Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31990R3444

Ir-Regolament Tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3444/90 tas-27 ta’ Novembru 1990 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-għoti ta’ l-għajnuna għall-ħażna privata tal-laħam tal-majjal

ĠU L 333, 30.11.1990, pp. 22–29 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 27/08/2008; Imħassar b' 32008R0826

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1990/3444/oj

31990R3444



Official Journal L 333 , 30/11/1990 P. 0022 - 0029
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 35 P. 0138
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 35 P. 0138


Ir-Regolament Tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3444/90

tas-27 ta’ Novembru 1990

li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-għoti ta’ l-għajnuna għall-ħażna privata tal-laħam tal-majjal

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2759/75 tad-29 ta’ Ottubru 1975 dwar l-organizzazjoni komuni tas-suq tal-laħam tal-majjal [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 1249/89 [2], u partikolarment l-Artikolu 5(4) u 7(2) u t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 22 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1676/85 tal-11 ta’ Ġunju 1985 dwar ir-rati tal-kambju applikabbli għall-agrikoltura [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 2205/90 [4], u partikolarment l-Artikolu 5(3) u 12 tiegħu,

Billi r-regoli dettaljati għall-għoti ta’ l-għajnuna għall-ħażna privata tal-laħam tal-majjal għandhom jiġu adottati flimkien mar-regoli ġenerali stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2763/75 [5];

Billi, jekk għandha tilħaq l-għan tagħha, din l-għajnuna għandha tingħata biss lill-persuni fiżiċi jew legali stabbiliti fil-Komunità li l-attività u l-esperjenza tagħhom toffri ċertezza biżżejjed li l-ħażna tkun affetwata b’manjiera sodisfaċenti u li jkollhom il-kapaċità ta’ ħażna fil-kesħa adegwata fil-Komunità;

Billi, għall-istess raġunijiet l-għajnuna għandha tingħata biss għall-ħażna ta’ prodotti f’kondizzjoni friżata, ta’ kwalità xierqa u tajba għall-bejgħ u li joriġinaw mill-Komunità hekk kif definiti bir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 964/71 [6], b’livell ta’ radjoattività ta’ mhux aktar mil-livell massimu permissibbli taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 737/90 tat-22 ta’ Marzu 1990 dwar il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-importazzjoni ta’ prodotti agrikoli li jiġu minn pajjiżi terzi wara l-aċċident fl-istazzjon ta’ l-enerġija nukleari ta’ Chernobyl [7];

Billi s-sitwazzjoni tas-suq u l-iżvilupp futur tagħha jistgħu jagħmluha opportun li wieħed jistieden il-parti kontraenti biex turi l-ħażniet tagħha għall-esportazzjoni mill-mument tat-tpoġġija fil-ħazna u li huwa xieraq taħt din l-ipotesi li wieħed jiddetermina l-kondizzjonijiet taħt liema l-laħam suġġett tal-kuntratt tal-ħażna jkun jista’ jiġi fl-istess ħin impoġġi taħt ir-reġim kif imsemmi fl-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 565/80 ta’ l-4 ta’ Marzu 1980 dwar il-pagament bil-quddiem tar-rifużjonijiet għall-esportazzjoni għall-prodotti agrikoli [8], hekk kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 2026/83 [9], sabiex jibbenefika minn pagamenti bil-quddiem tar-rifużjonijiet għall-esportazzjoni;

Billi, sabiex l-iskema ssir aktar effettiva, il-kuntratti għandhom juru kwantità minima ċerta, skond il-prodott, kif xieraq u l-obbligazzjonijiet li għandhom jitwettqu mill-parti kontraenti, partikolarment dawk li jabilitaw lill-aġenzija ta’ l-intervent tagħmel spezzjoni effettiva, għandhom jiġu speċifikati;

Billi l-ammont ta’ sigurtà intiża sabiex tassigura l-konformità ma’ l-obligazzjonijiet kontrattwali għandha tiġi ffissata f’perċentwal ta’ l-ammont ta’ l-imsemmija għajnuna;

Billi, skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2220/85 tat-22 ta’ Lulju 1985 li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ garanziji għall-prodotti agrikoli [10], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 3745/89 [11], il-bżonnijiet primarji għall-ħruġ tal-garanzija għandhom jiġu definiti; billi l-ħażna tal-kwantità kontrattata għall-perjodu miftiehem tikkonsisti f’wieħed mill-ħtiġiet primarji għall-għoti ta’ l-għajnuna għall-ħażna privata tal-laħam tal-majjal; billi, sabiex nikkunsidraw il-prattika kummerċjali u għall-raġunijiet prattiċi, ċerta tolleranza dwar l-imsemmija kwantità għandha tkun permissibli;

Billi għandha tapplika xi proporzjonalità fil-ħruġ tal-garanzija u fl-għoti ta’ l-għajnuna meta xi ħtiġiet dwar il-kwantità li għandha tiġi maħżuna ma jintlaħqux,

Billi, sabiex tittejjeb l-effiċjenza ta’ l-iskema, il-parti kontraenti għandha tiġi abilitata li tirċievi pagament bil-quddiem mill-għajnuna soġġett għall-garanzija u regoli dwar l-għoti ta’ l-applikazzjonijiet għall-għajnuna, id-dokumenti ulterjuri li għandhom jingħataw u l-limitu ta’ żmien għall-ħlas għandhom ikunu stabbiliti;

