Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31994R1093

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1093/94 tas-6 ta' Mejju 1994 li jipprovdi il-kondizzjonijiet li taħthom bastimenti tas-sajd ta' pajjiż terz jistgħu jniżżlu direttament u jpoġġu fis-suq il-qbid tagħhom fil-portijiet tal-Komunità

    ĠU L 121, 12.5.1994, p. 3–5 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2009; Imħassar b' 32008R1005

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1994/1093/oj

    31994R1093



    Official Journal L 121 , 12/05/1994 P. 0003 - 0005
    Finnish special edition: Chapter 4 Volume 6 P. 0064
    Swedish special edition: Chapter 4 Volume 6 P. 0064


    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1093/94

    tas-6 ta' Mejju 1994

    li jipprovdi il-kondizzjonijiet li taħthom bastimenti tas-sajd ta' pajjiż terz jistgħu jniżżlu direttament u jpoġġu fis-suq il-qbid tagħhom fil-portijiet tal-Komunità

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

    Billi, safejn it-Trattat huwa konċernat, l-awtorità ta' l-Istat kostali fir-rigward ta' aċċess għal bastimenti ta' pajjiżi terzi fl-ilmijiet interni u portijiet huwa mħaddan mill-Istat Membru; billi, madankollu, fir-rigward ta' aċċess għal dawn il-portijiet minn bastimenti tas-sajd għall-inżul dirett u tal-bejgħ fis-suq tal-qbid tagħhom, huwa meħtieġ li miżuri addizzjonali uniformi fil-livell tal-Komunità jiġu promulgati sabiex tali ħidmiet jsiru b'mod li ma jaffetwawx il-ħidma tal-politika komuni tas-sajd, inkluz il-livelli tas-saħħa u tal-bejgħ li huma applikabbli għal produzzjoni fil-Komunità, u għalhekk jwasslu għal sitwazzjoni fejn il-kompetizzjoni tiġi mgħawġa għad-detriment tal-produzzjoni fil-Komunità u fir-rigward ta' importazzjoni b'mezzi oħra ta' trasport;

    Billi, partikolarment, l-inżul għandu jiġi permess biss f'portijiet fejn il-faċilitajiet ta' saħħa u verifika veterinarji huma disponibbli, u kaptani tal-bastimenti tas-sajd ikunu meħtieġa li jipproduċu dikjarazzjoni speċifika ta' l-inżul;

    Billi l-aċċess għall-inżul dirett minn bastimenti tas-sajd li jkollhom l-bandiera ta', jew reġistrati fi, pajjiż terz m'għandux ifixkel il-bilanċ tas-suq imfittex għal ċertu prodotti bl-użu ta' mekkaniżmi tal-prezz introdotti bħala parti mill-organizzazzjoni tas-suq; billi bejgħ ta' dawn il-prodotti għandhom għalhekk jirrispettaw il-livelli tal-prezz stabbiliti mill-Komunità;

    Billi, b'żieda ma' dan, l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta' dawn il-prodotti jistrieħ l-aktar fuq il-kapaċità ta' l-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jħeġġu regolarizzazzjoni tal-prezz, billi jimponu fuq il-membri tagħhom konformità mar-regoli li jaddottaw, sabiex, b'mod konformi ma' l-għanijiet tat-Trattat, sabiex jiżguraw partikolarment li sajjieda jgawdu livell tajjeb ta' għixien; billi l-vantaġġ maħluq mill-inżul dirett tal-bastimenti konċernati m'għandux iwassal, fis-setturi ta' attività ta' l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, għal ebda periklu fl-effettività tal-miżuri addottati u implementati minn dawn l-organizzazzjonijiet fl-applikazzjoni tal-mekkaniżmi tas-swieq ta' organizzazzjoni komuni; billi għalhekk, ħlief fejn prodotti huma maħsuba għall-ipproċessar, huwa meħtieġ li l-qbid minn bastimenti tas-sajd li jtajru bandiera ta', jew reġistrati f'pajjiż terz ikun soġġett għat-tali miżuri;

    Billi l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament ikun jeħtieġ dispożizzjoni adekwata ta' l-informazzjoni fuq portijiet fejn l-inżul dirett u l-bejgħ fis-suq tal-bastimenti li jtajru l-bandiera ta', jew reġistrati fi, pajjiż terz huwa permess;

    Billi wara ċertu żmien ikun meħtieġ li jsir eżami tar-riżultati ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament,

    ADDOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    L-Artikolu 1

    Fuq il-kondizzjonijiet magħmula f'dan ir-Regolament, bastimenti li jtajru l-bandiera ta', jew reġistrati fi, pajjiż terz huma awtoriżżati li jniżżlu l-prodotti tas-sajd tagħhom direttament fil-portijiet ta' l-Istati Membri, għar-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni ħielsa u l-bejgħ fis-suq.

