This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 31995R1172
Council Regulation (EC) No 1172/95 of 22 May 1995 on the statistics relating to the trading of goods by the Community and its Member States with non-member countries
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/95 tat-22 ta' Mejju 1995 dwar l-istatistika dwar il-kummerċ fl-oġġetti mill-Komunità u l-Istati Membri tagħha ma' pajjiżi li mhumiex membri
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/95 tat-22 ta' Mejju 1995 dwar l-istatistika dwar il-kummerċ fl-oġġetti mill-Komunità u l-Istati Membri tagħha ma' pajjiżi li mhumiex membri
ĠU L 118, 25.5.1995, p. 10–14
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)
No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2009; Imħassar b' 32009R0471
Official Journal L 118 , 25/05/1995 P. 0010 - 0014
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/95 tat-22 ta' Mejju 1995 dwar l-istatistika dwar il-kummerċ fl-oġġetti mill-Komunità u l-Istati Membri tagħha ma' pajjiżi li mhumiex membri IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkonsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u b'mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu, Wara li kkonsidraw il-proposta tal-Kummissjoni [1], Billi l-istatistika tal-Komunità dwar il-kummerċ estern hija għodda indispensabbli għall-għanijiet ta' politika kummerċjali komuni u għandha titfassal fuq bażi ta' metodoloġija komuni għall-Istati Membri; Billi, madankollu, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà l-Istati Membri għandhom, għal raġunijiet ta' effiċjenza, jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa għall-kollezzjoni u analiżi ta' l-informazzjoni, filwaqt li l-Kummissjoni tieħu ħsieb l-integrazzjoni u t-tqassim tar-riżultati tal-Komunità; Billi Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1736/75 tal-24 ta' Ġunju 1975 dwar l-istatistika tal-kummerċ estern tal-Komunità u l-istatistika tal-kummerċ bejn l-Istati Membri [2], stabbilixxa l-bażijiet metodoloġiċi għall-istatistika kollha bħal din; Billi minn meta kien adottat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2954/85 tat-22 ta' Ottubru 1985 li stabbilixxa ċerti miżuri għall-istandard izzazzjoni u simplifikazzjoni ta' l-istatistika dwar kummerċ bejn l-Istati Membri [3] u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3330/91 tas-7 ta' Novembru 1991 dwar l-istatistika dwar il-kummerċ fl-oġġetti bejn l-Istati Membri [4], ċerti disposizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 1736/75 m'għadhomx ċari biżżejjed; Billi statistika dwar il-kummerċ fl-oġġetti mill-Komunità u ta' l-Istati Membri ma' pajjiżi li mhumiex membri għandha tkompli tiġi kompilata fuq bażi tal-proċeduri tad-dwana; billi d-disposizzjonijiet li huma diġa fis-seħħ għandhom sempliċement jiġu aġġustati skond l-emendi fil-liġi tad-dwana li ġew introdotti bl-iskop li s-suq komuni jaħdem sewwa; Billi, fost dik l-istatistika, dik dwar oġġetti fil-proċess li jiġu trasportati, mħażen tad-dwana u żoni ħielsa u mħażen ħielsa għadhom ma kienux soġġetti għal regoli armonizzati; Billi huwa preferibbli li d-disposizzjonijiet tekniċi dwar il-kompilazzjoni ta' l-istatistika dwar kummerċ estern ikunu nkorporati fid-disposizzjonijiet operattivi ta' dan ir-Regolament; Billi jidher li jkun aħjar li tinbidel il-leġislazzjoni rilevanti sabiex tiżdied it-trasparenza