Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31994R2063

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2063/94 tas-27 ta' Lulju 1994 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru. 1360/90 li jistabilixxi Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ

ĠU L 216, 20.8.1994, pp. 9–11 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 01/01/2009; Imħassar b' 32008R1339

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1994/2063/oj

31994R2063



Official Journal L 216 , 20/08/1994 P. 0009 - 0011
Finnish special edition: Chapter 11 Volume 32 P. 0140
Swedish special edition: Chapter 11 Volume 32 P. 0140


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2063/94

tas-27 ta' Lulju 1994

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru. 1360/90 li jistabilixxi Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 235 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-Kunsill Ewropew f'laqgħa fi Strasbourg fit-8 u d-9 ta' Diċembru 1989 talab lill-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, sabiex jadotta d-deċiżjonijiet meħtieġa biex tkun stabbilita Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għall-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant; billi għal dak il-għan fis-7 ta' Mejju 1990 il-Kunsill adotta r-Regolament (KEE) Nru 1360/90 [4] li jistabilixxi l-Fondazzjoni msemmija;

Billi l-Artikolu 19 tar-Regolament (KEE) Nru 1360/90 jistipula li dak ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak li fih l-awtoritajiet kompetenti jiddeċiedu dwar is-sedi tal-Fondazzjoni;

Billi skond deċiżjoni meħuda permezz ta' ftehim komuni bejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri f'laqgħa f'livell ta' Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern fi Brussel fid-29 ta' Ottubru 1993 [5], il-Fondazzjoni għandha jkollha is-sedi tagħha f'Turin;

Billi, skond ir-Regolament 1360/90, il-pajjiżi eliġibbli għall-programmi tal-Fondazzjoni huma l-pajjiżi eliġibbli għal għajnuna ekonomika permezz tar-Regolament (KEE) Nru 3906/89 [6] (il-programm "Phare"),

Billi fid-19 ta' Lulju 1993 il-Kunsill adotta r-Regolament (Euratom, KEE) Nru 2053/93 li jikkonċerna l-provista ta' għajnuna teknika għar-riforma u l-irkuprar ekonomiku fl-Istati indipendenti ta' l-ex Unjoni Sovjetika u Mongolja [7] magħruf bħala l-programm "Tacis";

Billi l-Istati li jirċievu assistenza permezz ta' Tacis u dawk il-pajjiżi nominati bħala eliġibbli taħt il-Phare qed jagħmlu sforzi sabiex jilħqu riforma ekonomika u soċjali, u billi l-iżvilupp ta' riżorsi umani f'dawk l-Istati kollha hu l-bażi tar-riformi li għaddejjin bħalissa sabiex jiġi assigurat tibdil lejn ekonomija tas-suq u sabiex tiġi msaħħa d-demokrazija;

Billi l-konsistenza tal-politika tal-Komunità ta' għajnuna ekonomika lill-Istati indipendenti ta' l-ex Unjoni Sovjetika u l-Mongolja tiġi msaħħa bl-estensjoni ta' l-operat tal-Fondazzjoni għal dawk l-Istati;

Billi l-Fondazzjoni tipprovdi qafas istituzzjonali xieraq li bih l-esperjenza tal-Komunità tista' titpoġġa għad-dispożizzjoni ta' dawk l-Istati kollha sabiex tipprovdi għat-talbiet tagħhom — kif espress fl-ipprogrammar ta' l-assistenza tal-Phare u t-Tacis — f'termini ta' żvilupp u ta' ristrutturar fil-qasam ta' taħriġ vokazzjonali;

Billi l-Artikolu 14 tar-Regolament (KEE) Nru 1360/90 jistipula li r-regoli u r-regolamenti li jirregolaw il-personal statutorju tal-Fondazzjoni għandhom ikunu analogi għal dawk imniżżla fir-Regolament tal-Kunsill (ECSC, KEE, Euratom) Nru 1859/76 tad-29 ta' Ġunju 1976 li jipprovdi għal-kondizzjonijiet ta' l-impieg ta' persunal taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali [8];

