Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31991R3924

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3924/91 tad-19 ta’ Diċembru 1991 dwar it-twaqqif ta’ stħarriġ fil-Komunità dwar il-produzzjoni industrijali

    ĠU L 374, 31.12.1991, p. 1–3 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020; Imħassar b' 32019R2152

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1991/3924/oj

    31991R3924



    Official Journal L 374 , 31/12/1991 P. 0001 - 0003
    Finnish special edition: Chapter 13 Volume 21 P. 0250
    Swedish special edition: Chapter 13 Volume 21 P. 0250


    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3924/91

    tad-19 ta’ Diċembru 1991

    dwar it-twaqqif ta’ stħarriġ fil-Komunità dwar il-produzzjoni industrijali

    IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 213 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-abbozz tar-Regolament mogħti mill-Kummissjoni,

    Billi biex twettaq il-funzjonijiet li jaqgħu fuqha mit-Trattati, speċjalment bil-prospett tas-suq intern kif provdut taħt Artikolu 8a tat-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ekonomika Ewropea, il-Kumissjoni għandu jkollha informazzjoni sħiħa, aġġornata u li tkun tista’ torbot fuqha dwar il-produzzjoni industrijali fil-Komunità;

    Billi l-kumpanniji għandhom bżonn din l-informazzjoni biex isiru jafu aħjar is-swieq tagħhom; billi d-dimensjoni internazzjonali ta’ dawn is-swieq ser tiffavorixxi qbil bejn statistika ta’ produzzjoni u statistika tal-kummerċ estern;

    Billi, biex l-istatistika tal-produzzjoni tkun ta’ użu u biex dan il-qbil ikun prattikabbli, din l-istatistika għandha ssir f’livell ta’ dettall li jkun viċin l-ewwel sitt ċifri tan-nomenklatura kombinata, li wkoll tikkorrispondi mal-kodifikar li huwa użat fis-Sistema Armonizzata;

    Billi n-nomenklatura kombinata hija nomenklatura ta’ prodott li magħha l-kumpanniji huma diġà familjari; billi huwa fl-interessi tagħhom li dawn jirreferu għaliha aktar milli joħolqu nomenklatura speċifika għall-produzzjoni;

    Billi l-istatistika standarizzata ma tistax issir bl-affidabilità, il-velocità, il-flessibiltà u l-livell ta’ dettal meħtieġ biex jitmexxa s-suq intern jekk l-Istati Membri ma jużawx sistemi għall-klassifika ta’ stħarriġ li jiġu derivati mill-istess lista ta’ prodotti;

    Billi, biex jintlaħqu l-ħtiġiet nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jżommu leġittimament jew iżidu man-nomenklaturi nazzjonali tagħhom oġġetti supplementari li ma jkunux jinsabu fil-lista’ tal-prodotti tal-Komunità,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    L-Artikolu 1

    Ġenerali

    L-Istati Membri għandhom iwettqu stħarriġ Komunitarju dwar il-produzzjoni industrijali.

    L-Artikolu 2

    Il-qasam ta’ l-istħarriġ u l-karatteristiċi tiegħu

    1. Il-qasam li l-istħarriġ imsemmi fl-Artikolu 1 għandu jkopri huwa l-attivitajiet imsemmija f’sezzjonijiet Ċ, D u E tal-klassifikazzjoni ta’ l-attivitajiet ekonomiċi tal-Komunità Ewropea, minn issa ’l quddiem imsejħa ‘NACE (Rev. 1)’ hekk kif stabbilit taħt ir-Regolament (KEE) Nru. 3037/90 [1].

    2. Il-produzzjoni rreġistrata f’dan il-qasam għandha tkun definita skond il-lista tal-prodotti, minn issa ’l quddiem imsejħa l-‘Lista Prodcom’, li l-intestaturi tagħha għandhom ikunu fil-prinċipju jikkonsistu f’artikoli jew gruppi ta’ artikoli min-nomenklatura kombinata flimkien man-nomenklaturi ta’ prodotti oħra tal-Komunità.