permezz tal-konsolidazzjoni tat-testi li huma fis-seħħ u klarifikazzjoni ta' ċerti termini; Billi huwa importanti li tkun garantita l-applikazzjoni uniformi ta' dan ir-Regolament u li tiġi provvduta, għal dak il-għan, proċedura tal-Komunità li tippermetti l-adozzjoni ta' proċeduri biex jimplimentawha fi żmien raġonevoli; billi għandu jkun stabbilit kumitat sabiex f'dan il-qasam jassigura koperazzjoni mill-qrib u effettiva bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Il-Komunità u l-Istati Membri għandhom jikkumpilaw statistika dwar il-kummerċ fl-oġġetti mill-Komunità u mill-Istati Membri ma' pajjiżi li mhumiex membri skond ir-regoli li jinsabu f'dan ir-Regolament. KAPITOLU I Disposizzjonijiet ġenerali Artikolu 2 Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament u mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet individwali: (a) "kummerċ fl-oġġetti ma' pajjiż li mhumiex membri" tfisser kull ċaqlieq ta' oġġetti bejn pajjiż li mhux membru u pajjiż li huwa membru tal-Komunità jew viċi versa; (b) "oġġetti" tfisser kull proprjetà mobbli, inkluż kurrent elettriku; (ċ) "oġġetti tal-Komunità" tfisser oġġetti msemmija fl-Artikolu 4(7) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi tad-Dwana tal-Komunità [5]; (d) "oġġetti li mhumiex tal-Komunità" tfisser oġġetti msemmija fl-Artikolu 4(8) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92; (e) "pajjiż li mhux membri" tfisser pajjiż jew territorju li ma jiffurmax parti mit-territorju statistiku tal-Komunità skond it-tifsira fl-Artikolu 3. Artikolu 3 1. It-territorju statistiku tal-Komunità u ta' l-Istati Membri għandu jikkorrispondi mat-territorju tad-dwana tal-Komunità kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92. 2. B'deroga mill-ewwel paragrafu, it-territorju statistiku tal-Komunità għandu jinkludi Heligoland, iżda m'għandux jinkludi d-dipartimenti esteri ta' Franza jew il-Gżejjer Kanarji. Artikolu 4 1. Statistika relatata mal-kummerċ fl-oġġetti mill-Komunità u l-Istati Membri ma' pajjiżi li mhumiex membri għandom jiġu kkumpilati għall-oġġetti kollha li, wara li jidħlu jew qabel ma' joħorġu mit-territorju statistiku tal-Komunità, huma soġġetti għal trattament jew użu approvat mid-dwana skond kif imfisser mill-Artikolu 4 (15) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92. Din l-istatistika għandha tinkludi wkoll oġġetti li, peress li ma jistgħux jgħaddu minn trattament jew użu approvat mid-dwana, huma s-suġġett ta' kummerċ bejn partijiet tat-territorju statistiku tal-Komunità u d-dipartimenti esteri ta' Franza jew il-Gżejjer Kanarji. L-istatistika msemmija għandha tinkludu wkoll, skond ir-regoli li l-Kummissjoni tistabbilixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21, ċerti oġġetti li ma jitmexxewx jew li mhumiex soġġetti għal trattament jew użu approvat mid-dwana. Madankollu, l-oġġetti msemmija fit-tieni sottoparagrafu ta' l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KEE) Nru 3330/91 għandhom jiġu esklużi minn din l-istatistika. 2. Il-paragrafu 1 għandu japplika kemm għal oġġetti li mhumiex tal-Komunità kif ukoll għal oġġetti tal-Komunità, kemm jekk ikunu s-suġġett ta' transazzjoni kummerċjali kif ukoll jekk ma jkunux. Artikolu 5 1. Statistika dwar il-kummerċ fl-oġġetti mill-Komunità u l-Istati Membri ma' pajjiżi li mhumiex membri għandhom jinkludu l-istatistika speċifika li ġejja: - statistika dwar kummerċ estern, - statistika dwar oġġetti fil-proċess li jiġu trasportati, - statistika dwar mħażen tad-dwana, - statistika dwar żoni ħielsa u mħażen ħielsa. 