Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31984L0253

    It-tmien direttiva tal-kunsill tal-10 ta’ April 1984 bażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar l-approvazzjoni ta’ persuni responsabbli biex iwettqu l-verifiki statutorji ta’ dokumenti dwar kontijiet

    ĠU L 126, 12.5.1984, p. 20–26 (DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (ES, PT, FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 28/06/2006; Imħassar b' 32006L0043

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1984/253/oj

    31984L0253



    Official Journal L 126 , 12/05/1984 P. 0020 - 0026
    Finnish special edition: Chapter 17 Volume 1 P. 0073
    Spanish special edition: Chapter 17 Volume 1 P. 0136
    Swedish special edition: Chapter 17 Volume 1 P. 0073
    Portuguese special edition Chapter 17 Volume 1 P. 0136


    It-tmien direttiva tal-kunsill

    tal-10 ta’ April 1984

    bażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar l-approvazzjoni ta’ persuni responsabbli biex iwettqu l-verifiki statutorji ta’ dokumenti dwar kontijiet

    (84/253/KEE)

    IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 54(3)(ġ) tiegħu,

    Wara li kunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

    Wara li kunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

    li kunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

    Billi, skond id-Direttiva 78/660/KEE [4], il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji għandhom jkunu verifikati minn wieħed jew aktar persuni intitolati li jwettqu verifiki bħal dawn li minnhom il-kumpanniji biss imsemmija fl-Artikolu 11 ta’ dik id-Direttiva jistgħu ikunu eżentati;

    Billi d-Direttiva msemmija qabel ġiet supplimentata bid-Direttiva 83/349/KEE [5] dwar kontijiet konsolidati;

    Billi l-kwalifiki ta’ persuni intitolati li jwettqu l-verifiki statutorji ta’ dokumenti dwar kontijiet għandhom ikunu armonizzati; billi għandu ikun zġurat li dawn il-persuni għandhom ikunu indipendenti u ta’ reputazzjoni tajba;

    Billi l-livell għoli ta’ tagħrif teoretiku meħtieġ għall-verifiki statutorji ta’ dokumenti dwar kontijiet u l-abilità biex ikun applikat dak it-tagħrif fil-prattika għandhom ikunu żgurati permezz ta’ eżami ta’ kompetenza professjonali;

    Billi l-Istati Membri għandhom ikunu mogħtija l-poter li japprovaw persuni li, filwaqt li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet kollha imposti dwar it-taħriġ teoretiku, madankollu jkunu wettqu attivitajiet professjonali għal żmien twil, u b’ hekk għandhom esperjenza biżżejjed fl-oqsma ta’ finanzi, liġi u kontijiet u jkunu għaddew l-eżami ta’ kompetenza professjonali;

    Billi l-Istati Membri għandhom ikunu wkoll awtorizzati biex jadottaw dispożizzjonijiet transitorji għall-benefiċċju ta’ persuni professjonisti;.

    Billi l-Istati Membri jkunu jistgħu japprovaw kemm persuni naturali u kemm ditti ta’ awdituri li jistgħu jkunu persuni ġuridiċi u tipi oħra ta’ kumpanniji, ditti jew soċjetajiet;

    Billi persuni naturali li jwettqu verifiki statutorji ta’ dokumenti ta’ kontijiet f’isem gruppi ta’ awdituri bħal dawn għandhom jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta’ din id-Direttiva;

    Billi Stat Membru jkun jista’ japprova persuni li kisbu kwalifiki barra dak l-Istat li huma ekwivalenti minn dawk meħtieġa minn din id-Direttiva;

