Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31991R2568

    Ir-Regolament Tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2568/91 tal-11 ta' Lulju 1991 dwar il-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa u l-fdal taż-żejt taż-żebbuġa u dwar il-metodi ta' analiżi rilevanti

    ĠU L 248, 5.9.1991, p. 1–83 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 23/11/2022; Imħassar b' 32022R2104

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1991/2568/oj

    31991R2568



    Official Journal L 248 , 05/09/1991 P. 0001 - 0083
    Finnish special edition: Chapter 3 Volume 38 P. 0174
    Swedish special edition: Chapter 3 Volume 38 P. 0174


    Ir-Regolament Tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2568/91

    tal-11 ta’ Lulju 1991

    dwar il-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa u l-fdal taż-żejt taż-żebbuġa u dwar il-metodi ta’ analiżi rilevanti

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill Nru 136/66/KEE tat-22 ta’ Settembru 1966 dwar it-twaqqif ta’ organizzazzjoni komuni tas-suq fiż-żjut u x-xaħmijiet [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 3577/90 [2], u b’mod partikolari Artikolu 35a tiegħu,

    Billi l-Anness għar-Regolament No 136/66/KEE fih d-deskrizzjonijiet u d-definizzjonijiet taż-żejt taż-żebbuġa u ż-żejt tal-fdal taż-żebbuġa impoġġi fis-suq f’kull Stat Membru, fil-kummerċ intrakomunitarju u fil-kummerċ ma’ pajjiżi terzi;

    Billi, bil-għan li wieħed jiddistingwi bejn it-tipi differenti ta’ żejt, għandhom jiġu ddefiniti il-karatteristiċi fiżiċi u kimiċi ta’ kull wieħed minnhom u l-karatteristiċi organolettiċi taż-żejt verġni, biex tiġi ggarantita l-purità u l-kwalità tal-prodotti msemmija, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet eżistenti;

    Billi l-preżenza tal-karatteristiċi tat-tipi differenti ta’ żejt għandha tiġi determinata b’uniformità fil-Komunità kollha; billi, għal dan il-għan, għandhom jiġu stabbiliti metodi ta’ analiżi kimika u ta’ evalwazzjoni organolettika tal-Komunità; billi għandu jitħalla jsir użu ta’ metodi oħra ta’ analiżi, għal perjodu transizzjonali, applikati fl-Istati Membri sakemm, fejn ikun hemm differenza fir-riżultati, dawk miksuba bl-użu tal-metodu komuni jkunu deċisivi;

    Billi d-definizzjoni tal-karatteristiċi fiżiċi u kimiċi taż-żejt tażżebbuġa u tal-metodi ta’ analiżi titlob l-emenda tan-noti addizzjonali għall-Kapitolu 15 tan-nomenklatura magħquda;

    Billi l-metodu ta’ evalwazzjoni tal-karatteristiċi organolettiċi tażżejt taż-żebbuġa jinkludi t-twaqqif ta’ bordijiet ta’ dewwieqa magħżula u mħarrġa; billi għalhekk, għandu jiġi stabbilit il-perjodu meħtieġ għat-twaqqif ta’ struttura bħal din; billi fid-dawl tad-diffikultajiet li xi Stati Membri sejrin jiltaqgħu magħhom fit-twaqqif ta’ bordijiet ta’ dewwieqa, l-użu ta’ bordijiet fi Stati Membri oħra għandu jiġi awtorizzat;

    Billi, sabiex ikun żgurat li s-sistema ta’ taxxi applikabbli għall-importazzjonijiet tal-fdal taż-żebbuġ taħdem sewwa, għandu jiġi stabbilit metodu wieħed għad-determinazzjoni tal-kontenut ta’ żejt ta’ dawn il-prodotti;

    Billi, biex ma ssirx ħsara lill-kummerċ, għandhom isiru disposizzjonijiet biex iż-żejt ippakkjat qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament jitwarrab f’perjodu limitat;

    Billi jeħtieġ li r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1058/77 [3] jiġi rrevokat, kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KEE) Nru 1858/88 [4];

    Billi l-Kumitat ta’ Ġestjoni għaż-Żjut u x-Xaħmijiet ma tax opinjoni fil-limitu ta’ żmien stabbilit mill-president tiegħu,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1. Iż-żjut, li l-karatteristiċi tagħhom jikkonformaw ma’ dawk stabbiliti fil-punti 1, 2 u 3 t’Anness I ta’ dan ir-Regolament, għandhom jitqiesu bħala żjut verġni taż-żebbuġa skond it-tifsira ta’ punt 1 (a), (b) u (ċ) t’Anness tar-Regolament Nru 136/66/KEE.

    2. Iż-żejt, li l-karatteristiċi tiegħu jikkonformaw ma’ dawk stabbiliti f’punt 4 t’Anness 1 ta’ dan ir-Regolament, għandu jitqies bħala żejt taż-żebbuġa lampante skond it-tifsira ta’ punt 1 (d) t’Anness tar-Regolament Nru 136/66/KEE.

