Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31993L0093

    Id-Direttiva 93/93/KEE tal-Kunsill tad-29 ta' Ottubru 1993 dwar il-massa u dimensjonijiet ta' vetturi b'żewġ jew bi tliet roti

    ĠU L 311, 14.12.1993, p. 76–82 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2015; Imħassar b' 32013R0168

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1993/93/oj

    31993L0093



    Official Journal L 311 , 14/12/1993 P. 0076 - 0082


    Id-Direttiva 93/93/KEE tal-Kunsill

    tad-29 ta' Ottubru 1993

    dwar il-massa u dimensjonijiet ta' vetturi b'żewġ jew bi tliet roti

    IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100a tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/61/KEE tat-30 ta' Ġunju 1992 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur b'żewġ jew bi tliet roti [1],

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [2],

    B'kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [3],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [4],

    Billi s-suq intern għandu jkun fih żona mingħajr fruntieri interni li fiha ċ-ċirkolazzjoni libera ta' merkanzija, persuni, servizzi u kapital hija assigurata; billi l-miżuri meħtieġa għall-operazzjoni tagħha għandhom ikunu adottati;

    Billi fir-rigward tal-massa u tad-dimensjonijiet, f'kull Stat Membru vetturi b'żewġ jew bi tliet roti għandhom juru ċerti karatteristiċi tekniċi stabbiliti permezz ta' disposizzjonijiet mandatorji li jiddiferixxu minn Stat Membru għal ieħor; billi, bħala riżutat tad-differenzi tagħhom, dawk id-disposizzjonijiet jikkostitwixxu barriera għall-kummerċ fi ħdan il-Komunità;

    Billi dawn il-barrieri għall-operat tas-suq intern jistgħu jitneħħew jekk l-istess ħtiġijiet ikunu adottati mill-Istati Membri kollha minflok ir-regoli nazzjonali tagħhom;

    Billi huwa meħtieġ li jkunu stabbiliti ħtiġijiet armonizzati dwar il-massa u d-dimensjonijiet ta' vetturi b'żewġ jew bi tliet roti sabiex ikunu ffaċilitati l-proċeduri dwar l-approvazzjoni tat-tip u l-approvazzjoni tat-tip tal-komponenti stabbiliti fid-Direttiva 92/61/KEE li għandhom ikunu applikati għal kull tip ta' dawk il-vetturi;

    Billi, minħabba l-kobor u l-impatt ta' l-azzjoni proposta fis-settur in kwistjoni, il-miżuri tal-Komunità koperti b'din id-Direttiva huma meħtieġa, anzi essenzjali, biex ikun milħuq l-għan in vista, li hu li jkun stabbilit fil-Komunità approvazzjoni tat-tip ta' vettura; billi dak il-għan ma jistax ikun milħuq b'mod adegwat mill-Istati Membri individwalment;

    Billi d-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva m'għandhomx jobbligaw dawk l-Istati Membri li ma jippermettux vetturi b'żewġ roti fit-territorju tagħhom li jġorru karrijiet li jemendaw ir-regoli tagħhom,

    ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Din id-Direttiva flimkien ma' l-Anness tagħha tapplika għall-massa u dimensjonijiet tat-tipi kollha ta' vetturi kif definiti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 92/61/KEE.

    Artikolu 2

    Il-proċedura għall-għoti ta' l-approvazzjoni tat-tip tal-komponent għar-rigward tal-massa u d-dimensjonijiet tat-tip ta' vettura bil-mutur b'żewġ jew bi tliet roti u l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-moviment liberu ta' dawk il-vetturi għandhom ikunu kif stabbilit fil-Kapitoli II u III tad-Direttiva 92/61/KEE.

    Artikolu 3

    Xi emendi meħtieġa biex jiġu addattati l-ħtiġijiet ta' l-Annessi għall-progress tekniku għandhom ikunu adottati bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 70/156/KEE [5].

    Artikolu 4

    1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw id-disposizzjonijiet meħtieġa biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva qabel l-1 ta' Mejju 1995. Huma għandhom minnufih jinfurmaw b'dan lill-Kummissjoni.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-disposizzjonijiet, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn referenza bħal dik fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi li bihom issir dik ir-riferenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

    2. Mid-data msemmija fil-paragrafu 1 l-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet konnessi mal-massa u mad-dimensjonijiet, jipprojbixxu d-dħul inizjali fis-servizz ta' vetturi li huma konformi ma' din id-Direttiva.

    Huma għandhom japplikaw id-disposizzjonijiet li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 1 mill-1 ta' Novembru 1995.

