This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 31992R3508
Council Regulation (EEC) No 3508/92 of 27 November 1992 establishing an integrated administration and control system for certain Community aid schemes
Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3508/92 tas-27 ta' Novembru 1992 li jistabbilixxi amministrazzjoni integrata u sistema ta' kontroll għal ċerti skemi ta' għajnuna tal-Komunità
Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3508/92 tas-27 ta' Novembru 1992 li jistabbilixxi amministrazzjoni integrata u sistema ta' kontroll għal ċerti skemi ta' għajnuna tal-Komunità
ĠU L 355, 5.12.1992, p. 1–5
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)
No longer in force, Date of end of validity: 27/10/2003; Imħassar b' 32003R1782
Official Journal L 355 , 05/12/1992 P. 0001 - 0005
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 46 P. 0078
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 46 P. 0078
Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3508/92 tas-27 ta' Novembru 1992 li jistabbilixxi amministrazzjoni integrata u sistema ta' kontroll għal ċerti skemi ta' għajnuna tal-Komunità IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 43 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3], Billi, skond l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70 tal-21 ta' April 1970 dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola [4], l-Istati Membri jridu jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jissodisfaw lilhom infushom illi t-transazzjonijiet iffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanziji (FAEGG) fil-fatt isiru u jiġu esegwiti b'mod korrett, u jipprevjienu u jittrattaw l-irregolaritajiet; billi l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88 tad-19 ta' Diċembru 1988 li jistabbilixxi disposizzjonijiet sabiex jimplimenta r-Regolament (KEE) Nru 2052/88 f'dak li għandu x'jaqsam mal-koordinament ta' l-attivitajiet tal-Fondi strutturali differenti bejniethom infushom u bejn il-ħidmiet tal-Bank ta' l-Investiment Ewropew u l-istrumenti finanzjarji l-oħra eżistenti [5] jipprovdi l-istess obbligi rigward il-politika ta' l-istrutturi agrikoli; Billi sa issa l-iskemi varji ta' għajnuna ġew amministrati u kkontrollati mill-Istati Membri skond regoli sseparati għal kull waħda mill-iskemi, minħabba l-istruttura eteroġenja tagħhom; billi, madankollu, fir-rinealinament tal-miżuri eżistenti tas-suq bħala parti mir-riforma tal-politika komuni agrikola, fil-parti l-kbira l-Komunità qiegħda tagħżel għajnuna diretta lill-produtturi kemm fis-settur ta' l-uċuħ tar-raba' u kemm f'dak tal-bhejjem; Billi, sabiex l-amministrazzjoni u l-mekkaniżmi tal-kontroll jiġu addattati għas-sitwazzjoni l-ġdida u jtejbu l-effettività u l-utilità tagħhom, huwa meħtieġ illi tiġi stabbilita amministrazzjoni integrata u sistema ta' kontroll ġodda li jkopru l-iskemi ta’ l-għajnuna għall-uċuħ tar-raba', il-laħam taċ-ċanga u tal-vitella, il-laħam tal-muntun u tal-mogħża, kif ukoll miżuri speċifiċi għall-biedja f'żoni muntanjużi, bl-għoljiet u ċerti żoni inqas favorevoli; billi għandha ssir disposizzjoni għall-possibbiltà li jiġu inklużi, aktar tard, skemi oħra ta' għajnuna marbuta maż-żona kkultivata. Billi, il-komponenti varji tas-sistema integrata jridu potenzjalment jirriżultaw f'amministrazzjoni u kontroll iktar