2. Fost l-oġġetti msemmija fl-Artikolu 4, l-istess oġġetti jistgħu jkunu s-suġġett ta' aktar minn sett wieħed ta' statistika speċjali. Skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21, il-Kummissjoni għandha tadotta disposizzjonijiet li jagħmluha possibbli li jiġi kwantifikat kemm kull statistika fiha affarijiet li jinsabu f'xi statistika oħra. KAPITOLU II Statistika dwar kummerċ estern Artikolu 6 1. Fost l-oġġetti msemmija fl-Artikolu 4, statistika dwar kummerċ estern għandhom jiġu kkumpilati dwar: (a) dawk l-oġġetti li, wara li jidħlu fit-territorju statistiku tal-Komunità: - huma mqiegħda hemm taħt il-proċedura tad-dwana dwar rilaxx għal ċirkolazzjoni libera, proċessar intern jew proċessar taħt il-kontroll tad-dwana, - huma msemmija fit-tieni sottoparagrafu ta' l-Artikolu 4(1); (b) dawk l-oġġetti li, fil-mument li jaslu biex jitilqu mit-territorju statistiku tal-Komunità; - huma mqiegħda hemm taħt esportazzjoni tad-dwana jew arranġamenti għall-iproċessar ‘l barra, - li d-destinazzjoni tad-dwana tagħhom hija l-esportazzjoni mill-ġdid wara l-ipproċessar intern jew, fejn xieraq, proċessar taħt il-kontroll tad-dwana, - huma msemmija fit-tieni sottoparagrafu ta' l-Artikolu 4(1); (ċ) l-oġġetti msemmija fit-tielet sottoparagrafu ta' l-Artikolu 4(1). 2. Il-Kummissjoni tista' tadotta disposizzjonijiet supplimentari, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21, biex iżżomm l-iskop tad-disposizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, wara li tieħu in konsiderazzjoni l-bidla fil-legislazzjoni tad-dwana tal-Komunità u d-disposizzjonijiet mnissla minn Konvenzjonijiet internazzjonali konklużi mill-Komunità u l-Istati Membri li jaffetwaw l-istatistika jew li għandhom impatt fuq materji ta' statistika. Artikolu 7 Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 23, id-Dokument Amministrattiv Uniku li, kif provvdut fl-Artikolu 205 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jistabbilixxi disposizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi tad-Dwana tal-Komunità [6], għandu jintuża biex issir id-dikjarazzjoni dwar waħda mit-trattamenti jew użi approvati mid-dwana msemmija fl-Artikolu 6, għandu jintuża bħala l-bażi għall-informazzjoni dwar statistika. Artikolu 8 1. Fuq il-bażi għall-informazzjoni dwar statistika, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 23, l-oġġetti għandhom jiġu nominati skond it-tip tagħhom skond il-leġislazzjoni tad-dwana. 2. Għal kull tip ta' oġġett, għandu jissemma, fil-mument ta' l-importazzjoni, in-numru tal-kodiċi Tarik kif provvdut fl-Artikolu tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-Nomenklatura ta' l-Istatistika u t-Tariffi u t-Tariffa tad-Dwana Komuni [7] u, fil-mument ta' l-esportazzjoni, tan-numru tal-kodiċi tan-nomenklatura kombinata. 3. L-oġġetti għandhom jiġu nominati skond il-paragrafi 1 u 2, anke meta xi leġislazzjoni oħra tal-Komunità titlob li huma jiġu nominati simultanjament skond xi klassifikazzjoni oħra. Artikolu 9 1. Mingħajr preġudizzju għal-leġislazzjoni tad-dwana jew għall-Artikolu 23, il-pajjiżi għandhom jiġu nominati fuq il-bażi għall-informazzjoni dwar statistika b'mod li jippermetti klassifikazzjoni fin-nomenklatura tal-pajjiżi li l-Kummissjoni ser tintroduċi, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 21, għal statistika dwar kummerċ estern u kummerċ bejn l-Istati Membri. 