Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31994R2062

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2062/94 tat-18 ta' Lulju 1994 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol

ĠU L 216, 20.8.1994, pp. 1–7 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 19/02/2019; Revokat u sostitwit bi 32019R0126

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1994/2062/oj

31994R2062



Official Journal L 216 , 20/08/1994 P. 0001 - 0008
Finnish special edition: Chapter 5 Volume 6 P. 0131
Swedish special edition: Chapter 5 Volume 6 P. 0131


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2062/94

tat-18 ta' Lulju 1994

li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 235 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi s-sigurtà, l-iġjene u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol huma fost il-prijoritajiet ta' politika soċjali effettiva;

Billi l-Kummissjoni ppreżentat il-miżuri li hi beħsiebha tiżviluppa f'dan il-kamp fil-programm tagħha dwar is-sigurtà, l-iġjene u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol [4], u fil-programm tagħha ta' azzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Karta Komunitarja dwar id-Drittijiet Soċjali Fondamentali għall-Ħaddiema;

Billi, fir-Risoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Diċembru 1987 dwar is-sigurtà, l-iġjene u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol [5], il-Kunsill laqa' tajjeb il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-programm tagħha li jikkonċerna s-sigurtà, l-iġjene u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol u, fost l-oħrajn, talab lill-Kummissjoni teżamina mezzi ta' kif jittejjeb l-iskambju ta' informazzjoni u esperjenza fil-kamp kopert mir-Risoluzzjoni, partikolarment fejn għandhom x'jaqsmu il-ġbir u t-tifrix ta' materjal u jekk jaqbilx li jitwaqqaf mekkaniżmu Komunitarju li jistudja r-riperkussjonijiet ta' miżuri Komunitarji f'dan il-kamp fil-livell nazzjonali;

Billi dik ir-Risoluzzjoni talbet għal kooperazzjoni iktar intensa bejn il-korpi attivi f'dan il-kamp;

Billi l-Kunsill enfasizza l-importanza fundamentali li min iħaddem u l-ħaddiema jkunu iktar konxji mill-kwistjonijiet involuti u jkollhom aċċess għal informazzjoni jekk il-miżuri mressqa fil-programm tal-Kummissjoni ikollhom suċċess;

Billi l-ġbir, it-trattament u l-analiżi ta' informazzjoni xjentifika, teknika u ekonomika li tkun dettaljata, affidabbli u oġġettiva huma neċessarji sabiex jipprovdu lill-entitajiet Komunitarji, lill-Istati Membri u lil dawk involuti f'dan il-kamp bl-informazzjoni biex ikunu jistgħu jirrispondu għat-talbiet kollha indirizzati lilhom, sabiex jintroduċu miżuri essenzjali għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema u biex jipprovdu lill-persuni kkonċernati b'informazzjoni adegwata;

Billi hemm diġà organizzazzjonijiet fil-Komunità u fl-Istati Membri li jipprovdu dan it-tip ta' informazzjoni u servizzi;

Billi, sabiex jinkiseb il-benefiċċju massimu fuq livell Komunitarju minn xogħol diġà imwettaq minn dawn l-organizzazzjonijiet, huwa xieraq li jitwaqqaf network biex tiġi ffurmata sistema ta' osservazzjoni Ewropea għall-ġbir ta' nformazzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, li għandu jiġi kkoordinat fuq livell Komunitarju mill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol;

Billi, sabiex ikunu jistgħu jirrispondu b'mod aktar effettiv għat-talbiet indirizzati lilhom, l-entitajiet Komunitarji l-Istati Membri u dawk involuti f' dan il-kamp għandhom ikunu jistgħu jirrikorru għal Aġenzija sabiex jiksbu informazzjoni teknika, xjentifikua uekonomika utli fil-kamp tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol;

Billi huwa għalhekk xieraq li tiġi mwaqqfa Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol inkarigata li tassisti l-iktar, lill-Kummissjoni fit-twettiq tad-dmirijiet fil-kamp ta' sigurtà u saħħa fuq il-post tax-xogħol u, f'dak il-kuntest, biex tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' programmi ta' azzjoni Komunitarja futura li għandha x'taqsam mal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol, mingħajr preġudizzju għall-isfera ta' kompetenza tal-Kummissjoni;