effettivi fil-każ ta' l-iskemi Komunitarji mhux koperti b'dan ir-Regolament; billi l-Istati Membri għandhom għalhekk ikunu awtorizzati li japprofittaw mis-sistema bil-kondizzjoni illi bl-ebda mod ma jaġixxu kontra d-disposizzjonijiet ikkonċernati; Billi, minħabba l-komplessità ta' din is-sistema u n-numru kbir ta' l-applikazzjonijiet għall-għajnuna li jridu jiġu pproċessati, huwa essenzjali li jintużaw ir-riżorsi tekniċi u l-metodi ta' amministrazzjoni u ta' kontroll xierqa; billi bħala riżultat ta' dan, is-sistema integrata għandha tinkludi f'kull Stat Membru, database ikkompjuterizzata, sistema ta' identifikazzjoni alfanumerika għall-qatgħat tar-raba’, sistema armonizzata ta' kontroll u, fis-settur tal-bhejjem, sistema sabiex jiġu identifikati u rreġistrati l-annimali; Billi minħabba l-amministrazzjoni ta' l-informazzjoni miġbura u l-użu tagħha għall-verifika ta' l-applikazzjonijiet għall-għajnuna hu meħtieġ illi jiġu stabbiliti databases ikkompjuterizzati ta' rendiment għoli li bihom jistgħu jsiru kontrolli bir-reqqa; Billi l-identifikazzjoni tal-qatgħat tar-raba’ hija element essenzjali fl-applikazzjoni korretta ta' l-iskemi marbuta ma' l-erja tal-wiċċ ta' l-art; billi l-esperjenza wriet illi l-metodi eżistenti fihom ċerti defiċjenzi; billi, għalhekk, għandha ssir disposizzjoni għal sistema ta' identifikazzjoni alfanumerika stabbilita mill-bidu, bil-għajnuna tar-remote sensing, fejn meħtieġ; Billi sabiex tiġi ggarantita l-possibbiltà ta' kontroll effettiv, l-applikazzjonijiet għall-għajnuna skond l-'erja' iridu jiġu ssottomessi mhux aktar tard mill-ewwel kwart tas-sena; billi madankollu l-Istat Membru jista’, f'każijiet li jiġġustifika, jiġi awtorizzat li japplika data aktar tard; billi għas-sena 1993, wara li jitqiesu d-diffikultajiet sabiex tiġi implimentata s-sistema integrata, hija permessa data aktar tard; Billi, fis-settur tal-bhejjem, kontroll effettiv jeħtieġ illi l-annimali jkunu identifikati u rreġistrati; billi, għal dan il-għan, id-Direttiva tal-Kunsill 92/102/KEE tas-27 ta' Novembru 1992, dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta' l-annimali [6] tistabbilixxi disposizzjonijiet speċifiċi f'dan ir-rigward; billi għandu għalhekk isir rikors għal din id-Direttiva; Billi r-regoli ddettaljati li jirregolaw l-applikazzjonijiet għall-għajnuna għandhom jibqgħu soġġetti għad-disposizzjonijiet ta' kull settur; billi, madankollu, għar-raġuni tas-simplifikazzjoni, l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati li jagħmlu disposizzjonijiet għas-sottomissjoni ta' applikazzjoni waħda biss għal numru ta' skemi diversi ta' għajnuna; Billi wieħed mill-vantaġġi prinċipali tas-sistema l-ġdida hu l-introduzzjoni ta' sistema integrata ta' kontroll f'kull wieħed mill-Istati Membri li tevita kull duplikazzjoni fil-kontrolli tas-settur ta' l-istess tip; billi, bħala riżultat ta' dan, iż-żieda fil-kontrolli magħmula meħtieġa bir-riforma tal-politika komuni agrikola għandha tinkiseb mingħajr ma jiżdied sostanzjalment in-numru tal-kontrolli; billi l-applikazzjonijiet għall-għajnuna ssottomessi jridu jiġu magħmula bla ħsara għal kontroll amministrattiv bir-reqqa mwettaq bl-għajnuna tad-databases ikkompjuterizzati; billi, sa issa, il-kontrolli amministrattivi ġew issupplimentati sistematikament b'kontrolli fuq il-post; billi, fil-biċċa l-kbira, il-kontrolli fuq il-post