This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 31983L0182
Council Directive 83/182/EEC of 28 March 1983 on tax exemptions within the Community for certain means of transport temporarily imported into one Member State from another
Id-Direttiva tal-Kunsill tat-28 ta' Marzu 1983 dwar eżenzjonijiet mit-taxxa ġewwa l-Komunità għal ċerti mezzi ta' trasport temporanjament importati fi Stat Membru minn Stat Membru ieħor
Id-Direttiva tal-Kunsill tat-28 ta' Marzu 1983 dwar eżenzjonijiet mit-taxxa ġewwa l-Komunità għal ċerti mezzi ta' trasport temporanjament importati fi Stat Membru minn Stat Membru ieħor
ĠU L 105, 23.4.1983, p. 59–63
(DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(ES, PT, FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/07/2013
Official Journal L 105 , 23/04/1983 P. 0059 - 0063
Finnish special edition: Chapter 9 Volume 1 P. 0112
Spanish special edition: Chapter 09 Volume 1 P. 0156
Swedish special edition: Chapter 9 Volume 1 P. 0112
Portuguese special edition Chapter 09 Volume 1 P. 0156
Id-Direttiva tal-Kunsill tat-28 ta' Marzu 1983 dwar eżenzjonijiet mit-taxxa ġewwa l-Komunità għal ċerti mezzi ta' trasport temporanjament importati fi Stat Membru minn Stat Membru ieħor (83/182/KEE) IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 99 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3], Billi l-moviment ħieles tar-residenti tal-Komunità ġewwa l-Komunità hu mxekkel bl-arranġamenti ta' tassazzjoni applikati għall-importazzjoni temporanja ta' ċerti mezzi ta' trasport għall-użu privat jew għall-kummerċ; Billi t-tneħħija ta' l-ostakoli li jirriżultaw minn dawn l-arranġamenti ta' tassazzjoni hi b'mod partikolari meħtieġa jekk irid ikun stabbilit suq ekonomiku li jkollu l-karattersitiċi simili għal dawk ta' suq domestiku; Billi għandu jkun possibbli f'ċerti każijiet li jkun stabbilit b'mod definittiv jekk huwiex minnu jew le li persuna tkun fil-fatt residenti f'xi Stat Membru partikolari; Billi jidher mixtieq fl-ewwel stadju li jkun limitat l-għan ta' din id-Direttiva dwar ċerti mezzi ta' trasport għal dawk akkwistati jew importati skond il-kondizzjonijiet ġenerali ta' tassazzjoni fis-seħħ dwar is-suq domestiku ta' xi Stat Membru. ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 Għan 1. L-Istati Membri għandhom, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti hawn taħt, jeżentaw importazzjonijiet temporanji minn Stat Membru ieħor ta' vetturi tat-triq bil-mutur (inklużi t-trejlers tagħhom), karavannijiet, dgħajjes għall-passatempi, ajruplani privati, biċikletti, trajsikils u żwiemel ta' l-irkib minn: - turnover tax, taxxi tas-sisa u taxxi oħrajn fuq il-konsum, - it-taxxi elenkati fl-Anness t'hawnhekk. 2. L-eżenzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tapplika wkoll għall-partijiet għall-bdil normali, aċċessorji u apparat importati permezz ta' dawn il-mezzi ta' trasport. 3. Vetturi kummerċjali għandhom ikunu esklużi mill-eżenzjoni msemmija fil-paragrafu 1. 4. (a) L-għan ta' din id-Direttiva m'għandux jestendi għall-importazzjoni temporanja ta' vetturi privati, karavannijiet, dgħajjes għall-passatempi, ajruplani privati, biċikletti u trajsikils għall-użu privat li ma jkunux ġew akkwistati jew importati skond il-kondizzjonijiet ġenerali ta' tassazzjoni fis-seħħ fis-suq domestiku ta' xi Stat Membru u/jew li jkunu suġġett minħabba l-esportazzjoni tagħhom għal xi eżenzjoni minn jew xi rifużjoni minn turnover tax, taxxa tas-sisa jew xi taxxa oħra fuq konsum. