This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 31997R0322
Council Regulation (EC) No 322/97 of 17 February 1997 on Community Statistics
Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 tas-17 ta' Frar 1997 dwar Statistika tal-Komunità
Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 tas-17 ta' Frar 1997 dwar Statistika tal-Komunità
ĠU L 52, 22.2.1997, p. 1–7
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)
No longer in force, Date of end of validity: 31/03/2009; Imħassar b' 32009R0223
Official Journal L 052 , 22/02/1997 P. 0001 - 0007
Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 tas-17 ta' Frar 1997 dwar Statistika tal-Komunità IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 213 tiegħu, Wara li kkunsidra l-abbozz tar-Regolament mogħti mill-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Istitut Monetarju Ewropew [4], (1) Filwaqt li, sabiex ikunu jistgħu isiru x-xogħolijiet varji fdati lilha permezz tal-klawsoli tat-Trattat sabiex jassiguraw li s-suq komuni jaħdem u jiżviluppa kif għandu jkun, il-Kummissjoni jeħtieġilha li tiġbor kull informazzjoni relevanti; (2) Filwaqt li, b'mod partikolari, għall-formulazzjoni, applikazzjoni, kontroll u stima tal-politika ddettata fit-Trattat, il-Komunità għandha tkun tista’ tibbaża id-deċiżjonijiet tagħha fuq statistiċi li huma aġġornati, affidabbli, ta' relevanza, u komparabbli bejn l-Istati Membri; (3) Filwaqt li, sabiex ikunu assigurati l-prattiċità, l-koerenza u l-komparabilità tal-istatistiċi tal-Komunità, għandhom ikunu rinforzati l-kollaborazzjoni u l-kordinazzjoni bejn dawk l-awtoritàjiet li jikkontribwixxu għall-produzzjoni ta' tali informazzjoni kemm f'livell nazzjonali u kemm f'livell Komunitarju; filwaqt li l-klawsoli ta' dan ir-Regolament jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' sistema ta' statistika tal-Komunità; (4) Filwaqt li l-awtoritajiet imsemmija għandhom juru l-akbar imparzjalità u professjonaliżmu fil-produzzjoni ta' statistiċi, jirrispettaw l-istess prinċipji ta' mġieba u etika professjonali; (5) Filwaqt li nhar l-14 t'April 1994 il-Kummissjoni tal-Istatistika tan-Nazzjonijiet Uniti adottat il-Prinċipji Fundamentali tal-Istatistika Uffiċjali; (6) Filwaqt li, sabiex ikunu ppreparati u jkunu mwettqa azzjonijiet ta' statistika tal-Komunità ta' prijorità, għandhom ikunu mplimentati programmi, li jqisu r-risorsi disponibbli kemm f'livell nazzjonali u kemm f'livell Komunitarju; (7) Filwaqt li l-istabbiliment tal-Programm ta' statistika tal-Komunità li għandu jiġi adottat mill-Kunsill u l-programmi ta' xogħol annwali li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni jeħtieġu b'mod partikolari kollaborazzjoni fil-qrib fi ħdan il-Kumitat tal-Programm tal-Istatistika, stabbiliti b'Deċiżjoni 89/382/KEE, Euratom [5]; (8) Filwaqt li dan ir-Regolament għandu l-għan li jistabbilixxi struttura leġislattiva għall-produzzjoni ta' statistika tal-Komunità; filwaqt li għandha ssir klawsola għall-ippjanar tal-produzzjoni tal-istatistika tal-Komunità li għandha tkun speċifikata b'azzjonijiet ta' statistika individwali; (9) Filwaqt li dan ir-Regolament jiddefinixxi r-responsabbilità tal-awtoritajiet nazzjonali u l-awtorità tal-Komunità għall-produzzjoni tal-istatistika tal-Komunità