EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31992R2137

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2137/92 tat-23 ta’ Lulju 1992 li jikkonċerna l-iskala tal-Komunità għall-klassifika tal-karkassi tan-nagħaġ u li jistabilixxi l-livell ta’ kwalità Komunitarja tal-karkassi tan-nagħaġ friski jew imkessħa u li jestendi r-Regolament (KEE) Nru 338/91

ĠU L 214, 30.7.1992, p. 1–5 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2008; Imħassar b' 32007R1234

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1992/2137/oj

31992R2137



Official Journal L 214 , 30/07/1992 P. 0001 - 0005
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 43 P. 0173
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 43 P. 0173


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2137/92

tat-23 ta’ Lulju 1992

li jikkonċerna l-iskala tal-Komunità għall-klassifika tal-karkassi tan-nagħaġ u li jistabilixxi l-livell ta’ kwalità Komunitarja tal-karkassi tan-nagħaġ friski jew imkessħa u li jestendi r-Regolament (KEE) Nru 338/91

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3013/89 tal-25 ta’ Settembru 1989 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fis-settur tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż [1] u partikolarment l-Artikolu 4(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi l-istandard tal-klassifikazzjoni tal-karkassi hija meħtieġa sabiex tittejjeb it-trasparenza tas-suq f’dan is-settur;

Billi l-klassifikazzjoni għandha issir fuq bażi tal-għamla u ta’ l-ammont tax-xaħam; billi dawn iż-żewġ kriterji flimkien jippermettu li l-karkassi tan-nagħaġ jiġu maqsuma f’tipi; billi l-karkassi iklassifikati għandhom ikunu identifikati;

Billi, b’dana kollu, kriterji oħra, partikolarment il-piż, il-kulur tal-laħam u l-ammont tal-kisja tax-xaħam, jistgħu jintużaw għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-ħrief li jiżnu inqas minn 13 kg; billi l-Istati Membri li jixtiequ jużaw dawn il-kriterji għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra;

Billi, sabiex tkun assigurata l-applikazzjoni uniformi ta’ dan ir-Regolament fil-Komunità, dispożizzjoni għandha ssir għal spezzjonijiet fuq il-post minn Grupp ta’ Ispezzjoni tal-Komunità;

Billi r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 338/91 tal-5 ta’ Frar 1991 li jiddetermina l-istandard Komunitarju tal-kwalità tal-karkassi tan-nagħaġ friski jew iffriżati [2] applikati fis-snin tal-marketing 1991 u 1992, sakemm ikunu stabbiliti l-istandards Komunitarji tal-klassifikazzjoni tal-karkassi;

Billi mhux xieraq li fil-preżent jkunu stabbiliti l-livelli aċċettabli f’dan il-każ; billi ikun aħjar jekk l-ewwel tinġabar ċerta esperjenza, akwistata matul perjodu ta’ żmien twil biż-żejjed fir-rigward ta’ l-applikazzjoni tal-iskala tal-klassifikazzjoni li hemm provvediment dwarha f’dan ir-Regolament; billi huwa għalhekk meħtieġ li tkun estiża l-applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 338/91 b’sena, b’ l-eċċezzjoni għall-miżuri li hemm provvediment dwarhom fl-Artikolu 7 fir-Regolament (KEE) Nru 3013/89, li dwarhom l-estensjoni għandha tkun estiża sat-30 ta’ Ġunju 1994;

Billi jidher xieraq li jkun stabbilit bħala objettiv l-applikazzjoni obbligatorja tal-iskala tal-Komunità wara perjodi rappreżentati u transitorji suffiċenti għall-biċċeriji kollha, kif approvati għall-kummerċ intra-Komunitarju; billi, b’dana kollu għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba, din l-applikazzjoni obligatorja m’għandhiex għalfejn tapplika għal biċċeriji ż-żgħar li jinsabu f’reġjuni meta l-impatt fuq il-prezz tas-suq prodott bil-volum tal-qatla f’dawn il-biċċeriji jkun negliġibbli,

ADOTTA DAN IL-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jirregola id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw l-iskala Komunitarja tal-klassifikazzjoni tal-karkassi tan-nagħaġ.

Artikolu 2

Għall-iskop tal-klassifikazzjoni tal-karkassi, dan li ġej għandu japplika:

(a) karkassa: il-ġisem sħiħ ta’ l-annimal maqtul, kif ipprezentat wara li jkun żvenat, eviskerat u mqaxxar, preżentat mingħajr ras (li tkun tneħħiet mil-ġonta ta’ l-atlanto-oċċipitali), is-saqajn (li jkunu tneħħew mill-ġonot tal-carpo-metacarpal jew mit-tarso-metatarsal), id-denb (li jkun tneħħa bejn is-sitt u s-seba’ caudal vertebrae), is-sider, il-ġenitali, il-fwied u l-ġewwieni. Il-kliewi u x-xaħam tal-kliewi huma nklużi fil-karkassa;

(b) nofs-karkassa: il-prodott miksub meta l-karkassa tkun separata b’mod simetriku minn nofs ta’ kull parti ta’ l-għonq, tad-dahar, mill-ġembejn u l-ossu sakru u ma tul l-għadma ta’ nofs is-sider u l-ischiopublic symphysis.