Billi hemm il-ħtieġa li tiġi assigurata konsistenza fil-livell tal-Komunità f'dak li jirrigwardja l-immaniġjar tal-persunal tad-diversi korpi deċentralizzati u, b'mod partikolari, li tiġi permessa l-applikazzjoni sħiħa tar-regoli u r-regolamenti applikabbli għall-uffiċjali u impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej;

Billi l-Komunikazzjoni magħmulha mill-Kummissjoni lill-awtorità dwar l-estimi fis-17 ta' Diċembru 1992 li tikkonċerna l-kontroll finanzjarju intern tgħid li r-raġunijiet għall-ħatra tal-Kontrollur Finanzjarju sabiex jeżerċita din il-funzjoni huma raġunijiet pragmatiċi u konsiderazzjoniiet ta' effiċjenza;

Billi l-Artikolu 206a tat-Trattat ġie mħassar mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u d-dispożizzjoni l-ġdida dwar dan is-suġġett hija l-Artikolu 188c;

Billi, r-Regolament (KEE) Nru No 1360/90 ma ġiex fis-seħħ qabel it-30 ta' Ottubru 1993, is-sejbiet preliminarji tal-proċedura għall-ivverifikar u l-evalwazzjoni ta' l-esperjenza miksuba fix-xogħol tal-Fondazzjoni ma setgħux jitqiegħdu quddiem il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali sal-31 ta'Diċembru 1992, kif kien meħtieġ fl-Artikolu 17 tiegħu,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KEE) Nru 1360/90 huwa emendat kif ġej:

1. L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 1 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"Dan ir-Regolament jistabilixxi l-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (hawn iżjed il quddiem imsejħa "l-Fondazzjoni";) li l-għanijiet tagħha għandhom ikunu li tikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-sistemi ta' taħriġ vokazzjonali:

- tal-pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant nominati bħala eliġibbli għal għajnuna ekonomika mill-Kunsill fir-Regolament (KEE) Nru 3906/89 jew fi kwalunkwe att legali rilevanti sussegwenti; u

- tal-pajjiżi indipendenti ta' l-ex Unjoni Sovjetika u l-Mongolja li huma l-benefiċjarji tal-programm għall-assistenza fir-riforma u l-irkuprar ekonomiku permezz tar-Regolament (Euratom, KEE) Nru 2053/93 jew fi kwalunkwe att legali rilevanti sussegwenti.

Dawn il-pajjiżi għandhom hawnhekk iżjed il-quddiem jissejħu "il-pajjiżi eliġibbli";.";

2. Il-punt (c) ta' l-Artikolu 3 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"(c) fuq il-bażi ta' (a) u (b);

- teżamina l-iskop ta' proġetti komuni għall-assistenza fit-taħriġ inklużi proġetti pilota, biex ikunu stabbiliti gruppi multinazzjonali speċjalizzati għal proġetti speċifiċi u sabiex jiġu identifikati operazzjonijiet li jistgħu jkunu kofinanzjati,

- tipprovdi l-fondi għad-disinn u l-preparazzjoni ta' proġetti bħal dawn, li l-implimentazzjoni tagħhom tista’ tkun finanzjata minn kontribuzzjonijiet minn wieħed jew bosta pajjiżi, flimkien mal-Fondazzjoni, jew, f'każijiet eċċezzjonali mill-Fondazzjoni waħedha;

- timplimenta, fuq talba tal-Kummissjoni jew tal-pajjiżi benefiċjarji f'kooperazzjoni mill-bord tat-tmexxija, programmi ta' taħriġ vokazzjonali li jkunu qablu fuqhom il-Kummisjoni u wieħed jew iżjed mill-pajjiżi benefiċjarji bħala parti mill-politika tal-Komunità ta' assistenza lil dawn il-pajjiżi, bl-użu ta' timijiet multidixxiplinari ta' speċjalisti f'kollaborazzjoni mill-qrib ma’ awtoritajiet kompetenti fil-pajjiżi involuti u bl-użu attiv ta' l-esperjenza ta' programmi ta' taħriġ vokazzjonali tal-Komunità".