Billi d-deċiżjoni meħuda bi ftehim komuni bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, li ltaqgħu fuq livell ta' Kapijiet ta' Stat u Gvern fid-29 ta' Ottubru 1993, dwar il-kollokazzjoni ta' ċerti entitajiet u dipartimenti tal-Komunitajiet Ewropej u tal-Europol [6] stipulat li l-Aġenzija għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol kellu jkollha s-sede tagħha fi Spanja, f'belt li jindika l-Gvern Spanjol; billi l-Gvern Spanjol innomina l-belt ta' Bilbao għal dak l-iskop;

Billi r-regoli u l-istruttura ta' l-Aġenzija għandhom ikunu immirati lejn in-natura oġġettiva tar-riżultati mixtieqa u għandhom ikunu b'mod li hija tista' twettaq xogħlha b'kooperazzjoni ma' entitajiet Komunitarji u nazzjonali diġà eżistenti;

Billi l-Aġenzija għandha tkun tista' tistieden bħala osservaturi, rappreżentanti ta' pajjiżi terzi, ta' l-istituzzjonijiet u l-entitajiet Komunitarji u ta' organizzazzjonijiet internazzjonali li għandhom l-istess interessi tal-Komunità u ta' l-Istati Membri fil-mira ta' l-Aġenzija;

Billi l-Aġenzija għandu jkollha personalità legali filwaqt li żżomm kuntatt strett ma' entitajiet Komunitarji u programmi diġà eżistenti, partikolarment mal-Fondazzjoni Ewropea għat-titjib tal-Kundizzjonijiet ta' l-Għixien u tax-Xogħol, bil-ħsieb li tiġi evitata kull duplikazzjoni;

Billi huwa importanti li l-Aġenzija jkollha kuntatti funzjonali stretti ħafna mal-Kummissjoni u l-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà, l-Iġjene u l-Protezzjoni tas-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol;

Billi, fir-rigward tat-traduzzjonijiet li jkollha bżonn, l-Aġenzija ser tuża ċ-Ċentru tat-Traduzzjonijiet għall-entitajiet ta' l-Unjoni Ewropea meta ċ-Centru jibda jopera;

Billi l-estimi ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej imissu jikkontribwixxi għall-operazzjoni ta' l-Aġenzija; billi l-ammonti maħsuba li jkunu neċessarji għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura ta' l-estimi annwali, skond l-estimi finanzjarji;

Billi, għall-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, it-Trattat ma jipprovdix għal poteri barra minn dawk imsemmija fl-Artikolu 235,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

It-Twaqqif ta' l-Aġenzija

Qed tiġi mwaqqfa Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol, minn issa 'l quddiem imsejħa "l-Aġenzija".

L-Artikolu 2

L-Iskop

Sabiex tinkuraġġixxi titjib, b'mod speċjali f'ambjent tax- xogħol, fejn għandhom x'jaqsmu il-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema kif previst fit-Trattat u programmi ta' azzjoni suċċessivi li jikkonċernaw is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, l-iskop ta' l-Aġenzija għandu jkun li tipprovdi lill-entitajiet Komunitarji, lill-Istati Membri u lil dawk involuti b'informazzjoni teknika, xjentifika u ekonomika fil-kamp ta' sigurtà u saħħa fuq il-post tax-xogħol.

L-Artikolu 3

Ir-Rwol

1. Għall-iskop li tinkiseb il-mira fl-Artikolu 2, ir-Rwol ta' l-Aġenzija għandu jkun li:

(a) tiġbor u tferrex informazzjoni teknika, xjentifika u ekonomika lill-Istati Membri sabiex tgħaddiha lill-entitajiet Komunitarji, lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati; dan il-ġbir għandu jseħħ sabiex jiġu identifikati prijoritajiet u programmi nazzjonali u sabiex jipprovdi l-input neċessarju għall-prijoritajiet u l-programmi Komunitarji;

(b) tiġbor informazzjoni teknika, xjentifika u ekonomika dwar riċerka fuq is-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol u dwar attivitajiet oħra ta' riċerka li jinvolvu aspetti konnessi mas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol u d-distribuzzjoni tar-rizultati tar-riċerki u attivitajiet ta' riċerka;

(ċ) tippromwovi u ssostni il-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni u esperjenza bejn l-Istati Membri fil-kamp tas- sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol inklużi informazzjoni dwar programmi ta' taħriġ;