Billi, permezz l-Artikolu 5 tar-Regolament (KEE) Nru 1676/85, għandu jkun speċifikat li, fil-każ ta’ l-għajnuna għall-ħażna privata, il-ġrajja operattiva għall-iddeterminar ta’ l-ammont tal-garanzija u l-għajnuna f’valuta nazzjonali hija d-data tal-konklużjoni tal-kuntratt tal-ħażna jew l-aħħar ġurnata għall-preżentazzjoni ta’ l-offerta wara l-ħruġ ta’ sejħa għall-offerti;

Billi l-esperjenza tal-passat bi skemi oħra għall-ħażna privata ta’ prodotti agrikoli wriet il-bżonn li jiġi speċifikat sa liema punt ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1182/71 [12] japplika għall-iddeterminar ta’ perjodi, dati u limiti ta’ żmien imsemmija taħt dawn l-iskemi u li jiġu definiti bi preċiżjoni id-dati meta l-ħażna kontrattwali tibda u tispiċċa;

Billi, b’mod partikolari, l-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 jispeċifika li meta l-aħħar ġurnata ta’ perjodu tkun btala pubblika, il-Ħadd jew is-Sibt, il-perjodu għandu jispiċċa mat-tmiem ta’ l-aħħar siegħa tal-ġurnata tax-xogħol ta’ wara;

Billi l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għall-kuntratti ta’ ħażna tista’ ma tkunx ta’ interess għal dawk li jaħżnu u tista twassal ukoll għal trattament mhux ugwali; billi, għalhekk, għandha ssir deroga fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ l-aħħar ġurnata ta’ ħażna fil-kuntratt;

Billi għandu jkun hemm miżura ta’ proporzjonalità fl-għoti ta’ l-għajnuna meta l-perjodu ta’ ħażna ma jkunx osservat fl-intier tiegħu; billi għandu jkun hemm ukoll miżuri sabiex il-perjodu tal-ħażna jiqsar meta l-laħam maħruġ mill-ħażna jkun intiż għall-esportazzjoni;

Billi għandhom jingħataw provi li l-laħam ikun ġie esportat, bħal fil-każ tar-rifużjonijiet, skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3665/87 tas-27 ta’ Novembru 1987 li jipprovdi għal regoli komuni u dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema tar-rifużjonijiet għall-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli [13], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 1615/90 [14];

Billi l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2763/75 jipprovdi li l-ammont ta’ l-għajnuna għall-ħażna privata jista’ jkun iddeterminat permezz tal-proċedura ta’ l-offerti; billi l-Artikoli 4 u 5 ta’ l-istess Regolament fihom regoli li għandhom jiġu osservati f’din il-proċedura; billi, b’dankollu, hemm bzonn ta’ regoli aktar dettaljati għal dak il-għan;

Billi l-iskop tal-proċedura ta’ l-offerti huwa li jiddetermina l-ammont ta’ l-għajnuna; billi, fl-għazla ta’ dawk li jkunu tefgħu l-offerti għandha tingħata preferenza lil dawk l-aktar vantaġġjużi għall-Komunità; billi, għalhekk, jista’ jiġi ffissat ammont massimu ta’ għajnuna sa liema l-offerti jiġu aċċettati; billi, jekk l-ebda offerta ma jkun aċċettabli, l-ebda wieħed m’għandu jiġi aċċettat;

Billi għandu jkun hemm miżuri għal sistema ta’ kontrolli sabiex jassiguraw li l-għajnuna ma tkunx ingħatat bla bżonn; billi għal dan il-għan huwa xieraq li l-Istati Membri jagħmlu kontrolli skond l-istadji varji tal-ħażna;

Billi hemm raġuni li wieħed jipprevieni u jissanzjona l-irregolaritajiet u l-frodi; billi għal dan il-għan ikun xieraq li f’każ ta’ dikjarazzjoni falza, il-parti kontraenti tiġi eskluża mill-għoti ta’ l-għajnuna għall-ħażna privata għas-sena ta’ wara dik li fiha tkun saret id-dikjarazzjoni falza;

Billi, sabiex il-Kummissjoni jkollha kontroll ġenerali fuq l-effett tal-iskema tal-ħażna privata, l-Istati Membri għandhom ifornuha bl-informazzjoni neċessarja;

Billi r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1092/80 tat-2 ta’ Mejju 1980 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-għoti ta’ l-għajnuna għall-ħażna privata tal-laġam tal-majjal [15], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 3498/88 [16], kien emendat sostanzjalment; billi, issa li se jsiru emendi ulterjuri, il-leġislazzjoni rilevanti għandha tiġi rikostruwita kompletament; billi, b’dankollu, id-dispożizzjonijiet il-ġodda għandhom japplikaw biss għall-kuntratti konklużi wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament;

Billi l-Kumitat ta’ Ġestjoni għal-Laħam tal-Majjal ma tax opinjoni tiegħu fil-perjodu taż-żmien iffissat mill-President tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

L-għoti ta’ l-għajnuna għall-ħażna privata, kif hemm provvediment dwar dan fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KEE) Nru 2759/75, għandha tkun soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

IT-TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

L-Artikolu 2

1. Il-kuntratti tal-ħażna privata tal-laħam tal-majjal għandhom jiġi konklużi bejn l-aġenziji ta’ l-intervent ta’ l-Istati Membri u persuni, fiżiċi jew legali, minn issa l quddiem imsejħin "il-parti kontraenti":

- li ilhom iwettqu n-negozju fis-setturi tal-laħam u bhejjem qobla minn ta’ l-anqas għall-aħħar tnax-il xahar u jkunu uffiċjalment irreġistrati fi Stat Membru,

u

- li jkollhom faċilitajiet ta’ ħażna adegwati għad-dispożizzjoni tagħhom ġewwa l-Komunità.