bi qbil mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif iddefinit fl-Artikolu 3b tat-Trattat; (10) Filwaqt li, waqt li jiġu ppreparati l-programmi ta' statistika, il-Kumitati stabbiliti mill-Kunsill fl-oqsma ta' statistika mogħtija tagħhom għandhom iwettqu l-funzjonijiet li ġew fdati lilhom; (11) Filwaqt li l-metodi u kondizzjonijiet tal-implimentazzjoni tal-Programm tal-Istatistika tal-Komunità b'azzjonijiet ta' statistika ndividwali għandhom jiġu ddefiniti; (12) Filwaqt li t-tixrid hu parti mill-proċess ta' produzzjoni tal-istatistiċi tal-Komunità; (13) Filwaqt li huwa mportanti li tkun protetta l-informazzjoni kunfidenzjali li l-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali u tal-Komunità għandhom jiġbru għall-produzzjoni ta' statistiċi tal-Komunità, sabiex tinkiseb u tinżamm il-kunfidenzjalità tal-partijiet responsabbli biex jipprovdu din l-informazzjoni; filwaqt li l-kunfidenzjalità ta' informazzjoni ta' statistika għandha tissodisfa l-istess sett ta' prinċipji fl-Istati Membri kollha; (14) Filwaqt li, għal dan il-għan, huwa neċessarju li jkun stabbilit ħsieb komuni ta' data kunfidenzjali li għandha tintuża f'dak li għandu x'jaqsam mal-produzzjoni ta' statistiċi tal-Komunità; (15) Filwaqt li dan il-ħsieb għandu jqis li data miksuba minn sorsi disponibbli għall-pubbliku hija kkunsidrata kunfidenzjali minn xi awtoritajiet nazzjonali, skond leġislazzjoni nazzjonali; (16) Filwaqt li r-regoli speċifiċi ta' pproċessar ta' data fl-istruttura tal-Programm tal-Istatistika tal-Komunità m'għandux jaffettwa Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 t'Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni t'individwi f'dak li għandu x'jaqsam mal-ipproċessar ta' data personali u fuq il-moviment liberu ta' tali data [6]; (17) Filwaqt li t-Trattat għadda ċertu responsabilitajiet ta' statistika lil Istitut Monetarju Ewropew, li hu għandu jeżerċita mingħajr ma jfittex jew jieħu struzzjonijiet minn istituzzjonijiet jew organizzazzjonijiet tal-Komunità, minn kull Gvern ta' Stat Membru jew minn kull organizzazzjoni oħra; filwaqt li huwa importanti li tkun assigurata kordinazzjoni xierqa bejn il-ħidmiet relevanti tal-awtoritajiet f'livell nazzjonali u tal-Komunità li jikkontribwixxu għall-produzzjoni ta' statistika tal-Komunità minn lat, u l-funzjonijiet tal-Istitut Monetarju Ewropew mil-lat l-ieħor; (18) Filwaqt li banek ċentrali nazzjonali, l-aktar tard fid-data ta' stabbiliment tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali, għandhom ikunu indipendenti minn istituzzjonijiet jew organizzazzjonijiet tal-Komunità, minn kull gvern ta' Stat Membru jew minn kull organizzazzjoni oħra; filwaqt li, f'fażi II ta' l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, Stati Membri għandhom jibdew u jlestu l-proċess sabiex jassiguraw l-indipendenza ta' banek ċentrali nazzjonali; (19) Filwaqt li l-Kummissjoni ikkonsultat il-Kumitat tal-Programm tal-Istatistika, il-Kumitat dwar Statistika Monetarja, Finanzjarja u Bilanċ tal-Ħlasijiet, stabbilit b'Deċiżjoni 91/115/KEE [7], ul-Kumitat Konsultattiv Ewropew dwar Informazzjoni tal-Istatistika fl-Isferi Ekonomiċi u Soċjali, stabbilita bid-Deċiżjoni 91/116/KEE [8], ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: KAPITOLU I