fl-erji jistgħu jiġu mibdula bir-remote sensing; Billi n-nefqa involuta sabiex tiġi introdotta s-sistema integrata tista’ tirrappreżenta piż għoli addizzjonali fl-estimi finanzjarji ta' l-Istati Membri; billi li, b'konsegwenza ta' dan, għandha ssir disposizzjoni sabiex isir finanzjament parzjali għal ċertu perjodu taż-żmien; billi trid titqies id-diversità fl-istrutturi eżistenti tal-produzzjoni fl-Istati Membri; billi, b'riżultat ta' dan, għandha ssir disposizzjoni sabiex titqassam il-kontribuzzjoni finanzjarja b'mod li jitqies b'mod partikolari n-numru ta' l-azjendi agrikoli, in-numri tal-bhejjem u l-erja agrikola fl-Istati Membri; Billi għandha ssir disposizzjoni sabiex jiġu implimentati gradwalment l-elementi kollha tas-sistema integrata, ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 1. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi sistema integrata ta' amministrazzjoni u kontroll, minn issa ’l quddiem imsejħa s-'sistema integrata', li tapplika: (a) fis-settur ta' l-uċuħ tar-raba’: - is-sistema ta' għajnuna lill-produtturi ta' ċerti wċuħ tar-raba’ stabbiliti bir-Regolament (KEE) Nru 1765/92 [7]; (b) fis-settur tal-bhejjem: - għall-arranġamenti fuq premium għall-produtturi tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella stabbiliti bl-Artikoli 4 (a) sa (h) tar-Regolament (KEE) Nru 805/68 [8], - għall-arranġamenti fuq premium għall-produtturi tal-laħam tal-muntun imdaħħla bir-Regolament (KEE) Nru 3013/89 [9], - għall-miżuri speċifiċi tal-biedja fil-muntanji, fl-għoljiet u f'ċerti erji inqas favorevoli introdotti bir-Regolament (KEE) Nru 2328/91 [10] dwar l-allowances kompensatorji, għall-bhejjem tal-fart, in-nagħaġ, il-mogħoż u l-equidae, minn issa ’l quddiem imsejħa ‘skemi Komunitarji’. 2. Il-Kunsill jista’, filwaqt li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jestendi l-iskop tas-sistema integrata għal skemi oħra ta' għajnuna Komunitarja. 3. Għall-għanijiet sabiex jiġu applikati l-iskemi ta’ l-għajnuna Komunitarji mhux koperti b'dan ir-Regolament u minkejja d-disposizzjonijiet speċifiċi stabbiliti skond dawn l-iskemi, b'mod partikolari dawk li jinteressaw it-termini li fuqhom tista' tiġi mogħtija l-għajnuna, l-Istati Membri jistgħu jinkorporaw fl-amministrazzjoni u l-mekkaniżmi ta' kontroll tagħhom komponent wieħed jew aktar amministrattivi, tekniċi jew ta’ l-iproċessar ta' l-informazzjoni tas-sistema integrata. L-Istati Membri jistgħu jestendu din il-possibbiltà għall-iskemi nazzjonali. Jistgħu jużaw din l-informazzjoni mis-sistema integrata għall-għanijiet ta’ l-istatistika. Qabel ma japprofittaw ruħhom minn dawn il-possibbiltajiet, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-intenzjonijiet tagħhom fi żmien f'waqtu. Il-Kummissjoni għandha tiżgura illi r-rikors għal din il-possibbiltà ma joħloqx preġudizzju sabiex jitħarsu d-disposizzjonijiet tar-Regolamenti settorjali jew ta' dan ir-Regolament. 4. Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjoniet speċifiċi pprovduti skond l-arranġamenti riferiti fil-paragrafu 1, għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament: - bidwi għandu jfisser produttur agrikolu individwali, sewwa jekk persuna naturali jew legali u sewwa jekk hu grupp ta' persuni naturali jew legali, ikun xi jkun l-istat legali mogħti lill-grupp u lill-membri tiegħu taħt il-liġijiet nazzjonali, li l-azjenda tiegħu tkun fit-territorju tal-Komunità, - azjenda għandha tfisser kwalunkwe unità tal-produzzjoni ġestita minn bidwi li tinstab fit-territorju ta' l-istess Stat Membru, - qatgħa agrikola għandha tfisser erja kontinwa ta' art fejn jitkabbar wiċċ wieħed minn bidwi wieħed. Skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 12 il-Kummissjoni għandha tadotta arranġamenti ta' implimentazzjoni għall-użu speċifiku tal-qatgħat agrikoli, b'mod partikolari dawk li jirrigwardaw uċuħ imħallta u erji użati bi sħab. Artikolu 2 Is-sistema integrata għandha tikkomprendi l-elementi li ġejjin: (a) database ikkompjuterizzata; (b) sistema ta' identifikazzjoni alfanumerika għall-qatgħat agrikoli; (c) sistema alfanumerika għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem; (d) applikazzjonijiet għall-għajnuna; (e) sistema integrata tal-kontroll. Artikolu 3 1. Id-database ikkompjuterizzata għandha tirreġistra, għal kull azjenda agrikola, l-informazzjoni miġbura mill-applikazzjonijiet għall-għajnuna. Din id-database għandha b'mod partikolari tippermetti konsultazzjoni diretta u immedjata, permezz ta' l-awtorita kompetenti ta' l-Istat Membru, ta' l-informazzjoni li għandha x'taqsam ma' mill-inqas it-tliet snin kalendarji preċedenti u/jew it-tliet snin konsekuttivi tas-suq. 2. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu databases iddiċentralizzati bil-kondizzjoni illi dawn, u l-proċeduri amministrattivi sabiex jirreġistraw d-data u jkollhom aċċess għaliha, ikunu mfassla b'mod omoġenju fit-territorju kollu ta' l-Istat Membru u li jkunu kompatibbli wieħed ma' l-ieħor. Artikolu 4 Is-sistema ta' identifikazzjoni alfanumerika għall-qatgħat agrikoli għandha tiġi stabbilita fuq mapep u dokumenti tar-reġistru ta' l-artijiet, fuq referenzi kartografiċi oħra jew fuq ritratti mill-ajru jew stampi bis-satellita jew fuq referenzi ekwivalenti ta' appoġġ jew fuq il-bażi ta' aktar minn element wieħed minn dawn. Artikolu 5 Is-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem li trid titqies sabiex tingħata l-għajnuna skond dan ir-Regolament għandha tiġi stabbilita skond l-Artikoli 4, 5, 6 u 8 tad-Direttiva 92/102/KEE. Artikolu 6 1. Sabiex ikun eliġibbli taħt waħda jew aktar mill-iskemi Komunitarji rregolati minn dan ir-Regolament, kull bidwi għandu jissottometti, għal kull sena, applikazzjoni għall-għajnuna għall-'erja' li tindika: - il-qatgħat agrikoli, inklużi l-erji taħt l-uċuħ tal-mergħa, u l-qatgħat agrikoli koperti b'miżura għar-raba’ mserraħ u għall-art mhix maħduma, - fejn japplika, kwalunkwe tagħrif ieħor meħtieġ ipprovdut jew mir-Regolamenti li għandhom x'jaqsmu ma' l-iskemi Komunitarji, jew mill-Istat Membru interessat. 2. L-applikazzjoni għall-għajnuna skond l-erja għandha tiġi ssottomessa sa data ffissata mill-Istat Membru li għandha tkun matul l-ewwel kwart tas-sena. Madanakollu: - fis-sena 1993, l-Istati Membri jistgħu jiffissaw data mhux aktar tard mid-dati msemmija fl-Artikoli 10, 11 u 12 tar-Regolament (KEE) Nru 1765/92, - fis-snin ta' wara, il-Kummissjoni tista’, skond il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 12, tippermetti lil Stat Membru jiffissa data bejn l-1 ta' April u d-dati msemmija fl-Artikoli 10, 11 u 12 tar-Regolament (KEE) Nru 1765/92, sakemm l-Istat Membru jista' jiġġustifika din id-data, b'mod partikolari billi jipprovdi lill-Kummissjoni bi pjan iddettaljat tax-xogħol, illi jissodifa r-rekwiżiti tas-subparagrafu li ġej. Fil-każijiet kollha, id-data għandha tiġi ffissata filwaqt li jitqies, inter alia, iż-żmien meħtieġ sabiex l-informazzjoni rilevanti kollha tkun disponibbli għall-amministrazzjoni u l-ġestjoni finanzjarja xierqa ta’ l-għajnuna u għall-kontrolli li għandhom isiru skond kif previst fl-Artikolu 8. 