EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31991L0496

Id-Direttiva Tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 1991 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE u 90/675/KEE

ĠU L 268, 24.9.1991, p. 56–68 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/12/2019; Revokat u sostitwit bi 32017R0625

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1991/496/oj

31991L0496



Official Journal L 268 , 24/09/1991 P. 0056 - 0068
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 39 P. 0045
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 39 P. 0045


Id-Direttiva Tal-Kunsill

tal-15 ta’ Lulju 1991

li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE u 90/675/KEE

(91/496/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Billi annimali ħajjin huma inklużi fil-lista fl-Anness II għat-Trattat;

Billi l-iffissar ta’ prinċipji fuq livell ta’ Komunità dwar l-organizzazzjoni ta’ kontrolli veterinarji fuq annimali li jkunu ġejjin minn terzi pajjiżi jgħin sabiex jiġu mħarsa l-provvisti u tiġi żgurata l-istabbiltà fis-suq filwaqt li jarmonizza l-miżuri meħtieġa sabiex jiġi żgurat il-ħarsien tas-saħħa ta’ l-annimali;

Billi l-Artikolu 23 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar kontrolli veterinarji u żootekniċi li jiġu applikati fil-kummerċ intra-Komunitarju ta’ ċerti annimali ħajjin u prodotti sabiex ikun komplut is-suq intern [3] jiddisponi, b’mod partikolari, illi l-Kunsill irid jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali li japplikaw għal kontrolli fuq importazzjonijiet minn terzi pajjiżi ta’ annimali koperti mill-imsemmija Direttiva;

Billi kull konsenja ta’ annimali minn pajjiżi terzi trid tkun suġġetta għal kontrolli dokumentarji u ta’ identità mad-dħul fit-territorju tal-Komunità;

Billi prinċipji validi mal-Komunità kollha għandhom jiġu stabbiliti dwar l-organizzazzjoni u kontrolli fiżiċi sussegwenti li għandhom jitwettqu mill-awtoritajiet veterinarji kompetenti;

Billi jridu jsiru provvedimenti għal arranġamenti dwar salvagwardja; billi, f’dan il-kuntest, il-Kummissjoni trid tkun kapaċi taġixxi, b’mod partikolari billi żżur il-postijiet ikkonċernati u tadotta miżuri li jkunu xierqa fiċ-ċirkostanzi;

Billi, jekk is-sistema ta’ kontrolli għandha tiffunzjona bla intoppi irid ikun hemm kull proċedura ta’ kunsens u punti ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera iridu jiġu kkontrollati u għandu jkun hemm skambji ta’ uffiċjali bis-setgħa li jwettqu kontrolli fuq annimali ħajjin li ġejjin minn pajjiżi terzi;

Billi l-iffissar ta’ prinċipji komuni fuq livell tal-Komunità huwa aktar u aktar meħtieġ meta wieħed iqis li, bit-tlestija tal-proċeduri tas-suq intern mistenni, il-kontrolli fil-fruntieri interni għandhom jiġu mneħħija;

Billi d-Direttivi 89/662/KEE [4], 90/425/KEE, u 90/675/KEE għandhom jiġu emendati sabiex jaddattawhom għal din id-Direttiva;

Billi l-provviżjoni ta’ ċerti miżuri tranżitorji ta’ durata qasira tidher li hi neċessarja sabiex tirrendi aktar faċli t-transizzjoni għas-sistemi ġodda ta’ kontroll imnedija minn din id-Direttiva;

Billi l-biċċa xogħol sabiex jiġu adottati miżuri għall-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandha tiġi fdata lill-Kummissjoni,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

1. Kontrolli veterinarji fir-rigward ta’ annimali minn pajjiżi terzi li jidħlu fil-Komunità għandhom jiġu mwettqa mill-Istati Membri b’ mod konformi ma din id-Direttiva.

2. Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal kontrolli veterinarji fuq annimali domestiċi tal-familja li jakkumpanjaw il-vjaġġaturi għal skopijiet mhux kummerċjali, apparti l-equidae.

L-Artikolu 2

1. Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 90/425/KEE għandhom japplikaw kif meħtieġ.

2. Barra minn dan:

(a) "kontroll dokumentarju" għandu jfisser verifika taċ-ċertifikati veterinarji jew dokumenti li jakkumpanjaw kull annimal;

(b) "kontroll ta’ identità" għandu jfisser verifikazzjoni, bi spezzjoni viżiva biss, għal konsistenza bejn id-dokumenti jew ċertifikati u l-annimali u għall-preżenza u konformità tal-marki li jridu jidhru fuq l-annimali;

(ċ) "kontroll fiżiku" għandu jfisser kull kontroll ta’ l-annimal innifsu, possibbilment bl-inklużjoni ta’ teħid ta’ kampjuni u testijiet fil-laboratorju u, meta approprjat, kontrolli addizzjonali waqt il-kwarantina;

(d) "importatur" għandu jfisser kull persuna naturali jew legali li jressaq l-annimali għall-importazzjoni ġewwa l-Komunità;

(e) "kunsinna" għandha tfisser kull kwantità ta’ annimali ta’ l-istess speċi, koperta mill-istess ċertifikat veterinarju jew dokument, imwassla bl-istess mezz ta’ trasport u ġejja mill-istess pajjiz terz jew l-istess parti ta’ tali pajjiż;

(f) "post ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera" għandha tfisser kull post ta’ spezzjoni li jinsab fil-viċinanza immedjata ta’ wieħed mit-territorji li għalihom saret referenza fl-Anness I għad-Direttiva tal-Kunsill 90/675/KEE ta’ l-10 ta’ Diċembru 1990 li jistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ kontrolli veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi [5] u nominati u approvati b’mod konformi mal-Artikolu 6.

IL-KAPITOLU I

Organizzazzjoni u kontrolli sussegwenti

L-Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom jaċċertaw ruħhom illi:

(a) l-importaturi ikunu obbligati li jagħtu avviż ta’ ġurnata waħda tax-xogħol lill-istaff veterinarju tal-post ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera fejn l-annimali għandhom jiġu mressqa u jispeċifikaw in-numru, it-tip u l-ħin approssimattiv tal-wasla ta’ l-annimali;

(b) l-annimali għandhom jitwasslu direttament, taħt sorveljanza uffiċjali, lejn il-post ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera li għaliha saret referenza fl-Artikolu 6 jew, fejn japplika, lejn ċentru ta’ kwarantina li għalih jirreferi l-Artikolu 6 jew, fejn japplika, lejn kull ċentru ta’ kwarantina kif jiddisponi t-tieni inċiż ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 10(1);

(ċ) l-annimali ma jistgħux jitilqu dan il-post jew ċentru kemm-il darba, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali li għandhom jiġu adottati skond il-proċedura li hemm prevista fl-Artikolu 23, ma tkunx inġiebet prova:

(i) fil-forma taċ-ċertifikat kif previst fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 7(1) jew l-Artikolu 8, illi l-kontrolli veterinarji ikunu twettqu fuq l-annimali kkonċernati b’mod konformi ma’ l-Artikolu 4(1) u (2)(a), (b) u (d) u l-Artikoli 8 u 9 għas-sodisfazzjon ta’ l-awtorità kompetenti;

(ii) illi l-kontrolli veterinarji ikunu tħallsu, u li, meta jkun rilevanti, kull depożitu li jkopri kull spiża li għaliha jiddisponu t-tieni ut-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 10(1), l-Artikolu 10(6) u l-Artikolu 12(2) ikun tqiegħed;

(d) l-awtorità doganali ma tawtorizzax ir-rilaxx għal-libertà fiċ-ċirkolazzjoni fit-territorji li għalihom saret referenza fl-Anness I għad-Direttiva 90/675/KEE kemm-il darba, mingħajr preġudizzju għal provvedimenti speċifiċi li għandhom jiġu adottati b’ mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23, tkun inġiebet prova li r-rekwiżiti f’(ċ) ikunu ġew imwettqa.

2. Regoli dettaljati sabiex jiġi implimentat dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati, skond il-bżonn, b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23.

