Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31991L0157

    Id-Direttiva tal-Kunsill tat-18 ta’ Marzu 1991 dwar batteriji u akkumulaturi li jkun fihom ċerti sustanzi perikolużi

    ĠU L 78, 26.3.1991, p. 38–41 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 25/09/2008; Imħassar b' 32006L0066

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1991/157/oj

    31991L0157



    Official Journal L 078 , 26/03/1991 P. 0038 - 0041
    Finnish special edition: Chapter 15 Volume 10 P. 0072
    Swedish special edition: Chapter 15 Volume 10 P. 0072


    Id-Direttiva tal-Kunsill

    tat-18 ta’ Marzu 1991

    dwar batteriji u akkumulaturi li jkun fihom ċerti sustanzi perikolużi

    (91/157/KEE)

    IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 100a tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni [1],

    F’kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

    Billi kull disparità bejn il-liġijiet u l-miżuri amministrattivi adottati mill-Istati Membri dwar ir-rimi tal-batteriji u l-akkumulaturi tista’ toħloq ostakoli għall-kummerċ u distorsjoni tal-kompetizzjoni fil-Komunità u jista’ b’hekk ikollha impatt dirett fuq l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern; billi għalhekk jidher meħtieġ li l-liġijiet f’dan il-qasam ikunu approssimati;

    Billi l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal-15 ta’ Lulju 1975 dwar l-iskart [4], kif emendata bid-Direttiva 91/156/KEE [5], jipprovdi illi għandhom jiġu stipulati permezz ta’ Direttivi individwali regoli speċifiċi partikolari jew li jissupplimentaw dawk tad-Direttiva imsemmija sabiex jirregolaw l-immaniġġjar ta’ kategoriji partikolari ta’ skart;

    Billi l-għanijiet u l-prinċipji tal-politika Komunitarja dwar l-ambjent, kif stabbiliti fil-programmi ta’ azzjoni tal-Komunità Ewropea dwar l-ambjent fuq il-bażi tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 130r (1) u (2) tat-Trattat tal-KEE, jimmiraw partikolarment li jipprevienu, inaqqsu u kemm jista’ jkun jeliminaw it-tniġġis u li jiżguraw maniġġjar sod tar-riżorsi tal-materja prima, fuq il-bażi wkoll tal-prinċipju ta’ "min iniġġes iħallas";

    Billi, sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet, it-tqegħid fis-suq ta’ ċerti batteriji u akkumulaturi għandu jiġi pprojbit, minħabba l-ammont ta’ sustanzi perikolużi li jinsabu fihom;

    Billi, sabiex jiġi żgurat li batteriji u akkumulaturi moħlija jiġu rkuprati u mormija b’mod ikkontrollat, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li dawn jiġu mmarkati u miġbura separatament;

    Billi l-ġbir u r-riċiklaġġ ta’ batteriji u akkumulaturi moħlija jistgħu jgħinu biex jiġi evitat l-użu bla bżonn tal-materja prima;

    Billi l-apparat li jkun fih batteriji u akkumulaturi li ma jistgħux jitneħħew jista’ jippreżenta riskju għall-ambjent meta jintrema; billi l-Istati Membri għandhom għalhekk jieħdu l-miżuri xierqa;

    Billi għandhom jiġu stabbiliti programmi fl-Istati Membri sabiex jinkisbu l-għanijiet varji ddikjarati hawn fuq; billi l-Kummissjoni għandha tiġi mgħarrfa b’dawn il-programmi u bil-miżuri speċifiċi meħuda;

    Billi r-rikors għal strumenti ekonomiċi bħalma hu t-twaqqif ta’ sistema ta’ depożitu jista’ jinkoraġġixxi il-ġbir separat u r-riċiklaġġ tal-batteriji u l-akkumulaturi moħlija;

    Billi għandha ssir dispożizzjoni għal tagħrif lill-konsumatur f’dan il-qasam;

