EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31989L0391

Id-Direttiva tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol

ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1–8 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 11/12/2008

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1989/391/oj

31989L0391



Official Journal L 183 , 29/06/1989 P. 0001 - 0008
Finnish special edition: Chapter 5 Volume 4 P. 0146
Swedish special edition: Chapter 5 Volume 4 P. 0146


Id-Direttiva tal-Kunsill

tat-12 ta' Ġunju 1989

dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol

(89/391/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 118a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1], magħmula wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà, l-Iġjene u l-Protezzjoni tas-Saħħa fuq ix-Xogħol,

F'kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-Artikolu 118a tat-Trattat jipprovdi li l-Kunsill għandu jadotta, permezz ta' Direttivi, ħtiġiet minimi sabiex jinkoraġġixxu titjib, speċjalment fl-ambjent tax-xogħol, biex jiggarantixxu livell aħjar ta' protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema;

Billi din id-Direttiva ma tiġġustifikax kwalunkwe tnaqqis fil-livelli ta' protezzjoni diġà milħuqa mill-Istati Membri individwali, l-Istat Membru minħabba li jkun marbut, taħt it-Trattat, li jinkoraġġixxi titjib fil-kondizzjonijiet f'dan il-qasam u li jarmonizza kondizzjonijiet waqt li jżomm it-titjib li jkun sar;

Billi huwa magħruf li l-ħaddiema jistgħu jkunu esposti għall-effetti ta' fatturi ambjentali perikolużi fuq il-post tax-xogħol matul il-kors tal-ħajja ta' ħidma tagħhom;

Billi, skond l-Artikolu 118a tat-Trattat, id-Direttivi bħal dawn għandhom jevitaw milli jimponu restrizzjonijiet amministrattivi, finanzjarji u legali li jżommu lura l-ħolqien u l-iżvilupp ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;

Billi l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-programm tagħha li jikkonċerna s-sigurtà, l-iġjene u s-saħħa fuq ix-xogħol [4] jipprovdi għall-adozzjoni tad-Direttivi mfassla sabiex jiggarantixxu s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema;

Billi il-Kunsill, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Diċembru 1987 dwar is-sigurtà, iġjene u s-saħħa fuq ix-xogħol [5], ħa nota ta' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tgħaddi lill-Kunsill fil-futur qrib, Direttiva dwar l-organizzazzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol;

Billi fi Frar 1988 il-Parlament Ewropew adotta erba' riżoluzzjonijiet wara d-dibattitu fuq is-suq intern u il-protezzjoni tal-ħaddiem; billi dawn ir-riżoluzzjonijiet stiednu b'mod speċifiku lill-Kummissjoni sabiex tfassal Direttiva ta' struttura sabiex isservi bħala bażi għal aktar Direttivi speċifiċi li jkopru r-riskji kollha marbuta mas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol;

Billi Stati Membri għandhom responsabbilità li jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fit-territorju tagħhom; billi it-teħid ta' miżuri għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fuq ix-xogħol tgħin ukoll, f'ċerti każijiet, fil-preservazzjoni tas-saħħa u possibiliment tas-sigurtà tal-persuni li jgħixu magħhom;

Billi hemm differenzi mhux ħażin fis-sistemi leġislattivi ta' Stati Membri li jkopru s-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol u għalhekk hemm bżonn li jiġu mtejbin; billi d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar is-suġġett, li ta' sikwit jinkludu speċifikazzjonijiet tekniċi u/jew standards li jirregolaw lilhom innfushom, jistgħu jirriżultaw f'livelli differenti ta' sigurtà u ta' protezzjoni tas-saħħa u jistgħu jippermettu kompetizzjoni bi ħsara għas-sigurtà u s-saħħa;

Billi l-inċidenza ta' aċċidenti fuq ix-xogħol u ta' mard ikkaġunat mix-xogħol għadu għoli ħafna; billi għandhom jiġu ntrodotti jew imtejba miżuri ta' prevenzjoni mingħajr dewmien sabiex jipproteġu is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema u sabiex jiżguraw livell ogħla ta' protezzjoni;

Billi, sabiex jiġi żgurat livell ogħla ta' protezzjoni, il-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jiġu informati bir-riskji għas-sigurtà u s-saħħa tagħhom u bil-miżuri meħtieġa sabiex jitnaqqsu jew jiġu eliminati dawn ir-riskji; billi għandhom ikunu wkoll f'pożizzjoni li jikkontribwixxu, permezz ta' parteċipazzjoni bilanċjata skond il-liġijiet u/jew prattiċi nazzjonali, li jaraw li jkunu ttieħdu l-miżuri protettivi meħtieġa;

Billi l-informazzjoni, d-djalogu u l-parteċipazzjoni bbilanċjata dwar is-sigurtà u saħħa fuq ix-xogħol bejn min iħaddem u l-impjegati u/jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jiġu żviluppati permezz ta' proċeduri u strument xierqa, skond il-liġijiet u/jew prattiċi nazzjonali;

Billi t-tijib fis-sigurtà, iġjene u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol huwa għan li ma għandux jiġi subordinat għal konsiderazzjonijiet purament ekonomiċi;