L-Artikolu 4

1. L-Istati Membri għandhom jaċċertaw ruħhom illi, irrispettivament mid-deskrizzjoni doganali ta’ l-annimali, kull kunsinna ta’annmali minn kull pajjiż terz tkun sottomessa mill-awtorità veterinarja għal kull kontroll dokumentarju u kontroll ta’ l-identità f’wieħed mill-postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera li jinsabu f’wieħed mit-territorji li għalihom saret referenza fl-Anness I għad-Direttiva 90/675/KEE u approvat għal dak l-għan, sabiex tivverifika:

- l-oriġini tagħhom,

- id-deskrizzjoni sussegwenti tagħhom partikolarment f’każ ta’ vjaġġ jew f’każ ta’ annimali li kummerċ fihom ma jkunx ġie armonizzat fuq livell tal-Komunità jew li jkun jinvolvi rekwiżiti speċifiċi rikonoxxuti minn kull deċiżjoni tal-Komunità fir-rigward ta’ l-Istat Membru destinatarju,

- illi l-partikolari li jidhru fuq iċ-ċertifikati jew dokumenti jipprovdu l-garanziji mitluba mir-regoli tal-Komunità jew, fil-każ ta’ annimali, li l-kummerċ fihom ma jkunx ġie armonizzat fuq livell tal-Komunità, il-garanziji rikjesti taħt ir-regoli nazzjonali applikabbli fil-każijiet varji koperti minn din id-Direttiva.

2. Mingħajr preġudizzju għall-eżenzjonijiet previsti taħt l-Artikolu 8, il-veterinarju uffiċjali jrid iwettaq kull kontroll fiżiku fuq annimali fil-post ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera. Dak il-kontroll irid jinkludi, b’mod partikolari:

(a) kull eżami kliniku ta’ l-annimali sabiex jiġi aċċertat li jikkonformaw ma’ l-informazzjoni pprovduta fiċ-ċertifikat li jakkumpanja jew dokument u li jkunu fi stat klinikament f’saħħithom.

B’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23, derogazzjoni tista’ ssir, bla ħsara għal ċerti kondizzjonijiet u skond regoli li għandhom jiġu stabbiliti taħt l-istess proċedura, mill-prinċipju ta’ l-eżami kliniku individwali fir-rigward ta’ ċerti kategoriji u speċi ta’ annimali;

(b) kull test tal-laboratorju li jitqies meħtieġ li jitwettaq jew li jiddisponu għalihom ir-regoli tal-Komunità;

(ċ) kampjuni uffiċjali possibbli li jridu jiġu eżaminati għal residwi u analizzati malajr kemm jista’ jkun;

(d) verifikazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti minimi stabbiliti mid-Direttiva tal-Kunsill 77/489/KEE tat-18 ta’ Lulju 1977 dwar il-protezzjoni ta’ l-annimali waqt trasport internazzjonali [6].

Għall-iskopijiet ta’ kontroll sussegwenti fuq it-trasport u, meta approprjat, fuq il-konformità mar-rekwiżiti addizzjonali ta’ l-azjenda ta’ destinazzjoni, il-veterinarju ufficjali għandu jikkomunika l-informazzjoni meħtieġa lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru destinatarju permezz ta’ sistema ta’ skambjar ta’ informazzjoni kif previst fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 90/425/KEE.

Il-veterinarju uffiċjali jista’ jkun assistit f’xi wħud minn dawn ix-xogħlijiet minn impjegati kkwalifikati b’taħriġ speċjali, li jaħdmu taħt id-direzzjoni tiegħu.

3. Madankollu, permezz ta’ derogazzjoni mill-paragrafi 1 u 2, għal annimali li jkunu deħlin ġo kull port jew kull mitjar fit-territorju spjegat fl-Anness I għad-Direttiva 90/675/KEE, il-kontroll ta’ l-identità u l-kontroll fiżiku jistgħu jitwettqu f’dak il-port jew mitjar destinatarju, kemm-il darba dak il-port jew mitjar ikollu post ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera li għalih hemm referenza fl-Artikolu 6, u li l-annimali ikomplu l-vjaġġ tagħhom, skond il-każ, bil-baħar jew bl-ajru fl-istess vapur jew ajruplan. F’tali każijiet, l-awtorità kompetenti li tkun wettqet il-kontroll tad-dokumenti għandha, jew direttament jew permezz ta’ l-awtorità veterinarja lokali, tinforma lill-veterinarju uffiċjali tal-post ta’ spezzjoni ta’ l-Istat Membru destinatarju permezz tas-sistema ta’ skambjar ta’ informazzjoni li għaliha hemm referenza fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 90/425/KEE li l-annimali jkunu ġew rilaxxati.

4. Kull nefqa magħmula għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandha tkun imposta fuq il-fornitur, id-destinatarju jew l-aġent tagħhom, minghajr rimborż mill-Istat Membru.

5. Ir-regoli dettaljati sabiex jiġi applikat dan l-Artikolu, inklużi dawk li għandhom x’jaqsmu mat-taħriġ u kwalifikazzjoni ta’ l-assistenti, għandhom jiġu adottati, skond il-bżonn, b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23.

L-Artikolu 5

Id-dħul f’wieħed mit-territorji mfisser fl-Anness I għad-Direttiva 90/675/KEE għandu jkun projbit meta l-kontrolli juru li:

(a) annimali ta’ speċi li għalihom regoli ta’ importazzjoni ġew armonizzati fuq livell tal-Komunità jiġu, mingħajr preġudizzju għall-kondizzjonijiet speċjali li għalihom hemm previst fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 90/426/KEE [7] dwar il-moviment u importazzjoni ta’ equidae li ġejjin minn pajjiżi terzi, minn kull territorju jew parti minn territorju ta’ pajjiż terz mhux inkluż fil-lista magħmula b’mod konformi mar-regoli tal-Komunità għall-ispeċi kkonċernati jew minn fejn l-importazzjoni hija pprojbita kif previst b’deċiżjoni tal-Komunità;

(b) annimali apparti minn dawk li għalihom saret referenza għalihom f’(a) ma jikkonformawx mar-rekwiżiti stabbiliti fir-regoli nazzjonali li jikkorrispondu għall-każijiet varji koperti minn din id-Direttiva;

(ċ) annimali li qed isofru minn jew huma suspettati li qegħdin isofru minn marda kontaġġjuża jew kull marda li toħloq riskju għas-saħħa pubblika jew is-saħħa ta’ l-annimali, jew kull raġuni oħra li għaliha jipprovdu r-regoli tal-Komunità;

(d) il-pajjiż terz esportatur ma kkonformax mal-ħtiġiet stabbiliti fir-regoli tal-Komunità;

(e) l-annimali m’humiex fi stat addattat sabiex ikomplu l-vjaġġ tagħhom;

(f) iċ-ċertifikat veterinarju jew dolument li jakkumpanja l-annimali ma jeżawrix il-kundizzjonijiet stabbiliti previsti skond ir-regoli tal-Komunità jew, meta regoli ma jkunux ġew armonizzati, il-ħtiġiet li jinstabu fir-regoli nazzjonali li jikkorrispondu għall-każijiet varji koperti minn din id-Direttiva.

Ir-regoli dettaljati sabiex jiġi implimentat dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati, skond il-bżonn, b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23.

L-Artikolu 6

1. Postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera iridu jissoddisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu.

2. Postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera għandhom ikunu:

(a) jinstabu fil-punt tad-dħul f’wieħed mit-territorji li għalihom saret referenza fl-Anness I għad-Direttiva 90/675/KEE;

Madankollu, meta tqum il-ħtieġa minħabba limitazzjonijiet ġeografiċi (eż. moll tal-ħatt, stazzjon tal-ferrovija, passaġġi) u kemm-il darba li f’dak il-każ il-post ta’ spezzjoni jkun qiegħed il bogħod mill-azjendi jew postijiet fejn annimali li x’aktarx jiġu infettati minn mard kontaġġjuż huma miżmuma, it-tqegħid ta’ post ta’ spezzjoni f’kull ċerta distanza mill-punt tad-dħul jista’ jiġi tollerat;

(b) sitwati f’ kull żona ta’ dwana li tirrendi possibbli t-twettiq ta’ formalitajiet amministrattivi oħra, inkluż formalitajiet doganali li jirrigwardaw l-importazzjoni;

(ċ) nominati u approvati skond il-paragrafu 3;

(d) mqiegħda taħt l-awtorità ta’ veterinarju uffiċjali, li għandu jkun effettivament responsabbli għall-kontrolli. Il-veterinarju uffiċjali jista’ jkun assistit minn impjegati speċjali awżiljarji imħarrġa li jaħdmu taħt id-direzzjoni tiegħu.