2. In-numru tal-kodiċi fin-nomenklatura tal-pajjiżi msemmija fil-paragrafu 1 għandu jissemma għal kull pajjiż. 3. L-Istati Membri jistgħu ma japplikawx il-paragrafi 1 and 2 fl-istadju tal-kollezzjoni ta' l-informazzjoni biss. Artikolu 10 1. Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet dwar id-Dokument Amministrattiv Uniku, għal kull tip ta' oġġetti klassifikati skond l-Artikolu 8(1), l-informazzjoni segwenti għandha tingħata fil-: (a) jew it-trattament jew użu approvat mid-dwana, jew il-proċedura ta' l-istatistika; (b) għall-oġġetti importanti msemmija fl-Artikolu 6(1), il-pajjiż ta' l-oriġini, jew, f'dawk il-każijiet li tistabbilixxi l-Kummissjoni bil-proċedura msemmija fl-Artikolu 21, il-pajjiż tal-konsenja; (ċ) għall-oġġetti esportati msemmija fl-Artikolu 6(1)(b), il-pajjiż tad-destinazzjoni; (d) il-kwantità ta' oġġetti, f'piż nett u f'ishma supplimentari; (e) il-valur statistiku ta' l-oġġetti; (f) il-metodu ta' trasport fil-fruntiera; (g) b'effett mill-1 ta' Jannar 1996, il-metodu ta' trasport intern; (h) il-preferenza, skond il-klassifikazzjoni stabbilita mil-leġislazzjoni tad-dwana; (i) in-nazzjonalità tal-mezzi ta' trasport li jaqsmu l-fruntiera; (j) il-kontenitur. 2. Mingħajr preġudizzju għal-legislazzjoni tad-dwana l-Kummissjoni tista', skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21, iżżid l-informazzjoni segwenti mal-lista tal-paragrafu 1, filwaqt li tiddeċiedi f'kull każ id-data minn meta l-istess informazzjoni titniżżel fuq il-bażi għall-informazzjoni dwar statistika: (a) l-ammont imsemmi fil-fattura; (b) in-natura tat-transazzjoni; (ċ) il-kondizzjonijiet tal-konsenja. 3. Sabiex jimxu mal-provvedimenti nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jitolbu li l-informazzjoni segwenti tinġabar fuq il-bażi għall-informazzjoni dwar statistika: - fil-każ ta' l-oġġetti msemmija fl-Artikolu 6(1)(a), l-Istat Membru tad-destinazzjoni, u fil-każ ta' l-oġġetti msemmija fl-Artikolu 6(1)(b), l-Istat Membru attwali ta' l-esportazzjoni, - informazzjoni oħra apparti dik imsemmija fil-paragrafu 1, sakemm l-għoti ta' dik l-informazzjoni hija kompatibbli mad-disposizzjonijiet tad-Dokument Amministrattiv Uniku. 4. Mingħajr preġudizzju għal-leġislazzjoni tad-dwana, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi l-affarijiet segwenti skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21: - id-definizzjoni ta' l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 and 2 u fl-ewwel sottoparagrafu tal-paragrafu 3, - ir-regoli sabiex dik l-informazzjoni tinġabar fuq il-bażi għall-informazzjoni dwar statistika. Artikolu 11 Il-Komunità u l-Istati Membri għandhom jikkumpilaw statistika dwar il-kummerċ estern mill-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(1), skond id-disposizzjonijiet adottati mill-Kummissjoni bil-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21. Artikolu 12 1. Il-limitu tal-istatistika għandu jkun definit bħala l-limitu espress f'valur jew piż nett li taħtu m'hemmx bżonn li jiġu kumpilati r-riżultati. 