Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31994R2978

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2978/94 tal-21 ta' Novembru 1994 dwar l-implimentazzjoni tar-Reżoluzzjoni ta' l-IM O A.747(18) dwar l-applikazzjoni tal-kejl ta' tunnellaġġ ta' spazji ta' saborra f'tankers taż-żejt bis-saborra segregata

ĠU L 319, 12.12.1994, p. 1–6 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2007; Imħassar b' 32002R0417

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1994/2978/oj

31994R2978



Official Journal L 319 , 12/12/1994 P. 0001 - 0006
Finnish special edition: Chapter 7 Volume 5 P. 0159
Swedish special edition: Chapter 7 Volume 5 P. 0159


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2978/94

tal-21 ta' Novembru 1994

dwar l-implimentazzjoni tar-Reżoluzzjoni ta' l-IM O A.747(18) dwar l-applikazzjoni tal-kejl ta' tunnellaġġ ta' spazji ta' saborra f'tankers taż-żejt bis-saborra segregata

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 84(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Jaġixxi skond il-proċedura li hemm referenza dwarha fl-Artikolu 189ċ tat-Trattat [3],

Billi t-tniġġis operazzjonali u aċċidentali minn tankers taż-żejt li jbaħħru għadu jseħħ u t-trasport taż-żejt minn tankers b'disinn tat-tank taż-żejt konvenzjonali joħolqu theddida kontinwa għall-ambjent marittimu;

Billi regoli miftehmin internazzjonalment għad-disinn u l-operazzjoni ta' tankers taż-żejt li jħarsu l-ambjent ġew stabbiliti taħt l-awspiċji ta' l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI);

Billi l-ħidma tat-tankers taż-żejt li jħarsu l-ambjent tibbenefika kemm lill-Istati kostali u lill-industrija;

Billi l-ħtiġijiet tal-konvenzjonijiet internazzjonali fihom ħtiġijiet għaċ-ċertifikazzjoni tat-tankers taż-żejt; billi l-metodu biex wieħed jassigura t-tunnellaġġ tas-saborra segregati fit-tankers taż-żejt ġie żviluppat iżjed mill-OMI;

Billi kollha ħlief wieħed mill-Istati Membri irratifikaw u implimentaw il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Vapuri, 1973 u l-Protokoll ta' l-1978 relatat ma' dan (Marpol 73/78); billi l-Istati Membri kollha irratifikaw u implimentaw il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Kejl tat-Tunnellaġġ tal-Vapuri, 1969;

Billi r-Reżoluzzjoni A.722(17) adottata mill-Assemblea ta' l-OMI fis-6 ta' Novembru 1991 u s-suċċessur tagħha, r-Reżoluzzjoni A.747(18) dwar l-applikazzjoni tal-kejl tat-tunnellaġġ tas-saborra segregata ta' tankers taż-żejt, adottata mill-Assemblea ta' l-OMI fl-4 ta' Novembru 1993, jesprimu xewqa ġenerali biex jinkoraġġixxu d-disinn ta' tankers li jħarsu l-ambjent u l-użu tas-saborra segregati fit-tankers taż-żejt;

Billi fir-Reżoluzzjoni A.747(18) l-Assemblea ta' l-OMI (i) stiednet lill-Gvernijiet biex jagħtu parir lill-awtoritajiet tal-portijiet biex japplikaw ir-rakkomandazzjoni tagħha tat-tnaqqis tat-tunnellaġġ ta' tankijiet tas-saborra segregati meta jiġu eżaminati t-tariffi bbażati fuq it-tunnellaġġ gross għat-tankers kollha bil-kapaċità ta' saborra segregati skond ir-Regolament 13 ta' l-Anness I tal-Marpol 73/78 u (ii) stiednet lill-Gvernijiet ukoll li jagħtu parir lill-awtoritajiet tal-pilotaġġ biex jieħdu azzjoni bi qbil mar-rakkomandazzjoni;

Billi l-Kunsill irrikonoxxa l-bżonn għal azzjoni intensifikata, kif xieraq, fuq livell tal-Komunità jew nazzjonali biex jassigura tweġiba adegwata għall-ħtiġijiet tas-sigurtà marittima u l-prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar; billi huwa mixtieq li jkun imħeġġeġ l-użu ta' tankers taż-żejt b'buq doppju jew tankers taż-żejt ta' disinn alternattiv li jwettaq il-ħtiġijiet tar-Regolament 13F ta' l-Anness I tal-Marpol 73/78 kif emendat fis-6 ta' Marzu 1992, kif ukoll it-tankers taż-żejt bis-saborra segregati;