3. Il-punt (e) ta' l-Artikolu 3 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"(e) tagħti lill-bord ta' tmexxija is-setgħa li jagħmel proċeduri għat-tfiegħ ta' offerti għal proġetti li l-fondi għalihom huma pprovduti jew li huma ko-finanzjati mill-Fondazzjoni, waqt li jittieħdu in konsiderazzjoni l-proċeduri stabiliti permezz tar-Regolament (KEE) Nru No 3906/89, b'mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu; permezz tar-Regolament (Euratom, KEE) Nru. 2053/93, b' mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu, jew fi kwalunkwe att legali rilevanti sussegwenti;"

4. L-Artikolu 8 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"L-Artikolu 8

Rabtiet ma' azzjonijiet oħra tal-Komunità

Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-bord tat-tmexxija u, fejn hu xieraq, skond il-proċeduri esiġiti fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KEE) Nru 3906/89 u l-Artikolu 8 tar-Regolament (Euratom, KEE) Nru 2053/93, għandha tassigura konsistenza u, fejn hu meħtieġ, komplimentarjetà bejn ix-xogħol tal-Fondazzjoni u azzjonijiet oħra fil-livell tal-Komunità, sew ġewwa l-Komunità kif ukoll f'assistenza lill-pajjiżi eliġibbli, b'referenza partikolari għal azzjonijiet taħt l-iskema Tempus."

5. It-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 10(3) għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"Għandha tistabilixxi fuq din il-bażi, u fil-limiti proposti ta' l-ammont kumplessiv li għandu jitpoġġa għad-dispożizzjoni għal għajnuna ekonomika lill-pajjiżi eliġibbli, il-kontribuzzjoni annwali għall-estimi tal-Fondazzjoni li għandha tiġi inkluża fl-abbozz preliminari ta' l-estimi ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej."

6. L-Artikolu 11(2) għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"2. L-ivverifikar tar-rabta u l-ħlas ta' l-infiq kollu tal-Fondazzjoni u l-ivverifikar taż-żamma tar-reġistri u l-ġbir tad-dħul kollu tagħha għandu jsir mill-kontrollur finanzjarju tal-Kummissjoni.";

7. It-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 11(3) għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"Il-Qorti ta' l-Awdituri għandha teżamina dawn il-kontijiet skond l-Artikolu 188c tat-Trattat."

8. L-Artikolu 14 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"L-Artikolu 14

Regoli tal-persunal

Il-persunal tal-Fondazzjoni għandu jkun irregolat mir-regoli u r-regolamenti applikabbli għall-uffiċjali u impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej.

Il-Fondazzjoni għandha teżerċita fuq il-persunal tagħha l-poteri devoluti lill-awtorità responsabbli mill-ħatriet.

Il-bord ta' tmexxija għandu, bi ftehim mal-Kummissjoni, jadotta r-regoli ta' implimentazzjoni xierqa.";

9. Fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 17 id-data "31 ta' Diċembru 1992" għandha tkun mibdula bi "30 ta' Ġunju 1997".

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tmien ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jkun jorbot fl-intier tiegħu u jkun applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-27 ta' Lulju 1994.

Għall-Kunsill

Il-President

Th. Waigel

[1] ĠU C 82, tad-19.3.1994, p. 11.

[2] ĠU C 205, tal-25.7.1994.

[3] ĠU C 195, tat-18.7.1994.

[4] ĠU L 131, tat-23.5.1990, p. 1.

[5] ĠU C 323, tat-30.11.1993, p. 1.

[6] ĠU L 375, tat-23.12.1989, p. 11. Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KEE) Nru 1764/93 (ĠU L 162, tat-3.7.1993, p. 1).

[7] ĠU L 187, tad-29.7.1993, p. 1.

[8] ĠU L 214, tas-6.8.1976, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (ECSC, KEE, Euratom) Nru 679/87 (ĠU L 72, ta' l-14.3.1987, p. 1).

--------------------------------------------------

Top