This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 31990L0313
Council Directive 90/313/EEC of 7 June 1990 on the freedom of access to information on the environment
Id-Direttiva tal-Kunsill tas-7 ta’ Ġunju 1990 dwar l-aċċess ħieles għall-informazzjoni dwar l-ambjent
Id-Direttiva tal-Kunsill tas-7 ta’ Ġunju 1990 dwar l-aċċess ħieles għall-informazzjoni dwar l-ambjent
ĠU L 158, 23.6.1990, p. 56–58
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)
No longer in force, Date of end of validity: 14/02/2005
Official Journal L 158 , 23/06/1990 P. 0056 - 0058
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 9 P. 0233
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 9 P. 0233
Id-Direttiva tal-Kunsill tas-7 ta’ Ġunju 1990 dwar l-aċċess ħieles għall-informazzjoni dwar l-ambjent (90/313/KEE) IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 130s tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3], Meta jitqiesu l-prinċipji u l-għanijiet stabiliti mill-programmi ta’ azzjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-ambjent ta’ l-1973 [4], 1977 [5] u 1983 [6], u b’mod aktar partikolari l-programm ta’azzjoni ta’ l-1987 [7], li jħeġġeġ, b’mod partikolari, għall-ħolqien ta’ "mezzi biex jitjieb l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni fil-pussess ta’ l-awtoritajiet ta’ l-ambjent’;" Billi l-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej u r-rappreżentanti tal-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri, waqt laqgħa tal-Kunsill, iddikjaraw fir-riżoluzzjoni tagħhom tad-19 t’Ottubru, 1987 fuq il-kontinwazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ politika u ta’ programm ta’ azzjoni tal-Komunità Ewropea dwar l-ambjent (mill-1987 sa l-1982) [8] li jkun ferm importanti, b’konformità mar-responsabbiltajiet rispettivi tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri, li jikkonċentraw l-azzjoni Komunitarja fuq ċerti oqsma ta’ projorità, inkluż l-aċċess aħjar għall-informazzjoni dwar l-ambjent; Billi l-Parlament Ewropew enfasizza, fl-opinjoni tiegħu għar-raba’ programm ta’ azzjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-ambjent [9], illi "l-aċċess għall-informazzjoni għal kulħadd għandu jsir possibbli permezz ta’ programm Komunitarju speċifiku’;" Billi l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent fil-pussess ta’ l-awtoritajiet pubbliċi għandu jtejjeb il-protezzjoni ambjentali; Billi d-disparitajiet bejn il-liġijiet fis-seħħ fl-Istati Membri dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent fil-pussess ta’ l-awtoritajiet pubbliċi jista’ joħloq diżugwaljanza ġewwa l-Komunità fir-rigward ta’ l-aċċess għall-informazzjoni u/jew fir-rigward tal-kompetizzjoni; Billi huwa neċessarju li jiġi ggarantit lil kull persuna naturali jew legali madwar il-Komunità l-aċċess liberu għall-informazzjoni disponibbli dwar l-ambjent f’forma miktuba, viżiva, mismugħa jew ta’ database fil-pussess ta’ l-awtoritajiet pubbliċi, dwar l-istat ta’ l-ambjent, l-attivitajiet jew il-miżuri li jeffettwaw ħażin, jew li x’aktarx jeffettwaw ħażin lill-ambjent, u dawk ippjanati biex jipproteġuh; Billi, f’ċerti każi speċifiċi u stabbiliti b’mod ċar, jista’ jkun ġustifikat ir-rifjut għal talba għall-informazzjoni dwar l-ambjent; Billi rifjut minn awtorità pubblika li tgħaddi l-informazzjoni mitluba għandu jiġi ġġustifikat; Billi għandu jkun possibbli għall-applikant li jappella kontra d-deċiżjoni ta’ l-awtorità pubblika; Billi l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent fil-pussess ta’ korpi b’responsabbiltajiet pubbliċi għall-ambjent u taħt il-kontroll ta’ awtoritajiet pubbliċi għandu wkoll jiġi żgurat; Billi, bħala parti minn strateġija globali sabiex tixxerred l-informazzjoni dwar l-ambjent, informazzjoni ġenerali għandha tiġi pprovduta b’mod attiv lill-pubbliku dwar l-istat ta’ l-ambjent; Billi t-tħaddim ta’ din id-Direttiva għandu jkun suġġett għal reviżjoni fid-dawl ta’ l-esperjenza miksuba, ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tiġi aċċertata l-libertà ta’ l-aċċess għal, u tixrid ta’ informazzjoni dwar l-ambjent fil-pussess ta’ awtoritajiet pubbliċi u sabiex jiġu stabbiliti t-termini u l-kondizzjonijiet bażiċi li bihom din l-informazzjoni għandha ssir disponibbli. Artikolu 2 Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva: (a) "informazzjoni dwar l-ambjent" għandha tfisser kwalunkwe informazzjoni disponibbli f’forma miktuba, viżiva, mismugħa, jew ġo database dwar l-istat ta’ l-ilma, l-arja, il-fawna, il-flora, il-ħamrija u s-siti naturali, u dwar attivitajiet (inklużi dawk li jwasslu għal inkonvenjent bħalma