(d) torganizza konferenzi u seminarji u skambji ta' esperti mill-Istati Membri fil-kamp tas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xoħgħol;

(e) tforni lill-entitajiet Komunitarji u l-Istati Membri b'informazzjoni teknika, xjentifika u ekonomika li jeħtieġu biex jifformulaw u jimplimentaw politika għaqlija u effettiva maħsuba biex tipproteġi s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema; għal dak l-iskop, tipprovdi lill-Kummissjoni b'mod partikolari bl-informazzjoni teknika, xjentifika u ekonomika li teħtieġ sabiex taqdi d-dmirijiet li tidentifika, tipprepara u teżamina il-liġijiet u miżuri fil-kamp ta' protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, l-aktar rigward l-impatt tal-liġijiet fuq l-impriżi, b'mod partikolari ta' l-impriżi żgħar u ta' daqs medju;

(f) twaqqaf, b'kooperazzjoni ma' l-Istati Membri, u tikkoordina n-network imsemmi fl-Artikolu 4, filwaqt li tieħu inkonsiderazzjoni entitajiet u organizzazzjonijiet nazzjonali, Komunitarji u internazzjonali li jipprovdu din it-tip ta informazzjoni u servizzi;

(g) tiġbor u tagħmel disponibbli informazzjoni dwar materji ta' sigurtà u saħħa minn u lil pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali (WHO, ILO, PAHO, IMO, eċċ.);

(h) tipprovdi informazzjoni teknika, xjentifika u ekonomika dwar metodi u għodda għall-implimentazzjoni ta' attivitajiet ta' prevenzjoni, b'attenzjoni partikolari għall-problemi speċifiċi ta' l-impriżi żgħar u ta' daqs medju;

(i) tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' programmi ta' azzjoni futuri tal-Komunità rigward il-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol, mingħajr preġudizzju għall-isfera tal-kompetenza tal-Kummissjoni.

2. L-Aġenzija għandha taħdem viċin kemm jista' jkun ma' l-istituzzjonijiet, il-fondazzjonijiet, l-entitajiet speċjalizzati u l-programmi eżistenti fuq livell Komunitarju sabiex tevita kull duplikazzjoni.

L-Artikolu 4

In-Network

1. L-Aġenzija għandha twaqqaf network li jkun fih:

- l-elementi ta' komponenti ewlenin f' networks ta' informazzjoni nazzjonali,

- il-punti fokali nazzjonali,

- kull ċentru tematiku li jista' jkun hemm fil-futur.

2. Sabiex in-network ikun jista' jitwaqqaf malajr u b'mod effiċjenti kemm jista' jkun l-Istati Membri għandhom, fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, jinforma lill-Aġenzija bl-elementi komponenti ewlenin tan-networks ta' informazzjoni nazzjonali dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, inkluża kull istituzzjoni li fil-ġudizzju tagħhom tista' tikkontribwixxi fix-xogħol ta' l-Aġenzija billi tieħu inkonsiderazzjoni il-bżonn li tiżgura li t-territorju tagħhom ikun kopert ġeografikament bl-aħjar mezz possibbli.

L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jew istituzzjoni innominata minnhom għandhom jikkoordinaw u/jew jittrasmettu l-informazzjoni li għandha tkun fornita fuq livell nazzjonali lill-Aġenzija.

3. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jinfurmaw lill-Aġenzija bl-ismijiet ta' l-istituzzjonijiet stabbiliti fit-territorju nazzjonali tagħhom li jistgħu jikkooperaw magħhom fuq ċerti suġġetti ta' interess partikolari, u għalhekk jaġixxu bħala ċentri tematiċi tan-network. L-Aġenzija għandu jkollha il-poter tikkonkludi ftehim ma' dawn l-istituzzjonijiet.

4. Iċ-ċentri tematiċi għal xogħlijiet speċjali jistgħu jiffurmaw parti min-network.

Għandhom ikunu indikati mill-Kunsill Amministrattiv imsemmi fl-Artikolu 8 għal perjodu ta' żmien limitat u miftiehem.

5. Suġġetti ta' interess partikolari identifikati kif ukoll ix-xogħlijiet speċifiċi taċ-ċentri tematiċi għandhom ikunu elenkati fil-programm annwali tax-xogħol ta' l-Aġenzija.

