Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31996L0016

Id-Direttiva tal-Kunsill 96/16/KE tad-19 ta’ Marzu 1996 fuq stħarriġ statistiku tal-ħalib u prodotti tal-ħalib

ĠU L 78, 28.3.1996, pp. 27–29 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2024; Imħassar b' 32022R2379

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1996/16/oj

31996L0016



Official Journal L 078 , 28/03/1996 P. 0027 - 0029


Id-Direttiva tal-Kunsill 96/16/KE

tad-19 ta’ Marzu 1996

fuq stħarriġ statistiku tal-ħalib u prodotti tal-ħalib

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropeja, u b’mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Billi d-Direttiva tal-Kunsill 72/280/KEE tal-31 ta’ Lulju 1972 fuq stħarriġ statistiku li jrid isir mill-Istati Membri fuq ħalib u prodotti tal-ħalib [3] ġiet emendata f’diversi okkażżjonijiet; billi, fid-dawl ta’ l-emendi ġodda, huwa fl-interess tat-trasparenza li jirriformulaw id- dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmija Direttiva;

Billi sabiex teżegwixxi d-doveri taħt it-Trattat u taħt id-dispożizzjonijiet tal-Komunità fuq l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-ħalib u prodotti tal-ħalib, il-Kummissjni għandha bżonn informazzjoni affidabbli dwar il-produzzjoni u l-użu tal-ħalib u informazzjoni regolari, affidabbli, ta’ terminu qasir dwar il-fornitura ta’ ħalib lill-intrapriżi li jittrattaw jew jiproċċessaw il-ħalib u l-produzzjoni ta’ prodotti ta’ ħalib fl-Istati Membri;

Billi għandu jsir stħarriġ fuq il-produzzjoni u l-użu tal-ħalib fir-razzett skond kriterji uniformi u f’detall akbar, u stħarriġ ta’ kull xahar għandu jsiru f’kull Stat Membru fl-intrapriżi li jipproċċessaw il-ħalib;

Billi, sabiex jinkisbu riżultati paragunabbli, għandhom jiġu stabbiliti kriterji komuni fir-rigward ta’ l-iskop ta’ l-istħarriġ, il-karatteristiċi li għandhom jiġu nnotati u l-proċedura ta’ l-istħarriġ;

Billi esperjenza akkwistata fl-implimentazzjoni tar-regoli preċedenti wriet li jkun utli li jiġu ssimplifikati d-dispożizzjonijiet, b’mod partikolari bit-tneħħija tal-bżonn li jingħataw riżultati kull ġimgħa;

Billi, minħabba l-importanza dejjem tikber tal-kontenut tal-proteini fil-ħalib u prodotti tal-ħalib għandhom jittieħdu l-passi xierqa;

Billi, biex tkun faċilitata l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, huwa xieraq biex tissokta l-ko-operazzjoni mill-qrib bejn Stati Membri u l-Kummissjoni, partikolarment fil-Kumitat Permanenti għall-Istatistiċi tfl-Agrikoltura stabbilit bid-Deċiżjoni 72/279/KEE [4],

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Istati Membri:

1. għandhom jistħarrġu l-unitajiet ta’ l-isħarriġ speċifikati fl-Artikolu 2 għad-data specifikati fl-Artikolu 4, u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bir-riżultati ta’ kull xahar, annwali jew triennali;

2. għandhom iwettqu stħarriħ kull sena fuq il-produzzjoni tal-ħalib u l-użu tiegħu fl-ażjendi agrikoli kif imfissra skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 7;

3. bla ħsara għal-ftehim tal-Komunità, jistgħu jużaw data minn sorsi uffiċjali oħra.

Artikolu 2

L-istħarriġ msemmi fl-Artikolu 1(1) għandu jkopri:

1. impriżiimpriżi jew ażjendi agrikoli li jixtru ħalib sħiħ jew, f’ċerti każi, prodotti tal-ħalib, jew direttament mill-ażjendi agrikoli jew minn impriżi msemmija fil-punt 2, bil-għan li jiġu trasformati fi prodotti tal-ħalib;

2. impriżi li jiġbru l-ħalib jew il-krema biex jittrasferuh jew b’mod integru jew f’partijiet, mingħajr l-ebda proċessar, lill-intrapriżi msemmija fil-punt 1.

L-Istati Membri għandhom jieħdu kull miżura xierqa biex jimpedixxu kemm jista’ jkun d-duplikazzjoni tar-riżultati.

Artikolu 3

1. Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘ħalib’ tfisser il-ħalib tal-baqar, nagħaġ, mogħoż u bufli. L-istħarriġ ta’ kull xahar li hemm provdut fl-Artikolu 4(1)(a) għandu jkopri biss ħalib tal-baqra u prodotti ffabbrikati esklussivament mill-ħalib tal-baqra.