3. Qabel l-1 ta’ Jannar 1992, u kemm-il darba l-postijiet fuq il-fruntiera jkunu ġew impoġġija f’lista iqsar mill-awtoritajiet nazzjonali, li jaġixxu flimkien mad-dipartimenti tal-Kummissjoni li jkunu jridu jivverifikaw il-konformità tagħhom mar-rekwiżiti minimi stabbiliti fl-Anness A, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-Kummissjoni elenku ta’ postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera responsabbli għat-twettiq ta’ kontrolli veterinarji fuq l-annimali, u għandhom jipprovdu l-informazzjoni segwenti:

(a) in-natura ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera:

- port,

- mitjar,

- checkpoint fit-triq,

- checkpoint ferrovjarja;

(b) it-tip ta’ annimali li jistgħu jiġu kkontrollati fil-postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera kkonċernati meta wieħed iqis it-tagħmir u l-impjegati veterinarji disponibbli, u jindikaw kull annimal li ma jistax jiġu iċċekkjat f’dawk il-postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera u għal equidae reġistrati in-numru ta’ sigħat ta’ xogħol ta’ kull post ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera approvat apposta;

(ċ) impjegati assenjati biex iwettqu kontrolli veterinarji:

- numru ta’ veterinarji uffiċjali b’ta’ l-anqas veterinarju uffiċjali wieħed fuq xogħlu f’kull ħin li fih il-post ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera jkun miftuħ,

- numru ta’ staff awżiljarju kkwalifikat b’mod speċjalizzat jew assistenti;

(d) deskrizzjoni tat-tagħmir u l-uffiċini disponibbli sabiex jitwettqu:

- il-kontroll dokumentarju,

- il-kontroll fiżiku,

- it-teħid ta’ kampjuni,

- it-testijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 4(2)(b),

- it-testijiet speċifiċi ordnati mill-veterinarju uffiċjali;

(e) il-kapaċità tal-lokal disponibbli għaż-żamma ta’ annimali sakemm joħorġu r-riżultati tat-testijiet;

(f) it-tip ta’ tagħmir li jippermetti skambjar rapidu ta’ informazzjoni, partikolarment ma’ postijiet oħrajn ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera;

(g) volum ta’ kummerċ (tipi u kwantitajiet ta’ annimali li jgħaddu minn ġo dan il-post ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera.

4. Flimkien ma’ l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, il-Kummissjoni għandha tispezzjona l-postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera nominati b’mod konformi mal-paragrafu 3 sabiex taċċerta ruħha illi hemm applikazzjoni uniformi tar-regoli dwar kontrolli veterinarji u li l-postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera fil-fatt għandhom l-infrastrutturi meħtieġa u jilħqu r-rekwiżiti minimi stabbiliti fl-Anness A.

Qabel l-1 ta’Jannar 1992, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-Kumitat Veterinarju Permanenti rapport dwar ir-riżultat ta’ l-ispezzjoni li għaliħ saret referenza fl-ewwel subparagrafu, flimkien ma’ proposti li jikkunsidraw il-konklużjonijiet tar-rapport, bil-għan li tiġi stabbilita kull lista tal-Komunità ta’ postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera. Dik il-lista għandha tiġi approvata u sussegwentement aġġornata skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 22.

Ir-rapport fuq imsemmi għandu jkopri kull problema li jistgħu jiltaqgħu magħha ċerti Stati Membri jekk il-listi mqassra li għalihom saret referenza fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 jispiċċaw biex iwasslu għall-esklużjoni ta’ numru kbir ta’ postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera fl-1 ta’ Lulju 1992.

Sabiex tiġi affrontata kull problema simili, ftit mill-postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera jistgħu jinżammu operattivi u jingħataw massimu ta’ tliet snin sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva rigward tagħmir u strutturi.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista ta’ postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera approvati, u kull aġġornament sussegwenti, fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

5. Skond il-bżonn, il-Kummissjoni għandha tadotta dawk ir-regoli dettaljati li jistgħu ikunu meħtieġa sabiex jiġi implimentat dan l-Artikolu b’mod konformi mal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 23.

L-Artikolu 7

1. Meta annimali ta’ speċi li għalihom ir-regoli ta’ importazzjoni ġew armonizzati fuq livell tal-Komunità mhumiex se jitqiegħdu fis-suq fit-territorju ta’ l-Istat Membru li wettaq il-kontrolli li għalihom saret referenza fl-Artikolu 4, il-veterinarju uffiċjali tal-post ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera għandu, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti speċifiċi applikabbli għal equidae reġistrati u akkumpanjati mid-dokument ta’ identifikazzjoni skond kif tipprovdi d-Direttiva 90/427/KEE [8]:

- iforni l-persuna kkonċernata b’ kull kopja ta’ jew, jekk il-kunsinna ta’ annimali tkun maqsuma, diversi kopji awtentikati taċ-ċertifikati oriġinali li jirrigwardaw l-annimali; il-perjodu ta’ validità ta’ tali kopji għandha tkun ta’ mhux aktar minn 10 ijiem,

- joħroġ ċertifikat li jaqbel mal-mudell stabbilit mill-Kummissjoni b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23 li jiċċertifika li l-kontrolli li għalihom saret referenza fl-Artikolu 4(1) u (2)(a), (b) u (d) ikunu ġew imwettqa għas-sodisfazzjon tal-veterinarju uffiċjali, u jispeċifika n-natura tal-kampjun li jkun ittieħed u r-riżultati ta’ testijiet fil-laboratorju, jew meta dawk ir-riżultati jkunu mistennija,

- iżomm iċ-ċertifikat jew ċertifikati oriġinali li jakkumpanjaw l-annimali.

2. Ir-regoli dettaljati sabiex jiġi implimentat il-paragrafu 1 għandhom jiġu adottati b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23.

3. Kemm-il darba l-annimali jkunu għaddew minn ġewwa l-postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera il-kummerċ bl-annimali li għalihom saret referenza fil-paragrafu 1 u mħollija jidħlu fit-territorji li għalihom saret referenza fl-Anness I għad-Direttiva 90/675/KEE għandu jiġi mmexxi b’mod konformi mar-regoli għal kontrolli veterinarji stabbiliti fid-Direttiva 90/425/KEE.

B’mod partikolari, l-informazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-post ta’ destinazzjoni mogħtija permezz tas-sistema ta’ skambjar ta’ informazzjoni li għaliha jiddisponi l-Artikolu 20 tad-Direttiva 90/425/KEE, trid tispeċifika jekk:

- l-annimali humiex maħsuba għal kull Stat Membru jew għal kull żona li għandha rekwiżiti speċifiċi,

- kampjuni ittieħdux imma r-riżultati m’humiex magħrufa meta l-mezz ta’ trasport iħalli l-post ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera.

L-Artikolu 8

A. L-Istati Membri għandhom jaċċertaw ruħhom illi:

1. kontrolli veterinarji fuq importazzjoni ta’ annimali ta’ speċi mhux koperti bl-Anness A għad-Direttiva 90/425/KEE ikunu mwettqa skond il-provvedimenti li ġejjin:

(a) meta annimali jinġiebu direttament f’wieħed mill-postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera ta’ l-Istat Membru li għandu intenzjoni li jimportahom, dawn għandhom jgħaddu kull kontroll f’dak il-post li għalihom jiddisponi l-Artikolu 4;

(b) meta annimali jinġiebu f’ kull post ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera li jinsab fi Stat Membru ieħor, bi qbil minn qabel ta’ dan ta’ l-aħħar:

(i) jew kull kontroll li għalih saret referenza fl-Artikolu 4 jiġu mwettqa f’dak il-lok f’isem l-Istat Membru destinatarju sabiex, b’mod partikolari, jiġi aċċertat li r-rekwiżiti tas-saħħa ta’ l-annimali ta’ dan ta’ l-aħħar ikunu ġew imwettqa;

(ii) jew, f’każ ta’ qbil bejn l-awtoritajiet ċentrali kompetenti taż-zewġ Stati Membri u, fejn xieraq, dawk ta’ l-Istat Membru jew Stati Membri tal-vjaġġ, dawk il-kontrolli biss li għalihom jiddisponi l-Artikolu 4(1) għandhom jiġu mwettqa f’dak il-post, f’liema każ il-kontrolli li ghalihom jiddisponi l-Artikolu 4(2) għandhom jitwettqu mill-Istat Membru destinatarju.

F’dan l-aħħar każ, però, l-annimali jistgħu meta l-kontroll tad-dokumenti u l-kontroll ta’ l-identità ikunu ġew imwettqa iħallu l-post ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera biss ġo vetturi ssiġillati u biss wara li l-veterinarju uffiċjali:

- ikun indika fuq il-kopja, jew, fejn il-kunsinna tkun maqsuma, fuq il-kopji taċ-ċertifikati oriġinali li l-annimali jkunu għaddew u li l-kontroll ikun ġie mwettaq,

- ikun informa, permezz tas-sistema ta’ skambjar ta’ informazzjoni li għaliha jipprovdi l-Artikolu 20 tad-Direttiva 90/425/KEE, l-awtorità veterinarja tal-post ta’ destinazzjoni jew, fejn xieraq, ta’ l-Istat Membru jew Stati Membri tal-vjaġġ, li l-annimali jkunu għaddew,

- minkejja l-Artikolu 3(1)(ċ), ikun ta kull rilaxx lill-awtorità doganali kompetenti tal-post ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera fir-rigward ta’ l-annimali miġjuba.

