Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31995L0035

    Id-Direttiva tal-Kummissjoni 95/35/KE ta’ l-14 ta’ Lulju 1995 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li tirrigwarda t-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (Test rilevanti għaż-ŻEE)

    ĠU L 172, 22.7.1995, p. 6–7 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/06/2011

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1995/35/oj

    31995L0035



    Official Journal L 172 , 22/07/1995 P. 0006 - 0007


    Id-Direttiva tal-Kummissjoni 95/35/KE

    ta’ l-14 ta’ Lulju 1995

    li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li tirrigwarda t-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti

    (Test rilevanti għaż-ŻEE)

    Il-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tirrigwarda t-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 94/79/KE [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 18(2) tagħha,

    Billi l-Annessi II u III mad-Direttiva 91/414/KEE jiddikjaraw il-ħtiġiet għad-dossier li jrid jiġi ssottomess mill-applikanti rispettivament sabiex tiġi inkluża sustanza attiva fl-Anness I u sabiex jiġi awtorizzat prodott għall-protezzjoni tal-pjanti;

    Billi huwa meħtieġ illi, fl-Annessi II u III mad-Direttiva 91/414/KEE, jiġi indikat lill-applikanti b’mod preċiż kemm jista’ jkun kull dettal dwar it-tagħrif meħtieġ, bħalama huma ċ-ċirkostanzi, il-kondizzjonijiet u l-protokolli tekniċi li fuqhom trid tiġi ġġenerata ċerta informazzjoni; billi dawn id-dettalji għandhom jiġu introdotti malli jkunu disponibbli sabiex jippermettu lill-applikanti li jaġħmlu użu minnhom fit-tħejjija tad-dossiers tagħhom;

    Billi d-Daħliet għall-Annessi II u III mad-Direttiva 91/414/KEE korrentement jirreferu għall-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ prattika tajba fil-laboratorju (PTL) fejn ikunu qed isiru t-testijiet sabiex tinkiseb l-informazzjoni dwar il-proprjetajiet u s-sigurtà tas-sustanzi u t-tħejjijiet; billi għalhekk, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet tat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 9(1) tagħha, il-PTL għandha fil-prinċipju tiġi applikata għall-istudji dwar il-fdalijiet, b’mod partikolari meta jkunu meħtieġa għad-dossiers li jridu jiġu ssottomessi bil-ħsieb li jiġu inklużi sustanzi attivi fl-Anness I mad-Direttiva msemmija;

    Billi, madankollu, sar evidenti illi f’ċerti Stati Membri għadha mhix disponibbli l-infrastruttura meħtieġa sabiex jiġu applikati l-ħtiġiet tal-PTL għall-istudji dwar il-fdalijiet minn provi ssorveljatii fuq l-uċuħ tar-raba’, fuq l-ikel jew fuq il-għalf; billi mill-banda l-oħra l-Istati Membri li diġà japplikaw l-ħtiġiet tal-PTL għandhom jitħallew jagħmlu dan fil-provi mwettqa fit-territorju tagħhom; billi dan il-prinċipju għandu jiġi ċċarat ukoll għall-għan tad-derogi mill-PTL li diġà jinsabu fid-Direttiva;

    Billi huwa meħtieġ li tiġi pprovduta deroga temporanja sabiex jiġu applikati l-ħtiġiet tal-PTL għas- sustanzi attivi diġà fis-suq sentejn wara n-notifika tad-Direttiva 91/414/KEE kull meta numru ta’ kondizzjonijiet ta’ prekawzjoni jiġu sodisfatti; billi, madankollu, mhux meħtieġ li jkun hemm disposizzjoni għal dan is-servizz ta’ deroga għas-sustanzi attivi mhux miġjuba fis-suq sentejn wara n-notifika tad-Direttiva msemmija;

    Billi l-miżuri pprovduti f’din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti tas-Saħħa tal-Pjanti,

    ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    L-Annessi II u III mad-Direttiva 91/414/KEE huma emendati kif iddikjarat fl-Anness ma’ din id-Direttiva.