Klawsoli Ġenerali Artikolu 1 L-għan ta' dan ir-Regolament hu li jistabbilixxi struttura leġislattiva għall-produzzjoni sistematika u programmata ta' statistika tal-Komunità b’ħarsa lejn il-formulazzjoni, applikazzjoni, kontroll u stima tal-politika tal-Komunita. L-awtoritajiet nazzjonali f'livell nazzjonali ul-awtorità tal-Komunità f'livell tal-Komunità għandhom ikunu responsabbli għal produzzjoni ta' statistiċi tal-Komunità bi qbil mal-prinċipju ta' sussidjarjetà. Sabiex jiggarantixxu l-kumparabilità tar-riżultati, għandhom jiġu prodotti statistiċi tal-Komunità fuq il-bażi ta' standards uniformi u, f'każijiet speċifiċi, iġġustifikati kif imiss, ta' metodi armonizzati. Artikolu 2 Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament: - "Statistiċi tal-Komunità" għandha tfisser informazzjoni kwantitattiva u rappreżentattiva miksuba minnġbir u pproċessar sistematiku ta' data, prodotta mill-awtoritajiet nazzjonali u l-awtorità tal-Komunità fl-istruttura ta' implimentazzjoni tal-programm tal-istatistika tal-Komunità skond l-Artikolu 3(2), - "produzzjoni tal-istatistiċi" għandha tfisser il-proċess li jinkludi l-attivitajiet kollha neċessarji għall-ġbir, ħżin, ipproċċessar, kompilazzjoni, analiżi u tixrid tal-informazzjoni tal-istatistika, - "awtoritajiet nazzjonali" għandha tfisser istituti ta' statistika nazzjonali u organizzazzjonijiet oħra responsabbli f'kull Stat Membru għal li jipproduċu statistiċi tal-Komunità, - "awtorità tal-Komunità" għandha tfisser id-dipartiment tal-Kummissjoni responsabbli mit-twettieq tal-ħidmiet li għaddew għand il-Kummissjoni f'dak li għandu x'jaqsam mal-istatistika tal-Komunità (Eurostat). KAPITOLU II Il-programm tal-istatistika tal-Komunità u l-implimentazzjoni tiegħu Artikolu 3 1. Bi qbil mal-klawsoli relevanti tat-Trattat, il-Kunsill għandu jadotta programm ta' statistika tal-Komunità li jiddefinixxi l-aċċessi, l-oqsma prinċipali u l-għanijiet tal-azzjonijiet ipprovduti għal perjodu li ma jaqbiżx il-ħames snin. Il-programm tal-istatistika tal-Komunità għandu jikkostitwixxi l-istruttura għall-produzzjoni tal-istatistiċi kollha tal-Komunità Jekk hemm bżonn, tista' tiġi aġġornata. Il-Kummissjoni għandha tipprepara rapport dwar l-implimentazzjoni tal-programm fl-aħħar tal-perjodu kopert bil-programm. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi d-direttivi għal stabbiliment tal-programm tal-istatistika tal-Komunità għal eżaminazzjoni minn qabel mill-Kumitat tal-Programm tal-Istatistika u, fi ħdan l-istruttura tal-poteri rispettivi tagħhom, mill-Kumitat Konsultattiv Ewropew dwar Informazzjoni tal-Istatistika fl-Isferi Ekonomiċi u Soċjali u l-Kumitat dwar Statistika Monetarja, Finanzjarja u Bilanċ tal-Ħlasijiet. 2. Il-programm tal-istatistika tal-Komunità li għalih hemm referenza fil-paragrafu 1 għandu jkun implimentat b'azzjonijiet ta' statistika ndividwali. Dawn l-azzjonijiet għandhom ikunu jew: (a) deċiżi mill-Kunsill skond il-klawsoli tat-Trattat addattati; jew (b) deċiżi mill-Kummissjoni taħt il-kondizzjonijiet iddettati fl-Artikolu 6 u bi qbil mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 19; jew (ċ) deċiżi permezz ta' qbil bejn l-awtorita jiet nazzjonali ul-awtorità tal-Komunità fi ħdan l-isferi rispettivi ta' kompetenza tagħhom. 