6. Fid-dawl ta' l-esperjenza miksuba, l-Aġenzija għandha tirrieżamina perjodikament l-elementi komponenti ewlenin tan- network imsemmija fil-paragrafu 2 u tagħmel dawk it-tibdiliet skond kif jiddeċiedi l-Kunsill Amministrattiv, filwaqt li tieħu inkonsiderazzjoni kull indikazzjoni ġdida ta' l-Istati Membri.

L-Artikolu 5

L-Arranġamenti

1. Sabiex tkun iffaċilitata l-operazzjoni tan-network imsemmija fl-Artikolu 4, l-Aġenzija tista' taqbel ma' l-istituzzjonijiet indikati mill-Kunsill Amministrattiv skond l-Artikolu 4(4) dwar l-arranġamenti neċessarji, partikolarment il-kuntratti, għat-twettiq b'suċċess tax-xogħlijiet li tista' tafdalhom.

2. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu, fir-rigward ta' istituzzjonijiet jew organizzazzjonijiet nazzjonali stabbiliti fit-territorju tagħha, li dawn l-arranġamenti ma' l-Aġenzija isiru bi ftehim mal-punt fokali nazzjonali.

L-Artikolu 6

Informazzjoni

L-informazzjoni u d-data fornita lill- jew li tiġi mill-Aġenzija tista' tiġi ppubblikata u għandha tkun aċċessibbli għall-pubbliku, skond il-linji gwida tal-Kunsill Amministrattiv, soġġett għall-konformità mar-regoli Komunitarji u l-Istati Membri fuq id-distribuzzjoni ta' informazzjoni, partikolarment fejn jirrigwarda l-kunfidenzjalità.

L-Artikolu 7

Il-Personalità Ġuridika

1. L-Aġenzija għandu jkollha personalità ġuridika.

2. Għandha tgawdi fl-Istati Membri kollha l-aktar kapaċità legali estensiva kif mogħtija lil persuni ġuridiċi skond il-liġijiet tagħhom.

Artikolu 8

Il-Kunsill Amminstrattiv

1. L-Aġenzija għandu jkollha Kunsill Amminstrattiv li jkun jikkonsisti f'27 membru, li minnhom:

(a) 12-il membru għandhom jirrappreżentaw lill-Gvernijiet ta' l-Istati Membri;

(b) sitt membri għandhom jirrappreżentaw lill-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem;

(ċ) sitt membri għandhom jirrappreżentaw lill-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema;

(d) tliet membri għandhom jirrappreżentaw lill-Kummissjoni.

2. Il-membri msemmija fil-paragrafu 1 (a), (b) u (ċ) għandhom ikunu maħtura mill-Kunsill.

Il-membri msemmija fil-paragrafu 1 (a) għandhom jinħatru fuq proposta mill-Istati Membri, abbażi ta' membru wieħed għal kull Stat Membru.

Il-membri msemmija fil-paragrafu 1 (b) u (ċ) għandhom jinħatru skond sistema ta' rotazzjoni minn fost il-membri li jirrappreżentaw lill-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u tal-ħaddiema fil-Kumitat Konsultattiv dwar il-Protezzjoni tas-Sigurtà, l-Iġjene u s-Saħħa fuq il-post tax-Xogħol imwaqqaf permezz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill 74/325/KEE [7], fuq proposta mill-gruppi ta' dawk il-membri fil-Kumitat abbażi ta' membru wieħed għal kull Stat Membru.

Fl-istess ħin il-Kunsill għandu jaħtar taħt l-istess kundizzjonijiet ta' dak il-membru, membru alternattiv sabiex jattendi laqgħat tal-Kunsill Amministrattiv biss fl-assenza ta' xi membru jew skond kif jipprovdu r-regoli ta' proċedura.

Il-Kummissjoni għandha taħtar membri u supplenti li għandhom jirrappreżentawha.

3. Il-mandat tal-membri tal-Kunsill Amministrattiv għandu jkun ta' tliet snin. Dan il-perjodu jista' jiġġedded ħlief għall-membri msemmija fil-paragrafu 1 (b) u (ċ).

Hekk kif jiskadi l-mandat jew f'każ li jirriżenjaw il-membri għandhom jibqgħu iżommu l-kariga sakemm il-ħatriet tagħhom jiġġeddu jew jiġu sostitwiti.