Billi t-tankers taż-żejt b'buq doppju u t-tankers taż-żejt b'disinn alternattiv għandhom ikunu ttrattati għall-għan ta' dan ir-Regolament bħallikieku t-tankijiet tas-saborra segregati tagħhom kienu konformi mar-Regolament 13 ta' l-Anness I tal-Marpol 73/78;

Billi mhuwiex xieraq li jiġu penalizzati s-sidien tal-vapuri u l-operators għall-użu tat-tankers taż-żejt li jkunu jħarsu l-ambjent fid-disinn u l-ħidma;

Billi, b'mod partikolari, l-imponiment ta' miżati fuq it-tunnellaġġ tat-tankijiet tas-saborra segregati tat-tankers taż-żejt, meta dawk it-tankijiet mhumiex użati għall-ġarr tal-merkanzija, ma tikkostitwix żvantaġġ finanzjarju għal dawk li ħadu pass importanti lejn ambjent iżjed nadif;

Billi, għal raġunijiet ekonomiċi, l-awtoritajiet tal-portijiet individwali m'għandhomx inklinazzjoni li jitpoġġew fi svantaġġ billi jkunu l-uniċi li jimplimentaw ir-Reżoluzzjoni ta' l-OMI;

Billi r-Reżoluzzjonijiet ta' l-OMI A.722(17) u A.747(18) ġew miftiehma, imma mhux implimentati mill-Istati Membri kollha;

Billi għall-għan biex jiġi protett l-ambjent tal-baħar mit-tniġġis mit-tankers taż-żejt ta' disinn konvenzjonali, għandu jkun hemm implimentazzjoni unifikata fil-Komunità ta' regoli miftehmin internazzjonalment dwar is-soġġezzjoni ta' taxxi fuq tankers taż-żejt mill-awtoritajiet tal-portijiet u l-awtoritajiet tal-pilotaġġ;

Billi, sabiex jiġi evitat it-tgħawwiġ fil-kompetizzjoni fi ħdan il-Komunità u biex jintlaħqu soluzzjonijiet effiċjenti u ta' spejjeż effettivi, azzjoni miftiehma għall-implimentazzjoni unifikata ta' regoli miftehmin internazzjonalment, skond il-prinċipju ta' sussidjarità, jista' jintlaħaq l-aħjar permezz ta' Regolament;

Billi l-Istat tal-bandiera jew korpi oħrajn li joħorġu ċ-Ċertifikat għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis miż-Żejt u ċ-Ċertifikat tat-Tunnellaġġ Internazzjonali (1969), kif ukoll għas-sidien tal-vapuri u l-persuni li jimponu t-taxxi fuq it-tankers taż-żejt iridu jaħdmu flimkien fl-implimentazzjoni tar-Reżoluzzjoni ta' l-OMI A.747(18) sabiex titkabbar il-protezzjoni fl-ambjent marittimu;

Billi diġà ġew stabbiliti sistemi f'uħud mill-Istati Membri għat-tnaqqis ta' taxxi fuq il-vapuri li jħarsu l-ambjent fuq il-bażi apparti minn dik tar-Reżoluzzjoni ta' l-OMI A.747(18); billi skond l-ispirtu ta' dik ir-Reżoluzzjoni, skema alternattiva għat-tariffi bbażata fuq it-tunnellaġġ għandha tkun ipprovduta biex tikkonsisti f'perċentwali differenti mit-tariffa normali, sabiex id-differenza approssimattiva tkun għall-inqas l-istess bħal dik ikkontemplata mir-Reżoluzzjoni; billi għandu jkun assigurat barra minn dan li t-tankers taż-żejt bis-saborra segregati jkunu dejjem mogħtijin trattament mhux inqas favorevoli anke meta t-tariffi mhumiex ikkalkolati fuq il-bażi tat-tunnellaġġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

L-awtoritajiet tal-portijiet u l-awtoritajiet tal-pilotaġġ fi ħdan il-Komunità għandhom, skond id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament:

(a) jimplimentaw fi ħdan tal-Komunità ir-Reżoluzzjoni ta' l-OMI A.747(18) dwar l-applikazzjoni ta' kejl tat-tunnellaġġ ta' tankijiet ta' tankers taż-żejt bis-saborra segregati, adottata mill-Assemblea ta' l-Organizazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) fl-4 ta' Novembru 1993, li l-Anness tagħha jinstab fl-Anness I ta' dan ir-Regolament, sabiex jinkoraġixxu l-użu ta' tankers taż-żejt b'tankijiet bis-saborra segregati, inklużi t-tankers taż-żejt b'buq doppju u t-tankers ta' disinn alternattiv; jew

(b) japplikaw skemi ta' tnaqqis tat-taxxi imposti fuq it-tankers taż-żejt bis-saborra segregati differenti mir-Reżoluzzjoni ta' l-OMI A.747(18), imma fl-ispirtu tagħha.