Fil-każ ta’ annimali intenzjonati għall-qatla, l-Istati Membri jistgħu jirrikorru biss għas-soluzzjoni stabbilita f’(i).

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u r-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri li jiltaqgħu fil-Kumitat Veterinarju Permanenti, dwar każijiet ta’ rikors għas-soluzzjoni stabbilita f’(ii);

2. Sakemm jitwettqu d-deċiżjonijiet speċifiċi li għalihom jipprovdu r-regoli tal-Komunità, l-annimali li l-kummerċ fihom ikun ġie armonizzat fuq livell Komunitarju imma li jkunu ġejjin minn kull pajjiż terz li għalih il-kondizzjonijiet uniformi tas-saħħa ta’ l-annimali ma jkunux għadhom ġew stabbiliti għandhom jiġu importati bla ħsara għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

- huma jridu jkunu baqgħu fil-pajjiż terz fejn intbagħtu għall-inqas matul il-perjodi li għalihom jiddisponi l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 72/462/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1972 dwar saħħa u problemi ta’ spezzjonijiet veterinarji wara l-importazzjoni ta’ annimali ta’ l-ifrat, ovini u kaprini u ħnieżer, laħam frisk jew prodotti tal-laħam minn pajjiżi terzi [9],

- iridu jsirulhom il-kontrolli kif previst fl-Artikolu 4,

- ma jistgħux iħallu l-post ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera jew iċ-ċentru ta’ kwarantina kemm-il darba tali kontrolli ma jkunux juru li l-annimal jew il-kunsinna ta’ annimali:

(i) jew, bla ħsara għar-rekwiżiti speċifiċi applikabbli għall-pajjiżi terzi kkonċernati fir-rigward ta’ mard estranju għall-Komunità, tikkonforma mal-ħtiġiet dwar saħħet l-annimali applikabbli fil-kummerċ ta’ l-ispeċi kkonċernata kif stabbilit fid-Direttivi li għalihom saret referenza fl-Anness A għad-Direttiva 90/425/KEE jew mar-rekwiżiti dwar saħħa ta’ l-annimali stabbiliti fid-Direttiva 72/462/KEE;

(ii) jew, fir-rigward ta’ marda speċifika waħda jew aktar, tkun twettaq il-kundizzjonijiet ta’ ekwivalenza rikonoxxuti, b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23, fuq bażi ta’ reċiproċità, bejn ir-rekwiżiti tal-pajjiż terz u dawk tal-Komunità;

- jekk ikunu intiżi għal kull Stat Membru li jgawdi mill-garanziji addizzjonali li għalihom jipprovdi l-Artikolu 3(1)(e)(iii) u (iv) tad-Direttiva 90/425/KEE, iridu jisso disfaw ir-rekwiżiti relevanti stabbiliti fir-rigward tal-kummerċ intra-Komunitarju.

- wara li jkunu għaddew mill-post ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera, huma jridu, fil-każ ta’ annimali għall-qatla, jittieħdu fil-biċċerija tad-destinazzjoni, jew, fil-każ ta’ annimali għat-tnissil u produzzjoni jew annimali ta’ l-akwakultura, jittieħdu lejn l-azjenda tad-destinazzjoni;

3. jekk il-kontrolli li għalihom jipprovdu l-punti 1 u 2 juru li l-annimal jew kunsinna ta’ annimali ma tkunx tikkonforma mar-rekwiżiti hekk stabbiliti, l-annimal jew kunsinna ma tistax titlaq il-post ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera jew iċ-ċentru ta’ kwarantina u l-Artikolu 12 għandu japplika;

4. meta l-annimali msemmija fil-punti 1 u 2 ma jkunux maħsuba għat-tqegħid fis-suq ta’ l-Istat Membru li jkun wettaq il-kontrolli veterinarji, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7, u b’mod partikolari dawk li għandhom x’jaqsmu mal-ħruġ taċ-ċertifikat, għandhom japplikaw;

5. fil-post ta’ destinazzjoni, annimali għat-tnissil u produzzjoni għandhom jibqgħu taħt is-sorveljanza uffiċjali ta’ l-awtoritajiet veterinarji kompetenti. Wara perjodu ta’ osservazzjoni li għandu jiġi stabbilit b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23, l-annimali jistgħu jiddaħħlu għall-kummerċ intra-Komunitarju taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 90/425/KEE.

Annimali għall-qatla jridu jkunu suġġetti, fil-biċċerija tad-destinazzjoni, għar-regoli tal-Komunità li jirrigwardaw il-qatla ta’ l-ispeċi kkonċernati.

B. Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati, skond il-bżonn, b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23.

L-Artikolu 9

1. L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw il-vjaġġ ta’ l-annimali minn pajjiż terz wieħed għal pajjiż terz ieħor kemm-il darba:

(a) dak il-vjaġġ ikun ġie awtorizzat minn qabel mill-veterinarju uffiċjali tal-post ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-annimali jridu jinġiebu sabiex hemmhekk jagħmlulhom il-kontrolli li għalihom jipprovdi l-Artikolu 4 u, fejn xieraq, mill-awtorità ċentrali kompetenti ta’ l-Istat Membru jew Stati Membri tal-vjaġġ;

(b) il-parti kkonċernata tforni prova li l-ewwel pajjiż terz li lejh qegħdin jintbagħtu l-annimali, wara vjaġġ minn ġo wieħed mit-territorji li għalih saret referenza fl-Anness I għad-Direttiva 90/675/KEE, tintrabat li taħt l-ebda ċirkustanzi ma tirrifjuta li taċċetta l-annimali jew li tibgħathom lura, l-importazzjoni jew vjaġġ ta’ liema hija tkun awtorizzat u tissottoskrivi li tikkonforma, fit-territorji li għalihom saret referenza fl-Anness I għad-Direttiva 90/675/KEE, mar-regoli tal-Komunità dwar ħarsien waqt vjaġġ;

(ċ) il-verifika li għaliha saret referenza fl-Artikolu 4 turi għas-sodisfazzjon tal-veterinarju, jekk ikun applikabbli wara li l-annimali jkunu għaddew minn ġo ċentru ta’ kwarantina, illi l-annimali jissodisfaw il-ħtiġiet ta’din id-Direttiva jew, fil-każ ta’ annimali li għalihom saret referenza fl-Anness A għad-Direttiva 90/425/KEE, joffru garanzija ta’ saħħa rikonoxxuta skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23 bħala li tkun ta’ l-anqas ekwivalenti għal dawk il-ħtiġiet;

(d) l-awtorità kompetenti tal-post ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera tavża dwar il-fatt li l-annimali jkunu għaddew sa għand l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru jew Stati Membri tal-vjaġġ u tal-post tal-ħruġ fuq il-fruntiera, permezz tas-sistema ta’ skambjar ta’ informazzjoni li għaliha saret referenza fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 12(4);

(e) fil-każ ta’ passaġġ minn ġo wieħed mit-territorji li għalih saret referenza fl-Anness I għad-Direttiva 90/675/KEE, tali tranżit ikun imwettaq taħt il-proċedura ta’ vjaġġ tal-Komunità (tranżit estern) jew taħt kull proċedura ta’ vjaġġ doganali li għaliha jiddisponu r-regoli tal-Komunità; l-uniku maniġġ awtorizzat waqt il-vjaġġ għandu jkun dak imwettaq fil-punt ta’ dħul fi jew ħruġ minn kull waħda mit-territorji li għalihom saret referenza fl-Anness I u ħidmiet sabiex tiġi aċċertata s-saħħa ta’ l-annimali.

2. Kull nefqa magħmula kif previst bl-Artikolu għandha tkun bi spejjeż tal-fornitur, id-destinatarju jew l-aġent tagħhom, minghajr kumpens mill-Istat Membru.

L-Artikolu 10

1. F’każijiet meta r-regoli tal-Komunità jew ir-regoli ta’ ċittadinanza tal-pajjiż destinatarju, f’oqsma li ma jkunux ġew awtorizzati u f’konformità mar-regoli ġenerali tat-Trattat, jipprovdu illi annimali ħajjin jiġu mqiegħda fil-kwarantina jew iżolament, tali kwarantina jew iżolament jistgħu iseħħu:

- għal mard li m’huwiex il-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer, ir-rabja u l-marda ta’ Newcastle, f’kull ċentru ta’ kwarantina li jinsab fil-pajjiż terz ta’ oriġini, basta tkun ġiet approvata permezz tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 22 u tkun spezzjonata regolarment mill-esperti veterinarji tal-Kummissjoni,

- f’kull ċentru ta’ kwarantina sitwat ġewwa t-territorju tal-Komunità li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness B,

- fl-azjenda tad-destinazzjoni.