    L-Artikolu 2

    Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, it-tifsiriet li ġejjin għandhom japplikaw:

    1. prodotti tas-sajd: kull prodott miġjub direttament mill-lok tal-qabda, possibilment wara trasbord bil-baħar minn bastiment ieħor, u kopert mill-Kapitolu 3 ta' l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 fuq it-tariffa u n-nomenklatura statistika u fuq it-Tariffa Komuni tad-Dwana [4];

    2. bastiment tas-sajd:

    - bastiment, ta' kwalunkwe daqs, użat primarjament jew sekondarjament sabiex jieħu prodotti tas-sajd;

    - bastiment li, anke jekk mhux wżat hu nnifsu sabiex jagħmel il-qbid bil-mezzi tiegħu, jieħu l-prodotti tas-sajd li għalihom saret referenza fl-Artikolu 1 bi trasbord lill-bastimenti oħra;

    - bastiment li abbord ikollu prodotti tas-sajd li għalihom saret referenza fl-Artikolu 1 huma soġġetti għal wieħed jew aktar ħidmiet qabel l-ippakkjar: tqattiegħ f'filett jew f'biċċiet, tneħħija tal-ġilda, kkapuljar, iffriżar u/jew ipproċessar.

    L-Artikolu 3

    1. Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 90/675/KEE ta' l-10 ta' Diċembru 1990 li jipprovdu l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifika veterinarja fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi [5] u d-Direttiva 91/493/KEE tat-22 ta' Lulju 1991 li tipprovdi l-kondizzjonijiet ta' saħħa għal produzzjoni u t-tqiegħed fis-suq tal-prodotti tas-sajd [6], bastimenti tas-sajd imsemmija fl-Artikolu 1 ma jistgħux iniżżlu l-qbid tagħhom għar-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni ħielsa u l-bejgħ fis-suq ħlief f'portijiet msemmija mill-Istati Membri. Dawn ta' l-aħħar għandhom jiżguraw li kull verifika ta' saħħa u dik veterinarja kif hemm provdut fir-regoli fis-seħħ għal prodotti tas-sajd li għalihom saret referenza fl-Artikolu 1 jitwettqu f'dawn il-portijiet.

    2. Qabel id-data li fija dan ir-Regolament isir applikabbli, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni elenku tal-portijiet li għalihom saret referenza fil-paragrafu 1. Għandhom jinnotifikaw il-Kummissjoni b'kull bidla sussegwenti għal dik il-lista.

    Il-Kummissjoni għandha tippubblika elenku sħiħ tal-portijiet u ħlasijiet dwar dan fis-serje "Ċ" tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    L-Artikolu 4

    1. Mingħajr preġudizzju għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta' Ottubru 1993 li jwaqqaf sistema ta' kontroll applikabbli għal politika komuni tas-sajd [7], il-kaptan tal-bastiment tas-sajd li għaliħ saret referenza fl-Artikolu 1 għandu jagħmel u jagħti lill-awtoritajiet kompetenti fejn jixtieq jagħmel użu tal-faċilitajiet ta' l-inżul dikjarazzjoni li tispeċifika, għal kull prodott li jkun maħsub li jrid iniżżel:

    - l-oriġini u, fejn applikabbli, il-bastiment jew bastimenti minn fejn dawk il-prodotti ġew trasbordati,

    - il-kwantitajiet, magħżula skond l-ispeċi,

    - il-metodu maħsub għall-bejgħ fis-suq.