    Billi għandha ssir dispożizzjoni għal proċeduri xierqa sabiex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, partikolarment is-sistema ta’ l-immarkar, u sabiex jiġi żgurat illi d-Direttiva tkun tista’ tiġi adattata għall-progress xjentifiku u tekniku b’mod faċli; billi l-kumitat imsemmi fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 75/442/KEE għandu jiġi ordnat li jgħin lill-Kummissjoni f’dawn il-ħidmiet,

    ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

    L-Artikolu 1

    Il-mira ta’ din id-Direttiva hija li tapprossima l-liġijiet ta’ l-Istati Membri sabiex jiġu rkuprati u mormija taħt kontroll dawk il-batteriji u akkumulaturi moħlija li jkun fihom sustanzi perikolużi b’mod konformi ma’ l-Anness I.

    L-Artikolu 2

    Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

    (a) "batterija jew akkumulatur" tfisser sors ta’ enerġija elettrika ġenerat mill-konverżjoni dirett ta’ enerġija kimika u li jkun fiha batterija primarja waħda jew iktar (li mhumiex rechargeable) jew ċellula sekondarja waħda jew iktar (rechargeable), kif imniżżla fil-lista fl-Anness I;

    (b) "batterija jew akkumulatur moħli" tfisser batterija jew akkumulatur li ma jistax jerġa’ jintużaw u huma maħsuba għall-irkupru jew għar-rimi;

    (ċ) "rimi" tfisser kull ħidma, basta iżda li tapplika għall-batteriji u l-akkumulaturi, inkluża fl-Anness II A tad-Direttiva 75/442/KEE;

    (d) "irkupru" tfisser kull ħidma, basta iżda li tapplika għall-batteriji u l-akkumulaturi, inkluża fl-Anness II B tad-Direttiva 75/442/KEE;

    (e) "ġbir" tfisser il-ġabra, il-għażla u/jew it-tqegħid flimkien fi gruppi ta’ batteriji u akkumulaturi moħlija;

    (f) "sistema ta’ depożitu" tfisser sistema li biha x-xerrej, meta jixtri l-batteriji jew l-akkumulaturi, iħallas lill-bejjiegħ somma ta’ flus li tiġi mogħtija lura lilu meta jirritorna l-batteriji jew l-akkumulaturi moħlija.

    L-Artikolu 3

    1. L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu, mill-1 ta’ Jannar 1993, it-tqegħid fis-suq ta’:

    - batteriji tal-manganeżju alkalin għal użu fit-tul f’kondizzjonijiet estremi (eż. temperaturi taħt iż-0 °C jew ogħla minn 50 °C, esposti għal xokkijiet) li jkun fihom iktar minn 0,05 % merkurju fil-piż,

    - il-batteriji l-oħra kollha tal-manganeżju alkalin li jkun fihom iktar minn 0,025 % merkurju fil-piż.

    Ċelluli-buttuna tal-manganeżju alkalin u l-batteriji komposti minn ċelluli-buttuna għandhom jiġu eżentati minn din il-projbizzjoni.

    2. Il-paragrafu 1 għandu jiddaħħal bħala l-Anness I mad-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE tas-27 ta’ Lulju 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mar-restrizzjonijiet dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi [6] kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 85/610/KEE [7].

    L-Artikolu 4

    1. Fil-kuntest tal-programmi msemmija fl-Artikolu 6, l-Istati Membri għadhom jieħdu l-passi xierqa sabiex jiżguraw illi l-batteriji u l-akkumulaturi moħlija jinġabru separatament bil-ħsieb li jiġu rkuprati jew mormija.

    2. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-batteriji u l-akkumulaturi u, fejn jixraq, l-apparat li fih ikunu inkorporati jiġu mmarkati bil-mod xieraq.

    L-immarkar għandu juri indikazzjonijiet dwar il-punti li ġejjin:

    - ġbir separat,

    - fejn jixraq, ir-riċiklaġġ,

    - il-kontenut ta’ metall tqil.