    Billi Stat Membru li, meta din id-Direttiva tkun adottata, jirrikonoxxi kategoriji ta’ persuni naturali li jissodisfaw il-kondizzjonijiet imposti minn din id-Direttiva, imma li l-livell ta’ eżaminazzjoni u kompetenza professjonali tagħhom hi inqas minn dik ta’ eżami ta’ università ta’ livell finali, għandhom jitħallew ikomplu, taħt ċerti kondizzjonijiet u sakemm jibqa’ jkun hemm kordinazzjoni, jagħtu lil dawn il-persuni approvazzjoni speċjali bl-iskop li jwettqu l-verifiki statutorji ta’ dokumenti dwar kontijiet ta’ kumpanniji u korpi ta’ intrapriżi, ta’ daqs limitat, meta dak l-Istat Membru ma jkunx għamel użu mill-possibiltajiet ta’ eżenzjoni permessi minn Direttivi tal-Komunità dwar il-preparazzjoni ta’ kontijiet konsolidati;

    Billi din id-Direttiva ma tkoprix la d-dritt ta’ l-istabbiliment u lanqas il-libertà li jingħataw servizzi fir-rigward ta’ persuni responsabbli biex iwettqu l-verifiki statutorji dwar dokumenti ta’ kontijiet;

    Billi għarfien ta’ l-approvazzjoni mogħtija lil ċittadini ta’ Stati Membri oħra bl-iskop li jwettqu dawn il-verifiki ikun speċifikament regolat minn Direttivi dwar l-adozzjoni u l-insegwiment ta’ attivitajiet fl-oqsma ta’ finanzi, ekonomija u kontijiet, kif ukoll dwar il-libertà ta’ l-għoti ta’ servizzi f’ dawk l-oqsma,

    ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

    TAQSIMA I

    Skop

    Artikolu 1

    1. Il-miżuri ta’ kordinazzjoni preskritti f’din id-Direttiva għandhom japplikaw għal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar persuni responsabbli għal:

    (a) twettiq ta’ verifiki statutorji tal-kontijiet annwali ta’ kumpanniji u ditti u verifika li r-rapporti annwali huma konsistenti ma’ dawk il-kontijiet annwali sa fejn dawn il-verifiki u din il-verifika huma meħtieġa mil-liġi tal-Komunità;

    (b) twettiq ta’ verifiki statutorji tal-kontijiet konsolidati ta’ korpi ta’ intrapriżi u verifiki li r-rapporti annwali konsolidati huma konsistenti ma’ dawk il-kontijiet konsolidati sa fejn dawn il-verifiki u din il-verifika huma meħtieġa mil-liġi tal-Komunità;

    2. Il-persuni msemmijin fil-paragrafu 1 jistgħu, skond il-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru, jkunu persuni naturali jew ġuridiċi jew tipi oħra ta’ kumpanniji, ditti jew soċjetajiet (gruppi ta’ awdituri kif definit f’din id-Direttiva).

    TAQSIMA II

    Regoli dwar approvazzjoni

    Artikolu 2

    1. Verifiki statutorji ta’ dokumenti dwar kontijiet imsemmijin f’ l-Artikolu 1(1) għandhom ikunu mwettqa biss minn persuni approvati.

    L-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri jistgħu japprovaw biss:

    (a) persuni naturali li jissodisfaw ta’ l-anqas il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikoli 3 sa 19;

    (b) gruppi ta’ awdituri li jissodisfaw ta’ l-anqas il-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (i) il-persuni naturali li jwettqu verifiki statutorji ta’ dokumenti dwar kontijiet imsemmijin fl-Artikolu 1 f’isem gruppi ta’ awdituri għandhom jissodisfaw ta’ l-anqas il-kondizzjonijiet imposti f’L-Artikoli 3 sa 19; l-Istati Membri jistgħu jiddisponu li dawn il-persuni naturali għandhom wkoll ikunu approvati;