L-Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu japplika għat-tankers taż-żejt li:

- jistgħu jġorru s-saborra segregata f'tankijiet speċjalment appuntati,

- jkunu ddisinjati, addattati fil-bini, mgħammrin u operati bħala tankers taż-żejt bis-saborra segregati inklużi t-tankers taż-żejt b'buq doppju u t-tankers ta' disinn alternattiv,

- jkunu konformi mal-ħtiġijiet tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Kejl tat-Tunnellaġġ tal-Vapuri 1969, u

- jkollhom iċ-Ċertifikat tat-Tunnellaġġ Internazzjonali, (1969).

L-Artikolu 3

1. Għall-għan ta' dan ir-Regolament:

(a) "tanker taż-żejt" tfisser vapur li jkun konformi mat-tifsir ta' tanker taż-żejt fir-Regolament 1 (4) tal-Anness I tal-Marpol 73/78;

(b) "saborra segregata" tfisser is-saborra li tkun konformi mat-tifsir ta' saborra segregata fir-Regolament 1(17) ta' l-Anness I tal-Marpol 73/78;

(ċ) "tank tas-saborra segregata" tfisser tank użat esklużivament għall-ġarr ta' saborra segregati;

(d) "tanker taż-żejt bis-saborra segregata" tfisser tanker taż-żejt ipprovdut b'tankijiet tas-saborra segregati u ċċertifikat mill-gvern ta' l-Istat tal-bandiera jew minn korpi oħrajn intitolati biex jagħmlu hekk f'ismu bħala tanker taż-żejt ipprovdut b'tankijiet tas-saborra segregati. Din il-konformità għandha tingħad kjarament mistqarra mill-awtorità fil-paragrafu relevanti tas-suppliment taċ-Ċertifikat tal-Prevenzjoni tat-Tniġġis taż-Żejt;

(e) "tanker taż-żejt b'buq doppju" tfisser tanker taż-żejt bis-saborra segregat mibni skond il-ħtiġijiet stabbiliti fir-Regolament 13F(3) ta' l-Anness I tal-Marpol 73/78;

(f) "tanker taż-żejt b'disinn alternattiv" tfisser tanker taż-żejt bis-saborra segregat mibni skond il-ħtiġijiet stabbiliti fir-Regolament 13F(4) u (5) ta' l-Anness I tal-Marpol 73/78;

(g) "Marpol 73/78" tfisser il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Vapuri, 1973, kif immodifikata mill-Protokoll ta' l-1978 relatat ma' dik flimkien ma' l-emendi ta' dik fis-seħħ fid-data ta' l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament;

(h) "awtorità tal-port" hija persuna pubblika jew privata li timponi t-tariffi lill-vapuri talli tipprovdi l-faċilitajiet u s-servizzi lill-vapuri;

(i) "awtorità tal-pilotaġġ" hija persuna pubblika jew privata intitolata li tagħti s-servizzi tal-pilotaġġ lill-vapuri;

(j) "tunnellaġġ gross" tfisser il-kejl tad-daqs globali ta' vapuri iddeterminat bi qbil mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Kejl tat-Tunnellaġġ tal-Vapuri, 1969;

(k) "tunnellaġġ gross imnaqqas" huwa t-tunnellaġġ gross ta' tanker taż-żejt li jkun intlaħaq meta t-tunnellaġġ gross tat-tankijiet bis-saborra segregati, kif iddeterminat bi qbil mal-formula mogħtija fil-paragrafu 4 ta' l-Anness I ta' dan ir-Regolament ikun imnaqqas mit-tunnellaġġ gross intier tal-vapur.