    3. Iż-żejt, li l-karatteristiċi tiegħu jikkonformaw ma’ dawk stabbiliti f’punt 5 t’Anness 1 ta’ dan ir-Regolament, għandu jitqies bħala żejt taż-żebbuġa raffinat skond it-tifsira ta’ punt 2 t’Anness tar-Regolament Nru 136/66/KEE.

    4. Iż-żejt, li l-karatteristiċi tiegħu jikkonformaw ma’ dawk stabbiliti f’punt 6 t’Anness 1 ta’ dan ir-Regolament, għandu jitqies bħala żejt taż-żebbuġa pur skond it-tifsira ta’ punt 3 t’Anness tar-Regolament Nru 136/66/KEE.

    5. Iż-żejt, li l-karatteristiċi tiegħu jikkonformaw ma’ dawk stabbiliti f’punt 7 t’Anness 1 ta’ dan ir-Regolament, għandu jitqies bħala żejt tal-fdal taż-żebbuġa skond it-tifsira ta’ punt 4 t’Anness tar-Regolament Nru 136/66/KEE.

    6. Iż-żejt, li l-karatteristiċi tiegħu jikkonformaw ma’ dawk stabbiliti f’punt 8 t’Anness 1 ta’ dan ir-Regolament, għandu jitqies bħala żejt tal-fdal taż-żebbuġa raffinat skond it-tifsira ta’ punt 5 t’Anness tar-Regolament Nru 136/66/KEE.

    7. Iż-żejt, li l-karatteristiċi tiegħu jikkonformaw ma’ dawk stabbiliti f’punt 9 t’Anness 1 ta’ dan ir-Regolament, għandu jitqies bħala żejt tal-fdal taż-żebbuġa skond it-tifsira ta’ punt 6 t’Anness tar-Regolament Nru 136/66/KEE.

    Artikolu 2

    1. Il-karatteristiċi taż-żjut stabbiliti f’Anness I għandhom jiġu determinati b’konformità mal-metodi ta’ analiżi mniżżla hawn taħt:

    - għad-determinazzjoni tal-aċidi grassi liberi, espressi bħala perċentwali ta’ aċidu oleiku, l-metodu stabbilit f’Anness II,

    - għad-determinazzjoni tal-indiċi tal-perossidu, il-metodu stabbilit f’Anness III,

    - għad-determinazzjoni tal-alkoħol alifatiku, il-metodu stabbilit f’Anness IV,

    - għad-determinazzjoni tal-kontenut ta’ sterolo, il-metodu stabbilit f’Anness V,

    - għad-determinazzjoni tal-erythrodiol u tal-uvaol, il-metodu stabbilit f’Anness VI,

    - għad-determinazzjoni tal-aċidi grassi saturati f’pożizzjoni 2 tat-triglyceride, l-metodu stabbilit f’Anness VII,

    - għad-determinazzjoni tal-kontenut tat-trilinolina, il-metodu stabbilit f’Anness VIII,

    - għall-analiżi spettrofotometrika, il-metodu stabbilit f’Anness IX,

    - għad-determinazzjoni tal-kompożizzjoni tal-aċidi grassi, il-metodu stabbilit f’Anness X A u X B,

    - għad-determinazzjoni tas-solventi aloġenati volatili, il-metodu stabbilit f’Anness XI,

    - għall-evalwazzjoni tal-karatteristiċi organolettiċi taż-żejt taż-żebbuġa verġni, il-metodu stabbilit f’Anness XII,

    - għall-prova li jkun seħħ ir-raffinar, il-metodu stabbilit f’Anness XIII.

    2. L-evalwazzjoni tal-karatteristiċi organolettiċi għandha ssir minn analista u, kif xieraq, bl-assistenza ta’ speċjalista, skond il-proċedura deskritta fin-noti tad-tidwiq imsemmija f’Anness XII. Fejn l-analiżi turi karatteristiċi differenti minn dawk li joħorġu mid-deskrizzjoni tal-prodott, il-kampjun għandu jiġi eżaminat minn bord ta’ dewwieqa skond d-disposizzjonijiet t’Anness XII.

    Kull analiżi oħra għandha ssir mill-bord skond id-disposizzjonijiet imsemmija.

    Sabiex jiġu aċċertati l-karatteristiċi organolettiċi fir-rigward ta’ operazzjonijiet dwar is-sistema ta’ intervent, il-bord ta’ dewwieqa għandhom iwettqu din l-evalwazzjoni skond id-disposizzjonijiet t’Anness XII.

    Artikolu 3

    Sal-31 ta’ Ottubru 1992, l-introduzzjoni tal-metodi ta’ analiżi li għalihom hemm provdut f’Artikolu 2 ma għandiex iżżomm lill-Istati Membri milli jużaw metodi oħra ttestjati u xjentifikament validi, sakemm il-prodotti magħrufa bħala konformi mar-regoli fis-seħħ li jirregolaw il-metodi tal-Komunità jitħallew jiċċirkolaw b’mod liberu. Qabel jużaw metodi oħra, l-Istati Membri interessati għandhom jinnotifikawhom lill-Kummissjoni.

    Meta wieħed mill-metodi l-oħra jipproduċi riżultat differenti minn dak miksub bil-metodu komuni, ir-riżultat miksub b’dan l-aħħar metodu għandu jkun determinanti.