    (ii) għandu ikun hemm maġġoranza tad-drittijiet għal-vot minn persuni naturali jew gruppi ta’ awdituri li jissodisfaw ta’ l-anqas il-kondizzjonijiet imposti f’L-Artikoli 3 sa 19 bl-eċċezzjoni ta’ l-Artikolu 11(1)(b); l-Istati Membri jistgħu jiddisponu li dawn il-persuni naturali jew gruppi ta’ awdituri għandhom wkoll ikunu approvati. Madankollu, dawk l-Istati Membri li ma jimponux din il-maġġoranza fiż-żmien ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva m’ għandhomx għalfejn jimponuha basta l-ishma kollha fi grupp ta’ awdituri huma reġistrati u jistgħu ikunu trasferiti biss bil-ftehim tal-grupp ta’ l-awdituri u/jew, meta l-Istat Membru hekk jiddisponi, bl-approvazzjoni ta’ l-awtorità kompetenti.

    (iii) maġġoranza tal-membri tal-korp amministrattiv jew tmexxija ta’ ditta ta’ awdituri għandhom ikunu persuni naturali jew ditta ta’ awdituri li jissodisfaw ta’ l-anqas il-kondizzjonijiet imposti fl-Artikoli 3 sa 19; l-Istati Membri jistgħu jiddisponu li dawn il-persuni naturali jew ditti ta’ awdituri għandhom ikunu wkoll approvati. Meta dan il-korp m’għandux aktar minn żewġ membri, wieħed minn dawk il-membri għandu jissodisfa ta’ l-anqas dawk il-kondizzjonijiet.

    Bla ħsara għall-Artikolu 14(2), l-approvazzjoni ta’ ditta ta’ awdituri għandha tkun irtirata meta xi kondizzjoni imposta f’ (b) ma tkunx imħarsa aktar. L-Istati Membri jistgħu, madankollu, jiddisponu għal perjodu ta’ grazzja ta’ mhux aktar minn sentejn bl-iskop li ikunu mħarsa l-ħtiġijiet imposti f’ (b) (ii) u (iii).

    2. Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri jistgħu jkunu assoċjazzjonijiet professjonali dejjem jekk huma awtorizzati mil-liġi nazzjonali biex jagħtu approvazzjoni kif imfissra f’din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    L-awtoritajiet ta’ Stat Membru għandhom jagħtu approvazzjoni biss lil persuni ta’ reputazzjoni tajba li mhux qed iwettqu xi attività li mhux kompatibbli, skond il-liġi ta’ dak l-Istat Membru, mal-verifika statutorja tad-dokumenti msemmijin fl-Artikolu 1(1).

    Artikolu 4

    Persuna naturali tista’ tkun approvata biex twettaq verifiki statutorji tad-dokumenti msemmijin fl-Artikolu 1(1) biss wara li tkun kisbet livell ta’ dħul f’ università, imbagħad spiċċat kors ta’ struzzjoni teoretika, għamlet taħriġ prattiku u għaddiet eżami ta’ kompetenza professjonali ta’ livell universitarju finali organizzat jew rikonoxxut mill-Istat.

    Artikolu 5

    L-eżami ta’ kompetenza professjonali msemmija fl-Artikolu 4 għandha tiggarantixxi l-livell neċessarju ta’ tagħrif teoretiku ta’ suġġetti rilevanti għall-verifika statutorja tad-dokumenti msemmija fl-Artikolu 1(1) u l-ħila li tapplika dak it-tagħrif fil-prattika.

    Parti ta’ l-anqas minn dik l-eżami għandha tkun bil-miktub.

    Artikolu 6

    It-test tat-tagħrif teoretiku inkluż fl-eżami għandu ikopri s-suġġetti li ġejjin b’mod partikolari:

    (a) - verifika,

    - analiżi u eżami kritiku ta’ kontijiet annwali,

    - kontijiet ġenerali,

    - kontijiet konsolidati,

    - kontijiet ta’ spejjeż u tmexxija,

    - verifika interna,

    - standards li għandhom x’ jaqsmu mal-preparazzjoni ta’ kontijiet annwali u konsolidati u mal-metodi ta’ valutazzjoni ta’ affarijiet li għandhom x’ jaqsmu mal-karta tal-bilanċ u ta’ kif jinħadmu l-qliegħ u t-telf.