3. Stat Membru jista' jiddeċiedi illi applikazzjoni għall-għajnuna dwar l-'erja' għandu jkollha biss il-bidliet rigward l-applikazzjoni għall-għajnuna dwar l-'erja' issottomessa s-sena ta' qabel. 4. Ċerti emendi jistgħu jiġu magħmula fl-applikazzjoni għall-għajnuna dwar l-'erja' sakemm dawn jiġu rċevuti mill-awtoritajiet kompetenti, mhux aktar tard mid-dati msemmija fl-Artikoli 10, 11 u 12 tar-Regolament (KEE) Nru 1765/92. 5. L-applikazzjoni għall-għajnuna dwar l-'erja', emendata jekk meħtieġ skond il-paragrafu 4, għandha titqies li tkun l-applikazzjoni għall-għajnuna pprovduta fl-iskema msemmija fl-Artikolu 1 (1) (a). 6. Għal kull waħda mill-qatgħat agrikoli ddikjarati, il-bdiewa għandhom jindikaw l-erja u l-lok tagħha, liema tagħrif irid jgħin illi l-qatgħa agrikola tiġi identifikata fis-sistema ta' l-identifikazzjoni alfanumerika għall-qatgħat agrikoli. 7. Il-bdiewa li japplikaw biss għall-għajnuna skond skema mhux direttament marbuta ma' erja agrikola jistgħu jiġu eżentati mir-rekwiżit li jissottomettu applikazzjoni għall-għajnuna dwar l-'erja'. 8. Sabiex ikun eliġibbli għal waħda mill-iskemi jew l-arranġamenti Komunitarji msemmija fl-Artikolu 1 (1) (b), kull bidwi għandu jissottometti applikazzjoni waħda jew aktar għall-għajnuna rigward il-'bhejjem', mhux aktar tard mid-dati stabbiliti bl-iskemi interessati. 9. Fejn applikazzjoni għall-għajnuna jew emendi għaliha jridu jkunu akkumpanjati b'dokumentazzjoni supplimentari, din id-dokumentazzjoni għandha titqies bħala parti mill-applikazzjoni. 10. Filwaqt li jirrspettaw id-data jew il-perjodi taż-żmien stabbiliti sabiex jiġu ssottomessi l-applikazzjonijiet skond ir-regoli Komunitarji, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu illi applikazzjoni waħda tista' tkopri: - numru ta' applikazzjonijiet għall-għajnuna rigward il-'bhejjem', - applikazzjoni għall-għajnuna rigward l-'erja' u applikazzjoni waħda jew aktar għall-għajnuna rigward il-'bhejjem'. Artikolu 7 Is-sistema integrata ta' kontroll għandha tkopri l-applikazzjonijiet kollha għall-għajnuna ssottomessi, b'mod partikolari rigward il-kontrolli amministrattivi, il-kontrolli fuq il-post, u, jekk meħtieġ, il-verifika permezz tar-remote sensing bl-aerial jew bis-satellita. Artikolu 8 1. L-Istati Membri għandhom jagħmlu kontrolli amministrattivi fuq l-applikazzjonijiet għall-għajnuna. 2. Il-kontrolli amministrattivi għandhom jiġu ssupplimentati b'kontrolli fuq il-post li jkopru kampjun ta' l-azjendi agrikoli. Għal dawn il-kontrolli kollha, l-Istati Membri għandhom ifasslu pjan għat-teħid tal-kampjuni. 3. Kull Stat Membru għandu jinnomina awtorità responsabbli sabiex tikkoordina l-kontrolli pprovduti f'dan ir-Regolament. 4. L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu, skond kondizzjonijiet li jridu jiġu stabbiliti, jużaw ir-remote sensing sabiex jistabbilixxu l-erja tal-qatgħat agrikoli, jidentifikaw l-uċuħ tar-raba’ u jivverifikaw l-istat tagħhom. 