    Artikolu 4

    1. Għall-għan ta’ evalwazzjoni tal-karatteristiċi organolettiċi, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu bordijiet ta’ dewwieqa mħarrġa u magħżula b’konformità mar-regoli stabbiliti f’Anness XII.

    2. Meta xi Stat Membri jiltaqa’ ma’ diffikultajiet fit-twaqqif ta’ xi bord fit-territorju tiegħu, jista’ juża s-servizzi ta’ xi bord li jkun qiegħed jaħdem f’xi Stat Membru ieħor.

    Artikolu 5

    In-noti addizzjonali 2, 3 u 4 tal-Kapitolu 15 tan-nomenklatura magħquda huma mibdula b’dawk li jinsabu f’Anness XIV.

    Artikolu 6

    1. Il-kontenut ta’ żejt tal-għaġna ta’ żejt u fdalijiet oħra miksuba mill-estrazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa (Kodiċi NM 23069011 u 23069019) għandu jiġi determinat billi jintuża l-metodu stabbilit f’Anness XV.

    2. Il-kontenut ta’ żejt imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi espress bħala perċentwali tal-piż ta’ żejt għall-piż ta’ materjal niexef.

    Artikolu 7

    Id-disposizzjonijiet tal-Komunità dwar il-preżenza ta’ sostanzi mhux mixtieqa, għajr dawk imsemmija f’Anness XI, għandhom japplikaw.

    Artikolu 8

    1. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummisjoni bil-miżuri meħuda għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    2. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni, fil-bidu ta’ kull nofs sena, prospett tat-tagħrif analitiku li jkollu x’jaqsam mat-testijiet imwettqa matul in-nofs sena ta’ qabel.

    Ir-riżultati għandhom jitqiesu mill-Kumitat ta’ Ġestjoni għaż-Żjut u x-Xaħmijiet skond il-proċedura stabbilita f’Artikolu 39 tar-Regolament Nru 136/66/KEE.

    Artikolu 9

    Ir-Regolament (KEE) Nru 1058/77 huwa b’dan il-mezz revokat.

    Artikolu 10

    1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta l-Komunitajiet Ewropej.

    Iżda, il-metodu stabbilit f’Anness XII għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 1992, għajr sa fejn għandhom x’jaqsmu l-operazzjonijiet marbuta mas-sistema ta’ intervent.

    2. Dan ir-Regolament ma għandux japplika għaż-żejt taż-żebbuġa u għaż-żejt tal-fdal taż-żebbuġa ppakkjat qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u mpoġġi fis-suq sal-31 ta’ Ottubru 1992.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul Brussel, fil-11 ta’ Lulju 1991.

    Għall-Kummissjoni

    Ray Mac Sharry

    Membru tal-Kummissjoni

    [1] ĠU Nru 172, 30. 9. 1966, p. 3025/66.

    [2] ĠU Nru L 353, 17. 12. 1990, p. 23.

    [3] ĠU Nru L 128, 24. 5. 1977, p. 6.

    [4] ĠU Nru L 166, 1. 7. 1988, p. 10.

    --------------------------------------------------

    ANNESSI

    Sommarju

    | | Paġna |

    Anness I: | Karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa … | 372 |

    Anness II: | Determinazzjoni tal-aċidi grassi liberi … | 374 |

    Anness III: | Determinazzjoni tal-valur tal-perossidu … | 376 |

    Anness IV: | Determinazzjoni tal-kontenut tal-alkoħol alifatiku bil-kromatografija kapillari tal- gass … | 378 |

    Anness V: | Determinazzjoni tal-kompożizzjoni u l-kontenut ta’ steroli bil-kromatografija kolonna-kapillari tal-gass … | 383 |

    Anness VI: | Determinazzjoni tal-erythrodiol u l-uvaol … | 391 |

    Anness VII: | Determinazzjoni tal-aċidi grassi saturati fil-pożizzjoni 2 tat-trigliceride … | 393 |

    Anness VIII: | Determinazzjoni tal-kompożizzjoni tat-trilinolina … | 397 |

    Anness IX: | Investigazzjoni spettrofotometrika fl-ultravjola … | 401 |

    Anness XA: | Analiżi bil-kromatografija tal-gass tal-esteri tal-metilltal-aċidi grassi … | 405 |

    Anness XB: | Preparazzjoni tal-esteri tal-metilltal-aċidi grassi … | 413 |

    Anness XI: | Determinazzjoni tas-solventi aloġenati volatili taż-żejt taż-żebbuġa … | 417 |

    Anness XII: | Stima organolettika taż-żejt verġni taż-żebbuġa … | 418 |

    Anness XIII: | Prova li jkun sar ir-raffinar … | 444 |

    Anness XIV: | Noti addizzjonali 2, 3 u 4 għall-Kapitolu 15 tan-nomenklatura magħquda … | 446 |

    Anness XV: | Kontenut ta’ żejt tal-fdal taż-żebbuġa … | 449 |

    Anness XVI: | Determinazzjoni tal-valur tal-jodju … | 451 |

    --------------------------------------------------

    Top