    2. Il-prodotti tas-sajd li għalihom saret referenza fl-Artikolu 1 imniżżla minn bastimenti tas-sajd m'għandhomx jiġu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa sakemm id-dikjarazzjoni li għaliha saret referenza fil-paragrafu 1 ma tkunx ġiet preżentata lill-awtoritajiet kompetenti.

    L-Artikolu 5

    1. Il-bejgħ fis-suq ta' prodotti tas-sajd imniżżla direttament mill-bastiment tas-sajd li għaliħ saret referenza fl-Artikolu 1 li mhumiex maħsuba għall-ipproċessar għandhom ikunu suġġetti għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

    - fejn il-prodotti huma elenkati fl-Annessi I jew VI tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3759/92 tas-17 ta' Diċembru 1992 fuq l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-prodotti tas-sajd u l-akwakultura [8] u li jinbiegħu fis-suq fi ħdan is-settur ta' ħidma li għalihom organizzazzjoni tal-produtturi hija rikonoxxuta, jistgħu jinbiegħu fis-suq biss jekk jaqblu mar-regoli mfassla minn dik l-organizzazzjoni tal-produtturi fuq prezz ta' irtirar jew bejgħ, fuq il-kwalità jew, għall-iskop li jiġi regolat il-forniment;

    Fejn ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa jsir barra dak is-settur, prodotti elenkati fl-Anness I. A, D jew E għar-Regolament (KEE) Nru 3759/92 ma jistgħux jinbiegħu bi prezz ħieles fil-fruntiera taħt il-prezz ta' irtirar jew bejgħ stabbilit fis-sena kurrenti tas-suq taħt l-Artikoli 11 jew 13 ta' dak ir-Regolament;

    - fejn il-prodotti huma elenkati fl-Anness II għar-Regolament (KEE) Nru 3759/92, jistgħu ma jiġux rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa bil-prezz ħieles fil-fruntiera taħt il-prezz ta' limitu stabbilit fl-Artikolu 16(2) ta' dak ir-Regolament li jnissel assistenza ta' ħażna privata;

    - fejn il-prodotti huma elenkati fl-Annessi IV. B jew V tar-Regolament (KEE) Nru 3759/92, ma jistgħux jiġu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa bil-prezz liberu fil-fruntiera b'inqas mill-prezz stabbilit fl-Artikolu 22(1) ta' dak ir-Regolament.

    2. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1, il-prezz liberu fil-fruntiera għandu jikkorispondi mal-valur tal-prezz rikonoxxut tad-dwana.

    L-Artikolu 6

    Ir-rilaxx mid-dwana jista' jsir biss wara l-produzzjoni ta' evidenza, għas-sodisfazzjon ta' awtoritajiet doganali, li l-prodotti konċernati jilħqu l-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament.

    L-Artikolu 7

    L-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni xierqa sabiex jigarantixxu konformità ma' dan ir-Regolament, jinfurmaw il-kaptani tal-bastimenti konċernati bl-obbligazzjonijiet tagħhom u jippubblikaw fil-portijiet il-prezzijiet li għandhom jiġu mħarsa skond l-Artikolu 5.

    L-Artikolu 8

    Qabel l-1 ta' Lulju 1996, il-Kummissjoni għandha tagħti l-Kunsill rapport tar-riżultati fuq l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, akkompanjat, jekk meħtieġ, minn proposti xierqa.

    L-Artikolu 9

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ sebat ijiem wara li jiġi publikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Għandu japplika mill-15 ta' Mejju 1995.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, fis-6 ta' Mejju 1994.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    Th. Pangalos

    [1] ĠU C 219, tat-13.8.1993, p. 16.

    [2] ĠU C 329, tas-6.12.1993, p. 1.

    [3] ĠU C 352, tat-30.12.1993, p. 46.

    [4] ĠU L 256, tas-7.9.1987, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2551/93 (ĠU L 241, tas-27.9.1993, p. 1).

    [5] ĠU L 373, tal-31.12.1990, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar minn Regolament (KEE) Nru 1601/92 (ĠU L 173, tas-27.6.1992, p. 13).

    [6] ĠU L 268, ta' l-24.9.1991, p. 15.

    [7] ĠU L 261, ta' l-20.10.1993, p. 1.

    [8] ĠU L 388, tal-31.12.1992, p. 1.

    --------------------------------------------------

    Top