2. L-għajnuna għall-ħażna privata tista’ tingħata biss għall-laħam frisk ta’ kwalità xierqa u tajba għall-bejgħ li ġej minn annimali imrobbija fil-Komunità mill-inqas għall-aħħar xahrejn u maqtula mhux aktar minn għaxart ijiem qabel it-tpoġġija fil-ħażna kif hemm referenza dwar dan fl-Artikolu 4(2).

3. L-ebda laħam b’kontenut ta’ radjoattività akbar mil-livelli massimi permissibbli permezz tar-regolamenti tal-Komunità jista jkun suġġett għal kuntratt ta’ ħażna. Il-livelli applikabbli għall-prodotti ġejjin mill-Komunità għandhom ikunu skond kif iffissati fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KEE) Nru 737/90. Il-livell ta’ kontaminazzjoni radjoattiva tal-prodott għandu tiġi vverifikat biss jekk dan ikun meħtieġ fis-sitwazzjoni u għall-perjodu meħtieġ. Meta jkun hemm bżonn, id-dewmien u l-iskop tal-kontrolli għandhom jiġu ddeterminat skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24 tar-Regolament (KEE) Nru 2759/75.

4. Il-kuntratti ma jistgħux ikunu għall-anqas mill-kwantità minima li għandha tiġi ddeterminata għal kull prodott.

5. Il-laħam għandu jitpoġġa fil-ħażna, frisk u maħżun iffriżat.

L-Artikolu 3

1. L-applikazzjonijiet għall-kuntratti jew l-offerti, u l-kuntratti għandhom ikunu dwar wieħed biss mill-prodotti li għalihom tkun tista’ tingħata l-għajnuna.

2. L-applikazzjonijiet għall-kuntratti jew l-offerti m’għandhomx ikunu aċċettati sakemm ma jinkludux id-dettalji msemmija fil-paragrafu 3(a), (b), (d) u (e), u tkun ingħatat prova li tkun ġiet pprovduta garanzija.

3. Il-kuntratti għandhom jinkludu d-dettalji li ġejjin:

(a) dikjarazzjoni li biha l-parti kontraenti tintrabat li tpoġġi fil-ħażna u li żżomm prodotti li jilħqu l-kondizzjonijiet kif imsemmija fl-Artikolu 2(2) u (3);

(b) id-deskrizzjoni u l-kwantità tal-prodott li għandu jkun maħżun;

(ċ) il-limitu ta’ żmiem għat-tpoġġija fil-ħażna, kif hemm referenza dwaru fl-Artikolu 4(3), tal-kwantità totali imsemmija f’(b);

(d) id-dewmien tal-ħażna;

(e) l-ammont ta’ l-għajnuna għal kull ammont ta’ piż;

(f) l-ammont tal-garanzija;

(g) dispożizzjoni li tagħmilha possibli li l-perjodu tal-ħażna jiġi mqassar jew miżjud skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-regolamenti tal-Komunità.

4. Il-kuntratti għandhom ipoġġu mill-inqas l-obbligi segwenti fuq il-parti kontraenti:

(a) li jpoġġi l-kwantità tal-prodott miftiehma fil-ħażna fil-perjodu stabbilit fl-Artikolu 4 u li jaħżinha bir-riskju u l-ispejjeż tagħha għalih fil-kondizzjonijiet li jassiguraw il-preservazzjoni tal-karatteristiċi tal-prodott li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 2(2) għall-perjodu kontrattwali, mingħajr ma jbiddel jew jittrasferixxi ġo maħżen ieħor il-prodotti maħżuna; b’dankollu, f’każi eċċezjonali u fuq talba motivata kif jixraq, l-aġenzija ta’ l-intervent tista tawtorizza r-rilokazzjoni tal-prodotti maħżuna;

(b) li javża lill-aġenzija ta’ l-intervent li magħha jkun ikkonkluda l-kuntratt, fil-ħin u qabel il-bidu tal-ħażna ta’ kull lott, skond it-tifsira tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(1), bid-data u l-post tal-ħażna kif ukoll bin-natura u l-kwantità tal-prodott li jkun sejjer jinħażen; l-aġenzija ta’ l-intervent tista’ titlob li din l-informazzjoni tingħata mill-anqas jumejn utli qabel it-tpoġġija fil-ħażna ta’ kull lott individwali;

(ċ) li jibgħat id-dokumenti dwar ix-xogħol tat-tpoġġija fil-ħażna lill-aġenzija ta’ l-intervent fi żmien xahar wara d-data li hemm referenza dwarha fl-Artikolu 4(3);

(d) li jaħżen il-prodotti skond il-ħtiġiet għall-identifikazzjoni li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 13(4);

(e) li jippermetti lill-aġenzija li tivverifika f’kull ħin li l-obbligi kollha miftiehma fil-kuntratt ikunu qed jiġu osservati.

L-Artikolu 4

1. It-tpoġġija fil-ħażna għandha tkun kompluta sa mhux aktar tard minn 28 ġurnata wara d-data li fiha l-kuntratt jiġi konkluż.

Il-prodotti jistgħu jiġu mpoġġija fil-ħażna f’lottijiet individwali, sakemm kull lott ikun jirrapreżenta l-kwantità mpoġġija fil-ħażna f’dik il-ġurnata skond il-kuntratt u skond il-maħżen.

2. It-tpoġġija fil-ħażna tibda, għal kull lott individwali tal-kwantità kontrattata, mill-ġurnata li fiha jiġi taħt il-kontroll ta’ l-aġenzija ta’ l-intervent.