2. L-elenku ta’ prodotti tal-ħalib kopert mill-istħarriġ għandu ikun adottat skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 7. Dan l-elenku jista’ jigi emendat skond l-istess proċedura.

3. It-tifsiriet standard li għandhom jiġu wżati fil-komunikazzjoni tar-riżultati għall-prodotti varji għandhom jiġu mfassla skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 7.

Artikolu 4

1. L-istħarriġ msemmi fl-Artikolu 1(1) għandu jippermetti li tingħata ta’ l-anqas l-informazzjoni msemmija f’punti (a), (b) u (ċ) hawn taħt.

Kwestjonarji għandhom isiru b’mod li jimpedixxu d-duplikazzjoni.

L-informazzjoni għandha tirrelata għal:

(a) kull xahar:

(i) il-kwantità u kontenut ta’ grass tal-ħalib u krema miġbura u l-kontenut ta’ proteina tal-ħalib tal-baqra miġbura;

(ii) il-kwantità ta’ ċertu prodotti tal-ħalib frisk ipproċċessat u disponibbli għal konsenja u ta’ċertu prodotti tal-ħalib ifabbrikati;

(b) Ta’ kull sena:

(i) il-kwantità, kontenut tal-grass u kontenut ta’ proteini tal-ħalib u krema disponibbli;

(ii) il-kwantità ta’ prodotti tal-ħalib frisk li ġie pproċċessat u li hu disponibbli għal konsenja, u ta’ prodotti tal-ħalib ifabbrikati oħra, imqassma skond it-tip;

(iii) l-użu ta’ materjali mhux maħduma fil-forma ta’ ħalib integru u ħalib xkumat u l-ammont ta’ grass użat fil-fabbrikazzjoni ta’ prodotti tal-ħalib;

(ċ) kull tliet snin (mill-31 ta’ Diċembru 1997):

in-numru ta’ unitajiet ta’ stħarriġ msemmija fl-Artikolu 2, imqassma skond id-daqs tal-klassi.

2. Bil-għan li tkun analizzata, fi żmien tliet snin ta’ dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva l-possibbiltà li tiġi estiża l-informazzjoni statistika ta’ kull sena msemmija fil-punt (b) sabiex tinkludi l-kontenut ta’ proteini tal-prodotti tal-ħalib ewlenien, l-Istati Membri għandhom matul dak il-perjodu jagħmlu stħarriġ jew studji biex jilħqu dak l-oġġettiv. Skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 9, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi programm ta’ xogħol għal kull wieħed minn dawn it-tliet snin.

L-Istati Membri għandhom jagħtu ta’ kull sena lill-Kummissjoni rapport fuq l-implimentazzjoni ta’ t-tali programm, inkluz id-data statistika disponibbli u l-informazzjoni meħtieġa għall-interpretazzjoni tagħha.

Artikolu 5

1. Mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu, l-istħarriġmsemmi fl-Artikolu 1(1) għandu jkun eżawrjenti fil-kaz ta’ imħaleb li jammontaw għal mhux inqas minn 95 % tal-ħalib tal-baqra miġbur mill-Istat Membru, bil-bilanċ ikun stmat fuq il-bażi ta’ kampjuni rappreżentativi jew sorsi oħra.

L-Istati Membri jistgħu jagħmlu l-istħarriġ ta’ kull xahar imsemmija fl-Artikolu 4(1)(a) fil-format ta’ stħarrig kampjun. F’dak il-kaz l-iżball tal-kampjun m’għandux jeċċedi 1 % tal-ġbir nazzjonali totali (b’ intervall ta’ kunfidenza ta’ 68 %).

2. L-Istati Membri għandhom jieħdu kull miżura xierqa sabiex jiksbu riżultati komprensivi u suffiċjentement preċiżi. Għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni fil-format ta’ rapport metodoloġiku kull informazzjoni li twassal sabiex il-preċiżjoni tar-riżultati trasmessi jiġu valutati, b’mod partikolari:

(a) il-kwestjonarji wżati;

(b) il-prekawzjonijiet meħuda sabiex jiġi skansat għadd doppju;

(ċ) il-metodi użati għat-trasferriment ta’ data miksuba mill-kwestjonarju ta’ t-tabelli tal-Komunità.

Ir-rapporti metodoloġiċi, id-disponibbilità u s-sikurezza ta’ data u kull materja oħra relatata ma’ l-implimentazzjoni ta’ t-tali Direttiva għandha tiġi eżaminata darba fis-sena fil-parti ta’ ħidma rilevanti tal-Kumitat Permanenti għall-Istatistika fl-Agrikoltura. L-ewwel rapport metodologiku għandu jiġi mgħoddi lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-aħħar tas-sena ta’ wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 6

1. Tabelli għat-trasmissjoni ta’ data) għandhom jiġu ppreparati skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 7.