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, mezzi ta' trasport akkwistati taħt il-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15 (10) tad-Direttiva 77/388/KEE [4] għandhom jitqiesu li jkunu ssodisfaw il-kondizzjonijiet ġenerali ta' tassazzjoni fis-seħħ fis-suq domestiku ta' xi Stat Membru; iżda, l-Istati Membri jistgħu jqisu mezzi ta' trasport akkwistati taħt il-kondizzjonijiet imsemmija fit-tielet inċiż ta' l-imsemmi punt 10 li ma jkunux issodisfaw dawn il-kondizzjonijiet. (b) Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu, qabel il-31 ta' Diċembru 1985, jadotta r-regoli tal-Komunità dwar l-għoti ta' eżenzjoni għall-mezzi ta' trasport imsemmija fl-ewwel paragrafu ta' (a) t'hawn fuq, waqt li jikkunsidra l-ħtieġa li jkunu evitati każijiet ta' tassazzjoni doppja u l-ħtieġa li tkun assigurata tassazzjoni normali u sħiħa ta' mezzi ta' trasport għall-użu privat. Artikolu 2 Definizzjonijiet Għall-fini ta' din id-Direttiva: (a) "vettura kummerċjali" tfisser kull vettura tat-triq li, minħabba d-disinn jew apparat tagħha, tkun xierqa għal u maħsuba għal trasport, kemm jekk bi ħlas jew le: - aktar minn disa' persuni, inkluż is-sewwieq, - oġġetti, kif ukoll xi vettura tat-triq għall-użu speċjali minbarra trasport għalih innifsu; (b) "vettura privata" tfisser kull vettura tat-triq, inkluż it-trejler tagħha, jekk ikun hemm, minbarra dawk imsemmija fis-subparagrafu (a); (ċ) "użu kummerċjali" ta' xi mezz ta' trasport tfisser l-użu tiegħu fl-għemil dirett għal xi attività magħmula għal xi għan jew qligħ finanzjarju; (d) "użu privat" tfisser kull użu minbarra użu kummerċjali. Artikolu 3 Importazzjoni temporanja ta' ċerti mezzi tat-trasport għall-użu privat Meta vettura privata, karavann, dgħajsa għall-passatempi, ajruplan privat, trajsikil jew biċikletti tkun importata temporanjament, l-oġġett importat għandu jkun eżentat mit-taxxi speċifikati fl-Artikolu 1 għal perjodu, kontinwu jew mod ieħor, ta' mhux aktar minn sitt xhur f'xi 12-il xahar, sakemm: (a) l-individwu li jimporta dawk l-oġġetti: (aa) jkollu r-residenza normali f'xi Stat Membru minbarra l-Istat Membru ta' importazzjoni temporanja; (bb) juża l-mezz ta' trasport involut għall-użu privat tiegħu; (b) l-imsemmi mezz tat-trasport ma jkunx mogħti jew mikri fl-Istat Membru ta' importazzjoni temporanja jew misluf lil xi resident ta' dak l-Istat. Iżda, vetturi privati ta' kumpanija li tikri l-karozzi li jkollha l-uffiċċju prinċipali fil-Komunità jistgħu jerġgħu jinkrew lil dawk li mhumiex residenti bil-għan li jkunu ri-esportati, jekk dawn ikunu fil-pajjiż bħala riżultat ta' kuntratt tal-kiri li ntemm f'dak il-pajjiż. Dawn jistgħu jkunu ritornati wkoll minn xi impjegat tal-kumpanija li tikri l-karozzi lill-Istat Membru fejn dawn kienu oriġinalment mikrija, anke jekk dak l-impjegat ikun residenti fl-Istat Membru ta' importazzjoni temporanja. Artikolu 4 Importazzjoni temporanja ta' vetturi privati għall-użu kummerċjali 1. Vettura privata importata temporanjament għall-użu kummerċjali għandha tkun eżentata mit-taxxi speċifikati fl-Artikolu 1, sakemm: (a) l-individwu li jimporta l-vettura privata: (aa) jkollu r-residenza normali tiegħu f'xi Stat Membru minbarra l-Istat Membru ta' importazzjoni temporanja; (bb) ma jużax il-vettura ġewwa