Dik il-ġurnata għandha tkun dak in-nhar meta l-piż nett tal-prodott frisk jew imkessaħ ikun determinat,

- fil-post tal-ħażna, meta l-laħam ikun iffriżat fuq il-post,

- jew fil-post ta’ l-iffriżar, meta l-laħam ikun iffriżat ġewwa faċilitajiet addattati barra mill-post tal-ħażna.

B’dankollu, fil-każ ta’ prodotti bla għadam impoġġija fil-ħażna, l-iżin jista jsir fil-post ta' l-iddissussar.

Id-determinazzjoni tal-piż ta’ prodotti li sejrin jitpoġġew fil-ħażna m’għandiex issir qabel il-konklużjoni ta’-kuntratt.

3. It-tpoġġija fil-ħażna tispiċċa fil-ġurnata meta l-aħħar lott tal-kwantità miftiehma jiġi mpoġġi fil-ħażna.

Dik il-ġurnata għandha tkun il-ġurnata meta l-prodotti kollha taħt kuntratt ikunu daħlu fil-post tal-ħażna finali, jew friski jew iffriżati.

4. Meta l-prodotti mpoġġija fil-ħażna jkunu mpoġġija taħt ir-reġim kif stabbilit fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KEE) Nru 565/80:

- minkejja l-Artikolu 28(5) tar-Regolament (KEE) Nru 3665/87, il-limitu ta’ żmien li hemm provvediment dwaru f’dik id-dispożizzjoni, għandu jiġi estiż sabiex ikopri d-dewmien sal-perjodu massimu tal-ħażna kontrattwali, miżjud b’xahar;

- L-Istati Membri jistgħu jitolbu li t-tpoġġija fil-ħażna u t-tpoġġija taħt ir-reġim kif hemm referenza dwar dan fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KEE) Nru 565/80 għandhom jibdew simultanjament. F’dan il-każ meta kuntratt għall-ħażna privata jiġi konkluż għall-kwantità li tikkonsisti f’lottijiet separati li jiġu mpoġġija fil-ħażna fi ġranet differenti, kull wieħed mill-lottijiet imsemmija jista jkun suġġett għal dikjarazzjoni tal-ħlas separata. Id-dikjarazzjoni tal-ħlas kif hemm referenza dwarha fl-Artikolu 25 tar-Regolament (KEE) Nru 3665/87 għandha tingħata għal kull lott fil-ġurnata tat-tpoġġija fil-ħażna.

L-Artikolu 5

1. L-ammont ta’ garanzija li hemm referenza dwaru fl-Artikolu 3(2) m’għandux jeċċedi it-30 % ta’ l-ammont ta’ l-għajnuna li tkun qiegħda tiġi mitluba.

2. Il-ħtiġiet primarji fit-tifsira ta’ l-Artikolu 20(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2220/85 għandhom ikunu:

- li ma tiġix irtirata applikazzjoni għall-kuntratt jew offerta;

- li jinżamm fil-ħażna mill-anqas 90 % tal-kwantità miftiehma għall-perjodu kontrattwali ta’ ħażna, bir-riskju għall-parti kontraenti u taħt il-kondizzjonijiet li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 3(4)(a), u

- meta jkun japplika l-Artikolu 9(4), li jiġi esportat il-laħam skond waħda mit-tliet possibilitajiet elenkati hemm.

3. Soġġett għall-Artikolu 9(4) ta’ dan ir-Regolament, l-Artikolu 27(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2220/85 m’għandux japplika.

4. Il-garanziji għandhom jitneħħew immedjatament meta l-applikazzjonijiet għall-kuntratti jew l-offerti ma jiġux aċċettati.

5. Meta l-limitu taż-żmien għat-tpoġġija fil-ħażna kif hemm referenza dwaru fl-Artikolu 4(1) jkun eċċedut b’għaxart ijiem, il-kuntratt jintemm u l-garanzija għandha tintilef skond l-Artikolu 23 tar-Regolament (KEE) Nru 2220/85.

L-Artikolu 6

1. L-għajnuna għandha tkun stabbilita għal kull ammont ta’ piż u għandha tkun skond il-piż determinat bi qbil ma’ l-Artikolu 4(2).

2. Suġġett għall-paragrafu 3 t’hawn taħt u l-Artikolu 9(4), il-partijiet kontraenti għandhom ikunu intitolati għall-għajnuna jekk il-ħtiġiet primarji li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 5(2) jkunu milħuqa.

3. L-għajnuna għandha titħallas l-aktar għall-kwantità miftiehma u pprovduta.

Jekk il-kwantità fil-fatt maħżuna matul il-perjodu ta’ ħażna miftiehma tkun anqas mill-kwantità miftiehma u:

(a) ma tkunx anqas minn 90 % ta’ dik il-kwantità, l-għajnuna għandha titnaqqas proporzjonalment;

(b) tkun anqas minn 90 % iżda mhux anqas minn 80 % ta’ dik il-kwantità, l-għajnuna għall-kwantità efettivament maħżuna għandha tiġi mnaqqsa bin-nofs;

(ċ) jekk tkun anqas minn 80 % ta’ dik il-kwantità, l-għajnuna m’għandhiex tingħata.

4. Wara tliet xhur ta’ ħażna taħt il-kuntratt, pagament wieħed bil-quddiem għandu jsir, wara t-talba tal-parti kontraenti, sakemm jippreżenta garanzija daqs il-pagament bil-quddiem flimkien ma 20 %.