    - standards legali u professjonali li għandhom x’jaqsmu mal-verifika statutorja ta’ dokumenti dwar kontijiet u ma’ dawk li jwettqu dik il-verifika;

    (b) sa fejn għandhom x’jaqsmu mal-verifiki:

    - il-liġi dwar il-kumpanniji,

    - il-liġi dwar fallimenti u proċeduri simili,

    - il-liġi dwar it-taxxa,

    - il-liġi ċivili u kummerċjali,

    - il-liġi dwar is-sigurtà soċjali u l-liġi dwar l-impiegi,

    - is-sistemi ta’ informazzjoni u kompjuter,

    - il-kummerċ, l-ekonomija ġenerali u finanzjarja,

    - il-matematika u l-istatistika,

    - il-prinċipji bażiċi ta’ tmexxija finanzjarja ta’ intrapriżi.

    Artikolu 7

    1. B’deroga mill-Artikoli 5 u 6, Stat Membru jista’ jiddisponi li persuna li għaddiet eżami ta’ università jew ekwivalenti jew għandha grad mill-università jew kwalifika ekwivalenti f’wieħed jew aktar mis-suġġetti msemmijin fl-Artikolu 6 tista’ tiġi eżentata mit-test tat-tagħrif teoretiku fis-suġġetti koperti minn dak l-eżami jew grad.

    2. B’deroga mill-Artikolu 5, Stat Membru jista’ jiddisponi li minn għandu grad universitarju jew kwalifika ekwivalenti f’wieħed jew aktar mis-suġġetti msemmijin fl-Artikolu 6 jista’ jkun eżentat mit-test dwar il-ħila li japplika fil-prattika it-tagħrif teoretiku tiegħu ta’ dawk is-suġġetti meta jkun ħa taħriġ prattiku fihom affermat minn eżami jew diploma magħrufa mill-Istat.

    Artikolu 8

    1. Sabiex tkun żgurata l-ħila li wieħed japplika t-tagħrif teoretiku fil-prattika, li test dwaru hu inkluż fl-eżami, dak li qed jitħarreġ għandu jagħmel mill-inqas tlett snin ta’ taħriġ prattiku ta’ fost oħrajn il-verifika tal-kontijiet annwali, tal-kontijiet konsolidati jew ta’ dikjarazzjonijiet finanzjarji bħal dawn. Ta’ lanqas żewġ terzi ta’ dak it-taħriġ prattiku għandhom ikunu saru taħt persuna approvata skond il-liġi ta’ l-Istat Membru skond din id-Direttiva; l-Istat Membru għandu, madankollu, jippermetti li taħriġ prattiku jkun imwettaq taħt persuna approvata mil-liġi ta’ Stat Membru ieħor skond din id-Direttiva.

    2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-taħriġ ikun imwettaq taħt persuni li jagħtu garanziji adegwati dwar taħriġ.

    Artikolu 9

    L-Istati Membri jistgħu jappruvaw persuni biex iwettqu verifiki statutorji ta’ dokumenti dwar kontijiet imsemmijin fl-Artikolu 1(1) anke jekk ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet imposti fl-Artikolu 4, jekk jistgħu juru jew:

    (a) li huma,għal 15-il sena, kienu involuti f’attivitajiet professjonali li permettewlhom jakkwistaw esperjenza biżżejjed fl-oqsma tal-finanzi, liġi u kontijiet u għaddew mill-eżami ta’ kompetenza professjonali msemmi fl-Artikolu 4, jew

    (b) li għal seba’ snin, kienu involuti f’attivitajiet professjonali f’dawk l-oqsma u,barra minn hekk, ħadu t-taħriġ prattiku msemmi fl-Artikolu 8 u għaddew mill-eżami ta’ kompetenza professjonali msemmija fl-Artikolu 4.

