EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31988L0506

Id-Direttiva tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Settembru 1988 li temenda l-Anness II mad-Direttiva tal-Kunsill 66/402/KEE dwar il-marketing taż-żerriegħa taċ-ċereali

ĠU L 274, 6.10.1988, p. 44–44 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1988/506/oj

31988L0506



Official Journal L 274 , 06/10/1988 P. 0044 - 0044
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 27 P. 0163
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 27 P. 0163


Id-Direttiva tal-Kummissjoni

tat-13 ta’ Settembru 1988

li temenda l-Anness II mad-Direttiva tal-Kunsill 66/402/KEE dwar il-marketing taż-żerriegħa taċ-ċereali

(88/506/KEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 66/402/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1966 dwar il-marketing taż-żerriegħa taċ-ċereali [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 88/380/KEE [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 21a tagħha,

Billi, skond it-tagħrif xjentifiku u tekniku preżenti, jidher illi ċerti varjetajiet ta’ ħafur (Avena sativa) tat-tip "naked oat" għandu valur potenzjali bħala għalf;

Billi, madankollu, huwa diffiċli li tiġi prodotta ż-żerriegħa ta’ dawn il-varjetajiet bil-kapaċità tal-ġerminazzjoni daqs dik normalment milħuqa miż-żerriegħa ta’ varjetajiet oħra tal-ħafur;

Billi, fid-dawl ta’ l-iżvilupp tat-tagħrif xjentifiku u tekniku, huwa għalhekk approprjat li titnaqqas, għall-varjetajiet tal-ħafur "naked oat", il-kapaċità minima tal-ġerminazzjoni ta’ 85 % taż-żerriegħa pura stabbilita għall-ħafur fl-Anness II mad-Direttiva 66/402/KEE;

Billi dan it-tnaqqis għandu japplika, qabel xejn, għal perjodu limitat biss taż-żmien, sabiex jinġabar u jiġi stmat iktar tagħrif tekniku dwar dawn il-varjetajiet;

Billi l-miżuri pprovduti f’din id-Direttiva huma konformi ma l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti taż-Żrieragħ u l-Materjal tal-Propagazzjoni għall-Agrikoltura, l-Ortikultura u l-Forestrija,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

L-Anness II mad-Direttiva 66/402/KEE huwa hawnhekk emendat kif ġej:

1. Fil-kolonna 2 ("Ġerminazzjoni minima") fit-Taqsima (2)(A) tat-Tabella, wara ċ-ċifra 85 mogħtija għaż-żerriegħa ċċertifikata, l-ewwel u t-tieni generazzjoni ta’ inter alia l-Avena sativa, tiġi miżjuda r-referenza "(d)".

2. Fit-Taqsima (2)(B), tiġi miżjuda l-kondizzjoni li ġejja:

"(d) Fil-każ tal-varjetajiet ta’ l-Avena sativa li huma kklassifikati uffiċjalment bħala tat-tip "naked oat", l-Istati Membri jistgħu, sat-30 ta’ Ġunju 1990, inaqqsu l-kapaċità minima tal-ġerminazzjoni għal 75 % taż-żerriegħa pura. F’dan il-każ, it-tikketta uffiċjali għandha tiġi ttimbrata "kapaċità tal-ġerminazzjoni minima ta’ 75 %"."

L-Artikolu 2

L-Istati Membri li jagħmlu użu mill-possibbiltà miżjuda bl-Artikolu 1(2) għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bil-miżuri li jieħdu għal dan l-għan.

L-Artikolu 3

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-13 ta’ Settembru 1988.

Għall-Kummissjoni

Frans Andriessen

Viċi-President

[1] ĠU 125, tal- 11.7.1966, p. 2309/66.

[2] ĠU L 187, tas-16.7.1988, p. 31.

--------------------------------------------------

Top