Il-pagament bil-quddiem m’għandux jeċċedi l-ammont ta’ l-għajnuna korrespondenti għall-perjodu ta’ ħażna ta’ tliet xhur. Meta prodotti taħt kuntratt jiġu esportati skond l-Artikolu 9(4) qabel il-ħlas bil-quddiem, il-perjodu ta’ ħażna reali għal dawn il-prodotti għandu jiġi kkunsidrat meta jkun ikkalkulat l-ammont ta’ pagament bil-quddiem.

L-Artikolu 7

1. B’eċċezzjoni għall-kazijiet ta’ force majeure, l-applikazzjoni għall-ħlas ta’ l-għajnuna u d-dokumenti supplimentari għandhom jingħataw lill-awtorità kompetenti fi żmien sitt xhur wara t-tmiem tal-perjodu massimu kontrattwali għall-ħażna. Meta d-dokumenti supplimentari ma jkunux jistgħu jiġu pprovduti fiż-żmien stipulat, sakemm il-parti kontraenti tkun ħadet azzjoni f’waqtha sabiex tikseb dawn id-dokumenti, il-perjodu stabbilit jista’ jiġi estiż b’perjodi oħra, liema perjodi ma jistgħux jeċċedu l-massimu globali ta’ sitt xhur, sabiex jinkisbu d-dokumenti. Meta l-Artikolu 9(4) jiġi applikat, il-provi neċessarji għandhom jiġu prodotti fil-limiti taż-żmien speċifikati fl-Artikolu 47(2), (4), (6) u (7) tar-Regolament (KEE) Nru 3665/87.

2. Soġġett għall-każi ta’ force majeure msemmija fl-Artikolu 10 u f’każijiet fejn tkun infetħet inkjesta dwar l-intitolar għall-għajnuna, l-għajnuna għandha tiġi mħallsa mill-awtorità kompetenti mill-aktar fis possibli u mhux aktar tard minn tliet xhur mill-ġurnata tad-depożitu ta’ l-applikazzjoni għall-ħlas, bid-dokumenti supplimentari meħtieġa, mill-parti kontraenti.

L-Artikolu 8

Ir-rata tal-kambju li għandha tiġi applikata għall-ammonti ta’ l-għajnuna u l-garanziji għandha tkun ir-rata tal-kambu agrikola fis-seħħ, fil-każ ta’ l-għajnuna stabbilita b’rata fissa bil-quddiem, fil-ġurnata tal-konklużjoni tal-kuntratt jew, fil-każ ta’ l-għajnuna mogħtija b’offerta, fl-aħħar ġurnata tas-sejħa ta’ l-offerti.

L-Artikolu 9

1. Il-perjodi, id-dati u l-limiti taż-żmien imsemmija f’dan ir-Regolament għandhom ikunu ddeterminati skond ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71. B’dankollu, l-Artikolu 3(4) ta’ dak ir-Regolament m’għandux japplika għad-determinazzjoni tal-perjodu tal-ħażna kif hemm referenza dwaru fl-Artikolu 3(3)(d) ta’dan ir-Regolament jew kif emendat permezz ta’ l-Artikolu 3(3)(g) jew permezz tal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

2. L-ewwel ġurnata tal-perjodu tal-ħażna kontrattata għandha tkun l-ewwel ġurnata wara dik li fiha t-tpoġġija fil-ħażna tkun tlestiet.

3. It-tneħħija mill-ħażna tista’ tibda fil-ġurnata wara l-aħħar ġurnata tal-perjodu ta’ ħażna kkontrattata.

4. Ma’ l-iskadenza ta’ xahrejn tal-perjodu ta’ ħażna, il-parti kontraenti tistgħa tneħħi mill-ħażna parti mill-kwantità tal-prodotti jew il-kwantità kollha taħt kuntratt, suġġett għall-minimu ta’ 5 tunellati għal kull parti miftiehma u għal kull maħżen jew, jekk ikun hemm anqas minn din il-kwantità, il-kwantità kollha taħt kuntratt ġo maħżen, basta li, fi żmien 60 ġurnata mit-tneħħija tagħhom mill-ħażna, il-prodotti jkunu:

- telqu mit-territorju doganali tal-Komunità mingħajr ipproċessar ulterjuri,

- waslu fid-destinazzjoni tagħhom mingħajr ipproċessar ulterjuri, fil-kazijiet li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament (KEE) Nru 3665/87,

jew

- tpoġġew mingħajr ipproċessar ulterjuri f’maħżen ta’ l-ikel approvat permezz ta’ l-Artikolu 38 tar-Regolament (KEE) Nru 3665/87.

Il-perjodu kontrattanti għal kull lott individwali għall-esportazzjoni għandu jispiċċa fil-ġurnata preċedenti

- tal-ġurnata tat-tneħħija mill-ħażna,

jew

- tal-ġurnata ta’ l-aċċetazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ l-esportazzjoni, meta l-prodott ma jkunx ġie mċaqlaq.

L-ammont ta’ l-għajnuna għandu jitnaqqas proporzjonalment mat-tnaqqis tal-perjodu tal-ħażna skond l-ammonti stabbiliti bi qbil ma’ l-Artikolu 3 tar-Regolament (KEE) Nru 2763/75.

Għall-għanijiet ta’ dan il-paragrafu, prova ta’ l-esportazzjoni għandha tiġi fornuta skond l-Artikolu 4 tar-Regolament (KEE) Nru 3665/87.