3. Kull sena, qabel l-aħħar ta' Mejju, il-Kummissjoni għandha tgħaddi il-programm ta' xogħol tagħha għas-sena ta' wara għal eżaminazzjoni mill-Kumitat tal-Programm tal-Istatistika. Dan il-programm għandu jindika b'mod partikulari: - l-azzjonijiet li l-Kummissjoni tikkonsidra li għandhom prijorità, filwaqt li żżomm f'moħħha l-trażżin finanzjarju nazzjonali u tal-Komunità, - il-proċeduri u kull strument legali pprovdut mill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-programm. Il-Kummissjoni sejra tagħti każ ħafna tal-kummenti tal-Kumitat tal-Programm tal-Istatistika. Il-Kummissjoni tieħu l-azzjoni li hi tqis l-aktar adattata. Artikolu 4 Il-Kummissjoni għandha tindika fl-inizjattivi tagħha dwar l-azzjonijiet tal-istatistika individwali li għalihom hemm referenza fl-Artikolu 3(2)(a) u (b): - ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-azzjoni maħsuba, l-aktar fid-dawl tal-għanijiet tal-politika in kwistjoni tal-Komunità, - l-għanijiiet preċiżi għall-azzjoni u evalwazzjoni tar-riżultati mistennija, - il-proċeduri għall-implimentazzjoni tal-azzjoni, id-dewmien tagħha u r-rwol tal-awtoritajiet nazzjonali w l-awtorità tal-Komunità, - ir-rwol tal-Kumitati speċjalizzati relevanti, - il-mezzi li bihom jiġu minimizzati l-piżijiet ta' min jirrispondi, - analiżi ta' l-effettività fil-ġestjoni tal-ispejjeż li tagħti każ tal-kost finanzjarju tal-azzjoni kemm għall-Komunità u kemm għall-Istati Membri, - rakkomandazzjonijiet ta' statistika internazzjonali li għandhom jiġu osservati fl-oqsma koperti. Artikolu 5 L-atti adottati mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni fil-każijiet li għalihom hemm referenza fl-Artikolu 3(2)(a) u (b) għandhom jiddefinixxu l-elementi neċessarji sabiex jinkiseb il-livell ta' kwalità u ta' komparabilità meħtieġ fl-istatistiċi tal-Komunità. Artikolu 6 Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi għal azzjoni ta' statistika ndividwali kif għaliha hemm provdut fl-Artikolu 3(2)(b) meta twettaq il-kundizzjonijet kollha segwenti: - l-azzjoni m'għandhiex iddum aktar minn sena, - id-data li għandha tinġabar għandha tkun disponibbli jew aċċessibbli bil-lest fir-responsabilità tal-awtorita jiet nazzjonali, jew, f'każijiet eċċezzjonali, data li tista tinġabar direttament, - kull spiża addizzjonali li għandha titħallas fuq livell nazzjonali b'riżultat tal-azzjoni għandha titħallas mill-Kummissjoni. Artikolu 7 Meta statistiċi tal-Komunità jirriżultaw minn ftehim bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-awtorità tal-Komunità, kif hemm referenza għalihom fl-Artikolu 3(2)(ċ), ma tinħoloq l-ebda obbligazzjoni għal min jirrispondi, sakemm it-tali obbligazzjoni ma tkunx iddettata f'leġislazzjoni nazzjonali. Artikolu 8 L-implimentazzjoni ta' azzjonijiet ta' statistika ndividwali għandhom jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-awtoritajiet nazzjonali sakemm ma jkunux imniżżla b'mod ieħor fl-att legali tal-Kunsill. Jekk awtoritajiet nazzjonali ma jwettqux din il-ħidma, l-azzjonijiet ta' statistika ndividwali jistgħu jitwettqu mill-awtorità tal-Komunità bil-ftehim espliċitu tal-awtorità nazzjonali kkonċernata. Artikolu 9 Sabiex tingħata garanzija għall-għaqda neċessarja sabiex isiru statistiċi li jilħqu l-ħtiġijiet tal-informazzjoni