    3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lejn il-Kummissjoni t-testi tad-disposizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

    Artikolu 5

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmulha fi Brussel, fid- 19 ta' Ottubru 1993.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    R. Urbain

    [1] ĠU L 225, 10.8.1992, p. 72.

    [2] ĠU C 293, 9.11.1992, p. 1.

    [3] ĠU C 337, 21.12.1992, p. 104 u d-Deċiżjoni tas-27 ta' Ottubru 1993 (li għadha mhix ippubblikata fl-Ġurnal Uffiċjali).

    [4] ĠU C 73, 15.3.1993, p. 22.

    [5] Id-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 ta' Frar 1970 dwar ir-resqien tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom (ĠU L 42, 23.2.1970, p. 1), Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 92/53/KEE (ĠU L 225, 10.8.1992, p. 1).

    --------------------------------------------------

    ANNESS

    DEFINIZZJONIJIET, ĦTIĠIET ĠENERALI U SPEĊIFIĊI

    1. DEFINIZJONIJIET

    Għall-finijiet ta' din id-Direttiva.

    1.1. tul

    tfisser id-distanza bejn żewġ pjanijiet vertikali perpendikulari għall-pjan lonġitudinali tal-vettura u t-tanġenti man-naħa ta' quddiem u ta' wara tal-vettura, rispettivament. Il-partijiet kollha tal-vettura u, b'mod partikolari, kull parti mwaħħla li testendi lejn in-naħa ta' quddiem jew wara (bumpers, mudguards, eċċ.) għandhom ikunu inklużi f'dawk iż-żewġ pjanijiet;

    1.2. wisa'

    tfisser id-distanza bejn żewġ pjanijiet paralleli għall-pjan lonġitudinali tal-vettura u t-tanġenti mal-vettura fuq iż-żewġ naħat ta' dak il-pjan. Il-partijiet kollha tal-vettura u, b'mod partikolari, il-partijiet kollha mwaħħla mal-ġenb għandhom ikunu inklużi f'dawk iż-żewġ pjanijiet, u bl-eċċezzjoni tal-mirja tal-veduta ta' wara);

    1.3. għoli

    tfisser id-distanza bejn il-pjan li jappoġġja l-vettura u l-pjan paralleli tanġenti mal-parti ta' fuq tal-vettura. Il-partijiet kollha mwaħħla tal-vettura għandhom ikunu inklużi ġewwa dawk iż-żewġ pjanijiet, bl-eċċezzjoni tal-mirja tal-veduta ta' wara (s);

    1.4. pjan lonġitudinali

    tfisser il-pjan vertikali li hu paralleli mad-direzzjoni dritta tat-traġitt tal-vettura;

    1.5. massa mhux mgħobbija

    tfisser il-massa tal-vettura lesta għall-użu normali u mgħammra kif ġej:

    - apparat addizzjonali meħtieġ biss għall-użu normali taħt il-konsiderazzjoni,

    - apparat elettriku komplut, inkluż id-dawl u l-apparati li jagħmlu sinjali bid-dawl fornuti mill-fabbrikant,

    - strumenti u apparat meħteġa mil-liġijiet li permezz tagħhom il-massa mhix mgħobbija tal-vettura tkun ġiet imkejla,

    - l-ammonti xierqa ta' likwidi sabiex tkun assigurata l-operazzjoni xierqa tal-partijiet kollha tal-vettura.

    NB:

    il-karburanti u t-taħlita ta' żjut/karburanti ma humiex inklużi fil-kejl, iżda l-komponenti bħal ma hu l-aċidu tal-batterija, iż-żejt idrawliku, il-likwidu tat-tberrid u ż-żejt tal-makna għandhom ikunu inklużi;

    1.6. massa li tkun taħdem

    tfisser il-massa mhix mgħobbija li magħha l-massa tal-komponenti li ġejjin tkun miżjuda:

    - karburanti: tank mimli b'għall-inqas 90 % tal-kapaċità ddikjarata mill-fabbrikant,

    - apparat addizzjonali normalment fornit mill-fabbrikant b'żieda ma' dak meħtieġ għall-operazzjoni normali (sett ta' l-għodda, l-ixkaffa tal-bagolli, il-windscreen, apparat protettiv, eċċ).