5. Fejn l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru jiddelegaw uħud mill-aspetti tax-xogħol li jrid jitwettaq skond dan ir-Regolament lil aġenziji jew lil ditti speċjalizzati, iridu jibqgħu jżommu l-kontroll fuq dan ix-xogħol u jibqgħu r-responsabbilità għalih. Artikolu 9 L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw il-protezzjoni ta' l-informazzjoni miġbura. Artikolu 10 1. Il-Komunità għandha tikkontribwixxi għan-nefqa miġbura mill-Istati Membri skond dan ir-Regolament sabiex idaħħlu l-istrutturi kkompjuterizzati u ta' kontroll u sabiex jittieħdu r-ritratti mill-ajru jew l-istampi bis-satellita u għall-analiżi tagħhom. In-nefqa fuq l-aġġornament tal-mapep tar-reġistru ta' l-artijiet m'għandhiex tiġi kkofinanzjata mill-Komunità. 2. Il-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja għandha tingħata għal perjodu taż-żmien ta' tliet snin mis-sena 1992, fil-limiti ta' l-approprjazzjonijiet allokati għal dan il-għan. L-ammont totali għandu jinqasam bejn l-Istati Membri kif ġej: Il-Belġju | 2,3%, | Id-Danimarka | 2,4%, | Il-Ġermanja | 10,1%, | Il-Greċja | 8,7%, | Spanja | 18,1%, | Franza | 14,6%, | L-Irlanda | 4,5%, | L-Italja | 20,1%, | Il-Lussemburgu | 0,6%, | L-Olanda | 3,0%, | Il-Portugall | 5,7%, | Ir-Renju Unit | 9,9%. | Il-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja ma tistax tkun akbar minn 50 % tal-ħlasijiet magħmula mill-Istat Membru interessat fir-rigward tas-sena tal-budget u fir-rigward tan-nefqa eliġibbli skond it-tifsira tal-paragrafu 1. 3. L-ammonti espressi fl-Ecu u fil-muniti korrenti nazzjonali għandhom jiġu kkonvertiti bir-rati tal-kambju ta' l-ewwel jum tax-xogħol tas-sena kalendarja fil-kwistjoni ppubblikati fis-serje 'C' tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Artikolu 11 1. Il-Kummissjoni għandha tiġi mgħarrfa f'intervalli regolari taż-żmien bil-progress tax-xogħol fl-implimentazzjoni tas-sistema integrata. Għandha torganizza skambji ta' opinjonijiet dwar dan is-suġġett ma' l-Istati Membri. 2. Wara li jgħarrfu lill-awtoritajiet kompetenti interessati fi żmien f'waqtu, l-uffiċjali tal-Kummissjoni jistgħu jagħmlu: - kull eżami jew kontroll li għandu x'jaqsam mal-korp tal-miżuri meħuda sabiex jistabbilixxu s-sistema integrata u għall-eliġibbilità tan-nefqa ddikjarata skond il-kofinanzjament Komunitarju pprovdut fl-Artikolu 10; - il-kontrolli fl-aġenziji u d-ditti speċjalizzati msemmija fl-Artikolu 8 (5). Uffiċjali mill-Istati Membri interessati jistgħu jieħdu sehem f'dawn il-kontrolli. Il-poteri msemmija hawn fuq għall-kontroll ma għandhomx jaffettwaw l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet tal-liġijiet kriminali nazzjonali li jirriservaw ċerti atti għall-uffiċjali nnominati speċifikament bil-liġijiet nazzjonali. B'mod partikolari l-uffiċjali tal-Kummissjoni ma għandhomx jieħdu sehem f’viżti fid-djar għal- jew fl-interrogazzjoni formali ta’ persuni ssuspettati skond il-liġijiet kriminali ta' l-Istat Membru. Għandu, madankollu, ikollhom aċċess għat-tagħrif miksub minn dan. 3. Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet ta' l-Istati Membri għall-implimentazzjoni u għall-applikazzjoni tas-sistema integrata, il-Kummissjoni tista' tfittex l-assistenza ta' korpi jew ta' persuni speċjalizzati sabiex jiġu ffaċilitati l-istabbiliment, il-monitorjar u l-utilizzazzjoni tas-sistema integrata, b'mod partikolari bil-ħsieb li tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri b'pariri tekniċi, jekk jitolbuha. Artikolu 12 Il-Kummissjoni għandha tadotta regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat dan ir-Regolament skond il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KEE) Nru 729/70. Dawn ir-regoli ddettaljati għandhom ikopru b'mod partikolari: (a) il-karatteristiċi bażiċi tas-sistema ta' l-identifikazzjoni alfanumerika għall-qatgħat agrikoli; (b) kull emenda li tista' ssir għall-applikazzjoni għall-għajnuna rigward l-'erja' u l-eżenzjoni mir-rikjesta li tiġi ssottomessa applikazzjoni għall-għajnuna dwar l-'erja'; (ċ) l-ammont minimu ta' tagħrif li għandu jiġi inkluż fl-applikazzjoni għall-għajnuna; (d) il-kontrolli amministrattivi u fuq il-post u l-kontrolli permezz tar-remote sensing; (e) l-istabbiliment ta' skema ta' ħlas bil-quddiem għall-parteċipazzjoni finanzjarja Komunitarja; (f) id-disposizzjonijiet transitorji għall-perjodu taż-żmien tal-bidu tat-tħaddim tas-sistema; (g) il-komunikazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni; (h) il-miżuri meħtieġa sabiex isolvu problemi prattiċi speċifiċi. Dawn il-miżuri - jekk iġġustifikati kif imiss - jistgħu jidderogaw minn ċertu partijiet ta' dan ir-Regolament. Artikolu 13 1. Is-sistema integrata għandha tapplika (a) mill-1 ta' Frar 1993 rigward l-applikazzjonijiet għall-għajnuna, is-sistema alfanumerika ta' l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u tas-sistema integrata ta' kontroll msemmija fl-Artikolu 7; (b) l-aktar tard mill-1 ta' Jannar 1996 dwar l-elementi l-oħra msemmija fl-Artikolu 2. 2. Bil-ħsieb li tiġi implimentata s-sistema integrata, l-Istati Membri għandhom: - jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa li jirrigwardaw il-paragrafu 1 (a) qabel l-1 ta' Frar 1993, u dawk li jirrigwardaw il-paragrafu 1 (b) qabel l-1 ta' Ġunju 1993; - jieħdu l-miżuri amministrattivi, tekniċi u finanzjarji meħtieġa sabiex tibda taħdem is-sistema integrata mid-dati stabbiliti fil-paragrafu 1. Jekk, madankollu, partijiet mis-sistema integrata jitħaddmu qabel id-dati stabbiliti fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jużawhom għall-attivitajiet tal-ġestjoni u tal-kontrolli tagħhom. Artikolu 14 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fis-27 ta' Ottubru 1992. Għall-Kunsill Il-President J. Patten [1] ĠU Nru C 9, 15. 1. 1992, p. 4. [2] Opinjoni mogħtija nhar is-17 ta' Novembru 1992 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). [3] ĠU Nru C 98, 21. 4. 1992, p. 29. [4] ĠU Nru L 94, 28. 4. 1970, p. 13. (L-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 2048/88). [5] ĠU Nru L 374, 31. 12. 1988, p. 1. [6] Ara l-paġna 32 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali. [7] ĠU Nru L 181, 1. 7. 1992, p. 12. (Emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2467/92 (ĠU Nru L 246, 27. 8. 1992, p. 11)). [8] ĠU Nru L 148, 28. 6. 1968. (L-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 2066/92 (ĠU Nru L 215, 30. 7. 1992, p. 49)). [9] ĠU Nru L 289, 7. 10. 1989, p. 1. (L-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 2069/92 (ĠU J Nru L 215, 30. 7. 1992, p. 59)). [10] ĠU Nru L 218, 6. 8. 1991, p. 1. (L-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 2080/92 (ĠU Nru L 215, 30. 7. 1992, p. 96)). --------------------------------------------------