    Artikolu 2

    L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sat-30 ta’ Ġunju 1996. Għandhom jgħarrfu minnufih lill-Kummissjoni b’dan.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-disposizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkompanjati b’din ir-referenza filwaqt tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-proċedura għal din ir-referenza għandha tiġi adottata mill-Istati Membri.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1995.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussel, fl-14 ta’ Lulju 1995.

    Għall-Kummissjoni

    Ritt Bjerregaard

    Membru tal-Kummissjoni

    [1] ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

    [2] ĠU L 354, 31.12.1994, p. 16.

    --------------------------------------------------

    ANNESS

    L-Annessi II u III mad-Direttiva 91/414/KEE huma emendati kif ġej:

    1. L-Anness II jiġi emendat kif ġej:

    (a) Il-Punt 2.2 tad-Daħla jiġi mibdul b’dan li ġej:

    "2.2 Bħala deroga mill-punt 2.1, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi t-testijiet u l-analiżi, imwettqa fit-territorju tagħhom biex jiksbu l-informazzjoni dwar il-proprjetajiet u tas-sigurtà tas-sustanzi rigward in-naħal ta’ l-għasel u l-antropodi ta’ benefiċċju għajr in-naħal jiġu kondotti permezz tal-faċilitajiet jew l- organizzazzjonijiet uffiċjali jew uffiċjalment irrikonoxxuti li jissoddisfaw mill-inqas il-ħtiġiet kif iddikjarati fil-punti 2.2 u 2.3 tad-Daħla għall-Anness III.

    Din id-deroga tapplika għall-provi li fil-fatt bdew fil-31 Diċembru 1999 jew qabel."

    (b) Il-punt 2.3 li ġej jiġi miżjud mad-Daħla:

    "2.3 Bħala deroga mill-punt 2.1, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi l-provi tal-fdal issorveljati, imwettqa fit-territorju tagħhom skond id-disposizzjonijiet tat-Taqsima 6 ‘Il-fdal ġewwa u fuq il-prodotti, l-ikel u l-għalf ittrattati’ dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom is-sustanzi attivi diġà fis-suq sentejn wara n-notifika tad-Direttiva għandhom jiġu kondotti permezz tal-faċilitajiet jew l-organizzazzjonijiet uffiċjali jew uffiċjalment irrikonoxxuti li jissoddisfaw mill-inqas il-ħtiġiet fil- punti 2.2 u 2.3 tad-Daħla għall-Anness III..

    Din id-deroga tapplika għall-provi ssorveljati tal-fdalijiet li fil-fatt ikunu bdew fil-31 ta’ Diċembru 1997 jew qabel."

    2. L-Anness III jiġi emendat kif ġej:

    (a) Il-Punt 2.2 tad-Daħla jiġi mibdul b’dan li ġej:

    "2.4 Bħala deroga mill- punt 2.1, l-Istati Membri jistgħu japplikaw id-disposizzjonijiet tal-punti 2.2 u 2.3, permezz ta’ estensjoni, għat-testijiet u l-analiżi mwettqa fit-territorju tagħhom sabiex jiksbu l-informazzjoni dwar il-proprjetajiet u/jew is-sigurtà tas-sustanzi rigward in-naħal ta’ l-għasel u l-antropodi ta’ benefiċċju għajr għan-naħal u li fil-fatt bdew fil-31 ta’ Diċembru 1999 jew qabel."

    (b) Il-punt 2.3 li ġej jiġi mdaħħal fid-Daħla:

    "2.5 Bħala deroga mill-punt 2.1, l-Istati Membri jistgħu japplikaw id-disposizzjonijiet tal-punti 2.2 u 2.3, permezz ta’ estensjoni, għall-provi ssorveljati tal-fdalijiet, imwettqa fit-territorju tagħhom skond id-disposizzjonijiet tat-Taqsima 6 ‘Il-fdal ġewwa jew fuq il-prodotti, l-ikel u l-għalf ittrattati’ dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom ikunu jinsabu sustanzi attivi diġà fis-suq sentejn wara n-notifika tad-Direttiva u li fil-fatt inbdew fil-31 ta’ Diċembru 1997 jew qabel."

    --------------------------------------------------

    Top