Miżuri speċjali ta’ ħarsien li jridu jiġu osservati waqt it-trasport bejn l-irziezet ċentri ta’ kwarantina ta’ oriġini u dawk ta’ destinazzjoni u l-postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera u fiċ-ċentri ta’ kwarantina li għaliha saret referenza fl-ewwel inċiż tas-subparagrafu preċedenti jistgħu jiġu stabbiliti b’mod konformi mal-proċedura li għaliha jiddisponi l-Artikolu 23.

2. Jekk l-uffiċċjal veterinarju responsabbli għall-post ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera jordna t-tqegħid fil-kwarantina, tali kwarantina trid isseħħ, skond il-periklu indikat mid-dijanjożi tal-veterinarju uffiċjali:

- jew fil-post ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera jew fil-viċinanza immedjata tiegħu,

- jew fl-azjenda tad-destinazzjoni,

- jew f’kull ċentru ta’ kwarantina sitwat fil-viċinanza tal-azjenda tad-destinazzjoni.

3. Il-kundizzjonijiet ġenerali li jridu jitwettqu għaċ-ċentri ta’ kwarantina li għalihom saret referenza fl-ewwel u fit-tieni subinċiz tal-paragrafu 1 huma stabbiliti fl-Anness B.

Il-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni speċjali applikabbli għall-ispeċi differenti ta’ annimali għandhom jiġu adottati b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23.

4. Il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 22 trid tiġi segwita sabiex tiġi approvata u sussegwentement aġġornata l-lista ta’ ċentri ta’ kwarantina li għaliha saret referenza fl-ewwel u fit-tieni subinċiż tal-paragrafu 1 u l-ewwel subinċiż tal-paragrafu 2. Ċentri ta’ kwarantina għandhom ikunu soġġetti għall-ispezzjoni li għaliha jiddisponi l-Artikolu 19.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista ta’ ċentri ta’ kwarantina u kull aġġornament sussegwenti, fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

5. It-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 u l-paragrafi 3 u 4 m’għandhomx japplikaw għal ċentri ta’ kwarantina li qegħdin biss għall-annimali msemmija fl-Artikolu 8(A)(1).

6. Kull nefqa magħmula kif previst b’dan l-Artikolu għandha tkun imposta fuq il-fornitur, id-destinatarju jew l-aġent tagħhom, minghajr kumpens mill-Istat Membru.

7. Qabel l-1 ta’ Jannar 1996, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-Kunsill kull rapport, possibbilment akkumpanjat bi proposti, dwar il-bżonn ta’ ċentri ta’ kwarantina tal-Komunità u assistenza finanzjarja mill-Komunità għat-tħaddim tagħhom.

L-Artikolu 11

1. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet li fadal ta’ dan il-Kapitolu, il-veterinarju uffiċjali jew l-awtorità kompetenti għandhom, meta jkun suspettat illi l-liġi veterinarja ma tkunx ġiet imħarsa jew ikun hemm dubju dwar l-identità ta’ kull annimal, iwettqu dawk il-kontrolli veterinarji li huma jidhrilhom xierqa.

2. L-Istati Membri għandhom jieħdu dawk il-miżuri amministrattivi jew penali li jidhrilhom xierqa sabiex jippenalizzaw kull ksur tal-liġi veterinarja minn persuni naturali jew legali fejn jinstab illi r-regoli tal-Komunità ikunu ġew miksura, b’mod partikolari fejn jinstab illi ċ-ċertifikati jew id-dokumenti magħmula ma jkunux jikkorrispondu ma’ l-istat proprju ta’ l-annimali, li l-marki ta’ identifikazzjoni ma jkunux konformi ma dawk ir-regoli jew li l-annimali ma jkunux inġiebu għall-ispezzjoni f’post fuq il-fruntiera jew li l-annimali ma jkunux intbagħtu lejn id-destinazzjoni oriġinarjament maħsuba.

L-Artikolu 12

1. Meta l-kontrolli li għalihom saret referenza f’din id-direttiva juru li kull annimal ma jkunx issodisfa l-ħtiġiet stabbiliti fir-regoli tal-Komunità, jew, dwar oqsma li ma jkunux għadhom ġew armonizzati fir-regoli nazzjonali, jew fejn tali kontrolli jixhdu irregolarità, l-awtorità kompetenti, wara konsultazzjoni ma l-importatur jew ir-rappreżentant tiegħu, għandha tiddeċiedi li jew:

(a) tagħti kenn, titma’ u tisqi u, jekk ikun hemm bżonn, tikkura l-annimali; jew

(b) skond il-każ, tpoġġihom fil-kwarantina jew tiżola l-kunsinna;

(ċ) terġa’ tibgħat, f’kull terminu ta’ żmien li tiddeterminah l-awtorità kompetenti, il-kunsinna ta’ annimali barra t-territorji li għaliha saret referenza fl-Anness I għad-Direttiva 90/675/KEE meta r-rekwiżiti rigward saħħa jew ġid ta’ l-annimali hekk jippermettu.

F’dan il-każ, il-veterinarju uffiċjali tal-post ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera jrid:

- jinforma lil-postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera l-oħra, b’mod konformi mal-paragrafu 4, li l-kunsinna ġiet rifjutata, u jindika l-infrazzjonijiet innotati,

- taħt arranġamenti li jridu jiġu definiti b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23, jikkanċella ċ-ċertifikat jew dokument veterinarju li jakkumpanja l-kunsinna rifjutata,

- f’waqtiet li jridu jiġu stabbiliti, jinforma lill-Kummissjoni, permezz ta’ l-awtorità ċentrali kompetenti, dwar in-natura u frekwenza ta’ l-infrazzjonijiet innotati.

Jekk ma jkunx possibbli li l-annimali jintbagħtu lura, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ ġid ta’ l-annimali, il-veterinarju uffiċjali:

- jista’, wara’ ftehim ma l-awtorità kompetenti u wara spezzjoni ante-mortem, jawtorizza l-qatla ta’ l-annimali għall-konsum uman taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mir-regoli tal-Komunità,

- irid, inkella, jordna l-qtil ta’ l-annimali għal skopijiet li ma jinkludux konsum mill-bniedem jew tordna t-tnaqqis ta’ l-iġsma, waqt li jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet rigward kontroll ta’ l-użu tal-prodotti akkwistati.

L-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-Kummissjoni b’każijiet fejn ikunu ġew applikati dawn id-derogazzjonijiet b’mod konformi mal-paragrafu 4.

Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Kumitat Veterinarju Permanenti regolarment infurmat b’tali każijiet.

2. L-importatur jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jkun responsabbli għall-ispejjeż magħmula fit-twettiq tal-miżuri li għalihom jiddisponi l-paragrafu 1, fil-proċess tal-qirda tal-kunsinna jew l-użu tal-laħam għal skopijiet oħra.

Ir-rikavat mill-bejgħ tal-prodotti li għalih saret referenza fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1(ċ) għandu jiġi ritornat lis-sid ta’ l-annimali jew lir-rappreżentant tiegħu wara t-tnaqqis ta’ l-ispejjeż fuq imsemmija.

3. Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati, skond il-bżonn, b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23.

4. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri, il-postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera u l-Kummissjoni jridu jkunu infurmati fil-kuntest tal-programm sabiex tiġi żviluppata l-kompjuterizzazzjoni tal-proċeduri għal kontrolli veterinarji.

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni, li taġixxi skond il-proċedura li għaliha jiddisponi l-Artikolu 23, trid tintroduċi sistema ta’ l-ipproċessar tad-data kompjuterizzata li tgħaqqad is-servizzi ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera u l-awtoritajiet veterinarji kompetenti fil-Kummissjoni, u tinkludi kull data dwar importazzjoni ta’ annimali minn pajjiżi terzi (proġett "Shift"), li tkun marbuta mas-sistema għal skambji ta’ informazzjoni bejn awtoritajiet veterinarji li għalihom jipprovdi l-Artikolu 20 tad-Direttiva 90/425/KEE.

5. L-awtoritajiet kompetenti għandhom, fejn xieraq, jikkomunikaw kull informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħhom b’mod konformi mad-Direttiva tal-Kunsill 89/608/KEE tal-21 ta’ Novembru, 1989 dwar assistenza reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istat Membru u kooperazzjoni bejn dan ta’ l-aħħar u l-Kummissjoni sabiex tiġi aċċertata l-applikazzjoni korretta tal-liġi dwar materji veterinarji u żootekniċi [10].

L-Artikolu 13

B’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23, il-Kummissjoni għandha, fuq il-bażi ta’ l-impjant li għalih saret referenza fit-tieni subparagrafu, tadotta r-regoli applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ annimali għall-qatla maħsuba għall-konsum lokali u ta’ annimali għat-tnissil jew produzzjoni f’ċerti partijiet mit-territorji li għalih saret referenza fl-Anness I għad-Direttiva 90/675/KEE sabiex tikkunsidra l-limiti naturali li huma speċifiċi għal dawn it-territorji, inkluża l-qagħda remota tagħhom mill-parti kontinentali tat-territorju tal-Komunità.