huwa l-ħoss) jew miżuri li jeffettwaw ħażin, jew li jistgħu jeffettwaw ħażin lil dawn, u dwar attivitajiet intiżi biex jipproteġu lil dawn, inklużi miżuri amministrattivi u programmi ta’ immaniġġar ta’ l-ambjent; (b) "awtoritajiet pubbliċi" għandha tfisser kwalunkwe amministrazzjoni pubblika fuq livell, nazzjonali, reġjonali jew lokali b’responsabbiltajiet, u li tippossedi informazzjoni, relatati ma’ l-ambjent bl-eċċezzjoni ta’ korpi li jaġixxu f’kapaċità ġudizzjarja jew leġiżlattiva. Artikolu 3 1. Ħlief kif previst f’dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet pubbliċi jkunu meħtieġa jagħmlu disponibbli informazzjoni dwar l-ambjent lil kull persuna naturali jew legali fuq talba tiegħu u bla ma jkollu għalfejn jipprova li jkollu xi interess. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-arranġamenti prattiċi li taħthom din l-informazzjoni ssir effettivament disponibbli. 2. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu biex talba għal din l-informazzjoni tiġi rrifjutata fejn tkun teffettwa: - il-kunfidenzalità tal-proċeduri ta’ awtoritajiet pubbliċi, relazzjonijiet internazzjonali u difiża nazzjonali, - sigurtà pubblika, - materji li jkunu, jew li kienu, sub judice, jew taħt inkjesta (inklużi inkjesti dixxiplinarji), jew li jkunu s-suġġett ta’ proċeduri ta’ investigazzjoni preliminari, - kunfidenzalità kummerċjali u industrijali, inkluża l-proprjetà intellettwali - il-kunfidenzalità ta’ data u/jew fajls personali, - materjal fornut minn parti terza bla ma’ dik il-parti tkun taħt obbligazzjoni legali biex tagħmel hekk, - materjal, li l-iżvelar tiegħu jkun se jagħmilha aktar probabbli li l-ambjent li dwaru dak il-materjal ikun jittratta tkun se ssirlu ħsara. Informazzjoni fil-pussess ta’ awtoritajiet pubbliċi għandha tingħata parzjalment fejn ikun possibbli biex tiġi sseparata informazzjoni dwar suġġetti relatati ma’ l-interessi hawn fuq imsemmija. 3. Talba għal informazzjoni tista’ tiġi rrifjutata fejn din tkun sa tinvolvi l-provvista ta’ dokumenti mhux lesti jew ta’ data jew komunikazzjonijiet interni, jew fejn it-talba tkun manifestament mhux raġonevoli jew ifformulata b’mod ġenerali żżejjed. 4. Awtorità pubblika għandha twieġeb lil persuna li tkun qed titlob informazzjoni mill-aktar fis possibbli u sa mhux aktar tard minn xahrejn. Ir-raġunijiet għal rifjut biex tiġi pprovduta l-informazzjoni mitluba għandhom jingħataw. Artikolu 4 Persuna li jidhrilha li t-talba tagħha għal informazzjoni tkun ġiet irrifjutata jew injorata b’mod mhux raġonevoli, jew ġiet imwieġba b’mod inadegwat minn awtorità pubblika, tista’ tfittex reviżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva tad-deċiżjoni skond is-sistema nazzjonali relevanti. Artikolu 5 L-Istati Membri jistgħu jitolbu l-ħlas għall-forniment ta’ l-informazzjoni, iżda dak il-ħlas m’għandux jaqbeż ammont raġonevoli. Artikolu 6 L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw li informazzjoni dwar l-ambjent fil-pussess ta’ korpi b’responsabbiltajiet pubbliċi dwar l-ambjent u taħt il-kontroll ta’ awtoritajiet pubbliċi ssir disponibbli bl-istess termini u kondizzjonijiet bħal dawk stabbiliti fl-Artikoli 3, 4 u 5 jew permezz ta’ l-awtorità pubblika kompetenti jew direttament mill-korp innifsu. Artikolu 7 L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha neċessarji biex jipprovdu informazzjoni ġenerali lill-pubbliku dwar l-istat ta’ l-ambjent b’mezzi bħall-pubblikazzjoni kull tant żmien ta’ rapporti deskrittivi. Artikolu 8 Erba’ snin wara d-data msemmija fl-Artikolu 9(1), l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar l-esperjenza akkwistata li fid-dawl tagħha l-Kummissjoni għandha tagħmel rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill flimkien ma’ kwalunkwe proposta għal reviżjoni li tidhrilha xierqa. Artikolu 9 1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex titħares din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru, 1992. Huma għandhom minnufih jinfurmaw b’dan lill-Kummissjoni. 2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-disposizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva. Artikolu 10 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Ġunju 1990. Għall-Kunsill Il-President P. Flynn [1] ĠU C 335, tat-30.12.1988, pġ. 5. [2] ĠU C 120, tas-16.5.1989, pġ. 231. [3] ĠU C 139, tal-5.6.1989, pġ. 47. [4] ĠU C 112, ta’ l-20.12.1973, pġ. 1. [5] ĠU C 139, tat-13.6.1977, pġ. 1. [6] ĠU C 46, tas-17.2.1983, pġ. 1. [7] ĠU C 70, tat-18.3.1987, pġ. 3. [8] ĠU C 289, tad-29.10.1987, pġ. 3. [9] ĠU C 156, tal-15.6.1987, pġ. 138. --------------------------------------------------