5. Meta l-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu jiġu applikati, il-parti kontraenti għandha tavza lill-aġenzija ta’ l-intervent fi żmien raġjonevoli bil-quddiem, qabel il-bidu tat-tneħħija mill-ħażna; l-aġenzija ta’ l-intervent tista’ titlob li din l-informazzjoni tingħata mill-anqas jumejn tax-xogħol qabel dik id-data.

Meta l-obbligu tan-notifika lill-aġenzija ta’ l-intervent ma jkunx onorat iżda tkun ingħatat prova biżżejjed, qabel it-30 ġurnata wara t-tneħħija mill-maħżen, għas-sodisfazzjon ta’ l-awtoritajiet kompetenti dwar id-data tat-tneħħija u l-kwantitajiet ikkonċernati:

- l-għajnuna għandha tingħata, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6(3),

u

- 15 % tal-garanzija għandha tiġi ddikjarata mitlufa fir-rigward tal-kwantità kkonċernata.

Għall-każijiet l-oħra kollha ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ dan l-obbligu:

- l-ebda għajnuna m’għandha tingħata fir-rigward tal-kuntratt ikkonċernat,

u

- l-garanzija kollha għandha tkun iddikjarata mitlufa fir-rigward tal-kuntratt ikkonċernat.

6. Suġġett għall-każijiet ta’ force majeure li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 10, meta l-parti kontraenti ma tirrispettax it-tmiem tal-perjodu tal-ħażna kkuntrattata jew il-limitu ta’ xaharejn li hemm referenza dwaru fil-paragrafu 4 għat-totalità tal-kwantità maħżuna, kull ġurnata ta’ nuqqas ta’ konformità tkun tfisser tnaqqis ta’ 10 % fl-ammont ta’ l-għajnuna għall-kuntratt f’dak il-każ.

L-Artikolu 10

F’każijiet ta’ force majeure meta t-twettiq ta’ l-obligazzjonijiet kontrattwali ta’ parti kontraenti jiġu affetwati, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru kkonċernat għandha tiddeċiedi dwar il-miżuri li hija tħoss li jkunu meħtieġa b’konsiderazzjoni għaċ-ċirkustanzi nvokati. Dik l-awtorità għandha tinforma lill-Kummissjoni b’kull każ ta’ force majeure u l-azzjoni meħuda f’dak il-kas.

IT-TITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊJALI

L-Artikolu 11

Meta l-għajnuna tkun stabbilita f’rata fissa bil-quddiem:

(a) l-applikazzjoni għall-kuntratt trid tiġi mogħtija lill-aġenzija ta’ l-intervent kompetenti skond l-Artikolu 3(1) u (2);

(b) l-aġenzija ta’ l-intervent ikkonċernata għandha, fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol wara l-ġurnata li fiha l-applikazzjoni għall-kuntratt tkun ingħatat lill-aġenzija, tavża lill-applikant bid-deċiżjoni dwar dik l-applikazzjoni permezz ta’ ittra rreġistrata, bit-telex, bil-fax jew b’irċevuta bil-miktub.

Meta l-applikazzjoni tiġi aċċettata, il-kuntratt għandu jitqies li ġie konkluż fil-ġurnata tat-tluq tan-notifika tad-deċiżjoni li hemm referenza dwarha fl-ewwel subparagrafu taħt (b). L-aġenzija ta’ l-intervent għandha tispeċifika id-data li hemm referenza dwarha fl-Artikolu 3(3)(ċ) skond l-imsemmi artikolu.

L-Artikolu 12

1. Meta l-għajnuna tkun qed tingħata b’offerta:

(a) il-Kummissjoni għandha tavża fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej bil-ftuħ ta’ proċedura għall-offerta, filwaqt li tispeċifika partikolarment il-prodotti li għandhom ikunu maħżuna, il-limitu taż-żmien (id-data u s-siegħa) għall-għoti ta’ l-offerta u l-kwantitajiet minimi li għalihom l-offerta tkun tista’ tingħata;

(b) l-offerti jridu jsiru f’ecu u mogħtija lill-aġenzija ta’ l-intervent ikkonċernata bi qbil ma l-Artikolu 3(1) u (2);

(ċ) l-offerti għandhom jiġu eżaminati f’sessjonijiet privati mill-aġenziji xierqa għal dan il-għan ta’ l-Istati Membri; il-persuni preżenti għal dan l-eżami għandhom ikunu marbuta bil-ġurament tas-segretezza;

(d) l-offerti mogħtija għandhom b’mod anonimu jingħataw lill-Kummissjoni mill-Istati Membri, sabiex jaslu sa mhux aktar tard mit-tieni ġurnata tax-xogħol wara d-data finali għall-għoti tagħhom kif speċifikat fis-sejħa għall-offerti;

(e) meta ma tinġabar l-ebda offerta, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan fil-limitu taż-żmien kif speċifikat taħt (d);

(f) fuq il-bażi ta’ l-offerti mircieva, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24 tar-Regolament (KEE) Nru 2759/75, jew li tistabbilixxi ammont ta’ għajnuna massima, b’kunsiderazzjoni għall-kondizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2763/75, jew li ma tagħti l-ebda għajnuna;

(g) meta jkun ġie stabbilit ammont massimu ta’ l-għajnuna, l-offerti li ma jeċċedux dan l-ammont għandhom jiġu aċċettati.

2. Fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol wara l-ġurnata li l-Istati Membri jkunu nnotifikati bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni, l-aġenzija ta’ l-intervent ikkonċernata għandha tinforma lil dawk kollha li jkunu tefgħu l-offerti bid-deċizjoni meħuda permezz ta’ ittra reġistrata, bit-telex, bil-fax jew b’irċevuta bil-miktub.