Dawn it-tabelli għandhom jiġu emendati skond l-istess proċedura.

2. L-Istati Membri għandhom jittrasmettu r-riżultati msemmija fil-paragrafu 3, inkluz data li huma kkunsidrati kunfidenzjali taħt leġislazzjoni nazzjonali jew regoli applikati fir-rigward ta’ kunfidenzjalità fuq statistika, skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KEE) Nru 1588/90 tal-11 ta’ Ġunju 1990 dwar it-trasmissjoni ta’data bla ħsara għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju ta’ l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej [5].

3. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni kemm jista’ jkun malajr wara li jkunu għamlu sommarju ta’ l-informazzjoni, u mhux aktar tard minn:

(a) ħamsa u erbgħin jum wara l-aħħar tax-xahartar-ritorn, ir-riżultati ta’ kull xahar msemmija fl-Artikolu 4(1)(a);

(b) f’Ġunju tas-sena ta’ wara s-sena tar-ritorn:

- ir-riżultati ta’ kull sena li għaliha saret referenza fl-Artikolu 4(1)(b);

- ir-rapport ta’ l-implimentazzjoni li għaliha saret referenza fl-Artikolu 4(2);

(ċ) f’Settembru tas-sena ta’ wara tad-data tar-ritorn, ir-riżultati msemmija fl-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 4(1)(ċ).

4. Il-Kummissjoni għandha tiġbor l-informazzjoni miġbura mill-Istati Membri u tinnotifikhom bir-riżultati kollha.

Artikolu 7

1. Meta l-proċedura li ġiet preskritta f’dan l-Artikolu għandha tiġi segwita, il-President tal-Kumitat Permanenti fuq Statistika fl-Agrikoltura (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ il-‘Kumitat’) għandu jirreferi l-materja lill-Kumitat, li jaġixxi kemm fuq inizjattiva tiegħu jew fuq talba tar-rappreżentant ta’ Stat Membru.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li jridu jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fuq l-abbozz fil-limitu taż-żmien li l-President jista’ jiffissa skond l-urgenza tal-materja. L-opinjoni għandha tingħata mill-maġġoranzapreskritta fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-kaz ta’ deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun meħtieġ li jadotta fuq kull proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat għandhom jitwieżnu bil-mod preskritt f’dak l-Artikolu. Il-President ma għandux jivvota.

3. (a) Il-Kummissjoni għandha tadotta il-miżuri maħsuba jekk huma skond l-opinjoni tal-kumitat.

(b) Jekk il-miżuri kkunsidrati m’humiex skond l-opinjoni tal-Kumitat, jew jekk l-ebda opinjoni ma tingħata, il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tagħti lill-Kunsill proposta relatata mal-miżuri li jridu jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata.

(ċ) Jekk, ma’ l-iskadenza tal-perjodu ta’ tliet xhur mid-data ta’ referenza tal-proposta lill-Kunsill, il-Kunsill ma jaġixxix, il-miżuri proposti għandhom ikunu adottati mill-Kummissjoni.

Artikolu 8

Mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 1999, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-Kunsill rapport fuq l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Fl-istess żmien għandha tagħti, b’mod partikolari, ir-riżultati ta’ l-analiżi msemmija fl-Artikolu 4(2) akkompanjati fejn xieraq bi proposti rigward perjodu definittiv.

Artikolu 9

1. Id-Direttiva 72/280/KEE għandha tiġi revokata b’effett mill-1 ta’ Jannar 1997.

2. Ir-referenzi għar-revoka tad-Direttiva 72/280/KEE għandhom jiftehmu bħala referenza għal din id-Direttiva.

Artikolu 10

1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa l-1 ta’ Jannar 1997. Għandhom minnufiħ jinformaw il-Kummissjoni dwar dan.

Meta Stati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażżjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif din ir-referenza ssir għandha tkun preskritta mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi domestika li jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 11

Di id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum ta’ wara li tiġi ppublikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 12

Din id-Direttiva hija indirizata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fid-19 ta’ Marzu 1996.

F’isem il-Kunsill

W. Luchetti

Il-President

[1] ĠU C 321, ta’ l-1.12.1995, p. 6.

[2] ĠU C 32, tal-5.2.1996.

[3] ĠU L 179, tas-7.8.1972, p. 2. Direttiva kif emendata l-aħħar bl-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-1994.

[4] ĠU L 179, tas-7.8.1972, p. 1.

[5] ĠU L 151, tal-15.6.1990, p. 1.

--------------------------------------------------

Top