rispettiva tagħhom, il-Kummissjoni għandha tikkopera fil-qrib mal-Istitut Monetarju Ewropew, filwaqt li tagħti l-każ dovut għall-prinċipji mfissra fl-Artikolu 10. Il-Kumitat dwar Statistika Monetarja, Finanzjarja u Bilanċ tal-Ħlasijiet għandu jieħu sehem f'dan il-proċess ta' koperazzjoni, fil-limiti tal-kompetenza tiegħu. Għalkemm l-Istitut Monetarju Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali ma jieħdux sehem fil-produzzjoni tal-istatistiċi tal-Komunità, b'analoġija ma’ l-Artikolu 3(2)(ċ), wara ftehim bejn bank ċentrali nazzjonali u l-awtorità tal-Komunità fl-isferi rispettivi ta' kompetenza tagħhom u mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti nazzjonali bejn il-bank ċentrali nazzjonali u l-awtorità nazzjonali, tista tiġi wżata data prodotta mill-bank ċentrali, direttament jew indirettament, minn awtoritajiet nazzjonali u mill-awtorità tal-Komunità għall-produzzjoni tal-istatistiċi tal-Komunità. KAPITOLU III Prinċipji Artikolu 10 Sabiex tkun assigurata l-aħjar kwalità possibbli kemm f'aspetti dejontoloġiċi u professjonali, statistiċi tal-Komunità għandhom ikunu mmexxija minn prinċipji ta' imparzjalità, affidabilità, relevanza, konvenjenza, konfidenzjalità tal-istatistika u trasparenza. Il-prinċipji li għalihom hemm referenza fl-ewwel subparagrafu huma ddefiniti kif segwit: "imparzjalità" hu mod oġġettiv w indipendenti kif isiru statistiċi tal-Komunità, ħielsa minn kull pressjoni minn gruppi politiċi jew gruppi oħra b'interess, partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam mal-għażla tal-aktar tekniki, definizzjonijiet u metodoloġiji adattati sabiex jintlaħqu l-għanijiet kif ippjanati. Din timplika d-disponibilità tal-istatistiċi, bl-inqas dewmien, għal dawk kollha li jużawhom (istituzzjonijiet tal-Komunità, gvernijiet, operaturi soċjali w ekonomiċi, ċirki akademiċi u l-pubbliku in ġenerali); "affidabilità" hija l-karatteristika tal-istatistika tal-Komunità biex tirrifletti b'mod leali kemm jista’ jkun ir-realtà li huma għandhom jirrapreżentaw. Timplika li kriterji xjentifiċi huma wżati għall-għażla ta' sorsi, metodi w proċeduri. Kull informazzjoni dwar is-servizz, metodoloġija, proċeduri u sorsi ttejjeb ukoll il-affidabilità; "relevanza" għandha tfisser li l-produzzjoni tal-istatistika tal-Komunità hi funzjoni ta' bżonnijiet iddefiniti b'mod ċar stabbiliti mill-għanijiet tal-Komunita. Dawn il-bżonnijiet jiddetterminaw l-oqsma, t-tul u l-iskala ta' statistiċi, li għandhom jinżammu aġġornati mal-iżviluppi demografiċi, ekonomiċi, soċjali w ambjentali f'kull ħin. Ġbir tad-data għandha tkun limitata għal dak li hu neċessarju sabiex jinkisbu r-riżultati mixtieqa. Il-produzzjoni ta' statistika tal-Komunità li m'għadhiex ta' interess għall-għanijiet tal-Komunità għandha tkun abbandonata; "konvenjenza" għandha tfisser l-aħjar użu tar-riżorsi kollha disponibbli u t-tnaqqis fil-piż fuq min jirrispondi. L-ammont ta' xogħol u l-ispejjeż li teħtieġ il-produzzjoni tal-istatistika għandu jkun proporzjonali għall-importanza tar-riżultati/benefiċċji mfittxa; "konfidenzjalità tal-istatistika" għandha tfisser il-protezzjoni tad-data li għandha x'taqsam ma’ sezzjonijiet ta' statistika singoli li huma miksuba direttament għal għanijiet ta' statistika jew indirettament minn