    3. Il-Kummissjoni għandha tfassal, b’mod konformi mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 10, l-arranġamenti dettaljati għas-sistema ta’ l-immarkar. Dawn l-arranġamenti għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    L-Artikolu 5

    L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri sabiex jiżguraw illi l-batteriji u l-akkumulaturi ma jkunux jistgħu jiġu inkorporati f’apparat għajr jekk, meta jinħlew, ikunu jistgħu jitneħħew b’mod faċli mill-konsumatur.

    Dawn il-miżuri għandhom jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.

    Dan l-Artikolu ma għandux japplika għall-kategoriji ta’ apparat inklużi fl-Anness II.

    L-Artikolu 6

    L-Istati Membri għandhom ifasslu programmi sabiex jintlaħqu l-għanijiet li ġejjin:

    - it-tnaqqis fil-kontenut tal-metall tqil fil-batteriji u l-akkumulaturi,

    - il-promozzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ batteriji u akkumultauri b’kontenut żgħir ta’ sustanzi perikolużi u/jew sustanzi li jniġġsu inqas,

    - it-tnaqqis gradwali, fl-iskart domestiku, ta’ batteriji u akkumulaturi moħlija koperti bl-Anness I,

    - il-promozzjoni tar-riċerka mirata li tnaqqas il-kontenut ta’ sustanzi perikolużi u li tiffavorixxi l-użu ta’ sustanzi sostituti li jniġġsu anqas fil-batteriji u l-akkumulaturi, u r-riċerka f’metodi ta’ riċiklaġġ,

    - ir-rimi separat tal-batteriji u l-akkumulaturi moħlija koperti bl-Anness I.

    L-ewwel programmi għandhom ikopru perjodu taż-żmien ta’ erba’ snin li jibda mit-18 ta’ Marzu 1993. Huma għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni mhux iktar tard mis-17 ta’ Settembru 1992.

    Il-programmi għandhom jiġu riveduti u aġġornati regolarment, mill-inqas kull erba’ snin, partikolarment fid-dawl tal-progress tekniku u tas-sitwazzjoni ekonomika u ambjentali. Il-programmi emendati għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni fil-ħin.

    L-Artikolu 7

    1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-organizzazzjoni effiċjenti tal-ġbir separat u, fejn xieraq, tat-twaqqif ta’ sistema ta’ depożitu. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jdaħħlu miżuri bħalma huma strumenti ekonomiċi sabiex jinkoraġġixxu r-riċiklaġġ. Dawn il-miżuri għandhom jiġu mdaħħla wara konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, għandhom ikunu bbażati fuq kriterji ekoloġiċi u ekonomiċi validi u għandhom jevitaw id-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

    2. Meta jinnotifikaw il-programmi li għalihom jirreferi l-Artikolu 6, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-miżuri li jkunu ħadu skond il-paragrafu 1.

    L-Artikolu 8

    Fil-kuntest tal-programmi msemmija fl-Artikolu 6, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-konsumaturi jkunu informati tajjeb:

    (a) bil-perikoli ta’ rimi mingħajr kontroll tal-batteriji u l-akkumulaturi moħlija;

    (b) bl-immarkar tal-batteriji u l-akkumulaturi u ta’ l-apparat li jkun fih batteriji u akkumulaturi inkorporati fih b’mod permanenti;

    (ċ) bil-metodu ta’ kif jitneħħew il-batteriji u l-akkumulaturi li jkunu inkorporati b’mod permanenti fl-apparat.

    L-Artikolu 9

    L-Istati Membri ma jistgħux jimpedixxu, jipprobixxu jew jirrestrinġu it-tqegħid fis-suq tal-batteriji u l-akkumulaturi koperti b’din id-Direttiva u li jikkonfomaw mad-dispożizzjonijiet stipulati fiha.