2. L-Anness II għandu t-tifsiriet mogħtijin mill-Marpol 73/78 lit-termini fil-paragrafu 1(a), (b), (e) u (f).

L-Artikolu 4

Meta jinħareġ iċ-Ċertifikat tat-Tunnellaġġ Internazzjonali (1969) għal tanker taż-żejt bis-saborra segregat, li jkun ġie mkejjel skond ir-regoli tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Kejl tat-Tunnellaġġ tal-Vapuri, 1969, il-korp kompetenti għandu jdaħħal, għall-għan ta' dan ir-Regolament, taħt l-intestatura "Rimarki" dikjarazzjoni li tkun konformi mal-paragrafu 3 ta' l-Anness I ta' dan ir-Regolament u li tispeċifika:

(i) t-tunnellaġġ tat-tankijiet bis-saborra segregati tal-vapur; dan it-tunnellaġġ għandu jkun ikkalkolat skond il-metodu u l-proċedura stabbiliti fil-paragrafu 4 ta' l-Anness I ta' dan ir-Regolament; u

(ii) t-tunnellaġġ gross imnaqqas tal-vapur.

L-Artikolu 5

1. Meta jiġu eżaminati t-tariffi għat-tankers taż-żejt ibbażati kompletament jew parzjalment fuq il-figura ta' tunnellaġġ gross (GT) tal-vapur, l-awtoritajiet tal-portijiet u l-bajjiet u l-awtoritajiet tal-pilotaġġ għandhom jeskludu t-tunnellaġġ tat-tankijiet ta' saborra segregati ta' tanker taż-żejt, sabiex jibbażaw il-kalkulazzjonijiet tagħhom fuq it-tunnellaġġ gross imnaqqas indikat taħt l-intestatura "Rimarki" taċ-Ċertifikat tat-Tunnellaġġ Internazzjonali (1969) tal-vapur.

2. Alternattivament, l-awtoritajiet tal-portijiet u l-bajjiet u l-awtoritajiet tal-pilotaġġ għandhom jassiguraw li t-tariffa għal tanker taż-żejt li jidħol fi ħdan il-għan ta' dan ir-Regolament kif ipprovdut fl-Artikolu 2 ikun għall-inqas 17 % aktar baxx mit-tariffa għal tanker mingħajr it-tankijiet tas-saborra segregati ta' l-istess tunnellaġġ gross.

L-awtoritajiet tal-portijiet u l-bajjiet u l-awtoritajiet tal-pilotaġġ li diġà japplikaw, fit-13 ta' Ġunju 1994, sistema ta' rata waħda kif ipprovdut fl-ewwel subparagrafu, imma bbażata fuq perċentwali aktar baxx, għandhom japplikaw il-figura ta' 17 % bħala minimu mhux iżjed tard mill-1 ta' Jannar 1997.

3. Meta t-tariffi jkunu assessjati apparti milli fuq il-bażi ta' tunnellaġġ gross, l-awtoritajiet tal-portijiet u l-bajjiet kif ukoll l-awtoritajiet tal-pilotaġġ għandhom jassiguraw li t-tankers taż-żejt bis-saborra segregati jirċievu trattament mhux anqas favorevoli minn meta t-tariffi jkunu kkalkulati skond il-paragrafi 1 jew 2.

4. L-awtoritajiet tal-portijiet u l-bajjiet u l-awtoritajiet tal-pilotaġġ għandhom japplikaw, għat-tankers taż-żejt bis-saborra segregati kollha, waħda biss mis-sistemi msemmijin fil-paragrafi 1, 2 u 3.

L-Artikolu 6

L-Anness I ta' dan ir-Regolament jista' jkun emendat skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7 sabiex jiġu kkunsidrati l-emendi tar-Reżoluzzjoni A.747(18) ta' l-OMI u għall-Konvenzjonijiet internazzjonali relevanti li jkunu daħlu fis-seħħ.

L-Artikolu 7

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat magħmul mir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri u ppreseduta mir-rappreżentant tal-Kummissjoni. Il-kumitat għandu jissejjaħ mill-Kummissjoni kull meta jkun hemm bżonn għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

2. Il-kumitat għandu jħejji r-regoli tiegħu ta' proċedura.

3. Il-proċedura segwenti għandha tapplika għall-materji koperti mill-Artikolu 6:

(a) Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lejn il-kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz f'limitu ta' żmien li l-President jista' jimponi skond l-urġenza tal-materja. L-opinjoni għandha tiġi mogħtija mill-maġġoranza kif stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta' deċiżjonijiet li l-Kunsill ikollu jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fi ħdan il-kumitat għandhom ikunu mgħobbija fil-manjiera kif stabbilita f'dak l-Artikolu. Il-president ma jkunx jista' jivvota.