    NB:

    fil-każ ta' vettura li taħdem b'taħlita ta' żejt/karburanti:

    (a) meta l-karburanti u ż-żejt ikunu mħallta minn qabel il-kelma "karburanti" għandha tkun interpretata li tfisser it-taħlita minn qabel ta' dan it-tip ta' karburanti u żejt;

    (b) meta l-karburanti u ż-żejt jitpoġġew b'mod separat il-kelma "karburanti" għandha tkun interpretata li tfisser biss il-petrol. F'dan il-każ, iż-żejt ikun diġà inkluż fil-kejl tal-massa mhix mgħobbija;

    1.7. massa tar-rikkieb

    b'konvenzjoni, hu meqjus li tkun ċifra tonda ta' 75 kg;

    1.8. massa massima teknikament permissibbli

    tfisser il-massa kkalkulata mill-fabbrikant għall-kondizzjonijiet ta' operazzjoni speċifika, meta wieħed jikkunsidra l-fatturi bħas-saħħa tal-materjali, kapaċità ta' tagħbija tat-tyres, eċċ.;

    1.9. tagħbija ewlenija massima ddikjarata mill-fabbrikant

    tfisser it-tagħbija miksuba billi jitnaqqas il-massa kif definta fil-paragrafu 1.6, bil-massa tar-rikkieb (kif definit fil-paragrafu 1.7), mill-massa definita fil-paragrafu 1.8.

    2. ĦTIĠIET ĠENERALI

    Il-ħtiġijiet li ġejjin għandhom ikunu mħarsa matul l-iċċekkjar:

    2.1. id-dimensjonijiet għandhom jiġu mkejla fil-vettura fl-massa mhix mgħobbija tagħha u t-tyres tagħha minfuħa għall-pressa rrakkomandata mill-fabbrikant għall-massa mhix mgħobbija;

    2.2. il-vettura għandha tkun f'pożizzjoni vertikali u r-roti f'pożizzjoni li jikkorrispondu ma' traġitt f'linja dritta;

    2.3. ir-roti kollha tal-vettura għandhom ikunu mwieżna mill-pjan ta' l-appoġġ, bl-eċċezzjoni ta' kull rota ta' riserva.

    3. ĦTIĠIET SPEĊIFIĊI

    3.1. Dimensjonijiet massimi

    3.1.1. Id-dimensjonijiet massimi awtorizzati għall-vetturi bil-mutur b'żewġ jew bi tliet roti jew b'erba' roti huma kif ġej:

    3.1.1.1. | -tul: | 4,00 m, |

    3.1.1.2. | -wisa': | 1,00 m għal mopeds b'żewġ roti, 2,00 m għall-vetturi l-oħra, |

    3.1.1.3. | -għoli: | 2,50 m. |

    3.2. Massa massima

    3.2.1. Il-massa massima għall-vetturi bil-mutur b'żewġ roti hija l-massa teknikament permissibbli ddikjarat mill-fabbrikant.

    3.2.2. Il-massa massima mhix mgħobbija għall-vetturi bil-mutur bi tliet jew erba' roti huma kif ġej:

    3.2.2.1. vettur bil-mutur bi tliet roti:

    270 kg għal mopeds;

    1000 kg għal triċikletti (l-ebda akkont ma jittieħed tal-massa tal-batterija tat-trazzjoni għall-vetturi elettriċi);

    3.2.2.2. vetturi bil-mutur b'erba' roti:

    350 kg - kwardi-ċikli ħfief;

    400 kg - kwadri-ċikli apparti milli ħfief għal trasport ta' persuni;

    550 kg - kwadri-ċikli apparti minn ħfief għal trasport ta' merkanzija (l-ebda akkont m'għandu jittieħed tal-massa tal-batterija tat-trazzjoni għall-vetturi elettriċi).

    3.2.3. It-tagħbija normali massima ddikjarata mill-fabbrikant għall-vetturi bil-mutur bi tliet jew b'erba' roti huma kif ġej:

    3.2.3.1. mopeds bi tliet roti:

    300 kg;

    3.2.3.2. kwadri-ċikli ħfief:

    200 kg;

    3.2.3.3. triċikletti:

    3.2.3.3.1. għal trasport ta' merkanzija:

    1500 kg;

    3.2.3.3.2. għal trasport ta' persuni:

    300 kg;

    3.2.3.4. kwadri-ċikli, apparti minn dawk ħfief:

    3.2.3.4.1. għal trasport ta' merkanzija:

    1000 kg;

    3.2.3.4.2. għal trasport ta' persuni:

    200 kg;

    3.2.4. vetturi bil-mutur b'żewġ jew bi tliet roti jew b'erba' roti jistgħu jkunu awtorizzati li jġorru massa ddikjarat mill-fabbrikant li ma teċċedix 50 % tal-massa mhix mgħobbija tal-vettura.

    --------------------------------------------------

    Top