Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31994R1868

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1868/94 tas-27 ta' Lulju 1994 li jistabbilixxi sistema ta' kwoti f'dak li għandu x'jaqsam mal-produzzjoni ta' lamtu tal-patata

    ĠU L 197, 30.7.1994, p. 4–6 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 01/07/2009; Imħassar b' 32009R0072

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1994/1868/oj

    31994R1868



    Official Journal L 197 , 30/07/1994 P. 0004 - 0006
    Finnish special edition: Chapter 3 Volume 60 P. 0005
    Swedish special edition: Chapter 3 Volume 60 P. 0005


    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1868/94

    tas-27 ta' Lulju 1994

    li jistabbilixxi sistema ta' kwoti f'dak li għandu x'jaqsam mal-produzzjoni ta' lamtu tal-patata

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 42 u 43 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

    Billi r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1543/93 ta' l-14 ta' Ġunju 1993 li jiffissa l-ammont tal-premium imħallas lill-produtturi tal-lamtu tal-patata matul is-snin tas-suq 1993/94, 1994/95 u 1995/96 [4] ipprovda biex il-Kunsill jiddeċidi liema miżuri għandu jieħu jekk il-produzzjoni tal-lamtu tal-patata fil-Komunità tkun qabżet il-1,5 miljun tunnellati metriċi fis-sena tas-suq 1993/94 jew 1994/95; billi l-produzzjoni fis-sena 1993/94 qabżet din iċ-ċifra;

    Billi s-settur tal-lamtu tal-patata mhux soġġett għar-restrizzjonijiet fuq il-produzzjoni, u partikolarment għat-twarrib, li jiġi applikat fis-settur taċ-ċereali; billi d-dispożizzjonijiet kollha favur is-settur tal-lamtu tal-patata jridu madankollu jkunu kompatibbli mal-kontroll tal-produzzjoni, li huwa meħtieġ fis-settur tal-lamtu tal-patata daqs kemm hu f'setturi oħra;

    Billi l-miżura għall-kontroll tal-produzzjoni li taqbel l-iktar mal-mekkaniżmu tal-premiums għall-produzzjoni tal-lamtu tal-patata hija dik ta' l-introduzzjoni ta' sistema ta' kwoti;

    Billi kull Stat Membru fejn ikun ġie prodott il-lamtu tal-patata għandu jiġi allokat kwota bbażata fuq l-ammont medju ta' lamtu tal-patata prodott f'dak l-Istat Membru fis-snin tas-suq 1990/91, 1991/92 u 1992/93 li għalihom kien gie irċevut premium, aġġustat proporzjonalment billi wieħed iqis kwota totali Komunitarja ta' 1,5 miljun tunnellati metriċi;

    Billi l-kwoti għandhom jiġu allokati lid-Danimarka, lill-Ġermanja, lil Spanja, lil Franza u lill-Olanda għal użu fis-snin tas-suq 1995/96, 1996/97 u 1997/98;

    Billi fil-każ tal-Ġermanja, il-bidla mill-ekonomija pjanata eżistenti fil-Länder il-ġdid qabel ir-reunifikazzjoni għal ekonomija tas-suq bil-bidla konsegwenti fl-istrutturi tal-produzzjoni agrikola u investimenti meħtieġa tiġġustifika l-użu ta' sena ta' referenza differenti, jiġifieri is-sena 1992/93, u ż-żieda fl-ammont prodott f'dik is-sena b'90000 tunnellata metrika, flimkien mal-ħolqien ta' riserva għall-Ġermanja biex tkopri l-produzzjoni li tirriżulta minn investimenti li saru permezz ta impenn irriversibbli qabel il-31 ta' Jannar 1994, jekk dan ma jistax jintlaħaq fil-limitu tal-kwota allokata lill-Ġermanja; billi dawn l-ammonti ma jistgħux jidħlu fil-kwota Komunitarja ta' 1,5 miljun tunnellati metriċi; billi huwa għalhekk meħtieġ li jiġu miżduda ma' din iċ-ċifra;

    Billi l-Istati Membri produtturi għandhom jallokaw il-kwota tagħhom għal perjodu ta' tliet snin fost l-impriżi kollha li jipproduċu l-lamtu tal-patata, fuq il-bażi tal-medja ta' lamtu prodott minnhom matul is-snin ta' suq 1990/91, 1991/92 u 1992/93 u li għalihom ġie rċevut premium, jew l-ammont ta' lamtu prodott fis-sena ta' suq 1992/93 biss fuq l-istess bażi, bl-għażla ta' l-Istat Membru, u l-investimenti magħmula minn dawk l-impriżi qabel il-31 ta' Jannar 1994 f'dak li għandu x'jaqsam mal-lamtu tal-patata;