(b) Il-Kummissjoni għandha taddotta il-miżuri kkuntemplati jekk ikunu skond l-opinjoni tal-kumitat.

(ċ) Jekk il-miżuri kkontemplati ma jkunux skond l-opinjoni tal-kumitat, jew jekk l-ebda opinjoni ma tingħata, il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tissottometti lejn il-Kunsill proposta relatata mal-miżura li għandha tittieħed. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata. Jekk, fi żmien tliet xhur mid-data tar-riferiment lilu, l-Kunsill ma jkunx ħa azzjoni, il-miżura proposta għandha tkun adottata mill-Kummissjoni.

L-Artikolu 8

1. L-Istati Membri għandhom, meta jasal il-waqt, imma qabel il-31 ta' Diċembru 1995, jadottaw dawk il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi skond ma jkunu meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Dawn il-miżuri għandhom ikopru, inter alia, l-organizzazzjoni, il-proċedura u l-mezzi ta' kontroll.

2. L-Istati Membri għandhom jibgħatu lejn il-Kummissjoni darba kull sena l-informazzjoni kollha disponibbli li tikkonċerna l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, inkluż il-ksur li jkun sar mill-awtoritajiet tal-portijiet u l-bajjiet tagħhom u l-awtoritajiet tal-pilotaġġ.

3. Meta l-Istati Membri jadottaw miżuri kif irriferiti fil-paragrafu 1, għandhom ikollhom referenza għal dan ir-Regolament jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi biex issir din ir-referenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

4. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw immedjatament lejn il-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet kollha tal-liġi domestika li huma jadottaw fil-kamp irregolat minn dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħrajn dwar dan.

L-Artikolu 9

1. Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament darba kull sena wara li tirċievi r-rapporti mill-Istati Membri kif preskritt fl-Artikolu 8.

2. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport ta' evalwazzjoni dwar il-ħidma tas-sistema kif ipprovdut fl-Artikolu 5(2) lejn il-Parlament Ewropew u lejn il-Kunsill sal-31 ta' Diċembru 1998.

L-Artikolu 10

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1996.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fil-21 ta' Novembru 1994.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Wissmann

[1] ĠU C 5, tas-7.1.1994, p. 4.

[2] ĠU C 295, tat-22.10.1994, p. 4.

[3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Mejju 1994, il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill tad-19 ta' Settembru 1994 (ĠU C 301, tas-27.10.1994, p. 34) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Novembru 1994 (għadha mhix ippubblikata fl-Ġurnal Uffiċjali).

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

Il-kejl tat-tunnellaġġ fit-tankers taż-żejt bit-tankijiet tas-saborra segregati

Sabiex tintuża bażi unifikata għall-applikazzjoni tal-kejl tat-tunnellaġġ tat-tankijiet tas-saborra segregati fit-tankijiet taż-żejt, amministrazzjonijiet, korpijiet rikonoxxuti għall-ħruġ ta' ċertifikati internazzjonali u persuni li jimponu t-taxxi fuq it-tankers taż-żejt għandhom jaċċettaw il-prinċipji segwenti:

1. Il-vapur ikun iċċertifikat bħala tanker taż-żejt bis-saborra segregata kif iddikjarat fil-paragrafu 5 tas-suppliment taċ-Ċertifikat għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis taż-Żejt u l-post tat-tankijiet tas-saborra segregati huwa indikat taħt il-paragrafu 5.2 tas-suppliment.

2. It-Tankijiet tas-saborra segregati huma dawk it-tankijiet użati esklużivament għall-ġarr ta' saborra ta' l-ilma segregati, kif imfisser fir-Regolament 1(17) ta' l-Anness I tal-Marpol 73/78. It-tankijiet tas-saborra segregati għandhom ikollhom sistema separata ta' ippompjar tas-saborra u ta' katusi irranġati għad-dħul u l-iskart ta' l-ilma tas-saborra minn u lejn il-baħar biss. M'għandu jkun hemm l-ebda rbit ta' katusi mit-tankijiet tas-saborra segregati mas-sistema ta' l-ilma frisk. L-ebda tank tas-saborra segregat m'għandu jintuża għall-ġarr ta' kwalunkwe merkanzija jew għall-ħażna ta' l-imħażen jew tal-materjal tal-vapur.