2. Il-limitu ta' l-istatistika għandu jiġi ffissat mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21. Artikolu 13 1. Kull xahar l-Istati Membri għandhom jibgħatu l-istatistika ta' xahar dwar il-kummerċ tagħhom ma' pajjiżi li mhumiex membri, kumpilati skond kif jipprovdi l-Artikolu 11, inkluż informazzjoni dikjarata bħala kunfidenzali skond leġislazzjoni jew prattiċi nazzjonali li jirregolaw il-kunfidenzalità ta' l-istatistika, skond id-disposizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KEE) Nru 1588/90 tal-11 ta' Ġunju 1990 dwar it-trasmissjoni ta' informazzjoni soġġetta għal kunfidenzalità ta' l-istatistika lill-Uffiċċju ta' l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej [8]. L-imsemmi Regolament għandu jirregola t-trattament kunfidenzali ta' l-informazzjoni. 2. Fejn neċessarju, il-proċeduri tekniċi għall-imsemmija trasmissjoni għandhom jiġu ffissati mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21. Artikolu 14 Il-Kummissjoni għandha tikkompila r-riżultati ta' l-istatistika dwar kummerċ estern tal-Komunità u ta' l-Istati Membri fuq bażi tar-riżultati lilha trasmessi mill-Istati Membri u tagħmilhom disponibbli lill-utenti klassifikati skond is-sottotitoli tan-Nomenklatura Kombinata. Artikolu 15 Mingħajr preġudizzju għal-leġislazzjoni tad-dwana, disposizzjonijiet dwar is-simplifikazzjoni ta' l-informazzjoni statistika għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21. KAPITOLU III Statistika dwar oġġetti fil-proċess li jigu trasportati, mħażen tad-dwana u żoni ħielsa u mħażen ħielsa Artikolu 16 1. Il-kumpilazzjoni mill-Istati Membri ta' l-istatistika msemmija fl-Artikoli 17 sa 19 mhix obbligatorja. 2. Fin-nuqqas ta' armonizazzjoni fil-livell tal-Komunità, id-disposizzjonijiet fl-Istati Membri f'dan ir-rigward għandhom jibqgħu applikabbli. Artikolu 17 Fost l-oġġetti msemmija fl-Artikolu 4, dawk li jidħlu fit-territorju statistiku ta' l-Istati Membri, jibqgħu hemm għal xi żmien jew huma soġġetti għal waqfien relatat mat-trasport qabel ma jitilqu skond proċedura tad-dwana għal oġġetti fil-proċess li jiġu trasportati, għandhom ikunu nklużi fl-istatistika dwar oġġetti fil-proċess li jiġu trasportati. Artikolu 18 Fost l-oġġetti msemmija fl-Artikolu 4, dawk li jitpoġġew taħt proċedura tad-dwana dwar l-imħażen jew dawk li dwarhom l-imsemmija proċedura kienet kompletata skond ir-Regolament (KEE) Nru 2913/92 għandhom jiġu nklużi fl-istatistika dwar mħażen tad-dwana. Artikolu 19 Fost l-oġġetti msemmija fl-Artikolu 4, dawk li jidħlu jew joħorġu miż-żoni ħielsa u l-imħażen ħielsa skond ir-Regolament (KEE) Nru 2913/92 għandhom ikunu nklużi minn statistika dwar żoni ħielsa u dwar imħażen ħielsa. KAPITOLU IV Kumitat dwar l-istatistika relatati mal-kummerċ fl-oġġetti ma' pajjiżi oħra Artikolu 20 1. Kumitat dwar statistika relatata mal-kummerċ fl-oġġetti ma' pajjiżi oħra (minn issa "l quddiem imsejjaħ" il-Kumitat') huwa b'dan stabbilit, u jkun magħmul minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri u presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni. 2. Il-Kumitat għandu jikteb ir-regoli proċedurali tiegħu. 3. Il-Kumitat jista' jeżamina kull ħaġa relatati ma' l-implementazzjoni ta' dan ir-Regolament li titqajjem mill-President tal-Kumitat sew fuq inizjattiva tiegħu kif ukoll fuq talba ta' rappreżentant ta' Stat Membru. Artikolu 21 1. Il-miżuri neċessarji għall-implementazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fil-paragrafi 2 u 3. 