Billi min iħaddem għandu jkun obbligat li jżomm lilu nnifsu informat bl-aħħar żviluppi fit-teknoloġija u sejbiet xjentifiċi li jikkonċernaw it-tfassil ta' post tax-xogħol, għandu jingħata każ tal-perikoli fl-intrapriża tagħhom, u għandhom jinformaw lir-rappreżentanti tal-ħaddiema li jeżerċitaw id-drittijiet ta' parteċipazzjoni taħt din id-Direttiva bix-xieraq, sabiex ikunu jistgħu jiggarantixxu livell aħjar ta' protezzjoni tas-saħħa u sigurtà tal-ħaddiema;

Billi d-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva jgħoddu, mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħra tal-preżent jew tal-futur aktar stretti, għar-riskji kollha, u b'mod partikolari għal dawk li joħorġu mill-użu fuq ix-xogħol ta' aġenti kimiċi, fiżiċi u bioloġiċi koperti bid-Direttiva 80/1107/KEE [6], kif l-aħħar emendata b'Direttiva 88/642/KEE [7];

Billi, skond id-Deċiżjoni 74/325/KEE [8], il-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà, Iġjene u Protezzjoni tas-Saħħa fuq ix-Xogħol jiġi kkonsultat mill-Kummissjoni fuq l-abbozzar tal-proposti f'dan il-qasam;

Billi jeħtieġ li jiġi stabbilit Kumitat magħmul minn membri maħtura mill-Istati Membri sabiex jassisti lill-Kummissjoni fit-twettiq ta' l-addattazzjonijiet tekniċi għad-Direttivi individwali li għalihom hemm ipprovdut f'din id-Direttiva.

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

IT-TAQSIMA I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

L-Artikolu 1

Għan

1. L-għan ta' din id-Direttiva huwa li jiġu introdotti miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u fis-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol.

2. Għal dak il-għan fiha prinċipji ġenerali li jikkonċernaw il-prevenzjoni ta' riskji ikkaġunati mix-xogħol, il-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa, l-eliminazzjoni ta' fatturi ta' riskju u ta' aċċident, l-informar, ikkonsultar, parteċipazzjoni bilanċjata skond il-liġijiet u/jew prattiċi nazzjonali u t-taħriġ ta' ħaddiema u tar-rapreżentanti tagħhom, kif ukoll bħala linji ta' gwida ġenerali għall-implimentazzjoni ta' dawn il-prinċipji.

3. Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali u tal-Komunità eżistenti jew tal-futur li jkunu aktar favorevoli għall-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol.

L-Artikolu 2

Għan

1. Din id-Direttiva għandha tgħodd għas-setturi ta' attività kollha, kemm pubbliċi u kemm privati (industrijali, agrikoli, kummerċjali, amministrattivi, ta' servizz, edukattivi, kulturali, ta' serħan etċ.).

2. Din id-Direttiva ma għandhiex tgħodd fejn karatteristiċi partikolari għal ċerti attivitajiet ta' servizzi pubbliċi speċifiċi, bħall-forzi armati jew il-pulizija, jew għal ċerti attivitajiet speċifiċi fis-servizzi tal-protezzjoni ċivili, b'mod inevitabbli jmorru kontra tagħha.

F'dak il-każ, is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema għandhom ikunu żgurati sa fejn ikun possibbli fid-dawl ta' l-għanijiet ta' din id-Direttiva.

L-Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva, it-termini segwenti għandhom ikollhom it-tifsira segwenti:

(a) ħaddiem: kwalunkwe persuna mpjegata minn min iħaddem, inklużi dawk li jkunu għaddejjin minn taħriġ u apprentisti iżda ħaddiema li jaqdu fid-djar ma humiex inklużi;

(b) min iħaddem: kwalunkwe persuna naturali jew legali li jkollha relazzjoni ta' impjieg ma min iħaddem u li tkun responsabbli għall-impriża u/jew l-stabbiliment;

(ċ) rappreżentanti tal-ħaddiema b'responsabbilità speċifika għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema: kwalunkwe persuna eletta, magħżula jew maħtura skond il-liġijiet u/jew prattiċi nazzjonali sabiex tirrappreżenta ħaddiema li jkollhom problemi li jkollhom x'jaqsmu mas-sigurtà u mal-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol;

(d) prevenzjoni: il-passi jew miżuri kollha meħuda jew mfassla fil-fażijiet kollha ta' xogħol fl-intrapriża sabiex jipprevjenu jew inaqqsu riskji kkaġunati mix-xogħol.

L-Artikolu 4

1. Stati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li min iħaddem, il-ħaddiema u r-rappreżentanti tal-ħaddiema ikunu soġġetti għad disposizzjonijiet legali meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva.

2. B'mod partikolari, Stati Membri għandhom jiżguraw kontrolli u sorveljanzi adegwati.

IT-TAQSIMA II

OBBLIGI TA' MIN IĦADDEM

L-Artikolu 5

Dispożizzjonijiet ġenerali

1. Min iħaddem għandu jkollu l-obbligu li jiżgura s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema f'kull aspett relatat max-xogħol.