    Billi sabiex wieħed iqis ir-ristrutturizzazzjoni possibbli tas-suq tal-produzzjoni tal-lamtu tal-patata fil-Komunità l-Kummissjoni għandha, fit-tmiem tal-perjodu tat-tliet snin u wara dan f'intervalli ta' tliet snin, tagħmel rapport lill-Kunsill dwar l-allokazzjonijiet tal-kwoti akkumpanjat, jekk meħtieġ, bi proposti xierqa; billi f'dak iż-żmien, il-każ ta' produtturi ġodda tal-lamtu tal-patata jiġi eżaminat;

    Billi restrizzjonijiet strutturali speċifiċi fuq is-settur tal-produzzjoni tal-lamtu jagħmluh neċessarju li jiġi stabbilit premium għall-produzzjoni tal-lamtu tal-patata sal-livell tal-kwota ta' impriża; billi, sabiex jiġu protetti l-produtturi tal-lamtu tal-patata, il-ħlas tal-premium ikun jiddependi fuq il-ħlas tal-prezz minimu għall-kwantità ta' patata meħtieġa biex tipproduċi l-lamtu sal-livell tal-kwota;

    Billi l-impriżi li jipproduċu l-lamtu tal-patata m'għandhomx jikkonkludu kuntratti ta' koltivazzjoni li jkollhom x'jaqsmu ma' kwantità ta' patata li tkun tipproduċi lamtu f'eċċess għall-kwota tagħhom mal-produtturi tal-patata; billi kull lamtu prodott f'eċċess għal din il-kwota għandu jiġi esportat mill-Komunità mingħajr il-benefiċċju ta' kwalunkwe rifużjoni fuq l-esportazzjoni,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    L-Artikolu 1

    Qed tiġi hawnhekk introdotta sistema ta' kwoti għall-produzzjoni ta' lamtu tal-patata li tista' tibbenefika minn għajnuna Komunitarja.

    L-Artikolu 2

    1. L-Istati Membri produtturi li ġejjin huma hawnhekk allokati kwoti għall-produzzjoni ta' lamtu tal-patata fil-limiti li ġejjin għas-snin tas-suq 1995/96, 1996/97 u 1997/98:

    Id-Danimarka: | 178460 tunnellata metrika, |

    Il-Ġermanja: | 591717 il tunnellata metrika, |

    Spanja: | 2000 tunnellata metrika, |

    Franza: | 281516 il tunnellata metrika, |

    L-Olanda: | 538307 tunnellata metriċi, |

    Total: | 1592000 tunnellata metrika |

    Għandha tinħoloq riserva ta' massimu ta' 110000 tunnellata metrika biex tkopri l-produzzjoni realizzata fil-Ġermanja fis-sena tas-suq 1996/97 basta, iżda, illi din il-produzzjoni tirriżulta minn investimenti li jkunu saru taħt sistema irriversibbli qabel il-31 ta' Jannar 1994. Il-Ġermanja tista' tutilizza din ir-riserva biss wara li tkun eżawriet kull kwota disponibbli b'riżultat tal-waqfien tan-negozju ta' l-impriżi li jipproduċu l-lamtu tal-patata. L-użu tar-riserva mill-Ġermanja għandha tkun soġġetta għall-aċċettazzjoni tal-Kummissjoni illi ġew imħarsa il-kondizzjonijiet imsemmija hawn fuq.

    2. Kull wieħed mill-Istati Membri produtturi għandu jalloka l-kwota imsemmija fil-paragrafu 1 lil impriżi li jipproduċu l-lamtu tal-patata għall-użu fis-snin tas-suq 1995/96, 1996/97 u 1997/98, bl-għażla ta' l-Istat Membru, fuq il-bażi ta':

    - jew l-ammont medju ta' lamtu prodott minnhom fis-snin tas-suq 1990/91, 1991/92 u 1992/93 u li għalihom ikunu rċevew il-premium imsemmi fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KEE) Nru 1543/93,

    - jew l-ammont ta' lamtu prodott minnhom fis-sena tas-suq 1992/93 u li għalihom ikunu rċevew il-premium imsemmi fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KEE) Nru 1543/93.

    Fejn meħtieġ, Stat Membru produttur għandu wkoll, fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi, iqis l-investimenti magħmulha mill-impriżi li kienu jipproduċu l-lamtu tal-patata qabel il-31 ta' Jannar 1994 li ma rriżultawx f'produzzjoni fil-perjodu ta' referenza magħżul mill-Istat Membru.