    Artikolu 10

    1. L-Istati Membri jistgħu jnaqqsu perjodi ta’ istruzzjoni teoretika fl-oqsma msemmijin fl-Artikolu 6 mis-snin ta’ attività professjonali msemmijin fl-Artikolu 9, dejjem jekk dik l-istruzzjoni hi affermata minn eżami magħrufa minn dak l-Istat. Dik l-istruzzjoni ma għandhiex tkun ta’ inqas minn sena, u lanqas ma tista’ tnaqqas il-perjodu ta’ attività professjonali b’aktar minn erba’ snin.

    2. Il-perjodu ta’ attività professjonali kif ukoll it-taħriġ prattiku ma’ għandhomx ikunu iqsar mill-programm ta’ istruzzjoni teoretika u t-taħriġ prattiku meħtieġa mill-Artikolu 4.

    Artikolu 11

    1. L-awtoritajiet ta’ Stat Membru jistgħu japprovaw persuni li kisbu l-kwalifiki kollha tagħhom, jew parti minnhom, fi Stat ieħor dejjem jekk jissodisfaw iż-żewġ kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a) l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw il-kwalifiki tagħhom bħala ekwivalenti għal dawk meħtieġa taħt il-liġi ta’ dak l-Istat Membru skond id-Direttiva; u

    (b) għandhom jkunu taw prova tat-tagħrif legali meħtieġ f’dak l-Istat Membru għall-iskopijiet tal-verifika statutorja ta’ dokumenti dwar kontijiet imsemmijin f’L-Artikoli 1(1). L-awtoritajiet ta’ dak l-Istat Membru m’għandhomx, madankollu, jeħtieġu din il-prova meta jikkunsidraw it-tagħrif legali miksub fi Stat ieħor suffiċjenti.

    2. L-Artikolu 3 għandu japplika.

    Artikolu 12

    1. Stat Membru jista’ jikkunsidra li jkunu approvati, skond din id-Direttiva, dawk il-persuni professjonisti li kienu approvati minn atti individwali ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru qabel l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 30(2).

    2. Id-dħul ta’ persuna naturali f’assoċjazzjoni professjonali magħrufa mill-Istat fejn, skond il-liġi ta’ dak l-Istat, dak id-dħul jagħti lill-membri ta’ dik l-assoċjazzjoni id-dritt li jwettqu verifiki statutorji ta’ dokumenti dwar kontijiet imsemmijin fl-Artikolu 1(1), jistgħu jkunu meqjusa bħala approvazzjoni ta’ att individwali għall-iskopijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

    Artikolu 13

    Sa l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu30 (2), Stat Membru jista’ jikkunsidra approvati, skond din id-Direttiva, dawk il-persuni professjonisti li ma ġewx approvati minn atti individwali ta’ l-awtoritajiet kompetenti iżda li minkejja dan għandhom l-istess kwalifiki f’dak l-Istat Membru bħala persuni approvati minn atti individwali li fid-data ta’ l-approvazzjoni qed iwettqu verifiki statutorji ta’ dokumenti dwar kontijiet imsemmijin fl-Artikolu 1(1) f’ isem dawk il-persuni approvati.

    Artikolu 14

    1. Stat Membru jista’ jikkunsidra li jkunu approvati, skond din id-Direttiva, dawk id-ditti ta’ awdituri li kienu approvati minn atti individwali ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru qabel l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmijin f’ l-Artikolu 30(2).

    2. Il-kondizzjonijiet imposti fl-Artikolu 2(1)(b) (ii) u (iii) għandhom jkunu mħarsa mhux aktar tard mill-aħħar ta’ perjodu li ma jistax ikun stabbilit għal aktar minn ħames snin mid-data ta’ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 30(2).