2. Fejn, skond l-Artikolu 7(3), min iħaddem jelenka servizzi esterni jew persuni kompetenti, dan ma għandux jeħilsu mir-responsabbilitajiet f'dan il-qasam.

3. L-obbligi tal-ħaddiema fil-qasam tas-sigurtà u tas-saħħa fuq ix-xogħol ma għandhomx jaffettwaw il-prinċipju tar-responsabbilità ta' min iħaddem.

4. Din id-Direttiva ma għandhiex tillimita l-għażla ta' l-Istati Membri milli jipprovdu għall-esklużjoni jew il-limitazzjoni tar-responsabbilità ta' min iħaddem fejn l-okkorrenzi jkunu dovuti għal ċirkostanzi mhux tas-soltu u li ma setgħux jiġu mbassra, mhux fil-kontroll ta' min iħaddem, jew minħabba każijiet eċċezzjonali, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja li tkun ingħatat kull attenzjoni meħtieġa.

Ma hemmx bżonn li l-Istati Membri jeżerċitaw l-għażla li hemm riferenza għaliha fl-ewwel subparagrafu.

L-Artikolu 6

Obbligi Ġenerali għal min iħaddem

1. Fi ħdan il-kuntest tar-responsabbilitajiet tiegħu, min iħaddem għandu jieħu l-miżuri meħtieġa għas-sigurtà u l-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema, inkluż il-prevenzjoni tar-riskji ikkaġunati mix-xogħol u l-għoti ta' informazzjoni u taħriġ, kif ukoll ta' l-għoti ta' l-organizzazzjoni u mezzi meħtieġa.

Min iħaddem għandu joqgħod attent għall-ħtieġa li jaġġusta dawn il-miżuri sabiex jagħtu kas taċ-ċirkostanzi li jinbidlu u jimmira għat-titjib tas-sitwazzjonijiet eżistenti.

2. Min iħaddem għandu jimplimenta l-miżuri li hemm riferenza għalihom fl-ewwel subparagrafu ta' paragrafu 1 fuq il-bażi tal-prinċipji ġenerali ta' prevenzjoni segwenti:

(a) l-evitar ta' riskji;

(b) l-evalwar tar-riskji li ma jkunux jistgħu jiġu evitati:

(ċ) il-ġlieda kontra r-riskji mis-sors;

(d) addattazzjoni tax-xogħol għall-individwu, speċjalment fir-rigward tat-tfassil ta' postijiet ta' xogħol, l-għażla ta' l-apparat tax-xogħol u l-għażla tal-metodi ta' xogħol u produzzjoni, b'mod partikolari, sabiex jitnaqqas ix-xogħol monotonu u xogħol b'rata predeterminata ta' xogħol u għat-tnaqqis ta' l-effett tagħhom fuq is-saħħa.

(e) addattazzjoni għall-progress tekniku;

(f) bdil tal-perikoluż ma' dak li mhux perikoluż jew anqas perikoluż;

(g) żviluppar ta' polza ta' prevenzjoni fuq kollox koerenti li tkopri t-teknoloġija, l-organizzazzjoni tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol, relazzjonijiet soċjali u l-influwenza ta' fatturi relatati ma' l-ambjent tax-xogħol;

(h) l-għoti ta' prijorità għall-miżuri ta' protezzjoni kollettivi fuq miżuri ta' protezzjoni individwali;

(i) għoti ta' istruzzjonijiet xierqa lill-ħaddiema.

3. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta' din id-Direttiva, min iħaddem għandu, jagħti każ tan-natura ta' l-attivitajiet ta' l-intrapriża u/jew ta' l-istabbiliment:

(a) jevalwa r-riskji għas-sigurtà u għas-saħħa tal-ħaddiema, fosthom fl-għażla ta' apparat tax-xogħol, is-sustanzi kimiċi jew preparazzjonijiet użati, u t-tfassil ta' postijiet tax-xogħol.

Wara din l-evalwazzjoni u kif ikun hemm bżonn, il-miżuri ta' prevenzjoni u l-metodi ta' xogħol u ta' produzzjoni implimentati minn min iħaddem għandhom:

- jassigura titjib fil-livell ta' protezzjoni offruta lill-ħaddiema fir-rigward tas-sigurtà u s-saħħa,

- ikunu integrati fl-attivitajiet kollha ta' l-intrapriża u/jew stabbiliment u fil-livelli ġerarkiċi kollha;

(b) fejn jafda xogħlijiet lil ħaddiem partikolari, għandu jagħti kas tal-kapaċitajiet tal-ħaddiem fir-rigward tas-saħħa u s-sigurtà;

(ċ) jiżgura li l-ippjanar u l-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda jkunu soġġetti għal konsultazzjoni mal-ħaddiema u/jew mar-rappreżentanti tagħhom, fir-rigward tal-konsegwenzi ta' l-għażla ta' l-apparat, kondizzjonijiet ta' xogħol u l-ambjent tax-xogħol għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema;

(d) jieħu passi xierqa li jiżguraw li ħaddiema li jkunu rċevew struzzjonijiet xierqa biss ikun jista' jkollhom aċċess għal żoni fejn ikun hemm xi perikoli serji u speċifiċi.

4. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta' din id-Direttiva, fejn bosta intrapriżi jaqsmu post tax-xogħol, dawk li jħaddmu għandhom jikkooperaw fl-implimentazzjoni tad-disposizzjonijiet ta' sigurtà, saħħa u iġjene fuq ix-xogħol u, tan-natura ta' l-attivitajiet, għandhom jikkordinaw l-azzjonijiet tagħhom f'affarijiet li jkollhom x'jaqsmu mal-protezzjoni u prevenzjoni ta' riskji ikkaġunat mix-xogħol, u għandhom jinfurmaw wieħed lill-ieħor u l-ħaddiema rispettivi tagħhom u/jew rappreżentanti tal-ħaddiema b'dawn ir-riskji.

5. Miżuri relatati mas-sigurtà, l-iġjene u s-saħħa fuq ix-xogħol ma għandhom fl-ebda ċirkostanza idaħħlu lill-ħaddiema fi spiża finanzjarja.

L-Artikolu 7

Servizzi ta' protezzjoni u ta' prevenzjoni

1. Mingħajr preġudizzju għall-obbligi li hemm riferenza għalihom fl-Artikoli 5 u 6, min iħaddem għandu jaħtar ħaddiem wieħed jew aktar sabiex iwettaq attivitajiet relatati mal-protezzjoni u mal-prevenzjoni ta' riskji kkaġunati mix-xogħol għall-intrapriża u/jew l-istabbiliment.

2. Ħaddiema maħtura ma jistgħux jiġu mqiegħda f'xi żvantaġġ minħabba l-attivitajiet tagħhom relatati mal-protezzjoni u prevenzjoni ta' riskji kkaġunati mix-xogħol.

Ħaddiema maħtura għandhom ikollhom ħin addattat sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom li ġejjin minn din id-Direttiva.

3. Jekk dawn il-miżuri ta' protezzjoni u prevenzjoni ma jkunux jistgħu jiġu organizzati minħabba nuqqas ta' persunal kompetenti fl-intrapriża u/jew stabbiliment, min iħaddem għandu jelenka is-servizzi esterni jew persuni kompetenti.

4. Fejn min iħaddem jelenka s-servizzi jew persuni bħal dawn, għandu jinformahom bil-fatturi magħrufa li jaffettwaw, jew li jkun hemm suspett li jeffettwaw, is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema u għandhom ikollhom aċċess għall-informazzjoni li hemm riferenza għaliha fl-Artikolu 10(2).

5. Fil-każijiet kollha:

- il-ħaddiema maħtura għandhom ikollhom il-kapaċitajiet neċċessarji u l-mezzi neċessarji,

- is-servizzi esterni jew persuni kkonsultati għandu jkollhom l-abilitajiet neċessarji u l-mezzi personali u professjonali neċessarji, u

- il-ħaddiema maħtura u s-servizzi esterni jew persuni kkonsultati għandhom ikunu biżżejjed fin-numru

sabiex ikunu jistgħu iħabbtu wiċċhom ma' l-organizzazzjoni ta' miżuri ta' protezzjoni u prevenzjoni, li jagħtu kas tad-daqs ta' l-intrapriża u/jew ta' l-istabbiliment u/jew tal-perikoli li għalihom il-ħaddiema jkunu esposti u d-distribuzzjoni tagħhom fl-intrapriża u/jew fl-istabbiliment kollu.

6. Il-protezzjoni minn, u l-prevenzjoni ta', riskji tas-saħħa u tas-sigurtà li jifformaw is-suġġett ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu r-responsabbilità ta' ħaddiem wieħed jew aktar, ta' servizz wieħed jew ta' servizzi separati kemm minn ġewwa u kemm minn barra ta' l-intrapriża u/jew stabbiliment.

Il-ħaddiem(a) u/jew aġenzija(i) għandhom jaħdmu flimkien kull meta jkun hemm bżonn.

7. Stati Membri jistgħu jiddefinixxu, fid-dawl tan-natura ta' l-attivitajiet u d-daqs ta' l-intrapriżi, il-kategoriji ta' l-intrapriżi li fihom min iħaddem, sakemm ikun kompetenti, ikun jista' jieħu responsabbilità hu nnifsu għall-miżuri li hemm riferenza għalihom fil-paragrafu 1.

8. Stati Membri għandhom jiddefinixxu l-kapaċitajiet u l-attitudnijiet meħtieġa li hemm riferenza għalihom fil-paragrafu 5.

Jistgħu jistabbilixxu n-numru suffiċjenti li hemm riferenza għalih fil-paragrafu 5.

L-Artikolu 8

L-ewwel għajnuna, tifi tan-nar u evakwazzjoni ta' ħaddiema, perikolu serju u imminenti

1. Min iħaddem għandu:

- jieħu l-miżuri meħtieġa għall-ewwel għajnuna, tifi tan-nar u evakwazzjoni ta' ħaddiema, addattati għan-natura ta' l-attivitajiet u d-daqs ta' l-intrapriża u/jew stabbiliment u jagħtikas ta' persuni oħra preżenti,

- jagħmel kwalunkwe kuntatti meħtieġa ma' servizzi esterni, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-ewwel għajnuna, kura medika ta' emerġenza, xogħol ta' salvataġġ u tifi tan-nar.