4. Il-Kunsill Amministrattiv għandu jaħtar il-President tiegħu u tliet viċi-Presidenti minn fost il-membri tiegħu sabiex iservu mandat ta' sena.

5. Il-President għandu jlaqqa' l-Kunsill Amministrattiv mill-inqas darbtejn fis-sena u fuq talba ta' mill-inqas terz mill-membri tiegħu.

6. Id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Amministrattiv għandhom jittieħdu b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tiegħu.

Kull membru tal-Kunsill Amministrattiv għandu jkollu vot wieħed.

Is-supplenti ma għandhomx dritt jivvotaw ħlief meta l-membru jkun assenti.

7. Il-President tal-Kunsill Amministrattiv u d-Direttur tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet ta' l-Għixien u tax-Xogħol jistgħu jagħżlu li jattendu għal-laqgħat tal-Kunsill Amministrattiv bħala osservaturi.

8. Il-Kunsill Amministrattiv għandu jadotta ir-regoli proprji ta' proċedura, li għandhom jidħlu fis-seħħ wara li jiġu approvati mill-Kunsill, wara li jikkonsulta lill-Kummissjoni.

L-Artikolu 9

L-Osservaturi

Il-Kunsill Amministrattiv jista', wara li jikkonsulta lill-Kummissjoni, jistieden bħala osservaturi lir-rappreżentanti ta' pajjiżi terzi, ta' istituzzjonijiet u entitajiet Komunitarji u organizzazzjonijiet internazzjonali.

L-Artikolu 10

Il-Programm ta' Xogħol Annwali — Rapport Ġenerali Annwali

1. Il-Kunsill Amministrattiv għandu jadotta il-programm ta' xogħol annwali ta' l-Aġenzija abbażi ta' abbozz magħmul mid-Direttur imsemmi fl-Artikolu 11, wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni u l-Kumitat Konsultattiv dwar il-Protezzjoni tas-Sigurtà, l-Iġjene u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol.

Il-programm jista' jiġi adattat matul is-sena bl-użu ta' l-istess proċedura.

Il-programm għandu jiġi adottat skond il-proċedura msemmija hawn fuq u għandu jifforma parti minn programm rotanti ta' erba' snin.

L-ewwel programm tax-xogħol annwali għandu jkun adottat fi żmien disa' xhur mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

2. Sa mhux aktar tard mill-31 ta' Jannar ta' kull sena, il-Kunsill Amministrattiv għandu jadotta rapport ġenerali annwali dwar l-attivitajiet ta' l-Aġenzija, miktub fl-ilsna uffiċjali kollha tal-Komunità.

Ir-rapport ġenerali annwali għandu partikolarment jipparaguna ir-riżultati miksuba mal-miri tal-programm tax-xogħol annwali.

Id-Direttur għandu jgħaddi r-rapport ġenerali annwali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti ta' l-Awdituri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, lill-Istati Membri u lill-Kumitat Konsultattiv dwar il-Protezzjoni tas-Sigurtà, l-Iġjene u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol.

L-Artikolu 11

Id-Direttur

1. L-Aġenzija għandha tkun immexxija minn Direttur maħtur mill-Kunsill Amministrattiv fuq proposta tal-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin, li jista' jiġġedded.

2. Id-Direttur għandu jkun ir-rappreżentant legali ta' l-Aġenzija.

Għandu jkun responsabbli għal:

- il-preparazzjoni u l-eżekuzzjoni xierqa tad-deċiżjonijiet u l-programmi adottati mill-Kunsill Amministrattiv,

- l-amministrazzjoni ta' kuljum ta' l-Aġenzija,

- il-preparazzjoni u l-pubblikazzjoni tar-rapport imsemmi fl-Artikolu 10(2),

- l-esekuzzjoni tax-xogħlijiet preskritti,

- kull ma għandu x'jaqsam mal-persunal,

- il-preparazzjoni tal-laqgħat tal-Kunsill Amministrattiv.

3. Id-Direttur għandu jinżamm responsabbli għall-attivitajiet tiegħu lejn il-Kunsill Amministrattiv.

L-Artikolu 12

L-Estimi

1. L-estimi tad-dħul u l-infiq ta' l-Aġenzija għandhom isiru għalkull sena finanzjarja, li tikkorrispondi għas-sena kalendarja, u għandhom jiġu iskritti fl-estimi ta' l-Aġenzija.