    3. L-istħarriġ għandu jkopri l-informazzjoni li ġejja għal kull intestatura:

    (a) il-volum fiżiku tal-produzzjoni mibjugħa matul il-perijodu ta’ l-istħarriġ;

    (b) il-valur tal-produzzjoni mibjugħa waqt il-perjodu ta’ l-istħarriġ.

    4. F’ċerti każi dan li ġej għandu jieħu post l-informazzjoni inkwestjoni:

    (a) il-volum fiżiku tal-produzzjoni attwali matul il-perjodu ta’ l-istħarriġ, inkluż dak kollu li jiġi inkorporat fil-manifattura ta’ prodotti oħra mill-istess impriża;

    (b) il-valur u/jew il-volum fiżiku tal-produzzjoni attwali matul il-perjodu ta' l-istħarriġ bil-għan li jkun ikkumerċjalizzat.

    5. F’kull Stat Membru, il-produzzjoni li dwarha jsir l-istħarriġ għandha tkun biss dik il-produzzjoni li tkun saret fuq it-territorju tagħha; m’għandhiex tinkludi produzzjoni barra mit-territorju tagħha f’isem uħud mill-impriżi tagħha.

    6. Il-lista Prodcom, l-informazzjoni li tkun ġiet miġbura attwalment għal kull intestatura u l-proċeduri l-oħra ta’ implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 10. Il-Lista Prodcom għandha tiġi aġġornata bl-istess mod.

    L-Artikolu 3

    Ir-Rappreżentattività

    1. Il-produzzjoni ta’ l-impriżi kollha fil-Komunità għandha tinżamm bir-reqqa li hemm bżonn għal kull klassi NACE Rev. 1.

    2. L-Istati Membri għandhom jadottaw metodi ta’ stħarriġ maħsubin biex jaffiċilitaw il-ġbir ta’ l-informazzjoni mill-impriżi li jirrappreżentaw mill-inqas 90 % tal-produzzjoni nazzjonali għal kull klassi NACE Rev.1. Madankollu, huma jistgħu jadottaw limitu differenti, f’każijiet eċċezzjonali, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 10.

    3. Għall-valutazzjoni tal-produzzjoni, għandhom jitqiesu l-impriżi kollha li jimpjegaw ta' lanqas 20 persuna. Dan l-ammont għandu jiġi rivedut fid-dawl tar-rekwiżit tar-rappreżentattività msemmi fil-paragrafu 2.

    4. Fejn il-produzzjoni ta’ l-impriżi ta’ l-Istati Membri fi klassi NACE Rev. 1 tirrappreżenta anqas minn 1 % tat-total tal-Komunità, l-informazzjoni dwar l-intestaturi f'dik il-klassi m'għandhiex għalfejn tinġabar.

    5. Regoli dettaljati biex dan l-Artikolu jiġi applikat għandhom jiġu adottati, kif neċessarju, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 10.

    L-Artikolu 4

    Il-Perjodi ta’ Stħarriġ

    L-istħarriġ għandu jkopri perjodi annwali ta’ sena kalendarja.

    Iżda, fil-każ ta ċerti intestaturi fil-Lista Prodcom, tista' tittieħed deċiżjoni dwar stħarriġ ta’ kull xahar jew ta’ kull tliet xhur skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10.

    L-Artikolu 5

    Il-ġbir ta’ informazzjoni

    1. L-informazzjoni meħtieġa għandha tkun miġbura mill-Istati Membri permezz ta' kwestjonarji għall-istħarriġ li l-kontenut tagħhom għandu jkun skond l-arranġamenti definiti skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10.

    2. L-impriżi li jiġu msejħa mill-Istati Membri biex jagħtu l-informazzjoni għandhom id-dmir li jagħtu informazzjoni vera u sħiħa fiż-żmien stipulat.

    3. L-istħarriġ jista’ ma jsirx fejn l-Istati Membri jkollhom diġà l-informazzjoni minn fonti oħra li tkun għallinqas ekwivalenti fejn jidħlu l-preċiżjoni u l-kwalità.