B’danakollu, l-Istati Memrbi għandhom ikunu awtorizzati li jippermettu preżentazzjoni differenti meta l-preżentazzjoni tar-referenza ma tkunx użata. F’każi bħal dawn, l-aġġustament meħtieġa għall-progress minn dawk il-preżentazzjonijiet għall-preżentazzjonijiet tar-referenza għandu jkun iddeterminat skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 30 tar-Regolament (KEE) Nru 3013/89.

Artikolu 3

1. Il-karkassi ta’ l-annimali ovini għandhom jinqasmu fil-kategoriji li ġejjin:

- Il-karkassi tan-nagħaġ li għandhom inqas minn tnax-il xahar,

- Il-karkassi ta’ nagħaġ oħra.

2. Il-karkassi tan-nagħaġ għandhom ikunu kklassifikati b’analiżi rispettivament ta’:

(a) il-konformità,

(b) l-kisja tax-xaħam,

kif identifikat fl-Annessi I u II rispettivament.

Il-konformazzjoni tal-klassi kif innominata fl-Anness I bl-ittra S tista tintuża mill-Istati Membri voluntarjament sabiex tinkludi l-klassi tal-konformazzjoni għolja (‘tip tal-karkassa b’muskoli-doppji’). L-Istati Membri li jkollhom l-intenzjoni li jgħamlu użu minn din l-għażla għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

B’dankollu, għall-karkassa tal-ħrief li jiżnu anqas minn 13 kg, l-Istati Membri jistgħu jkunu awtorizzati sabiex jużaw il-kriterji ta’ klassifikazzjoni li ġejjin:

(a) użin tal-karkassa:

(b) kulur tal-laħam,

(ċ) kisja tax-xaħam,

kif definit fl-Anness III. L-Istati Membri li biħsiebhom jużaw din l-awtorizzazzjoni għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Pajjizi Membri l-oħra b’dan, sal-5 ta’ April 1993.

3. L-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati li jissuddividu kull waħda mill-klassijiet li hemm provvediment dwarhom fl-Annessi I u II f’massimu ta’ tlett subklassijiet.

Artikolu 4

1. Il-klassifikazzjoni tal-karkassi jew tan-nofs karkassi għandha issir kemm jista’ jkun malajr wara l-qatla u għanda titwettaq fil-biċċerija stess.

2. Il-karkassi kklassifikati jew in-nofs karkassi għandhom ikunu identifikati.

3. Ir-regoli dettaljati biex ikun applikat dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati sal-31 ta’ Diċembru 1992 skond il-proċeduri stabbilita fl-Artikolu 30 tar-Regolamnet (KEE) Nru 3013/89.

Artikolu 5

Ispezzjonijiet fuq il-post għandhom isiru, b’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, minn grupp ta’ spezzjoni tal-Komunità kompost minn esperti mill-Kummissjoni u esperti maħtura mill-Istati Membri. Dan il-grupp għandu jirraporta lura lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar l-eżamijiet li jkunu twettqu.

Jekk ikun xieraq, il-miżuri meħtieġa għall-iskop tal-klassifikazzjoni għandhom jittieħdu skond il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 30 tar-Regolament (KEE) Nru 3013/89.

L-ispezzjonijiet għandhom isiru f’isem il-Komunità, li għandha terfha l-ispejjeż.

Ir-regoli dettaljati biex ikun applikat dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati skond il-proċeduri stabbilita fl-Artikolu 30 tar-Regolamnet (KEE) Nru 3013/89.

Artikolu 6

Dispożizzjonijiet addizzjonali li jispeċifikaw id-definizzjoni tal-klassijiet tal-konformazzjoni, kisja tax-xaħam, il-piż tal-karkassa u l-kulur tal-laħam għandhom ikunu adottati mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1992 skond il-proċeduri stabbilita fl-Artikolu 30 tar-Regolament (KEE) Nru 3013/89.

Artikolu 7

1. Mill-5 ta’April 1993 u sakemm tiġi introdotta definizzjoni ġdida ta’ l-istandard tal-kwalità, l-Istati Memrbi għandhom kull ġimgħa jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-prezzijiet irrekordjati fis-suq għall-klassijiet differenti fl-iskala tal-klassifikazzjoni.

2. Ir-regoli dettaljati biex ikun implimentat dan l-artikolu, u b’mod partikolari il-frekwenza u l-kobor tal-irrekordjar, għandhom ikunu adottati skond il-proċeduri stabbilita fl-Artikolu 30 tar-Regolamnet (KEE) Nru 3013/89.

3. L-informazzjoni innotifikata lill-Kummissjoni mill-Istati Membri għandha tintuża għall-preparazzjoni tar-rapport u tal-proposti li hemm provvediment dwarhom fl-Artikolu 8(2).