Meta offerta tiġi aċċettata, il-kuntratt għandu jitqies li jkun ġie konkluz fil-ġurnata tat-tluq tan-notifika ta’ l-aġenzija ta’ l-intervent lil dawk li jkunu tefgħu l-offerti kif hemm referenza dwar dan fl-ewwel subparagrafu. L-aġenzija ta’ l-intervent għandha tispeċifika id-data li hemm referenza dwarha fl-Artikolu 3(3)(ċ) kif xieraq.

IT-TITOLU III

L-IĊĊEKJAR U S-SANZJONIJIET

L-Artikolu 13

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-kondizzjonijiet li jagħtu lok għad-dritt għall-għajnuna jkunu mwettqa. Għal dan il-għan huma għandhom jinnominaw l-awtorità nazzjonali li għandha tkun responsabbli għall-ivverifikar tax-xogħol tal-ħażna.

2. Il-parti kontraenti għandha tagħmilha possibli għall-awtorità awtorizzata sabiex din tagħmel il-kontrolli, jkollha d-dokumentazzjoni kollha, għal kull kuntratt, li jippermettu partikolarment li l-informazzjoni segwenti dwar il-prodotti mpoġġija fil-ħażna privata tiġi vverifikata:

(a) il-pussess komplut fiż-żmien tat-tpoġġija fil-ħażna;

(b) id-data tat-tpoġġija fil-ħażna;

(ċ) il-piż u n-numru ta’ kaxxi jew biċċiet ippakjati mod ieħor;

(d) il-preżenza ta’ prodotti fil-maħżen;

(e) id-data kkalkulata tat-tmiem tal-perjodu ta’ ħażna minima u meta l-Artikolu 9(4) jew (6) jiġi applikat, komplut bid-data reali tat-tneħħija.

3. Il-parti kontraenti jew, meta applikabbli, l-operatur tal-maħżen, għandu jżomm kont tal-ħażna disponibbli fil-maħżen li tkopri, bin-numru tal-kuntratt:

(a) l-identifikazzjoni tal-prodotti mpoġġija fil-ħażna privata;

(b) id-data tat-tpoġġija fil-ħażna u d-data kalkulata tat-tmiem tal-perjodu tal-ħażna minima, kompluta bid-data reali tat-tneħħija mill-ħażna;

(ċ) in-numru ta’ nofs karkasi, kaxxi jew biċċiet oħra maħżuna individwalment, deskrizzjoni tal-prodotti u l-piż ta’ kull pjattaforma jew biċċa oħra maħżuna individwalment, irreġistrata, fejn applikabbli, f’lottijiet individwali;

(d) il-lokazzjoni tal-prodotti fil-maħżen.

4. Il-prodotti maħżuna jridu jkunu faċilment identifikabbli u jridu jkunu identifikati individwalment mill-kuntratt. Kull pjattafoma u, fejn applikabli, kull biċċa maħżuna individwalment trid tiġi mmarkata b’mod hekk li n-numru tal-kuntratt, id-deskrizzjoni tal-prodott u l-piz ikunu jidhru. Id-data tat-tpoġġija fil-ħażna trid tkun tidher fuq kull lott individwali impoġġi fil-ħażna f’dik il-ġurnata.

Meta l-prodotti jiġu mpoġġija fil-ħażna, l-awtorità awtorizzata bix-xogħol tal-kontrolli għandha tivverifika l-identifikazzjoni li hemm referenza dwarha fl-ewwel subparagrafu u tista’ tissiġilla l-prodotti fil-ħażna.

5. L-awtorità awtorizzata li tagħmel il-kontrolli għandha tagħmel:

(a) għal kull kuntratt, verifika dwar il-konformità ma’ l-obbligi kollha elenkati fl-Artikolu 3(4);

(b) verifika obbligatorja sabiex jiġi assigurat li l-prodotti jkunu preżenti fil-maħżen matul l-aħħar ġimgħa tal-perjodu kontrattwali tal-ħażna;

(ċ) - jew l-issiġillar tal-prodotti kollha maħżuna taħt kuntratt skond it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4

jew

- kontroll ta’ kampjun għall-għarrieda sabiex jiġi assigurat li l-prodotti jkunu preżenti fil-maħżen. Il-kampjun meħud għandu jkun rappreżentattiv u jrid jikkorrispondi għall mill-anqas 10 % tal-kwantità kollha mpoġġija fil-ħażna f’kull Stat Membru taħt miżura ta’ għajnuna għall-ħażna privata. Dawn il-kontrolli għandhom jinkludu, minbarra l-ezami tal-kontijiet imsemmija fil-paragrafu 3, kontroll fiżiku fuq il-piż u t-tip tal-prodotti u l-identifikazzjoni tagħhom. Dawn il-kontrolli fiżiċi għandhom isiru fuq mill-anqas 5 % tal-kwantità suġġetta għall-kontroll għall-għarrieda.

L-ispejjez ta’ l-issiġillar u ċ-ċaqliq għall-kontroll għandhom jitħallsu mill-parti kontraenti.

6. Il-kontrolli permezz tal-paragrafu 5 għandhom ikunu soġġetti għal rapport li jgħid:

- id-data tal-kontroll,

- it-tul tiegħu

u

- l-operazzjoni mwettqa.

Ir-rapport fuq il-kontroll għandu jiġi ffirmat mill-uffiċjal responsabbli u kontro-firmat mill-parti kontraenti jew, meta applikabbli, mill-operatur tal-maħżen u għandu jiġi nkluz fil-fajl tal-pagamenti.