2. Id-dħul u l-infiq muri fl-estimi għandhom ikunu f'bilanċ.

3. Id-dħul ta l-Aġenzija għandu, mingħajr preġudizzju għal risorsi oħra miksuba minn ħlas għal servizzi mogħtija mill-Aġenzija, jikkonsisti f'sussidju mill-Komunità iskritt fl-estimi ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

4. L-infiq ta l-Aġenzija għandu jinkludi, fost l-oħrajn, il-ħlas tal-persunal, l-ispejjeż amminstrattivi u infrastrutturali, l-ispejjeż operattivi u l-infiq li għandu x'jaqsam ma' kuntratti konklużi ma' l-istituzzjonijiet jew entitajiet fl-implimentazzjoni tal-programm tax-xogħol.

L-Artikolu 13

Abbozz ta' l-istima — L-Adozzjoni ta' l-estimi

1. Sa mhux aktar tard mill-15 ta' Frar ta' kull sena, id-Direttur għandu jagħmel abbozz preliminari ta' l-estimi għall-Aġenzija għas-sena finanzjarja li jkun imiss u għandu jgħaddih, flimkien mal-lista ta' l-impjegati, lill-Kunsill Amministrattiv.

2. Il-Kunsill Amminstrattiv għandu jipprepara l-abbozz ta' l-estimi flimkien mal-lista ta' l-impjegati u jgħaddihom lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta Marzu. Fuq din il-bażi l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi dak is-sussidju mill-estimi li jikkorrispondi sabiex jiġi iskritt fl-abbozz ta' l-estimi ġenerali preliminarju tal-Komunitajiet Ewropej li tqiegħed quddiem il-Kunsill skond l-Artikolu 203 tat-Trattat.

3. Il-Kunsill Amminstrattiv għandu jadotta l-estimi ta' l-Aġenzija, flimkien mal-lista ta' l-impjegati, qabel il-bidu tas-sena finanzjarja, billi jaġġustaha skond il-bżonn għas-sussidju Komunitarju u risorsi oħra ta' l-Aġenzija.

L-Artikolu 14

L-Implementazzjoni tal-Estimi

1. Id-Direttur għandu jimplimenta l-estimi ta' l-Aġenzija.

2. Il-monitoraġġ ta' l-impenji u l-ħlasijiet ta' l-infiq kollu ta' l-Aġenzija u tal-kostatazzjoni u l-ġabra tad-dħul ta' l-Aġenzija għandu jitwettaq mill-kontrollur finanzjarju tal-Kummissjoni.

3. Sa mhux iktar tard mill-31 ta' Marzu ta' kull sena id-Direttur għandu jibgħat lill-Kummissjoni, lill-Kunsill Amminstrattiv u lill-Qorti ta' l-Awdituri il-kontijiet tad-dħul u ta' l-infiq kollha ta' l-Aġenzija fis-sena finanzjarja preċedenti.

Il-Qorti ta' l-Awdituri għandha teżamina dawn il-kontijiet skond l-Artikolu 188ċ tat-Trattat.

4. Il-Kunsill Amminstrattiv għandu jagħti kwittanza lid-Direttur rigward l-implimentazzjoni ta' l-estimi.

L-Artikolu 15

Id-dispożizzjonijiet finanzjarji interni

Wara li l-Kummissjoni u l-Qorti ta' l-Awdituri jkunu taw l-opinjoni tagħhom, il-Kunsill Amminstrattiv għandu jadotta d-dispożizzjonijiet finanzjarji interni, billi jispeċifika partikolarment il-proċedura għat-twaqqif u l-implimentazzjoni ta' l-estimi ta' l-Aġenzija.

L-Artikolu 16

Is-Sigriet Professjonali

Il-membri tal-Kunsill Amministrattiv, id-Direttur, il-persunal u kull persuna oħra li tipparteċipa fl-attivitajiet ta' l-Aġenzija huma marbuta, anke wara li d-dmirijiet tagħhom ikunu intemmu, li ma jagħtux informazzjoni ta' xi tip koperta bl-obbligu tas-sigriet professjonali.

L-Artikolu 17

Arranġamenti lingwistiċi

L-arranġamenti lingwistiċi ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom japplikaw għall-Aġenzija.