    L-Artikolu 3

    1. Fil- jew qabel il-31 ta' Ottubru 1997 u wara din id-data f'intervalli ta' tliet snin, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Kunsill rapport dwar l-allokazzjoni ta' kwota ġewwa l-Komunità, akkumpanjat fejn meħtieġ bi proposti xierqa. Dan ir-rapport irid iqis l-iżvilupp tas-suq tal-lamtu tal-patata kif ukoll dak tal-lamtu taċ-ċereali.

    2. Fi jew qabel it-30 ta' Novembru 1997 u wara din id-data f'intervalli ta' tliet snin, il-Kunsill, fuq bażi ta' l-Artikolu 43 tat-Trattat, għandu jalloka kwota fost l-Istati Membri fuq bażi tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1, għall-użu fit-tliet snin tas-suq segwenti.

    3. Fil- jew qabel il-31 ta' Diċembru 1997 u wara din id-data f'intervalli ta' tliet snin, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lil dawk konċernati dwar id-dettalji ta' l-allokazzjonijiet tal-kwoti għat-tliet snin ta' suq segwenti.

    L-Artikolu 4

    Impriża li tipproduċi lamtu tal-patata m'għandhiex tikkonkludi kuntratti ta' koltivazzjoni ma' produtturi tal-patata għal kwantità ta' patata li tkun tipproduċi kwantità ta' lamtu f'eċċess tal-kwota tagħha, kif imsemmija fl-Artikolu 2(2).

    L-Artikolu 5

    Għandu jitħallas premium ta' ECU 18,43 għal kull tunnellata metrika ta' lamtu prodott lill-impriżi li jipproduċu lamtu tal-patata għall-kwantità tal-lamtu tal-patata sal-limitu tal-kwota msemmija fl-Artikolu 2(2), basta illi jkunu ħallsu lill-produtturi tal-patata l-prezz minimu, imsemmi fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KEE) Nru 1766/92 [5], għall-patata kollha meħtieġa biex tipproduċi lamtu sa dak il-limitu tal-kwota.

    L-Artikolu 6

    1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5, kull lamtu tal-patata prodott li jaqbeż l-kwota msemmija fl-Artikolu 2(2) għandu jiġi esportat, kif inhu, mill-Komunità qabel l-1 ta' Jannar ta' wara t-tmiem tas-sena tas-suq inkwistjoni.

    M'għandha titħallas l-ebda rifużjoni ta' esportazzjoni fir-rigward tiegħu.

    2. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, impriża li tipproduċi lamtu tal-patata tista', f'kull sena tas-suq, b'żieda mal-kwota tagħha għal dik is-sena, tutilizza mhux iktar minn 5 % tal-kwota tagħha għas-sena tas-suq ta' wara. F'dan il-każ, il-kwota għas-sena ta' wara titnaqqas relattivament.

    L-Artikolu 7

    Id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament m'għandhomx ikopru l-produzzjoni tal-lamtu tal-patata ta' impriżi li la jixtru patata li tkun ibbenefikat mill-għajnuna kompensatorja msemmija fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KEE) Nru 1766/92 u li lanqas ma jibbenefikaw mir-rifużjoni msemmija fl-Artikolu 7 ta' dan ir-Regolament.

    L-Artikolu 8

    Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati b'mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23 tar-Regolament (KEE) Nru 1766/92. Dawn għandhom jinkludu, b'mod partikolari, regoli li jkunu japplikaw fil-każ ta' għaqda, bdil tal-proprjetà u l-bidu jew ċessjoni tan-negozju ta' l-impriżi, u kull miżura speċifika meħtieġa biex tiffaċilita t-transizzjoni mis-sistema fis-seħħ għal dik stabbilita b'dan ir-Regolament.

    L-Artikolu 9

    Ir-Regolament (KEE) Nru 1543/93 huwa mħassar b'effett mill-1 ta' Lulju 1995. Ir-referenzi kollha għar-Regolament (KEE) Nru 1543/93 għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

    L-Artikolu 10

    Dan ir-Regolament għandu jibda jseħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Għandu jibda japplika mill-1 ta' Lulju 1995.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, fis-27 ta' Lulju 1994.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    Th. Waigel

    [1] ĠU C 83, tad-19.3.1994, p. 5.

    [2] ĠU C 128, tad-9.5.1994.

    [3] ĠU C 148, tad-30.5.1994, p. 49.

    [4] ĠU L 154, tal-25.6.1993, p. 4.

    [5] ĠU L 181, ta' l-1.7.1992, p. 21. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1866/94 (ĠU L 197, tat-30.7.1994, p.1.)

    --------------------------------------------------

    Top