sorsi amministrattivi jew sorsi oħra kontra kull ksur tad-dritt ta' kunfidenzjalita. Timplika l-prevenzjoni ta' użu mhux statistiku tad-data miksuba u tixrid kontra l-liġi tad-data; "trasparenza" għandha tfisser id-dritt minn min jirrispondi li jkollu informazzjoni fuq il-bażi legali, l-għanijiet għalfejn tinħtieġ id-data u l-miżuri ta' protezzjoni adottati. L-awtoritajiet responsabbli għall-ġbir tal-istatistika tal-Komunitä għandhom jieħdu kull pass sabiex jipprovdu t-tali nformazzjoni. KAPITOLU IV Tixrid Artikolu 11 1. Tixrid għandha tfisser l-attività li tagħmel statistika tal-Komunità disponibbli għal min irid jużha. 2. It-tixrid għandu jseħħ b'tali mod li l-aċċess għal statistika tal-Komunità hu magħmul sempliċi w imparzjali fil-Komunità kollha. 3. It-tixrid tal-istatistika tal-Komunità għandu jseħħ mill-awtorità tal-Komunità u mill-awtoritajiet nazzjonali fl-isferi ta' kompetenza tagħhom. Artikolu 12 Riżultati statistiċi f'livell Komunitarju għandhom jinxterdu bl-istess perjodiċità tat-trasmissjoni tar-riżultati disponibbli f'livell nazzjonali lejn l-awtorità tal-Komunità. Kemm jista’ jkun possibbli u mingħajr ma tkun kompromessa l-kwalità f'livell Komunitarju, it-tixrid għandu jseħħ qabel ma tkun dovuta t-trasmissjoni li jmis ta' riżultati nazzjonali lill-awtorità tal-Komunità. KAPITOLU V Kunfidenzjalità tal-Istatistika Artikolu 13 1. Data użata mill-awtoritajiet nazzjonali u l-awtorità tal-Komunità għall-produzzjoni ta' statistika tal-Komunità għandha tkun ikkonsidrata kunfidenzjali meta tippermetti li jkunu identifikati sezzjonijiet ta' statistika, kemm direttament u kemm indirettament, b'hekk tinxtered informazzjoni individwali. Biex ikun stabbilit jekk sezzjoni ta' statistika hjiex identifikabbli, għandhom jitqiesu l-mezzi kollha li jistgħu jkunu wżati b'mod raġonevoli minn terza persuna biex tidentifika s-sezzjoni ta' statistika msemmija. 2. Permezz ta' deroga minn paragrafu 1, data miksuba minn sorsi li huma disponibbli għall-pubbliku u li jibqgħu disponibbli għall-pubbliku fl-awtoritajiet nazzjonali bi qbil mal-leġislazzjoni nazzjonali, m'għandiex tkun ikkonsidrata bħala kunfidenzjali. Artikolu 14 Trasmissjoni bejn awtoritajiet nazzjonali u bejn awtorità tal-Komunità ta' data kunfidenzjali li ma tħallix identifikazzjoni diretta tista sseħħ sakemm din it-trasmissjoni hi neċessarja għall-produzzjoni ta' statistiċi tal-Komunità speċifiċi. Kull trasmissjoni oħra għandha tkun awtorizzata espliċitament mill-awtorità nazzjonali li ġabret id-data. Artikolu 15 Data kunfidenzjali miksuba espliċitament għall-produzzjoni ta' statistika tal-Komunità għandha tkun użata mill-awtoritajiet nazzjonali u mill-awtorità tal-Komunità espliċitament għal użu ta' statistika sakemm min irrisponda ma jkunx ta mingħajr ebda ambigwità il-kunsens għall-użu għal għanijiet oħra. Artikolu 16 1. Sabiex jitnaqqas il-piż minn fuq min jirrispondi, u soġġett għal paragrafu 2, l-awtoritajiet nazzjonali u l-awtorità tal-Komunità għandhom ikollhom aċċess għal sorsi ta' data amministrattiva, kull wieħed fil-qasam tal-attività tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tiegħu stess, sakemm dawn id-data huma neċessarji għall-produzzjoni ta' statistika tal-Komunità. 