7. Fil-każ ta’ irregolaritajiet sinifikanti li jaffetwaw mill-anqas 5 % tal-kwantitajiet tal-prodotti koperti minn kuntratt wieħed soġġett għall-kontrolli, il-verifika għandha tiġi estiża għal kampjun akbar li għandu jkun iddeterminat mill-awtorità responsabbli għall-kontrolli.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw tali każijiet lill-Kummissjoni fi żmien erba’ ġimgħat.

L-Artikolu 14

Fil-każ meta jkun stabbilit u vverifikat mill-awtorità responsabbli awtorizzata bix-xogħol ta’ kontroll li d-dikjarazzjoni kif hemm referenza dwarha fl-Artikolu 3(3)(a) hija dikjarazzjoni falza, magħmula jew deliberatament jew b’negliġenza serja, il-parti kontraenti f’dak il-każ għandha tkun eskluża mir-reġim ta’ l-għajnuna għall-ħażna privata sa l-aħħar tas-sena ta’ wara dik li fiha tkun saret dik id-dikjarazzjoni falza.

IT-TITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

L-Artikolu 15

1. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dawk id-dispożizzjonijiet kollha adottati għall-applikar ta’ dan ir-Regolament.

2. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bit-telex jew bil-fax:

(a) qabel il-Ħamis ta’ kull ġimgħa u maqsumin skond il-perjodu tal-ħażna, bil-prodotti u l-kwantitajiet li kienu parti mill-applikazzjoni ta’ kuntratti, u bil-prodotti u l-kwantitajiet għal-liema jkunu ġew konklużi kuntratti matul il-ġimgħa ta’ qabel, u jagħtu ġabra fil-qosor tal-prodotti u l-kwantiajiet għal-liema jkun ġie konkluż kuntratt;

(b) kull xahar, tal-prodotti u l-kwantitjiet totali mpoġġija fil-ħażna;

(ċ) kull xahar, tal-prodotti u l-kwantitajiet totali fil-fatt fil-ħażna u tal-prodotti u l-kwantitajiet totali li għalihom ikun spiċċa l-perjodu kontrattwali tal-ħażna;

(d) kull xahar, jekk il-perjodu tal-ħażna jkun ġie mqassar jew miżjud skond l-Artikolu 3(3)(g) jew imnaqqas skond l-Artikolu 9(4) jew (6), tal-prodotti u l-kwantitajiet għal-liema l-perjodu tal-ħażna jkun ġie rivedut u bix-xhur oriġinali u riveduti għat-tneħħija mill-ħażna.

3. L-applikazzjoni tal-miżuri li hemm provvediment dwarhom f’dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-eżaminazzjoni regolari skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 25 tar-Regolament (KEE) Nru 2759/75.

L-Artikolu 16

1. Ir-Regolament (KEE) Nru 1092/80 huwa mħassar.

2. Ir-referenzi għar-Regolament imħassar mill-paragrafu 1 għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Ir-referenzi għall-Artikoli tar-Regolament (KEE) Nru 1092/80 għandhom jinqraw skond il-lista korrelattiva mogħtija fl-Annex.

L-Artikolu 17

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-ġurnata ta’ wara dik li fiha jkun ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu japplika għall-kuntratti konkliżi sa minn dik id-data.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-27 ta’ Novembru 1990.

Għall-Kummissjoni

Ray Mac Sharry

Membru tal-Kummisjoni

[1] ĠU L 282, ta’ l-1.11.1975, p. 1.

[2] ĠU L 129, tal-11.5.1989, p. 12.

[3] ĠU L 164, tad-29.6.1985, p. 1.

[4] ĠU L 201, tal-31.7.1990, p. 9.

[5] ĠU L 282, ta’ l-1.11.1975, p. 19.

[6] ĠU L 104, tal-11.5.1971, p. 12.

[7] ĠU L 82, tad-29.3.1990, p. 1.

[8] ĠU L 62, tas-7.3.1980, p. 5.

[9] ĠU L 199, tat-22.7.1983, p. 12.

[10] ĠU L 205, tat-3.8.1985, p. 5.

[11] ĠU L 364, ta’ l-14.12.1989, p. 54.

[12] ĠU L 124, tat-8.6.1971, p. 1.

[13] ĠU L 351, ta’ l-14.12.1987, p. 1.

[14] ĠU L 152, tas-16.6.1990, p. 33.

[15] ĠU L 114, tat-3.5.1980, p. 22.

[16] ĠU L 306, tal-11.11.1988, p. 32.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

KORRELAZZJONI

Ir-Regolament (KEE) Nru 1092/80 | Dan ir-Regolament |

L-Artikolu 1 | L-Artikolu 1 |

L-Artikolu 2 | L-Artikolu 2 |

L-Artikolu 3 | L-Artikolu 3(3) u (4) |

L-Artikolu 4 | L-Artikolu 3(1) u (2) |

– | L-Artikolu 4 |

L-Artikolu 5 | L-Artikolu 5 |

L-Artikolu 6 | L-Artikolu 6 |

– | L-Artikolu 7 |

L-Artikolu 7 | L-Artikolu 8 |

L-Artikolu 8 | L-Artikolu 9 |

L-Artikolu 9 | L-Artikolu 10 |

L-Artikolu 10 | L-Artikolu 11 |

L-Artikolu 11 | L-Artikolu 12 |

– | L-Artikolu 13 |

– | L-Artikolu 14 |

L-Artikolu 12 | L-Artikolu 15 |

L-Artikolu 13 | L-Artikolu 16 |

L-Artikolu 14 | L-Artikolu 17 |

--------------------------------------------------

Top