Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31988L0599

    Id-Direttiva tal-Kunsill tat-23 ta' Novembru 1988 dwar il-proċeduri standard ta' kontroll għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq u r-Regolament (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta' reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq

    ĠU L 325, 29.11.1988, p. 55–57 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/04/2006; Imħassar b' 32006L0022

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1988/599/oj

    31988L0599



    Official Journal L 325 , 29/11/1988 P. 0055 - 0057
    Finnish special edition: Chapter 5 Volume 4 P. 0135
    Swedish special edition: Chapter 5 Volume 4 P. 0135


    Id-Direttiva tal-Kunsill

    tat-23 ta' Novembru 1988

    dwar il-proċeduri standard ta' kontroll għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq u r-Regolament (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta' reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq

    (88/599/KEE)

    IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 75 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

    Wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, fl-20 ta' Diċembru 1985 sabiex itejbu l-implimentazzjoni tar-regolamenti soċjali fit-trasport bit-triq [4],

    Billi r-Regolamenti (KEE) Nru 3820/85 [5] u (KEE) Nru 3821/85 [6] huma importanti sabiex jinħoloq suq komuni għas-servizzi tat-trasport intern;

    Billi l-applikazzjoni xierqa tar-regolamenti soċjali fit-trasport bit-triq teħtieġ kontroll uniformi u effettivi mill-Istati Membri;

    Billi huwa meħtieġ li jiddaħħlu rekwiżiti minimi sabiex jikkontrollaw il-konformità mad-disposizzjonijiet relevanti sabiex inaqqsu u jipprevjienu l-kontravenzjonijiet;

    Billi kien biss dan l-aħħar li r-Repubblika Portugiża daħħlet proċeduri ta' kontrolli fit-trasport bit-triq u għandha għalhekk tingħata l-permess li tiddiferixxi d-data ta' l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva kif xieraq;

    Billi l-kontroll effettiv u effiċjenti fil-Komunità kollha jkun jeħtieġ l-iskambju tat-tagħrif u għajnuna reċiproka fir-rigward ta' l-infurzar tar-regolamenti fl-Istati Membri,

    Billi l-iskambju tat-tagħrif huwa obbligatorju u għandu jsir f'intervalli regolari taż-żmien;

    Billi l-applikazzjoni uniformi tar-regolamenti soċjali fit-trasport bit-triq hija meħtieġa sabiex tevita xkiel fil-kompetizzjoni bejn l-impriżi tat-trasport kif ukoll biex tippromwovi s-sigurtà fuq it-triq u l-progress soċjali,

    ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Il-kontrolli

    L-iskop immedjat ta' din id-Direttiva huwa li tistabbilixxi kondizzjonijiet minimi sabiex tiġi kontrollata l-applikazzjoni korretta u uniformi tar-Regolamenti (KEE) Nru 3820/85 u (KEE) Nru 3821/85.

    Artikolu 2

    Is-sistemi tal-kontroll

    1. L-Istati Membri għandhom jorganizzaw sistema ta' kontrolli xierqa u regolari, kemm mal-ġenb tat-triq kif ukoll fuq il-fondi ta' l-impriżi, li jkopru kull sena taqsima rappreżentattiva ta' sewwieqa, intrapriżi u vetturi tal-kategoriji kollha tat-trasport li jaqgħu taħt l-firxa ta' applikazzjoni tar-Regolamenti (KEE) Nru 3820/85 u (KEE) Nru 3821/85.

    2. Kull wieħed mill-Istati Membri għandu jorganizza l-kontrolli b'tali mod li:

    - ikopru kull sena mill-inqas 1 % tal-ġranet maħduma mis-sewwieqa tal-vetturi li jaqgħu taħt il-firxa ta' applikazzjoni tar-Regolamenti (KEE) Nru 3820/85 u (KEE) Nru 3821/85,

    - mhux inqas minn 15 % tan-numru totali ta' granet tax-xogħol kontrollati għandhom jiġu kontrollati mal-ġenb tat-triq u mhux inqas minn 25 % fuq il-fond ta' l-impriżi.

    3. In-numru ta' sewwieqa kkontrollati mal-ġenb tat-triq, in-numru ta' kontrolli fuq il-fond ta' l-impriżi, in-numru ta' ġranet tax-xogħol kontrollati u n-numru ta' kontravenzjonijiet rappurtati għandhom jiġu inklużi, fost ħwejjeġ oħra, fit-tagħrif sottomess lill-Kummissjoni b'mod konformi ma' l-Artikolu 16 (2) tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85.

    Artikolu 3

    Il-kontrolli mal-ġenb tat-triq

    1. Il-kontrolli mal-ġenb tat-triq għandhom jiġu organizzati f'postijiet differenti f'kull ħin, u għandhom ikopru parti estensiva biżżejjed tan-network ta' toroq hekk li jkun diffiċli li jiġu evitati l-postijiet tal-kontrolli.

    2. L-elementi tal-kontrolli mal-ġenb tat-triq huma:

    - il-perjodi tal-ħin ta' sewqan ta' kuljum, waqfien u perjodi ta' serħan ta' kuljum u, fil-każ ta' indikazzjonijiet ċari ta' xi irregolaritajiet, il-karti tar-reġistrazzjonijiet tal-jum ta' qabel ukoll li jkunu jinsabu fuq il-vettura b'mod konformi ma' l-Artikolu 15 (7) tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85,

    - fejn xieraq, il-perjodu taż-żmien ta' l-aħħar serħan tal-ġimgħa,

    - jekk l-apparat ta' reġistrazzjoni jaħdimx sew (għandu jiġi stabbilit ukoll jekk ikunx hemm xi użu ħażin ta' l-apparat u/jew tal-folji ta' reġistrazzjoni) jew, fejn xieraq, il-preżenza tad-dokumenti li għalihom issir referenza fl-Artikolu 14 (5) tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85.