Għal dan l-iskop, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1991, l-Istati Membri jridu jissottomettu pjan quddiem il-Kummissjoni fejn jistabbilixxu l-proċeduri għat-twettiq ta’ kontrolli fuq importazzjonijiet, fir-reġjuni li għalihom saret referenza fl-ewwel subparagrafu, ta’ annimali minn pajjiżi terzi. Dawn il-pjani jridu jispeċifikaw il-kontrolli mwettqa sabiex annimali introdotti fit-territorji kkonċernati jew prodotti miksuba minn dawn l-annimali jinżammu milli jintbagħtu taħt kull ċirkostanza lejn partijiet oħrajn tat-territorju tal-Komunità.

L-Artikolu 14

Għall-iskopijiet tat-twettiq tal-kontrolli li għalihom saret referenza fl-Artikolu 7(3) ta’ din id-Direttiva, l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni li għaliha jipprovdi l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 90/425/KEE trid, ħlief fil-każ ta’ annimali għall-qatla jew equidae reġistrati, titwettaq fil-post ta’ destinazzjoni ta’ l-annimali, fejn xieraq wara l-perjodu ta’ osservazzjoni li għalih jipprovdi l-Artikolu 8A(5) ta’ din id-Direttiva.

Il-proċeduri sabiex jiġu identifikati jew immarkati l-annimali għall-qatla għandhom jiġu stabbiliti b’mod konformi mal-proċedura li għaliha jipprovdi l-Artikolu 23.

L-Artikolu 15

1. L-Istati Membri għandhom jiġbru kull miżata għas-saħħa meta l-annimali li għalihom saret referenza f’din id-Direttiva jiġu impurtati sabiex ikopru l-ispejjeż ikkawżati mill-ispezzjonijiet u kontrolli dwar saħħa, kif jipprovdu l-Artikoli 4, 5, u 8.

2. Il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kkawalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni għandu, qabel l-1 ta’ Lulju 1992, jieħu deċiżjoni dwar il-livell jew livelli tal-miżati li għalihom saret referenza fil-paragrafu 1 u dwar ir-regoli u prinċipji dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, u dwar l-eċċezzjonijiet possibbli.

L-Artikolu 16

Skond il-proċedura li għaliha jipprovdi l-Artikolu 23 u fuq kull bażi reċiproka, kontrolli ta’ identità u/jew kontrolli fiżiċi anqas spissi jistgħu, bla preġudizzju għall-kontrolli sabiex jiġi aċċertat li l-proċeduri dwar il-ġid ta’ l-annimali waqt it-vjaġġ qed jiġu mħarsa, jiġu applikati taħt ċerti kundizzjonijiet, u b’mod partikolari fid-dawl tar-riżultati ta’ kontrolli mwettqa qabel l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva.

Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-kriterji li ġejjin sabiex jingħataw derogazzjonijiet ta’ din ix-xorta:

(a) il-garanziji offruti mill-pajjiż terz ikkonċernat fir-rigward tal-konformità mar-rekwiżiti tal-Komunità, b’mod partikolari dawk tad-Direttivi 72/462/KEE u 90/426/KEE;

(b) is-sitwazzjoni tas-saħħa ta’ annimali fil-pajjiż terz ikkonċernat;

(ċ) informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tas-saħħa fil-pajjiż terz;

(d) in-natura tal-miżuri sabiex jiġi sorveljat u miġġieled il-mard applikati mill-pajjiż terz;

(e) l-istrutturi u poteri tas-servizz veterinarju;

(f) regoli dwar l-awtorizzazzjoni ta’ ċerti sustanzi u konformità mal-ħtiġiet stabbiliti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 86/469/KEE tas-16 ta’ Settembru 1986 dwar l-eżaminar ta’annimali u laħam frisk għall-preżenza ta’ residwi [11];

(g) riżultat taż-żjajjar ta’ spezzjoni mill-Komunità;

(h) riżultat tal-kontrolli mwettqa fuq importazzjonijiet.

L-Artikolu 17

Drittijiet ta’ appell li jeżistu taħt il-liġijiet fis-seħħ fl-Istati Membri kontra deċiżjonijiet ta’ l-awtoritajiet kompetenti m’għandhomx jiġu affettwati minn din id-Direttiva.

Deċiżjonijiet meħuda mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru destinatarju u r-raġunijiet għal tali deċiżjoni għandhom jiġu avżati lill-importatur ikkonċernat jew rappreżentant tiegħu.

Jekk l-importatur ikkonċernat jew ir-rappreżentant tiegħu jitolbu dan, id-deċiżjonijiet u raġunijiet imsemmija għandhom jiġu mgħoddija lilu bil-miktub b’dettalji tad-drittijiet ta’ appell li huma disponibbli għalih skond il-liġi fis-seħħ fl-Istat Membru fejn il-post ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera huwa lokalizzat, u tal-proċedura u limiti ta’ żmien applikabbli.

IL-KAPITOLU II

Dispożizzjonijiet dwar ħarsien

L-Artikolu 18

1. Jekk kull marda li għaliha saret referenza fid-Direttiva tal-Kunsill 82/894/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1982 dwar in-notifika ta’ mard ta’ l-annimali ġewwa l-Komunità [12], kull żoonożi jew kull marda jew fenomenu ieħor li jista’ jkun ta’ theddida serja għall-ħajja ta’ l-annimali jew għal bniedem iseħħ jew jinfirex fit-territorju ta’ kull pajjiż terz, jew jekk kull raġuni oħra serja ta’ saħħa ta’ l-annimali jew tal-bniedem hekk titlob, b’mod partikolari fid-dawl tas-sejbiet ta’ l-esperti veterinarji tagħha, il-Kummissjoni tista, b’azzjoni fuq inizjattiva tagħha nnifisha jew fuq talba ta’ kull Stat Membru, tadotta wieħed mill-miżuri li ġejjin bla dewmien u skond il-gravità tas-sitwazzjoni:

- tissospendi l-importazzjonijiet li ġejjin mill-pajjiż terz jew parti mill-pajjiż terz ikkonċernat, u fejn xieraq mill-pajjiż terz tal-vjaġġ,

- tistabbilixxi kundizzjonijiet speċjali fir-rigward ta’ annimali li jkunu ġejjin mill-pajjiż terz kollu jew minn parti minnu.

2. Jekk xi wieħed mill-kontrolli li għalihom tipprovdi din id-Direttiva jindika li kunsinna ta’annimali x’aktarx tikkostitwixxi kull periklu għas-saħħa ta’ l-annimali jew tal-bniedem, l-awtorità veterinarja kompetenti għandha minnufih tieħu l-miżuri segwenti:

- hija għandha taqbad u teqred il-kunsinna,

- hija għandha minnufih tinforma lill-postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera oħrajn u lill-Kummissjoni bis-sejbiet u bl-oriġini ta’ l-annimali, b’ mod konformi ma l-Artikolu 12(4).

3. Fil-każ li għalih jipprovdi l-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ tieħu miżuri ta’ protezzjoni interim fir-rigward ta’ annimali koperti taħt l-Artikolu 9.

4. Rappreżentanti tal-Kummissjoni jistgħu jagħmlu żjara minnufih lill-pajjiż terz ikkonċernat.

5. Fil-każ li kull Stat Membru jinforma lill-Kummissjoni uffiċjalment dwar il-bżonn li jittieħdu miżuri ta’ ħarsien u l-Kummissjoni ma tkunx invokat il-paragrafi 1 u 3 jew għamlet referenza lill-Kumitat Veterinarju Permanenti b’mod konformi mal-paragrafu 6, dak l-Istat Membru jista’ jieħu miżuri protettivi interim fir-rigward ta’ l-annimali kkonċernati.

Meta kull Stat Membru jieħu miżuri protettivi interim fir-rigward ta’ kull pajjiż terz skond it-termini ta’ dan il-paragrafu, huwa għandu jinforma lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni b’ mod konformi ma l-Artikolu 12(5).

6. Fi żmien 10t ijiem ta’ xogħol, il-Kumitat Veterinarju Permanenti għandu jkollu l-kwistjoni riferuta lilu skond kif jiddisponi l-Artikolu 22, bil-għan li jiġu estiżi, emendati jew imħassra l-miżuri li għalihom jipprovdu l-paragrafi 1, 3 u 5.

7. Deċiżjonijiet sabiex jiġu estiżi, emendati jew imħassra miżuri deċiżi skond il-paragrafi 1, 2, 3 u 6 għandhom jittieħdu b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 22.

8. Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati, skond il-bżonn, b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23.

IL-KAPITOLU III

Spezzjoni

L-Artikolu 19

1. Esperti veterinarji mill-Kummissjoni jistgħu, flimkien ma’ l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, u sakemm ikun meħtieġ għall-applikazzjoni uniformi tar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva, jivverifikaw illi l-postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera approvati bmod konformi ma’ l-Artikolu 76 u ċ-ċentri ta’ kwarantina approvati b’mod konformi ma l-Artikolu 10 jissodisfaw il-kriterji elenkati rispettivament fl-Annessi A u B.

2. Esperti veterinarji mill-Kummissjoni jistgħu, flimkien ma’ l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, iwettqu kontrolli fuq il-post stess.

3. Kull Stat Membru li fit-territorju tiegħu issir spezzjoni għandu jipprovdi lill-esperti veterinarji mill-Kummissjoni b’kull assistanza li jistgħu jkollhom bżonn fit-twettiq tax-xogħol tagħhom.

4. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri bir-riżultat tal-verifiki.

5. Meta l-Kummissjoni jidhrilha li r-riżultat tal-kontrolli hekk jiġġustifika, hija għandha tirrevedi s-sitwazzjoni mal-Kumitat Veterinarju Permanenti. Hija tista’ tadotta d-deċiżjonijiet meħtieġa b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 22.

6. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-iżviluppi; fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi u b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 22, hi għandha temenda jew tħassar id-deċiżjonijiet li għalihom saret referenza fil-paragrafu 5.

7. Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati, skond il-bżonn, b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23.

L-Artikolu 20

Meta, fuq il-bażi tal-verifiki mwettqa fil-post fejn l-annimali huma miġjuba għall-bejgħ, kull awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru jidhrilha li din id-Direttiva mhijiex qed tiġi mħarsa f’kull post ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera ta’ Stat Membru ieħor, hija għandha tikkuntattja lill-persuni kompetenti ta’ awtorità nazzjonali ta’ dak il-pajjiż bla dewmien.

Dawn ta’ l-aħħar għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa u jinfurmaw lill-awtorità kompetenti ta’ l-ewwel Stat Membru dwar in-natura tal-kontrolli magħmula, id-deċiżjoni meħuda u r-raġunijiet għal tali deċiżjonijiet.

Jekk l-awtorità kompetenti fl-ewwel Stat Membru jidhrilha li l-miżuri mhumiex suffiċjenti hija għandha teżamina, ma’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru kkonċernat, il-mezzi u il-metodi li bihom is-sitwazzjoni tista’ titranġa, fejn meħtieġ permezz ta’ żjara fl-Istat Membru kkonċernat.

Meta l-verifiki li għalihom saret referenza fl-ewwel subparagrafu juru li m’hemmx konformità ripetutament ma’ din id-Direttiva, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru destinatarju għandha tinforma lill-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri l-oħrajn.

Il-Kummissjoni għandha, fuq talba ta’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru destinatarju jew minn rajha, tibgħat kull skwadra ta’ spezzjoni lejn l-Istat Membru kkonċernat flimkien ma’ l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Skond it-tip ta’ infrazzjoni osservata, din l-iskwadra tista tibqa’ fl-Istat Membru kkonċernat sakemm id-deċiżjonijiet li lilha ġew riferuti fis-subparagrafu finali jkunu ttieħdu.

Sakemm joħorġu s-sejbiet tal-Kummissjoni, l-Istat Membru kkonċernat irid, fuq talba ta’ l-Istat Membru destinatarju, iżid il-kontrolli fil-post ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera jew fiċ-ċentru ta’ kwarantina kkonċernat.

L-Istat Membru destinatarju jrid, min-naħa tiegħu, isaħħaħ il-kontrolli fuq annimali li ġejjin minn dawn is-sorsi.

Fuq talba ta’ wieħed miż-żewġ Stati Membri kkonċernati, u b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 22, il-Kummissjoni trid, fejn l-irregolaritajiet ikunu kkonfermati mill-ispezzjoni li għaliha saret referenza fil-ħames subparagrafu, tieħu l-miżuri xierqa. Dawn il-miżuri jridu jġu kkonfermati jew riveduti mill-aktar fis possibbli skond l-istess proċedura.

L-Artikolu 21

1. Kull Stat Membru għandu jagħmel programm għall-iskambjar ta’ impjegati maħtura sabiex iwettaq il-kontrolli veterinarji fuq annimali li ġejjin minn pajjiżi terzi.

2. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkoordinaw il-programmi li għalihom saret referenza fil-paragrafu 1 fi ħdan il-Kumitat Veterinarju Permanenti.

3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jippermettu l-implimentazzjoni tal-programmi li jirriżultaw mill-koordinazzjoni li għaliha saret referenza fil-paragrafu 2.

4. Kull sena, fil-Kumitat Veterinarji Permanenti, l-implimentazzjoni ta’ programmi għandha tiġi riveduta fuq il-bażi ta’ rapporti mfassla mill-Istati Membri.

5. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-esperjenza akkwistata, sabiex itejbu u jiżviluppaw il-programmi ta’ skambju.

6. Kull għotja finanzjarja mill-Komunità tista’ tingħata sabiex tinkoraġġixxi l-iżvilupp effiċjenti ta’ programmi ta’ skambjar. Regoli dettaljati għal tali għotjiet u l-ammont stmat li għandu jiġi impost iddebitat lill-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej huma stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar infiq fil-qasam veterinarju [13].

7. Regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-paragrafi 1, 4 u 5 għandhom jiġu adottati, skond il-bżonn, b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23.

IL-KAPITOLU IV

Dispożizzjonijiet ġenerali

L-Artikolu 22

Meta ssir referenza għall-proċedura li għaliha hemm provdut f’ dan l-Artikolu, għandha tittieħed azzjoni b’mod konformi ma l-Artikolu 17 tad-Direttiva 89/662/KEE.

L-Artikolu 23

Meta ssir referenza għall-proċedura li għaliha hemm provdut f’ dan l-Artikolu, għandha tittieħed azzjoni b’mod konformi ma l-Artikolu 18 tad-Direttiva 89/662/KEE.

L-Artikolu 24

L-Annessi għal din id-Direttiva għandhom jiġu emendati, skond il-bżonn, b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23.

L-Artikolu 25

Din id-Direttiva għandha sseħħ bla preġudizzju għall-obbligazzjonijiet li joħorġu mir-regoli doganali.

L-Artikolu 26

1. L-Artikoli 12 u 28 tad-Direttiva 72/462/KEE għandhom jiġu mħassra.

Sakemm jingħataw id-deċiżjonijiet li għalihom jipprovdu l-Artikoli 5 u 6 ta’ din id-Direttiva, l-atti adottati kif previst fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 72/462/KEE għandhom ikomplu japplikaw.

2. L-Artikoli 20 u 21 tad-Direttiva 90/426/KEE u l-Artikoli 27 u 29(2) tad-Direttiva 90/539/KEE għandhom jiġu mħassra.

L-Artikolu 27

1. Id-Direttiva 89/662/KEE hija b’dan emendata kif ġej:

(a) fl-Artikolu 19(2) "31 ta’ Diċembru 1992" għandha tiġi sostitwita b’ "31 ta’ Diċembru 1996";

(b) L-Artikolu 22 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

"L-Artikolu 22

L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva fl-1 ta’ Lulju 1992."

2. Id-Direttiva 90/425/KEE għandha tiġi emendata kif ġej:

(a) L-Artikolu 7 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

"L-Artikolu 7

1. L-Istati Membri għandhom jaċċertaw ruħhom illi, waqt kontrolli mwettqa fil-postijiet fejn l-annimali u l-prodotti li għalihom saret referenza fl-Anness I minn kull pajjiż terz jistgħu jiġu mdaħħla fit-territorji msemmija fl-Anness I tad-Direttiva 90/675/KEE, bħal portijiet, ajruporti u postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera ma’ pajjiżi terzi, il-miżuri li ġejjin jiġu meħuda:

(a) ċertifikati jew dokumenti li jakkumpanjaw l-annimali u l-prodotti jiġu ċċekkjati;

(b) annimali u prodotti tal-Komunità għandhom ikunu soġġetti għar-regoli dwar kontroll stabbiliti fl-Artikolu 5;

(ċ) prodotti minn pajjiżi terzi għandhom ikunu soġġetti għar-regoli stabbiliti fid-Direttiva 90/675/KEE;

(d) annimali minn pajjiżi terzi għandhom ikunu soġġetti għar-regoli stabbiliti fid-Direttiva 91/496/KEE.