L-Artikolu 18

Servizzi ta' Traduzzjoni

Is-servizzi ta' traduzzjoni meħtieġa għall-operat ta' l-Aġenzija għandhom ikunu pprovduti miċ-ċentru għat-traduzzjoni għall-entitajiet ta' l-Unjoni meta dan iċ-ċentru jibda jopera.

L-Artikolu 19

Il-privileġġi u l-immunitajiet

Il-Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej għandu japplika għall-Aġenzija.

L-Artikolu 20

Il-persunal

1. Il-persunal ta' l-Aġenzija għandu jkun soġġett għar-Regoli u r-Regolamenti applikabbli għall-uffiċjali u impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej.

2. L-Aġenzija għandha teżerċita rigward il-persunal tagħha il-poteri mogħtija mill-Awtorità li Taħtar.

3. Il-Kunsill Amminstrattiv għandu, bi ftehim mal-Kummissjoni, jadotta ir-regoli ta' implimentazzjoni approprjati.

L-Artikolu 21

Ir-Responsabbiltà

1. Ir-responsabbiltà kuntrattwali ta' l-Aġenzija għandha tkun irregolata mil-liġi applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandu jkollha l-ġurisdizzjoni li tagħti l-ġudizzju skond il-klawsola arbitrali li tinsab fil-kuntratt konkluż mill-Aġenzija.

2. F'każ ta' responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Aġenzija għandha, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet ta' l-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull ħsara kkawżata mill-Aġenzija jew l-impjegati tagħha fil-qadi ta' dmirijiethom.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni f'kawżi rigward kumpens għal ħsara bħal din.

3. Ir-responsabbiltà personali ta' l-impjegati lejn l-Aġenzija għandha tkun irregolata mid-disposizzjonijiet li japplikaw għall-persunal ta' l-Aġenzija.

L-Artikolu 22

Il-Kontroll tal-legalità

L-Istati Membri, il-membri tal-Kunsill Amministrattiv u terzi persuni interessati direttament u personalment jistgħu jirreferu lill-Kummissjoni kwalunkwe att ta' l-Aġenzija, kemm espress jew impliċitu, sabiex il-Komunità teżamina l-legalità ta' dak l-att.

Ir-referenza lill-Kummissjoni għandha ssir fi żmien ħmistax-il ġurnata mill-ġurnata li fiha l-persuna interessata saret taf bl-att inkwistjoni.

Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni fi żmien xahar. Jekk l-ebda deċiżjoni ma tkun ittieħdet f'dan il-perjodu, il-każ għandu jitqies miċħud.

L-Artikolu 23

Il-Klawżola ta' reviżjoni

Sa mhux aktar tard minn ħames snin mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, fuq il-bażi ta' rapport tal-Kummissjoni, akkumpanjat kif inhu xieraq bi proposta, il-Kunsill, wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew, għandu jirrevedi dan ir-Regolament u jagħmel kull assenjazzjoni ġdida li tkun neċessarja lill-Aġenzija.

L-Artikolu 24

Id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 ġurnata wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-18 ta' Lulju 1994.

Għall-Kunsill

Il-President

K. Kinkel

[1] ĠU C 271, tas-16. 10. 1991, p. 3.

[2] ĠU C 128, tal-5. 9. 1994.

[3] ĠU C 169, tas-6. 7. 1992, p. 44.

[4] ĠU C 28, tat-2. 1988, p. 3.

[5] ĠU C 28, tat-3. 2. 1988, p. 1.

[6] ĠU C 323, tat-30. 11. 1993, p. 1.

[7] ĠU L 185, tad-9. 7. 1974, p. 15.

--------------------------------------------------

Dikjarazzjoni mill-Kunsill u mill-Kummissjoni dwar il-post fejn għandha tiġi stabbilita l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol

Fl-okkażjoni ta' l-adozzjoni tar-Regolament li jwaqqaf Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol, il-Kunsill u l-Kummissjoni jinnutaw li:

- ir-Rappreżentanti ta' l-Istati Membri, meta ltaqgħu fuq livell ta' Kapijiet ta' Stat u Gvern fid-29 ta' Ottubru 1993, iddeċidew li l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol kellu jkollha s-sede tagħha fi Spanja, f'belt li jistabbilixxi l-Gvern Spanjol;

- il-Gvern Spanjol indika Bilbao bħala s-sede ta' l-Aġenzija.

--------------------------------------------------

Top