    3. Il-kontrolli mal-ġenb tat-triq għandhom jitwettqu mingħajr diskriminazzjoni bejn vetturi u sewwieqa, kemm jekk ikunu residenti u kemm jekk le.

    4. Sabiex jiġi mħaffef ix-xogħol ta' l-uffiċjal awtorizzat ta' l-ispezzjoni, dawn għandhom jiġu pprovduti bi:

    - lista tal-punti prinċipali li jridu jiġu kontrollati,

    - karta bil-lingwi li jkun fiha l-espressjonijiet użati fil-preżent u li għandhom x'jaqsmu ma' operazzjonijiet tat-trasport fuq it-triq.

    Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istati Membri b'din il-karta.

    5. Jekk is-sejbiet ta' kontroll mal-ġenb tat-triq fuq is-sewwieq ta' vettura reġistrata fi Stat Membru ieħor jagħtu x'tifhem illi jkunu ġew kommessi xi kontravenzjonijiet li ma jistgħux jiġu skoperti matul il-kontroll minħabba n-nuqqas tad-data meħtieġa, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri interessati għandhom jgħinu wieħed lill-ieħor sabiex jiċċaraw is-sitwazzjoni.

    F'każijiet fejn, għal dan l-iskop, l-Istat Membru kompetenti jwettaq kontroll fuq il-fond ta' impriża, ir-riżultati ta' dan il-kontroll għandhom jiġu komunikati lill-Istat l-ieħor interessat.

    Artikolu 4

    Il-kontrolli fuq il-fond ta' l-impriża

    1. Il-kontrolli fuq il-fond stabbiliti fl-Artikolu 2 (1) għandhom jiġu ppjanati billi titqies l-esperjenza fl-imgħoddi tal-kategoriji differenti ta' trasport.

    Il-kontrolli għandhom jitwettqu wkoll fuq il-fond ta' l-impriżi meta jkun instab xi ksur serju mal-ġenb tat-triq tar-Regolamenti (KEE) Nru 3820/85 u (KEE) Nru 3821/85.

    2. L-elementi tal-kontrolli fuq il-fond ta' l-impriżi, flimkien ma' dawk li jsiru mal-ġenb tat-triq, huma:

    - il-perjodi taż-żmien tas-serħan ta' kull ġimgħa u l-perjodi taż-żmien tas-sewqan bejn dawn il-perjodi taż-żmien tas-serħan,

    - il-limitazzjoni ta' ġimgħatejn tas-siegħat ta' sewqan,

    - il-kumpens għall-perjodi taż-żmien imnaqqsa għas-serħan ta' kuljum jew ta' kull ġimgħa,

    - l-użu tal-karti tar-reġistrazzjonijiet u/jew l-organizzazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol tas-sewwieqa.

    3. Għall-iskopijiet ta' dan l-Artikolu, il-kontrolli mwettqa fuq il-fond ta' l-awtoritajiet kompetenti, fuq il-bażi tad-dokumenti rilevanti mogħtija mill-impriżi fuq it-talba ta' l-awtoritajiet imsemmija, għandu jkollhom l-istess status bħall-kontrolli mwettqa fuq il-fond ta' l-impriżi.

    Artikolu 5

    Il-kontrolli orkestrati u koordinati

    1. Ta' mill-anqas darbtejn fis-sena, l-Istati Membri għandhom iwettqu operazzjonijiet orkestrati sabiex jikkontrollaw lis-sewwieqa u lill-vetturi mal-ġenb tat-triq li jaqgħu taħt il-firxa ta' applikazzjoni tar-Regolamenti (KEE) Nru 3820/85 u (KEE) Nru 3821/85.

    2. Kull fejn ikun possibbli, dawn l-operazzjonijiet għandhom jitwettqu fl-istess ħin mill-awtoritajiet ta' l-infurzar ta' żewġ Stati Membri jew iktar, b'kull wieħed minnhom jopera fit-territorju tiegħu.

    Artikolu 6

    Tpartit ta' tagħrif

    1. It-tagħrif magħmul disponibbli bilateralment skond l-Artikolu 17 (3) tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85 u l-Artikolu 19 (3) tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85 għandu jiġi mpartat kull 12-il xahar li jibdew sitt xhur wara n-notifika ta' din id-Direttiva [7] kif ukoll fuq talba speċifika minn Stat Membru f'każijiet individwali.

    2. Għal dan l-iskop, l-awtoritajiet kompetenti f'kull wieħed mill-Istati Membri għandhom jużaw formola ta' rapport ta' livell stabbilit imfassla mill-Kummissjoni bi ftehim ma' l-Istati Membri.

    Artikolu 7

    1. Bl-eċċezzjoni tar-Repubblika Portugiża, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva l-aktar tard sa l-1 ta' Jannar 1989.

    Ir-Repubblika Portugiża għandha ddaħħal fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi msemmija l-aktar tard sa l-1 ta' Jannar 1990.

    2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi tagħhom dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

    Artikolu 8

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussel, fit-23 ta' Novembru 1988.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    Th. PANGALOS

    [1] ĠU Nru C 116, 3. 5. 1988, p. 17.

    [2] Opinjoni mogħtija fis-17 ta' Novembru 1988 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    [3] ĠU Nru C 208, 8. 8. 1988, p. 26.

    [4] ĠU Nru C 348, 31. 12. 1985, p. 1.

    [5] ĠU Nru L 370, 31. 12. 1985, p. 1.

    [6] ĠU Nru L 370, 31. 12. 1985, p. 8.

    [7] Din id-Direttiva ġiet notifikata lill-Istati Membri fl-24 ta' Novembru 1988.

    --------------------------------------------------

    Top