    L-Artikolu 10

    Il-Kummissjoni għandha tadatta l-Artikoli 3, 4, u 5 u l-Annessi I u II skond il-progress tekniku b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 75/442/KEE.

    L-Artikolu 11

    1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jikkonfomaw ma’ din id-Direttiva qabel it-18 ta’ Settembru 1992. Għandhom jgħarrfu bihom lill-Kummissjoni minnufih.

    2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet fil-liġijiet nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra bihom.

    L-Artikolu 12

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussel, fit-18 ta’ Marzu 1991.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. Bodry

    [1] ĠU C 6, tas-7.1.1989, p. 3 uĠU C 11, tas-17.1.1990, p. 6.

    [2] ĠU C 158, tas-26.6.1989, p. 209 uĠU C 19, tat-28.1.1991.

    [3] ĠU C 194, tal-31.7.1989, p. 21.

    [4] ĠU L 194, tal-25.7.1975, p. 47.

    [5] Ara paġna 32 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    [6] ĠU L 262, tas-27.9.1976, p. 201.

    [7] ĠU L 375, tal-31.12.1985, p. 1.

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS I

    IL-BATTERIJI U L-AKKUMULATURI KOPERTI BID-DIRETTIVA

    1. Il-batteriji u l-akkumulaturi mqiegħda fis-suq mid-data stabbilita fl-Artikolu 11(a) u li jkun fihom:

    - iktar minn 25 mg ta’ merkurju għal kull ċellula, għajr batteriji tal-manganeżju alkalin,

    - iktar minn 0,25 % ta’ kadmju bil-piż,

    - iktar minn 0,4 % ta’ ċomb bil-piż,

    2. Il-batteriji tal-manganeżju alkalin li jkun fihom iktar minn 0,025 % tal-merkurju bil-piż mqiegħda fis-suq mid-data stabbilita fl-Artikolu 11(1).

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS II

    LISTA TAL-KATEGORIJI TA’ L-APPARAT ESKLUŻ MILL-KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TA’ L-ARTIKOLU 5

    1. Dak l-apparat li l-batteriji tiegħu ikunu stannjati, iwweldjati jew imwaħħlin mod ieħor b’mod permanenti ma’ terminals sabiex jiżguraw il-kontinwità tal-provvista ta’ l-elettriku u sabiex jippriservaw il-memorja u l-funzjonijiet tad-data fit-teknoloġija ta’ l-informatika u fit-tagħmir tal-kummerċ, fejn l-użu tal-batteriji u ta’ l-akkumulaturi msemmi fl-Anness I huwa meħtieġ teknikament.

    2. Iċ-ċelluli ta’ riferenza fit-tagħmir xjentifiku u professjonali, il-batteriji u l-akkumulaturi mqiegħda f’mezzi mediċi mfassla sabiex iżommu l-funzjonijiet vitali u f’pace-makers, fejn il-funzjonament mingħajr interruzzjoni huwa vitali u fejn il-batteriji u l-akkumulaturi jistgħu jiġu mneħħija biss minn persunal kwalifikat.

    3. Tagħmir li jinġarr, fejn il-bdil tal-batteriji minn persunal mhux kwalifikat jista’ jippreżenta riskji għas-salwagward ta’ l-utent jew li jista’ jaffettwa l-operat ta’ l-apparat, u t-tagħmir professjonali maħsub biex jintuża f’ambjenti sensittivi ħafna, per eżempju fil-preżenza ta’ sustanzi volatili.

    Dak l-apparat li l-batteriji u l-akkumulaturi tiegħu ma jistgħux jinbidlu b’mod faċli mill-utent, b’mod konformi ma’ dan l-Anness, għandu jkun akkumpanjat minn struzzjonijiet li jgħarrfu lill-utent li jkun fih batteriji u akkumulaturi li jkunu ta’ riskju għall-ambjent u li juri kif jistgħu jitneħħew mingħajr periklu.

    --------------------------------------------------

    Top