2. Madankollu, mill-1 ta’ Jannar 1993 u bħala derogazzjoni mill-paragrafu 1, kull annimal jew prodott trasportat permezz ta’ vjaġġ li jipprovdi kull rabta regolari u diretta bejn żewġ punti ġeografiċi fil-Komunità għandhom ikunu soġġetti għar-regoli dwar kontroll li jipprovdi għalihom l-Artikolu 5."

(b) L-Artikolu 23 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

"L-Artikolu 23

Il-Kunsill għandu, fuq il-bażi tar-rapport tal-Kummissjoni, akkumpanjat minn proposti possibbli li dwarhom il-Kunsill jiddeċiedi b’kull maġġoranza kwalifikata, jeżamina mill-ġdid:

- id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 10 u ta’ l-Artikolu 5(2)(a) qabel l-1 ta’ Jannar 1993,

- dispożizzjonijiet oħra qabel l-1 ta’ Jannar 1996."

(ċ) Fl-Artikolu 26:

fl-ewwel subparagrafu, il-punt (ii) għandu jiġi sostitwit b’:

"(ii) id-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-Direttiva fl-1 ta’ Lulju 1992.";

it-tieni subparagrafu għandu jiġi mħassar.

3. Id-Direttiva 90/675/KEE hija b’dan emendata kif ġej:

(a) Fl-Artikolu 19, il-paragrafu 6 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

"6. Fi żmien għaxart ijiem, il-Kumitat Veterinarju Permanenti għandu jirreferi lilha l-kwistjoni, fit-termini ta’ l-Artikolu 23, b’ kull għan li jiġu estiżi, emendati jew imħassra l-miżuri li għalihom jipprovdu l-paragrafi 1, 3 u 5. Il-proċedura li għaliha jipprovdi l-Artikolu 23 tista’ wkoll tintuża sabiex jiġu adottati d-deċiżjonijiet meħtieġa, fosthom dawk li għandhom x’jaqsmu maċ-ċaqliq intra-Komunitarju ta’ prodotti u għall-vjaġġi."

(b) Fl-Artikolu 32, "sal-31 ta’ Diċembru 1991" għandu jiġi sostitwit b’ "sa l-1 ta’ Lulju 1992".

L-Artikolu 28

Meta tkun qed taġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23, il-Kummissjoni tista’ taddotta għal tliet snin il-miżuri tranżitorji meħtieġa sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni għall-arranġamenti ġodda ta’ kontrolli b’mod konformi ma din id-Direttiva.

L-Artikolu 29

L-Istati Membri jistgħu jużaw l-assistenza finanzjarja tal-Komunità skond ma jipprovdi l-Artikolu 38 tad-Direttiva 90/424/KEE għat-twettiq ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari għat-twaqqif ta’ networks għall-iskambji ta’ informazzjoni bejn servizzi veterinarji u postijiet fuq il-fruntiera.

L-Artikolu 30

1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u provvedimenti amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw mad-:

(a) dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(3) u l-Artikoli 13, 18 u 21 fl-1 ta’ Diċembru 1991;

(b) dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-Direttiva fl-1 ta’ Lulju 1992.

Huma għandhom minnufih jinfurmaw b’dan lill-Kummissjoni.

Meta dawn il-miżuri jiġu adottati mill-Istati Membri, għandu jkun fihom kull referenza għal din id-Direttiva jew għandu jkollhom magħhom din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. Regoli dettaljati sabiex tiġi applikata din id-Direttiva, u b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw l-Artikolu 8(3), għandhom jiġu adottati u s-sistema li għaliha saret referenza fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 12(4) miġjuba fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1992.

Jekk id-data li għaliha saret referenza fis-subparagrafu preċedenti ma tkunx tista’ tinżamm, il-miżuri tranżittivi li għalihom jiddisponi l-Artikolu 28 għandhom jittieħdu f’dik id-data.

L-Artikolu 31

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussel, fil-15 ta’ Lulju 1991.

Għall-Kunsill

Il-President

P. Bukman

[1] ĠU C 89, tas-6.4.1991, p. 5.

[2] ĠU C 183, tal-15.7.1991.

[3] ĠU L 224, tat-18.8.1990, p. 29. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 91/174/KEE (ĠU L 85, tal-5.4.1991, p. 37).

[4] ĠU L 395, tat-30.12.1989, p. 13.

[5] ĠU L 373, tal-31.12.1990, p.1.

[6] ĠU L 200, tat-8.8.1977, p.10.

[7] ĠU L 224, tat-18.8.1990, p. 42.

[8] ĠU L 224, tat-18.8.1990, p. 55.

[9] ĠU L 302, tal-31.12.1972, p. 28. Id-Direttiva l-aħħar emendata bid-Direttiva 91/266/KEE (ĠU L 134, tad-29.5.1991, p. 45).

[10] ĠU L 351, tat-2.12.1989, p. 34.

[11] ĠU L 275, tas-26.9.1986, p. 36.

[12] ĠU L 378, tal-31.12.1982, p. 58. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni 90/134/KEE (ĠU L 176, tat-22.3.1990, p. 23).

[13] ĠU L 224, tat-18.8.1990, p. 19. Id-Deċiżjoni emendata bid-Deċiżjoni 91/133/KEE (ĠU L 66, tat-13.3.1991, p. 18).

--------------------------------------------------

L-ANNESS A

Kundizzjonijiet ġenerali għall-approvazzjoni ta’ postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera

Sabiex tinkiseb l-approvazzjoni tal-Komunità, il-postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera jrid ikollhom:

1) triq ta’ aċċess apposta għat-trasport ta’ annimali ħajjin sabiex l-annimali jiffrankaw stennija żejda;

2) faċilitajiet (li jridu jkunu faċli biex tnaddaf u tiddiżinfetta) għat-tagħbija u ħatt tal-mezzi differenti ta’ trasport, spezzjoni, għalf, tisqija u trattament ta’ l-annimali, bi spazju, dawl u ventilazzjoni adegwata għan-numru ta’ annimali li jridu jiġu spezzjonati;

3) numri suffiċjenti, fir-rigward tan-numru ta’ annimali li jkollu x’jaqsam magħhom il-post ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera, ta’ impjegati veterinarji u awżiljarji imħarrġa apposta sabiex iwettqu kontrolli fuq id-dokumenti ta’ ma’ l-annimali u l-kontrolli kliniċi msemmija fl-Artikoli 4, 5, 8 u 9 ta’ din id-Direttiva;

4) fondi kbar biżżejjed għad-dispożizzjoni ta’ l-impjegati responsabbli għat-twettiq tal-kontrolli veterinarji, inklużi kmamar ta’ tbiddil, showers u toilets;

5) fondi u faċilitajiet xierqa għat-teħid u l-ipproċessar ta’ kampjuni għall-kontrolli ta’ rutina stabbiliti fir-regoli tal-Komunità;

6) is-servizzi ta’ kull laboratorju speċjalizzat li jista’ jwettaq provi speċjali fuq il-kampjuni meħuda ġewwa l-post;

7) is-servizzi ta’ kull azjenda fil-viċinanza immedjata li jkollha l-faċilitajiet u t-tagħmir sabiex takkomoda, tagħlef, tisqi, tikkura u, jekk ikun meħtieġ, toqtol l-annimali;

8) fejn tali postijiet iservu ta’ punti ta’ waqfien jew trasferiment għal annimali waqt il-vjaġġ, faċilitajiet xierqa għall-ħatt, tisqija, għalf, u tkennija addattata ta’ l-annimali fejn meħtieġ u l-għotja tal-kura meħtieġa jew jekk ikun meħtieġ il-qtil hemmhekk stess b’mezzi li jiffrankalhom tbatija żejda;

9) tagħmir addattat li jippermetti l-iskambju rapidu ta’ informazzjoni ma’ postijiet oħra ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera u l-awtoritajiet veterinarji kompetenti li għalihom saret referenza fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 90/425/KEE;

10) tagħmir u faċilitajiet għat-tindif u diżinfettar.

--------------------------------------------------

L-ANNESS B

Kundizzjonijiet ġenerali għall-approvazzjoni ta’ ċentri ta’ kwarantina.

1. Il-ħtiġiet ta’ l-Anness A, il-punti 2, 4, 5, 7, 9 u 10 għandhom japplikaw.

2. Minbarra dan, iċ-ċentri ta’ kwarantina jridu:

- jkunu mqiegħda taħt il-kontroll permanenti u taħt ir-responsabbiltà ta’ l-uffiċjal veterinarju,

- ikunu qegħdin f’ċertu bogħod minn azjendi jew postijiet oħra fejn jinżammu l-annimali li aktarx jistgħu jiġu infettati minn mard kontaġġjuż,

- ikollhom sistema ta’ kontroll effiċjenti sabiex jiġi żgurat sorveljar adegwat ta’ l-annimali.

--------------------------------------------------

Top