2. Skond paragrafu 1, min iħaddem għandu, inter alia, għall-ewwel għajnuna, tifi tan-nar u l-evakwazzjoni ta' ħaddiema, jaħtar il-ħaddiema meħtieġa sabiex jimplimentaw miżuri bħal dawn.

In-numru ta' ħaddiema bħal dawn, it-taħriġ tagħhom u l-apparat disponibbli għalihom għandu jkun adekwat, billi jingħata kas tad-daqs u/jew tal-perikoli speċifiċi ta' l-intrapriża u/jew stabbiliment.

3. Min iħaddem għandu:

(a) malajr kemm jista' jkun, jinforma lill-ħaddiema kollha li jkunu, jew li jistgħu jkunu, esposti għal perikolu serju u imminenti tar-riskju involut u tal-passi meħuda jew li għandhom jittieħdu fir-rigward ta' protezzjoni;

(b) jieħu azzjoni u jagħti struzzjonijiet sabiex il-ħaddiema fil-każ ta' perikolu serju, imminenti u li ma jkunx jista' jiġi evitat iwaqqfu x-xogħol u/jew iħallu l-post tax-xogħol u jibqgħu sejrin lejn il-post ta' sigurtà immedjatament;

(ċ) minbarra f'każijiet eċċezzjonali għal raġunjiet sostanzjati kif dovut, jieqaf milli jsaqsi lill-ħaddiema milli jerġgħu jibdew ix-xogħol f'sitwazzjoni ta' xogħol fejn ikun għad baqa' perikolu serju u imminenti.

4. Ħaddiema li, fil-każ ta' perikolu serju, imminenti u li ma jistax jiġi evitat, iħallu l-istazzjon ta' xogħol tagħhom u/jew żona perikoluża ma jistgħux jitqiegħdu f'xi żvantaġġ minħabba l-azzjoni tagħhom u għandhom jiġu protetti kontra xi konsegwenzi ta' ħsara u mhux ġustifikati, skond il-liġijiet u/jew prattiċi nazzjonali.

5. Min iħaddem għandu jiżgura li l-ħaddiema kollha jkunu jistgħu, fil-każ ta' perikolu serju u imminenti għas-sigurtà tagħhom u/jew dik ta' persuni oħra, u fejn il-persuna fi grad ogħla responsabbli ma tkunx tista' tiġi kkuntattjata, jieħu l-passi addattati fid-dawl ta' l-għarfien tagħhom u l-mezzi tekniċi għad-dispożizzjoni tagħhom, sabiex jiġu evitati konsegwenzi ta' perikolu bħal dawn.

L-azzjonijiet tagħhom ma għandhomx ipoġġuhom f'xi żvantaġġ, sakemm ma jkunux aġixxew bi traskuraġni jew sakemm ma kienx hemm negliġenza min-naħa tagħhom.

L-Artikolu 9

Obbligi varji fuq minn iħaddem

1. Min iħaddem għandu:

(a) ikun fil-pussess ta' stima tar-riskji għas-sigurtà u s-saħħa fuq ix-xogħol, inklużi dawk li jiltaqgħu magħhom gruppi ta' ħaddiema esposti għal riskji partikolari;

(b) jiddeċiedi fuq il-miżuri ta' protezzjoni li għandhom jittieħdu u, fejn ikun hemm bżonn, it-tagħmir protettiv li għandu jintuża;

(ċ) iżomm lista ta' aċċidenti ikkaġunati mix-xogħol li jirriżultaw f'ħaddiem ma jkunx tajjeb għax-xogħol għal aktar minn tlett ijiem xogħol;

(d) ifassal, għall-awtoritajiet responsabbli u skond il-liġijiet u/jew prattiċi nazzjonali, rapporti dwar aċċidenti ikkaġunati mix-xogħol imġarrba mill-ħaddiema tiegħu.

2. Stati Membri għandhom jiddefinixxu, fid-dawl tan-natura ta' l-attivitajiet u d-daqs ta' l-intrapriżi, l-obbligi li għandhom jiġu sodisfatti mill-kategoriji differenti ta' l-intrapriżi fir-rigward tat-tfassil ta' dokumenti li għalihom hemm provdut fil-paragrafu 1(a) u (b) u meta jiġu mħejjija d-dokumenti li għalihom hemm ipprovdut fil-paragrafu 1(ċ) u (d).

L-Artikolu 10

Informazzjoni tal-ħaddiem

1. Min iħaddem għandu jieħu l-miżuri xierqa sabiex ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom fl-intrapriża u/jew stabbiliment jirċievu, skond il-liġijiet u/jew prattiċi nazzjonali li jistgħu jagħtu każ, inter alia, tad-daqs ta' l-intrapriża u/jew stabbiliment, ta' l-informazzjoni kollha li tikkonċerna:

(a) ir-riskji tas-sigurtà u s-saħħa u miżuri ta' protezzjoni u prevenzjoni u attivitajiet fir-rigward kemm ta' l-intrapriża u/jew stabbiliment inġenerali kif ukoll ta' kull tip ta' stazzjon ta' xogħol u/jew xogħol;

(b) il-miżuri għandhom jittieħdu skond l-Artikolu 8(2).