2. L-arranġamenti prattiċi u l-limiti u kondizzjonijiet sabiex jinkiseb aċċess effettiv għandhom ikunu stabbiliti fejn ikun neċessarju minn kull Stat Membru u l-Kummissjoni fl-isferi ta' kompetenza rispettivi tagħhom. 3. L-użu ta' data kunfidenzjali miksuba minn sorsi amministrattivi jew sorsi oħra mill-awtoritajiet nazzjonali jew mill-awtorità tal-Komunità għal produzzjoni ta' statistika tal-Komunità ma jaffettwax l-użu tad-data għall-għan li għalih kienu oriġinarjament miġbura. Artikolu 17 1. Jista’ jingħata aċċess għal għanijiet xjentifiċi għal data kunfidenzjali miksuba għal statistika tal-Komunità mill-awtorità nazzjonali responsabbli għal produzzjoni ta' dawn id-data jekk l-istandard ta' protezzjoni li jkun jeżisti fil-pajjiż tal-oriġini u, jekk ikun applikabbli, fil-pajjiż ta' użu, jkun assigurat skond il-miżuri ddettati fl-Artikolu 18. 2. Jista jingħata aċċess lill-awtorità tal-Komunità għal għanijiet xjentifiċi għal data kunfidenzjali bi qbil ma’ l-Artikolu 14 minn dik l-awtorità, jekk l-awtorità nazzjonali li pprovdiet id-data meħtieġa tat l-approvazzjoni espliċità tagħha għal tali użu. Artikolu 18 1. Għandhom jittieħdu miżuri regolatorji, amministrattivi, tekniċi w organizattivi neċessarji fuq livell nazzjonali u tal-Komunità sabiex tkun assigurata l-protezzjoni fiżika u loġika ta' data kunfidenzjali u sabiex ikun assigurat li ma jsir l-ebda tixrid kontra l-liġi w l-ebda użu mhux statistiku meta tinxtered statistka tal-Komunità. 2. Uffiċjali u ħaddiema oħra tal-awtoritajiet nazzjonali jew tal-awtorità tal-Komunità li għandhom aċċess għad-data soġġetti għall-leġislazzjoni tal-Komunità li timponi kunfidenzjalità statistika għandhom ikunu soġġetti li jikkonformaw ma’ tali kunfidenzjalità, anki wara l-waqfien tal-funzjonijiet tagħhom. KAPITOLU VI Klawsoli finali Artikolu 19 1. Fil-każ li għalih hemm referenza fl-Artikolu 3(2)(b), il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat tal-Programm tal-Istatistika. 2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jgħaddi abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu lill-Kumitat. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz fi żmien li ċ-Chairman jista’ jiddetta skond l-urġenza tal-materja. L-opinjoni għandha tingħata mill-maġġoranza ddettata fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta' deċiżjonijiet li l-Kunsill jeħtieġlu jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fi ħdan il-Komunità għandhom jitqiesu bil-mod iddettat f'dak l-Artikolu. Iċ-Chairman m'għandux jivvota. 3. (a) Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri mbassra jekk ikunu jaqblu mal-opinjoni tal-Kumitat. (b) Jekk il-miżuri mbassra ma jkunux jaqblu mal-opinjoni tal-Kumitat, jew jekk ma tkunx ingħatat l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tgħaddi proposta lill-Kunsill dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jagixxi b'maġġoranza kwalifikata. Jekk, meta jiskadi l-perjodu ta' tlett xhur mid-data ta' referenza, il-Kunsill ma jkunx ħa azzjoni, il-miżuri proposti għandhom ikunu adottati mill-Kummissjoni. Artikolu 20 1. Għall-adozzjoni tal-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta' Kapitolu V, partikolarment dawk magħmula sabiex jassiguraw li l-awtoritajiet nazzjonali kollha u l-awtorità tal-Komunità japplikaw