbliku fuq bażi regolari.

    2. Meta tidħol għall-azzjonijiet ipprovvduti f’dan l-Artikolu, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jikkonformaw mal-ħtiġijiet stabbiliti fl-Artikolu 214 tat-Trattat.

    Artikolu 7

    Id-disposizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid qabel il-31 ta’ Diċembru 1998 fuq il-bażi ta’ rapport mill-Kummissjoni lill-Istati Membri.

    Artikolu 8

    Id-Deċiżjoni 97/134/KE hija hawnhekk imħassra.

    Artikolu 9

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussel, fl-4 ta’ Frar 1998.

    Għall-Kummissjoni

    Emma Bonino

    Membru tal-Kummissjoni

    [1] ĠU L 55, tat-8.3.1971, p. 23.

    [2] ĠU L 125, tat-23.5.1996, p. 10.

    [3] ĠU L 279, tat-30.9.1986, p. 55.

    [4] ĠU L 62, tal-15.3.1993, p. 38.

    [5] ĠU L 113, tat-30.4.1997, p. 9.

    [6] ĠU L 340, tal-31.12.1993, p. 21.

    [7] ĠU L 51, tal-21.2.1997, p. 54.

    --------------------------------------------------

    Top