2. Min iħaddem għandu jieħu miżuri xierqa sabiex sidien ta' impjiegi ta' ħaddiema minn kwalunkwe intrapriżi u/jew stabbilimenti barranin li jkunu qegħdin jagħmlu xogħol ta' l-intrapriża tiegħu u/jew stabbiliment jirċievu, skond il-liġijiet u/jew prattiċi nazzjonali, informazzjoni xierqa li tikkonċerna l-punti li hemm riferenza għalihom fil-paragrafu 1(a) u (b) li għandha tiġi pprovduta lill-ħaddiema msemmija.

3. Min iħaddem għandu jieħu miżuri xierqa sabiex ħaddiem b'funzjonijiet speċifiċi fil-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, jew rappreżentanti tal-ħaddiema b'responsabbilità speċifika għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema ikollhom aċċess, sabiex jaqdu l-funzjonijiet tagħhom u skond il-liġijiet u/jew prattiċi nazzjonali, għal:

(a) stima ta' riskju u miżuri ta' protezzjoni li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 9(1)(a) u (b);

(b) il-lista u r-rapporti li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 9(1)(ċ) u (d);

(ċ) l-informazzjoni maħruġa mill-miżuri ta' protezzjoni u ta' prevenzjoni, aġenziji ta' spezzjoni u korpi responsabbli mis-sigurtà u s-saħħa.

L-Artikolu 11

Konsultazzjoni u parteċipazzjoni ta' ħaddiema

1. Min iħaddem għandu jikkonsulta mal-ħaddiema u/jew mar-rappreżentanti tagħhom u jħallihom jieħdu sehem fid-diskussjonijiet dwar il-mistoqsijiet kollha li jkollhom x'jaqsmu mas-sigurtà u mas-saħħa fuq ix-xogħol.

Din tassumi:

- il-konsultazzjoni mal-ħaddiema,

- id-dritt tal-ħaddiema u/jew tar-rappreżentanti tagħhom li jagħmlu proposti,

- parteċipazzjoni bbilanċjata skond il-liġijiet u/jew prattiċi nazzjonali.

2. Ħaddiema jew rappreżentanti tal-ħaddiema b'responsabilità speċifika għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema għandhom jieħdu sehem b'mod ibbilanċjat, skond il-liġijiet u/jew prattiċi nazzjonali, jew għandhom jiġu kkonsultati bil-quddiem u fi żmien xieraq minn min iħaddem fir-rigward ta':

(a) kwalunkwe miżura li tista' taffettwa sostanzjalment is-sigurtà u s-saħħa;

(b) il-ħatra tal-ħaddiema li hemm riferenza għalihom fl-Artikoli 7(1) u 8(2) u l-attivitajiet li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 7(1);

(ċ) l-informazzjoni li hemm riferenza għaliha fl-Artikoli 9(1) u 10;

(d) l-elenkar, fejn ikun addattat, tas-servizzi jew persuni kompetenti barra mill-intrapriża u/jew stabbiliment, kif hemm riferenza għalih fl-Artikolu 7(3);

(e) l-ippjanar u l-organizzazzjoni tat-taħriġ li hemm riferenza għalih fl-Artikolu 12.

3. Rappreżentanti tal-ħaddiema b'responsabbilità speċifika għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema għandhom ikollhom id-dritt li jitolbu lil min iħaddem sabiex jieħu miżuri xierqa u jgħaddulu proposti għal dak il-għan sabiex inaqqsu l-perikoli għal ħaddiema u/jew ineħħu sorsi ta' perikolu.

4. Il-ħaddiema li hemm riferenza għalihom fil-paragrafu 2 u r-rappreżentanti tal-ħaddiema li hemm riferenza għalihom fil-paragrafi 2 u 3 ma jistgħux jiġu mqiegħda f'xi żvantaġġ minħabba l-attivitajiet rispettivi li hemm riferenza għalihom fil-paragrafi 2 u 3.

5. Min iħaddem għandu jagħti lir-rappreżentanti tal-ħaddiema b'responsabbilità speċifika għas-sigurtà u għas-saħħa tal-ħaddiema biżżejjed żmien barra mix-xogħol, mingħajr telf ta' paga, u jipprovdilhom il-mezzi meħtieġa sabiex dawn ir-rappreżentanti jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet u l-funzjonijiet tagħhom li joħorġu minn din id-Direttiva.

6. Ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom huma intitolati għad-dritt li jappellaw, skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali, lill-awtorità responsabbli għas-sigurtà u protezzjoni ta' saħħa fuq ix-xogħol jekk jikkunsidraw li l-miżuri meħuda u l-mezzi mħaddma minn min iħaddem ma jkunux addattati għall-għanijiet li jkunu żgurati s-sigurtà u saħħa fuq ix-xogħol.

Rappreżentanti tal-ħaddiema għandha tingħatalhom l-opportunità li jissottomettu l-osservazzjonijiet matul il-visiti ta' spezzjoni mill-awtorità kompetenti.