l-istess prinċipji u standards minimi sabiex jevitaw tixrid ta' data ta' statistika kunfidenzjali tal-Komunità u l-kondizzjonijiet li jamministraw l-aċċess għal għanijiet xjentifiċi, bi qbil ma’ l-Artikolu 17(2), għal data kunfidenzjali miżmuma għand l-awtorità tal-Komunità, il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat għal Kunfidenzjalità tal-Istatistika mwaqqaf b'L-Artikolu 7 ta' Regolament tal-Kunsill (Euratom, KEE) Nru 1588/90 tal-11 ta' Ġunju 1990 dwar it-trasmissjoni ta' data soġġetta għall-kunfidenzjalità tal-istatistika għall-Uffiċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej [9]. 2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jgħaddi abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu lill-Kumitat. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz fi żmien li ċ-Chairman jista jiddetta skond l-urġenza tal-materja. L-opinjoni għandha tingħata mill-maġġoranza ddettata fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta' deċiżjonijiet li l-Kunsill jeħtieġlu jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fi ħdan il-Komunità għandhom jitqiesu bil-mod iddettat f'dak l-Artikolu. Iċ-Chairman m'għandux jivvota. 3. (a) Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri li għandhom japplikaw immedjatament. (b) Iżda, jekk dawn il-miżuri m'humiex skond l-opinjoni tal-Kumitat, għandhom ikunu kkomunikati mill-Kummissjoni lill-Kunsill immedjatament. F'dak il-każ, il-Kummissjoni għandha tiddiferixxi l-applikazzjoni tal-miżuri li hi ddeċidiet għal perjodu ta' tlett xhur mid-data ta' referenza għall-Kunsill. Il-Kunsill, li jaħdem b'maġġoranza kwalifikata, jista jieħu deċiżjoni differenti fil-limitu ta' żmien li għalih hemm referenza fis-subparagrafu ta' qabel. Artikolu 21 1. Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għal Direttiva 95/46/KE. 2. "1. data ta' statistika kunfidenzjali: data mfissra fl-Artikolu 13 ta' Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 tas-17 ta' Frar 1997 dwar Statistiċi tal-Komunità [10];" Artikolu 22 Statistika prodotta fuq il-bażi ta' atti legali tal-Komunità eżistenti għandha tkunu kkunsidrata bħala statistika tal-Komunità mingħajr ma jingħata każ tal-proċeduri ta' tfassil tad-deċizjoni li bihom huma mmexxija. Statistika prodotta, jew li għandha tkun prodotta, mill-awtoritajiet nazzjonali u l-awtorità tal-Komunità bi qbil mal-programm ta' struttura għal azzjonijiet b'priorità fil-qasam ta' informazzjoni tal-istatistika 1993 sa 1997 li għaliha hemm provdut b'Deċizjoni 93/464/KEE [11] għandha titqies bħala statistika tal-Komunità. Artikolu 23 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata ta' wara il-publikazzjoni tiegħu fl-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fis-17 ta' Frar 1997. Għall-Kunsill Il-President G. Zalm [1] ĠU L 106, ta' l-14.4.1994, p. 22. [2] ĠU L 109, ta' l-1.5.1995, p. 321. [3] ĠU L 195, tat-18.7.1994, p. 1. [4] Opinjoni mogħtija fis-7 ta' Frar 1995. [5] ĠU L 181, tat-28.6.1989, p. 47. [6] ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31. [7] ĠU L 59, tas-6.3.1991, p. 19. [8] ĠU L 59, tas-6.3.1991, p. 21. [9] ĠU L 151, tal-15.6.1990, p. 1. [10] ĠU L 52, tat-22.2.1997, p. 1. [11] ĠU L 219, tat-28.8.1993, p. 1. --------------------------------------------------