    4. Fejn l-Uffiċċju ta' l-Istatistika hekk jitlob, l-Istati Membri għandhom jibagħtulu kwalunkwe informazzjoni, partikolarment dik li tkun tikkonċerna l-metodoloġija, meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    L-Artikolu 6

    L-ipproċessar tar-riżultati

    L-Istati Membri għandhom jipproċessaw il-kwestjonarji mimlijin imsemmija fl-Artikolu 5(1) jew l-informazzjoni minn fonti oħra msemmija fl-Artikolu 5(3) skond ir-regoli dettaljati adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10.

    L-Artikolu 7

    It-trasmissjoni tar-riżultati

    1. L-Istati Membri għandhom jibagħtu r-riżultati ta’ l-istħarriġ li jkunu relatati ma' perjodu ta’ sena lill-Uffiċċju ta’ l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej fi żmien sitt xhur mill-aħħar tas-sena ta’ referenza. Dawn ir-riżultati għandhom jinkludu informazzjoni li tkun konfidenzjali taħt il-liġi nazzjonali; in-natura konfidenzjali tagħhom għandha tkun dikjarata espressament.

    2. Ir-riżultati dwar l-intestaturi b'perjodu ta’ stħarriġ iqsar minn sena għandhom jintbagħtu skond l-arranġamenti adottati b'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 10.

    3. Ir-riżultati mibgħuta lill-Uffiċċju ta’ l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej għandhom ikunu trattati bħala konfidenzjali kif mitlub mir-Regolament (Euratom, KEE) Nru 1588/90 [2].

    4. L-ewwel stħarriġ għandu jkopri l-1993. Flimkien ma’ l-informazzjoni ta’ l-1993 l-Istati Membri għandhom jibagħtu l-informazzjoni retrospettiva relatata ma' l-1992 billi jużaw statistika nazzjonali li tkun tikkorrispondi kemm jista’ jkun mal-lista Prodcom.

    L-Artikolu 8

    Il-perijodu transitorju

    L-Artikoli minn 1 sa 7 għandhom ikunu ttrattati b'miżuri progressivi ta' implimentazzjoni fl-istħarriġ li jkopri l-1993 u l-1994.

    L-Artikolu 9

    Il-Kumitat

    Il-proċeduri biex jiġi implimentat dan ir-Regolament, inklużi l-miżuri ta’ aġġustament għall-progress tekniku li jikkonċernaw il-ġbir ta’ l-informazzjoni u l-ipproċessar tar-riżultati għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni wara li din tikkonsulta l-Kumitat għall-Programm Statistiku stabbilit mid-Deċiżjoni 89/382/KEE, Euratom [3], b'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10.

    L-Artikolu 10

    Il-proċedura

    1. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz, f'limitu ta' żmien li l-president jista’ jistabbilixxi skond l-urġenza tal-kwestjoni. L-opinjoni għandha tingħata mill-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta’ deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun meħtieġ li jadotta fuq proposta tal-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri fil-Kumitat għandhom jiġu peżati skond il-mod stabbilit f’dak l-Artikolu. Il-president m’għandux jivvota.

    2. (a) Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri li għandhom japplikaw minnufih.

    (b) Madankollu, jekk dawn il-miżuri ma jkunux skond l-opinjoni tal-Kumitat, dawn għandhom jiġu kkomunikati mill-Kummissjoni lill-Kunsill minnufih. F’dak il-każ, il-Kummissjoni għandha tiddeferixxi l-applikazzjoni tal-miżuri li hi tkun iddeċidiet b’perjodu ta’ tliet xhur mid-data ta’ din il-komunikazzjoni.

    Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata, jista’ jieħu deċiżjoni differenti fil-limitu taż-żmien imsemmi fl-ewwel sotto-paragrafu.

    L-Artikolu 11

    Id-dħul fis-Seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, fid-19 ta’ Diċembru 1991.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P. Dankert

    [1] ĠU L 293, ta’ l-24.10.1990, p. 1.

    [2] ĠU L 151, tal-15.6.1990, p. 1.

    [3] ĠU L 181, tat-28.6.1989, p. 47.

    --------------------------------------------------

    Top