L-Artikolu 12

Taħriġ ta' ħaddiema

1. Min iħaddem għandu jiżgura li kull impjegat jirċievi taħriġ ta' sigurtà u saħħa adegwat, b'mod partikolari fil-forma ta' informazzjoni u struzzjonijiet speċifiċi għall-istazzjon ta' xogħol tiegħu jew xogħol:

- meta jiġi ingaġġat,

- fil-każ ta' trasferiment jew bdil ta' xogħol,

- fil-każ ta' l-introduzzjoni ta' apparat ta' xogħol ġdid jew bdil ta' apparat,

- fil-każ ta' introduzzjoni ta' kwalunkwe teknoloġija ġdida.

It-taħriġ għandu jkun:

- addattat sabiex jagħti kas ta' riskji ġodda jew li nbidlu, u

- repetut perjodikament jekk ikun hemm bżonn.

2. Min iħaddem għandu jiżgura li ħaddiema minn intrapriżi u/jew stabbilimenti barranin, ingaġġati fuq xogħol fl-intrapriża u/jew stabbiliment tiegħu jkunu fil-fatt irċevew struzzjonijiet xierqa fir-rigward ta' riskji ta' sigurtà u saħħa matul l-attivitajiet tagħhom fl-intrapriża u/jew stabbiliment tiegħu.

3. Rappreżentanti tal-ħaddiema bir-rwol speċifiku li jipproteġu s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema għandhom ikunu intitolati għal taħriġ xieraq.

4. It-taħriġ li hemm riferenza għalih fil-paragrafi 1 u 3 ma għandux ikun a spejjeż tal-ħaddiema jew tar-rappreżentanti tal-ħaddiema.

It-taħriġ li hemm riferenza għalih fil-paragrafu 1 għandu jsir matul is-sigħat ta' xogħol.

It-taħriġ li hemm riferenza għalih fil-paragrafu 3 għandu jsir matul is-sigħat ta' xogħol u skond il-prattika nazzjonali kemm jekk minn ġewwa jew barra l-intrapriża u/jew l-istabbiliment.

IT-TAQSIMA III

OBBLIGI TAL-ĦADDIEMA

L-Artikolu 13

1. Għandha tkun ir-responsabbilità ta' kull impjegat li jieħu ħsieb sa fejn ikun possibbli tas-sigurtà u tas-saħħa tiegħu stess u dik ta' persuni oħra effettwati mill-azzjonijiet tiegħu jew Kummissjonijiet ta' xogħol skond it-taħriġ tiegħu u l-istruzzjonijiet mogħtija minn min iħaddmu.

2. Għal dan il-għan, ħaddiema għandhom, b'mod partikolari, skond it-taħriġ tagħhom u l-istruzzjonijiet mogħtija minn min iħaddimhom:

(a) jagħmlu użu korrett ta' makkinarju, apparat, għodda, sustanzi perikolużi, tagħmir tat-trasport u mezzi oħra ta' produzzjoni;

(b) jagħmlu użu korrett tat-tagħmir ta' protezzjoni pprovdut lilhom u, wara l-użu, jirritornawh fil-post addattat tiegħu;

(ċ) iżommu lura milli jiskonnettjaw, ibiddlu jew ineħħu arbitrarjament aġġeġġi ta' sigurtà mwaħħla, eż ma' makkinarju, apparat, għodda, impjant u bini, u jużaw b'mod korrett aġġeġġi ta' sigurtà bħal dawn;

(d) jinformaw immedjatament lil min iħaddimhom u/jew lill-ħaddiema b'responsabilità speċifika għas-sigurtà u saħħa tal-ħaddiema b'xi sitwazzjoni ta' xogħol jekk għandhom raġuni biżżejjed sabiex jikkunsidraw li tkun ta' perikolu serju u immedjat għas-sigurtà u s-saħħa u bi kwalunkwe nuqqasijiet fl-arranġamenti ta' protezzjoni;

(e) jikkooperaw, skond il-prattika nazzjonali, ma' min iħaddem u/jew ħaddiema b'responsabilità speċifika għas-sigurtà u saħħa ta' ħaddiema, sa fejn hu bżonjuż sabiex iħallu xi xogħlijiet jew ħtiġiet imposti mill-awtorità kompetenti sabiex jipproteġu s-sigurtà u saħħa ta' ħaddiema fuq ix-xogħol li għandu jsir;

(f) jikkooperaw, skond il-prattika nazzjonali, ma min iħaddem u/jew ma' ħaddiema b'responsabilità speċifika għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, kemm ikun hemm bżonn sabiex min iħaddem ikun jista' jiżgura li l-ambjent tax-xogħol u l-kondizzjonijiet tax-xogħol ikunu bla perikoli u ma jkunux ta' perikolu għas-sigurtà u saħħa fil-qasam ta' l-attività tagħhom;

IT-TAQSIMA IV

DISPOŻIZZJONIJIET MIXXELLANJI

L-Artikolu 14

Sorveljanza tas-saħħa

1. Sabiex ikun żgurat li l-ħaddiema jirċievu sorveljanza xierqa tas-saħħa għall-perikoli ta' saħħa u sigurtà li jiltaqgħu magħhom fuq ix-xogħol, għandhom jiġu introdotti miżuri skond il-liġi u/jew prattiċi nazzjonali.