3. Fiċ-Ċertifikat tat-Tunnellaġġ Internazzjonali (1969) taħt

"Rimarki"

għandha ssir nota għat-tunnellaġġ tat-tankijiet tas-saborra segregati fit-tankijiet taż-żejt kif ġej:

"It-tankijiet tas-saborra segregati jkunu konformi mar-Regolament 13 ta' l-Anness I tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Vapuri, 1973, kif immodifikata mill-Protokoll ta' l-1978 li jittratta dwaru, u t-tunnellaġġ totali ta' dawk it-tankijiet użati esklużivament għall-ġarr tas-saborra ta' l-ilma segregata huwa … .

It-tunnellaġġ gross imnaqqas li għandu jintuża għall-kalkulazzjoni tat-tariffi bbażati fuq it-tunnellaġġ huwa … ."

4. It-tunnellaġġ ta' tankijiet tas-saborra segregati msemmija hawn fuq għandu jkun ikkalkulat skond il-formula segwenti:

K1 × Vb

meta:

K1 = 0,2 + 0,02 log10 V (jew kif tabulizzat fl-Appendiċi 2 tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Kejl tat-Tunnellaġġ tal-Vapuri, 1969).

V = il-volum totali ta' l-ispazji magħluqin tal-vapuri f'metri kubiċi kif definit fir-Regolament 3 tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Kejl tat-Tunnellaġġ tal-Vapuri, 1969.

Vb = il-volum totali tat-tankijiet tas-saborra segregati f'metri kubiċi mkejlin skond ir-Regolament 6 tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Kejl tat-Tunnellaġġ tal-Vapuri, 1969.

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

Tifsiriet mogħtijin mill-Marpol 73/78 lit-termini fl-Artikolu 3(1)(a), (b), (e) u (f)

Dwar il-paragrafu 1(a):

"Tanker taż-żejt" tfisser vapur mibni jew addattat primarjament biex iġorr iż-żejt bħala tagħbija fl-ispazji tiegħu ta' l-istiva u tinkludi l-ġarr ta' l-għaqda u kull "tanker tal-kimika" kif definit fl-Anness II tal-Konvenzjoni preżenti, meta jkun qiegħed iġorr xi merkanzija jew parti mill-merkanzija ta' żejt fil-massa.

"Ġarr ta' l-għaqda" tfisser vapur iddisinjat biex iġorr jew iż-żejt jew merkanzija solida fil-massa.

"Tanker tal-kimika" tfisser vapur mibni jew addattat primarjament biex iġorr merkanzija tas-sustanzi likwidi li jistgħu jagħmlu l-ħsara u jinkludi "tanker taż-żejt" kif definit fl-Anness I tal-Konvenzjoni preżenti meta jġorr merkanzija jew parti merkanzija ta' sustanzi likwidi fil-massa li jistgħu jagħmlu l-ħsara.

Dwar il-paragrafu 1(b):

"Saborra segregata" tfisser l-ilma tas-saborra introdott f'tank li jkun isseparat kompletament mill-merkanzija taż-żejt u s-sistema ta' forniment taż-żejt u li jkun allokat permanentement għall-ġarr tas-saborra jew għall-ġarr tas-saborra jew merkanzija għajr iż-żejt jew sustanzi likwidi li jistgħu jagħmlu l-ħsara kif definiti b'modijiet diversi fl-Annessi tal-Konvenzjoni preżenti.

Dwar il-paragrafu 1(e):

"tanker taż-żejt b'buq doppju" tfisser tanker taż-żejt li jkollu t-tul kollu tat-tank ta' l-istiva għanu jkun protett mit-tankijiet tas-saborra segregati jew spazji għajr il-merkanzija u t-tankijiet tal-forniment taż-żejt.

Dwar il-paragrafu 1(f):

"Tanker taż-żejt ta' disinn alternattiv" tfisser:

- tanker taż-żejt, li jkollu d-disinn b'tali mod li l-merkanzija u l-pressjoni tal-fwar eżerċitata fuq il-kisi bil-folji tal-qoxra fil-qiegħ li tifforma xifer wieħed bejn il-merkanzija u l-baħar ma teċċedix il-pressjoni ta' l-ilma idrostatika esterna,

- tanker taż-żejt li jkun iddisinjat skond il-metodi li jassiguraw għall-inqas l-istess livell ta' protezzjoni kontra t-tniġġis taż-żejt fl-eventwalità ta' kolliżjoni jew inkaljar u li jkunu approvati fil-prinċipju mill-Kumitat tal-Protezzjoni ta' l-Ambjent Marittimu bbażati fuq il-gwidi żviluppati mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.

--------------------------------------------------

Top