    3. Dawk il-persuni naturali li, sa l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 30(2), wettqu verifiki statutorji ta’ dokumenti dwar kontijiet imsemmijin fl-Artikolu 1(1) fl-isem ta’ ditta ta’ awdituri jistgħu, wara dik id-data, jkunu awtorizzati li jkomplu jagħmlu hekk anke jekk ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet kollha imposti minn din id-Direttiva.

    Artikolu 15

    Sa sena wara l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu30 (2), dawk il-persuni professjonisti li ma ġewx approvati minn atti individwali ta’ l-awtoritajiet kompetenti imma li minkejja dan huma kwalifikati fi Stat Membru biex iwettqu verifiki statutorji tad-dokumenti msemmijin fl-Artikolu 1(1) u fil-fatt wettqu dawk l-attivitajiet sa dik id-data jistgħu ikunu approvati minn dak l-Istat Membru skond din id-Direttiva.

    Artikolu 16

    Sa sena wara l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 30(2), Stati Membri jistgħu japplikaw miżuri transitorji fir-rigward ta’ persuni professjonisti li, wara dik id-data, jżommu d-dritt li jivverifikaw id-dokumenti annwali dwar kontijiet ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji jew ditti mhux suġġetti għal verifika statutorja imma li ma jkunux aktar jistgħu jwettqu dawk il-verifiki ma’ l-introduzzjoni ta’ verifiki ġodda tal-kontijiet sakemm ma joħorġux miżuri speċjali għall-benefiċċju tagħhom.

    Artikolu 17

    L-Artikolu 3 għandu japplika għall-Artikoli 15 u 16.

    Artikolu 18

    1. Sa sitt snin wara l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 30(2), l-Istati Membri jistgħu japplikaw miżuri transitorji fir-rigward ta’ persuni li diġà qed jieħdu taħriġ professjonali jew prattiku meta dawk id-dispożizzjonijiet huma applikati li, meta jtemmu t-taħriġ tagħhom, ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet imposti minn din id-Direttiva u li għalhekk ma jkunux jistgħu jwettqu verifiki statutorji tad-dokumenti msemmijin fl-Artikolu 1(1) li għalihom ġew imħarrġa.

    2. L-Artikolu 3 għandu japplika.

    Artikolu 19

    L-ebda wieħed mill-persuni professjonisti msemmijin f’ l-Artikoli 15 u 16 jew minn dawk il-persuni msemmijin fl-Artikolu 18 ma jistgħu ikunu approvati b’deroga mill-Artikolu 4 sakemm l-awtoritajiet kompetenti ma jikkunsidrawx li huma tajbin biex iwettqu verifiki statutorji tad-dokumenti msemmijin fl-Artikolu 1(1) u li għandhom kwalifiki ekwivalenti għal dawk ta’ persuni approvati skond l-Artikolu 4.

    Artikolu 20

    Stat Membru li ma jagħmilx użu mill-possibiltà prevista fl-Artikolu 51(2) tad-Direttiva 78/660/KEE u li fih, fil-ħin meta kienet adottata din id-Direttiva, ħafna kategoriji ta’ persuni naturali jistgħu, skond leġiżlazzjoni nazzjonali, jwettqu verifiki statutorji tad-dokumenti msemmijin fl-Artikolu 1(1)(a) ta’ din id-Direttiva, jistgħu, sa fejn ikun hemm kordinazzjoni sussegwenti tal-verifiki statutorji ta’ dokumenti dwar kontijiet, japprovaw speċjalment, bl-iskop li jkunu mwettqa verifiki statutorji tad-dokumenti msemmijin fl-Artikolu 1(a) fil-każ ta’ kumpannija li ma teċċedix il-limitu ta’ tnejn mit-tliet kriterji stabbiliti fl-Artikolu 27 tad-Direttiva 78/660/KEE, persuni naturali li jaġixxu f’isimhom, li:

    (a) jissodisfaw il-kondizzjonijiet imposti fl-Artikoli 3 sa 19 ta’ din id-Direttiva ħlief jekk il-livell ta’ l-eżami tal-kompetenza professjonali jista’ jkun aktar baxx minn dak meħtieġ fl-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva; u

    (b) diġà wettqu l-verifika statutorja tal-kumpannija in-kwistjoni qabel ma eċċediet il-limiti ta’ tnejn mit-tliet kriterji stabbiliti fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 78/660/KEE.