2. Il-miżuri li hemm riferenza għalihom fil-paragrafu 1 għandhom ikunu tali li kull impjegat, jekk ikun jixtieq hekk, ikun jista' jirċievi sorveljanza tas-saħħa f'intervalli regolari.

3. Is-sorveljanza tas-saħħa tista' tiġi pprovduta bħala parti minn sistema ta' saħħa nazzjonali.

L-Artikolu 15

Gruppi ta' riskju

Gruppi tar-riskju partikolarment sensittivi għandhom jiġu protetti kontra l-perikoli li jaffettwawhom speċifikament.

L-Artikolu 16

Direttivi individwali — Emendi — Għan Ġenerali ta' din id-Direttiva

1. Il-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni bbażata fuq l-Artikolu 118a tat-Trattat, jadotta d-Direttivi individwali, inter alia, fiż-żoni mniżżla fl-Anness.

2. Din id-Direttiva u, mingħajr preġudizzju għall-proċedura li hemm riferenza għaliha fl-Artikolu 17 li tikkonċerna aġġustamenti tekniċi, id-Direttivi individwali jistgħu jiġu emendati skond il-proċedura li għaliha hemm ipprovdut fl-Artikolu 118a tat-Trattat.

3. Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandhom jgħoddu fit-totalità tagħhom għaż-żoni kollha koperti mid-Direttivi individwali, mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet aktar stretti u/jew speċifiċi li hemm f'dawn id-Direttivi individwali.

L-Artikolu 17

Il-Kumitat

1. Għall-aġġustamenti purament tekniċi għad-Direttivi individwali li għalihom hemm ipprovdut fl-Artikolu 16(1) għandu jingħata kas ta':

- l-addozzjoni tad-Direttivi fil-qasam ta' armonizzazzjoni u standardizzazzjoni teknika, u/jew

- il-progress tekniku, bidliet f'regolamenti jew speċifikazzjonijiet internazzjonali, u sejbiet ġodda,

il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat magħmul mir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri u ppreseduta mir-rappreżentant tal-Kummissjoni.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jippreżenta lill-kumitat b'abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu.

Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar dan l-abbozz f'limitu ta' żmien li jista' jistipulah il-President skond l-urġenza tal-każ.

L-opinjoni għandha tingħata mill-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta' deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun jeħtieġ li jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni.

Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat għandhom jiġu peżati hekk kif stabbilit f'dak Artikolu. Il-president ma għandux jivvota.

3. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri mbassra jekk ikunu bi qbil ma' l-opinjoni tal-kumitat.

Jekk il-miżuri mbassra ma jkunux bi qbil ma' l-opinjoni tal-kumitat, jew jekk ma tingħata l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tippreżenta proposta lill-Kunsill li jkollha x'taqsam mal-miżuri li jkollhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata.

Jekk, malli jiskadu t-tliet xhur mid-data tar-riferenza lill-Kunsill, il-Kunsill ma jkunx aġixxa, il-miżuri proposti għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni.

L-Artikolu 18

Dispożizzjonijiet finali

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mil-31 ta' Diċembru 1992.

Għandhom jinformaw mal-ewwel lill-Kummissjoni bihom

2. Stati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ta' liġi nazzjonali li huma jkunu diġà adottaw jew jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

3. Stati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni kull ħames snin, dwar l-implimentazzjoni prattika tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, billi jindikaw l-opinjonijiet ta' min iħaddem u tal-ħaddiema.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kunsill Konsultattiv bis-Sigurtà, Iġjene u Protezzjoni tas-Saħħa fuq ix-Xogħol.

4. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta perjodikament lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali b'rapport dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, filwaqt li tagħti kas ta' paragrafi 1 sa 3.

L-Artikolu 19

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula l-Lussemburgu, fit-12 ta' Ġunju 1989.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Chaves Gonzales

[1] ĠU C 141, tat-30.5.1988, p. 1.

[2] ĠU C 326, tad-19.12.1988, p. 102, u ĠU C 158, tas-26.6.1989.

[3] ĠU C 175, ta' l-4.7.1988, p. 22.

[4] ĠU C 28, tat-3.2.1988, p. 3.

[5] ĠU C 28, tat-3.2.1988, p. 1.

[6] ĠU L 327, tat-3.12.1980, p. 8.

[7] ĠU L 356, ta' l-24.12.1988, p. 74.

[8] ĠU L 185, tad-9.7.1974, p. 15.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

Lista ta' żoni li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 16(1)

- Postijiet tax-xogħol

- Tagħmir tax-xogħol

- Tagħmir personali ta' protezzjoni

- Xogħol b'visual display units

- Immaneġġjar ta' piżijiet tqal li jinvolvi riskju ta' uġigħ tad-dahar

- Postijiet tax-xogħol temporanji jew mobbli

- Sajd u agrikoltura

--------------------------------------------------

Top