Artikolu 8

1. It-test tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament (KEE) Nru 338/91 għandu jkun mibdul b’dan li ġej:

"Għandha tapplika matul is-snin ta’ marketing 1991, 1992 u 1993. B’dankollu, għandha tkompli tapplika sat-30 ta’ Ġunju 1994 sabiex ikunu mplimentati l-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KEE) Nru 3013/89."

2. Il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard mil-31 ta’ Marzu 1994, twassal rapport lill-Kunsill, flimkien ma’ proposti għal definizzjoni ta’ standard ta’ kwalità li fuqu l-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata u li għandha tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Lulju 1994 b’effett retroattiv għall-iskopijiet tal-kalkolazzjoni tal-laġġju tan-nagħaġ għas-sena ta’ marketing 1994.

Artikolu 9

Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolamement, mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1995.

Suġġett għall-konklużjonijiet ta’ dak ir-rapport, il-Kunsill għandu jagħmel il-mira tiegħu l-użu tat-tabella tal-klassifikazzjoni tal-Komunità għall-biċċeriji kollha tal-Komunità approvati fil-kummerċ intra-Komunitarju, jekk possibli matul s-sena ta’ marketing 1996 u f’kull każ qabel l-1 ta’ Jannar 1997, mingħajr preġudizzju għal possiblità li jiġu eskluzi biċċeriji żgħar li jinsabu f’reġjuni fejn l-impatt fuq il-prezz tas-suq prodott bil-volum tal-qatla f’dawn il-biċċeriji ikun negliġibbli.

Artikolu 10

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu japplika mis-sena tas-suq 1993.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-23 ta’ Lulju 1992.

Għall-Kunsill

Il-President

John Cope

[1] ĠU No L 289, tas-7.10.1989, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 1741/91 (ĠU No L 163, tat-13.6.1991, p.41).

[2] ĠU No L 41, ta’ l-14.2.1991, p.1.

--------------------------------------------------

ANNESS I

KOMFORMAZZJONI

Ævilupp tal-profili tal-karkassi, partikolarment il-partijiet essenzjali (il-kwarti tal-koxxa, id-dahar, l-ispalla)

Il-klassi tal-konformazzjoni | Deskrizzjoni |

S Superjuri | Kull profil estremament imbuzzat; żvilupp muskolari eċċezjonali (tat-tip tal-karkassi b'żewġ muskoli) |

E Eċċellenti | Il-profili kollha mbuzzati għall-estremament imbuzzati; żvilupp tal-muskoli eċċezjonali |

U Tajbin Ħafna | Profili tajbin ħafna fuq kollox mbuzzati; żvilupp tal-muskoli eċċezjonali |

R Tajjeb | Profili tajbin ħafna fuq kollox dritti; żvilupp tal-muskoli tajjeb |

O Mhux Ħażin | Profili tajbin, dritti għall-imbuzzati; żvilupp muskolari medju |

P Batuti | Profili batuti imħaffra għal imħaffra ħafna: żvilupp muskolari batut |

--------------------------------------------------

ANNESS II

GRAD TAL-KISJA TAX-XAĦAM

Ammont ta' xaħam fuq il-barra tal-karkassa u fuq is-sider

Klassi tal-kisja tax-xaħam | Deskrizzjoni |

1 baxx | Xejn jew sa kisja baxxa ta' xaħam |

2 kemm xejn | Kemm xejn kisja ta' xaħam, il-laħam viżibli kważi kullimkien |

3 medju | Laħam, bl-eċċezzjoni tal-kwarti tal-koxxa u ta' l-ispalla, kważi kullimkien miksi bix-xaħam; depositi ħfief ta' xaħam fil-kavità ta' l-għonq |

4 għoli | Il-laħam miksi bix-xaħam, imma mhux fuq il-kwarti tal-koxxa u għandu jkun parzjalment viżibbli; xi depositi distintivi ta' xaħam fil-kavità ta' l-għonq |

5 għoli ħafna | Il-karkassa b'kisja ħoxna ta' xaħam; depositi qawwija ta' xaħam fil-kavità ta' l-għonq |

--------------------------------------------------

ANNESS III

It-tabella tal-klassifikazzjoni tal-karkassa permezz ta' l-Artikolu 3(2), it-tielet subparagrafu

Kategorija | A | B | C |

| | | | | |

Piż | ≤ 7kg | 7,1–10kg | 10,1–13kg |

Kwalità | Prima | Sekonda | Prima | Sekonda | Prima | Sekonda |

Kulur tal-laħam | rożaċar | kulur ieħor jew livell ieħor tax-xaħam | rożaċar | kulur ieħor jew livell ieħor tax-xaħam | rożaċar | kulur ieħor jew livell ieħor tax-xaħam |

Klassi tax-xaħam | (1) (2) | (1) (2) | (2) (3) |

--------------------------------------------------

Top