    Madankollu, jekk kumpannija tifforma parti minn korp ta’ intrapriżi li għandhom jiġu konsolidati li jeċċedu l-limiti ta’ tnejn mit-tliet kriterji stabbiliti fl-Artikolu 27 tad-Direttiva 78/660/KEE, dawn il-persuni ma jistgħux iwettqu l-verifika statutorja tad-dokumenti msemmijin fl-Artikolu 1(1)(a) ta’ din id-Direttiva fil-każ ta’ dik il-kumpannija.

    Artikolu 21

    Stat Membru li ma jagħmilx użu mill-possibiltà prevista fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 83/349/KEE u li fih, fil-ħin meta tkun adottata din id-Direttiva, ħafna kategoriji ta’ persuni naturali jistgħu, skond leġiżlazzjoni nazzjonali, jwettqu verifiki statutorji tad-dokumenti msemmijin fl-Artikolu 1(1)(b) ta’ din id-Direttiva, jistgħu, sa fejn ikun hemm kordinazzjoni sussegwenti tal-verifiki statutorji ta’ dokumenti dwar kontijiet, japprovaw speċjalment, bl-iskop li jkunu mwettqa verifiki statutorji tad-dokumenti msemmijin fl-Artikolu 1(1)(b), persuna approvata skond l-Artikolu 20 ta’ din id-Direttiva jekk fid-data tal-karta tal-bilanċ ta’ l-intrapriża omm, il-korp ta’ intrapriżi li għandhom ikunu konsolidati ma jeċċedix, fuq il-bażi ta’ l-aħħar kontijiet annwali ta’ dawk l-intrapriżi, l-limiti ta’ tnejn mit-tliet kriterji stabbiliti fl-Artikolu 27 tad-Direttiva 78/660/KEE, dejjem jekk għandu l-poter iwettaq il-verifika statutorja tad-dokumenti msemmijin fl-Artikolu 1(1)(a) ta’ din id-Direttiva, ta’ l-intrapriżi kollha inklużi fil-konsolidazzjoni.

    Artikolu 22

    Stat Membru li jagħmel użu mill-Artikolu 20 jista’ jippermetti t-taħriġ prattiku tal-persuni konċernati msemmijin fl-Artikolu 8 li jitkompla taħt persuna li ġiet approvata skond il-liġi ta’ dak l-Istat Membru biex iwettaq il-verifiki statutorji msemmijin fl-Artikolu 20.

    TAQSIMA III

    Integrità professjonali u indipendenza

    Artikolu 23

    Stati Membri għandhom jippreskrivu li persuni approvati biex iwettqu l-verifiki statutorji tad-dokumenti msemmijin fl-Artikolu 1(1) għandhom iwettqu dawn il-verifiki b’integrità professjonali.

    Artikolu 24

    Stati Membri għandhom jippreskrivu li dawn il-persuni m’għandhomx iwettqu verifiki statutorji li kienu jinħtieġu jekk dawn il-persuni ma jkunux indipendenti skond il-liġi ta’ l-Istat Membru li jeħtieġ il-verifika.

    Artikolu 25

    L-Artikoli 23 u 24 għandhom japplikaw ukoll għal persuni naturali li jissodisfaw il-kondizzjonijiet imposti fl-Artikoli 3 sa 19 u li jwettqu verifiki statutorji tad-dokumenti msemmijin fl-Artikolu 1(1) f’ isem ditta ta’ awdituri.

    Artikolu 26

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuni approvati jkunu suġġetti għal sanzjonijiet xierqa meta ma jwettqux il-verifiki skond l-Artikoli 23, 24 u 25.