2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz f'terminu ta' żmien li l-President jista' jistabbilixxi skond l-urġenza tal-każ. F'dawk id-deċiżjonijiet li l-Kunsill huwa mitlub li jadotta proposta mill-Kummissjoni, l-opinjoni għandha tingħata minn maġġoranza kif stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri li jpoġġu fuq il-Kumitat għandhom jintiżnu bil-metodu stabbilit f'dak l-Artikolu. Il-President ma jkollux vot. 3. Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri li jkollhom effett immedjat. Madankollu jekk dawk il-miżuri ma jkunux konformi ma' l-opinjoni mogħtija mill-Kumitat, huma għandhom jiġu komunikati immedjatament mill-Kummissjoni lill-Kunsill. F'dik l-eventwalità, il-Kummissjoni tista' tiddiferixxi l-applikazzjoni tal-miżuri minnha deċiżi għal perjodu ta' mhux aktar minn xahar mill-ġuranta ta' l-imsemmija komunikazzjoni. Il-Kunsill, b'maġġoranza kwalifikata, jista' jieħu deċiżjoni differenti fit-terminu msemmi fit-tieni sottoparagrafu. KAPITOLU V Disposizzjonijiet finali Artikolu 22 1. Ir-riżultati statistika kumpilati skond dan ir-Regolament għandhom jixxerrdu. Madankollu fuq talba ta' l-esportatur jew l-importatur magħmula lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, riżultati statistika li jidentifikawh indirettament m'għandhom jixxerrdu jew għandom jiġu rranġati b'mod li t-tixrid tagħhom ma jippreġudikax il-kunfidenzalità ta' l-istatistika. 2. Il-miżuri neċessarji sabiex jassiguraw standard uniformi għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1 għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21. Artikolu 23 1. Skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21, il-Kummissjoni tista', mingħajr preġudizzju għal-leġislazzjoni tad-dwana, twaqqaf proċeduri simplifikati għall-kollezzjoni ta' l-informazzjoni li jistabbilixxu, b'mod partikolari, il-kondizzjonijiet li jinkoraġixxu l-ipproċessar awtomatiku ta' l-informazzjoni u t-trasmissjoni elettronika ta' l-informazzjoni. 2. Madankollu d-disposizzjonijiet f'dan il-qasam fl-Istati Membri għandhom ikomplu japplikaw sakemm jiġu introdotti l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 jew sabiex tittieħed in konsiderazzjoni l-organizzazzjoni amministrattiva partikolari tagħhom. Artikolu 24 Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ sebat ijiem wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Għandu japplika mid-data tal-bidu fis-seħħ tad-disposizzjonijiet implimentattivi msemmija fl-Artikolu 21. F'dak il-jum ir-Regolament (KEE) Nru 1736/75 u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 200/83 tal-24 ta' Jannar 1983 dwar kif jiġu adattati l-istatistika dwar il-kummerċ estern tal-Komunità għad-Direttivi dwar l-armonizzazzjoni tal-proċeduri għall-esportazzjoni ta' l-oġġetti u għar-rilaxx tagħhom għaċ-ċirkolazzjoni libera [9] għandu jitħassar. Referenzi f'dawk ir-Regolamenti għal-leġislazzjoni kurrenti tal-Komunità għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fit-22 ta' Mejju 1995. Għall-Kunsill Il-President A. Madelin [1] ĠU Nru C 5, 7. 1. 1994, p. 8. [2] ĠU Nru L 183, 14. 7. 1975, p. 3. Regolament kif l-aħħar emendat b'Regolament (KEE) Nru 1629/88 (ĠU Nru L 147, 14. 6. 1988, p. 1). [3] ĠU Nru L 285, 25. 10. 1985. p. 1 [4] ĠU Nru L 316, 16. 11. 1991, p. 1. [5] ĠU Nru L 302, 19. 10. 1992, p. 1. [6] ĠU Nru L 253, 11. 10. 1993, p. 1. [7] ĠU Nru L 256, 7. 9. 1987, p. 1. [8] ĠU Nru L 151, 15. 6. 1990, p. 1. [9] ĠU Nru L 26, 28. 1. 1983, p. 1. --------------------------------------------------