    Artikolu 27

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw ta’ l-anqas li l-membri u l-azzjonisti ta’ ditti approvati ta’ awdituri u l-membri tal-korpi amministrattivi, ta’ tmexxija u ta’ sorveljanza ta’ dawn id-ditti li personalment ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikoli 3 sa 19 fi Stat Membru partikolari ma jindaħlux fl-esekuzzjoni ta’ verifiki tal-kontijiet f’xi mod li jipperikola l-indipendenza tal-persuni naturali li jivverifikaw id-dokumenti msemmijin fl-Artikolu 1(1) f’ isem dawk id-ditti ta’ awdituri.

    TAQSIMA IV

    Pubbliċità

    Artikolu 28

    1. Stati Membri għandhom jiżguraw li l-ismijiet u l-indirizzi kollha tal-persuni naturali u tad-ditti ta’ awdituri approvati minnhom li jwettqu verifiki statutorji tad-dokumenti msemmijin fl-Artikolu 1(1) ikunu magħmula disponibbli għall-pubbliku.

    2. Barra minn hekk, dawn li ġejjin għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku fir-rigward ta’ kull ditta approvata ta’ awdituri:

    (a) l-ismijiet u l-indirizzi tal-persuni naturali msemmijin fl-Artikolu 2(1)(b) (i); u

    (b) l-ismijiet u l-indirizzi tal-membri jew azzjonisti tad-ditta ta’ awdituri;

    (ċ) l-ismijiet u l-indirizzi tal-membri tal-korp amministrattiv jew ta’ tmexxija tad-ditta ta’ awdituri.

    3. Meta persuna naturali titħalla twettaq verifiki statutorji tad-dokumenti msemmijin fl-Artikolu 1(1) fil-każ ta’ kumpannija skond il-kondizzjonijiet imsemmijin fl-Artikoli 20, 21 u 22, il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu japplika. Il-kategorija ta’ kumpanniji jew ditti jew il-korpi ta’ intrapriżi li għalihom titħalla ssir verifika bħal din għandha, madankollu, tkun indikata.

    TAQSIMA V

    Dispożizzjonijiet finali

    Artikolu 29

    Il-Kumitat ta’ Kuntatt stabbilit bl-Artikolu 52 tad-Direttiva 78/660/KEE għandu wkoll:

    (a) jiffaċilita, bla ħsara għall-Artikoli 169 u 170 tat-Trattat, l-applikazzjoni armonizzata ta’ din id-Direttiva permezz ta’ laqgħat regolari li jittrattaw b’mod partikolari, il-problemi prattiċi li jqumu in-konnessjoni ma’ l-applikazzjoni tagħha;

    (b) jagħti parir lill-Kummissjoni, jekk meħtieġ, dwar żidiet jew emendi għal din id-Direttiva.

    Artikolu 30

    1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ qabel l-1 ta’ Jannar 1988 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji għalihom biex iħarsu din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummisjoni b’dan.

    2. L-Istati Membri jistgħu jiddisponu li d-dispożizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 m’għandhomx japplikaw sa l-1 ta’ Jannar 1990.

    3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali ta’ liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li jikkomunikaw, lill-Kummissjoni, listi ta’ l-eżamijiet organizzati jew rikonoxxuti skond l-Artikolu 4.

    Artikolu 31

    Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, fl-10 ta’ April 1984.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    C. Cheysson

    [1] ĠU C 112, tat-13.5.1978, p. 6; ĠU C 317, tat-18.12.1975, p. 6.

    [2] ĠU C 140, tal-5.6.1979, p. 154.

    [3] ĠU C 171, tad-9.7.1979, p. 30.

    [4] ĠU L 222, ta’ l-14.8.1978, p. 11

    [5] ĠU L 193, tat-18.7.1983, p. 1

    --------------------------------------------------

    Top