l-Istat Membru ta' importazzjoni temporanja sabiex iġorr passiġġieri għall-kiri jew qligħ materjali ta' kull xorta, jew għat-trasport industrijali u/jew kummerċjali ta' l-oġġetti, kemm jekk bi qligħ jew kemm jekk le; (b) il-vettura privata ma tkunx mogħtija, mikrija jew mislufa fl-Istat Membru ta' importazzjoni temporanja; (ċ) il-vettura privata tkun ġiet akkwistata jew importata skond il-kondizzjonijiet ġenerali tat-tassazzjoni fis-seħħ fis-suq domestiku ta' l-Istat Membru tar-residenza normali ta' l-utent u ma tkunx suġġetta minħabba l-esportazzjoni tagħha għal xi eżenzjoni minn jew rifużjoni ta' turnover tax, taxxa tas-sisa u xi taxxa oħra fuq il-konsum. Din il-kondizzjoni għandha titqies li tkun sodisfatta jekk il-vettura privata jkollha pjanċa standard ta' reġistrazzjoni ta' l-Istat Membru, bit-tipi kollha ta' pjanċi temporanji esklużi. Iżda, fil-każ ta' vetturi privati reġistrati f'xi Stat Membru fejn il-ħruġ ta' pjanċi tar-reġistrazzjoni standard mhumiex taħt kondizzjoni li jikkonformaw mad-disposizzjonijet ġenerali tat-tassazzjoni fis-seħħ fis-suq domestiku, l-utenti huma meħtieġa li jipproduċu kull xhieda xierqa bħala prova ta' pagament tat-taxxi fuq il-konsum. 2. L-eżenzjoni li tinsab fil-paragrafu 1 tapplika għal perjodu, kemm jekk b'mod kontinwu jew le, ta': - seba' xhur f'perjodu ta' 12-il xhar, fil-każ ta' vetturi privati importati minn wieħed mill-intermedjarji kummerċjali msemmi fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 64/224/KEE [5], - sitt xhur f'xi 12-il xhar fil-każijiet l-oħra kollha. Artikolu 5 Każijiet speċifiċi ta' importazzjoni temporanja ta' vetturi privati 1. Vetturi privati importati temporanjament huma eżentati mit-taxxi msemmija fl-Artikolu 1 fil-każijiet li ġejjin: (a) meta vettura privata reġistrata fil-pajjiż ta' residenza normali ta' l-utent tkun użata regolarment għall-vjaġġ mir-residenza tiegħu għall-post tax-xogħol tiegħu f'xi impriża fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, u viċi versa. Eżenzjonijiet f'din l-intestatura mhumiex suġġetti għal xi limitu ta' ħin; (b) meta xi student juża xi vettura privata reġistrata fl-Istat Membru tar-residenza normali tiegħu fit-territorju ta' xi Stat Membru ieħor li fih l-istudent ikun joqgħod għall-fini biss ta' studju. 2. L-għoti ta' l-eżenzjonijiet mogħtija fil-paragrafu 1 għandu jkun suġġett għall-kondizzjoni ewlenija li d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 4(1)(a), (b) u (ċ) jkunu osservati. Artikolu 6 Eżenzjoni minn importazzjoni temporanja ta' żwiemel ta' rkib għal eskursjonijiet ta' rkib fuq iż-żiemel Żwiemel ta' rkib importati temporanjament ġewwa l-Istat Membru huma eżentati għal tliet xhur mit-taxxi speċifikati fl-Artikolu 1, sakemm: (a) l-imsemmija żwiemel jidħlu fit-territorju ta' l-Istat Membru ta' importazzjoni temporanja għall-finijiet ta' u/jew fil-kors ta' eskursjonijiet ta' rkib fuq iż-żwiemel mir-rikkieba tagħhom. L-Istati Membri jistgħu jeskludu minn din l-eżenzjoni l-importazzjoni mir-residenti tagħhom ta' żwiemel imrikkba fuq mezzi ta' trasport; (b) eżenzjoni hi meħtieġa mhux aktar tard miż-żmien tad-dħul fit-territorju ta' l-Istat Membru ta' importazzjoni temporanja. Meta eżenzjoni tkun meħtieġa qabel l-importazzjoni temporanja, ir-rikkieb jista' jkun eżentat mill-ħtieġa li jidħol fit-territorju ta' l-Istat Membru ta' importazzjoni temporanja minn post tal-fruntiera; (ċ) l-imsemmija żwiemel mhumiex mikrija, mislufa, jew mogħtija lil terza parti fl-Istat Membru ta' importazzjoni temporanja, jew użati għall-finijiet minbarra dak ta' eskursjoni. Artikolu 7 Regoli ġenerali biex tkun stabbilita residenza 1. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, "residenza normali" tfisser il-post fejn xi persuna tgħix normalment, jiġifieri għal mill-inqas 185 jum f'kull sena kalendarja, minħabba xi rbit personali u tax-xogħol, jew, fil-każ ta' xi persuna li ma jkollhiex irbit tax-xogħol minħabba rbit personali li juru rabtiet mill-qrib bejn dik il-persuna u l-post fejn qed jgħix. Iżda, ir-residenza normali ta' xi persuna li l-irbit tax-xogħol tagħha jkun f'post differenti minn dak ta' l-irbit personali u li jgħix konsegwentement f'postijiet differenti sitwati f'żewġ Stati Membri jew aktar għandu jitqies li jkun il-post ta' l-irbit personali tagħha, sakemm dik il-persuna tirritorna hemmhekk regolarment. Din l-aħħar kondizzjoni ma teħtieġx li tkun sodisfatta meta l-persuna tkun tgħix f'xi Stat Membru sabiex tagħmel xogħol ta' tul definit. Attendenza f'xi università jew skola ma timplikax trasferiment tar-residenza normali. 2. Individwi għandhom jagħtu prova tal-post tagħhom ta' residenza normali b'xi mezzi xierqa, bħall-karta ta' l-identità jew xi dokument ieħor validu. 3. Meta l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' importazzjoni jkollhom dubbji dwar il-validità ta' xi dikjarazzjoni dwar residenza normali magħmula skond il-paragrafu 2, jew għall-fini ta' ċerti kontrolli speċifiċi, dawn jistgħu jitolbu xi informazzjoni jew evidenza addizzjonali. Artikolu 8 Regoli supplimentari biex tiġi stabbilita residenza fil-każ ta' użu kummerċjali ta' xi vettura privata F'każijiet eċċezzjonali fejn, minkejja l-għoti ta' l-informazzjoni addizzjonali msemmija fl-Artikolu 7(3) lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' importazzjoni, jibqgħu dubbji serji, importazzjoni temporanja ta' xi vettura privata għall-użu kummerċjali tista' tkun magħmula taħt il-kondizzjoni ta' ħlas ta' garanzija. Iżda, meta l-utent tal-vettura jipproduċi xiehda li hu jkollu r-residenza normali tiegħu f'xi Stati Membru ieħor, l-awtoritajiet ta' l-Istat Membru ta' l-importazzjoni temporanja għandhom jirrifondu l-garanzija fi żmien xahrejn wara d-data li fiha x-xiehda tkun mogħtija. Artikolu 9 Arranġamenti speċjali 1. L-Istati Membri jistgħu jżommu u/jew jintroduċu arranġamenti aktar liberali minn dawk provuduti f'din id-Direttiva. B'mod partikolari, dawn jistgħu, fuq talba ta' l-importatur, jippermettu importazzjoni temporanja għal perjodu itwal minn dawk imsemmija fl-Artikoli 3 u 4 (2). Fil-każ ta' l-aħħar, l-Istati Membri jistgħu jitolbu t-taxxi msemmija fl-Anness għal perjodi li jeċċedu dawk stabbiliti permezz ta' din id-Direttiva. L-Istati Membri jistgħu jippermettu wkoll li l-vetturi privati msemmija fit-tieni sentenza ta' l-Artikolu 3(b) jkunu mikrija mill-ġdid lil resident ta' l-Istat Membru ta' importazzjoni bil-għan li jkunu riesportati. 2. L-Istati Membri ma jistgħu taħt l-ebda ċirkostanzi japplikaw, bis-saħħa ta' din id-Direttiva, eżenzjonijiet mit-taxxa ġewwa l-Komunità li huma inqas favorevoli minn dawk li huma jistgħġu jagħtu għar-rigward tal-mezzi ta' trasport li joriġinaw f'xi pajjiż mhux membru. 3. Ir-Renju tad-Danimarka hu awtorizzat li jżomm ir-regoli li japplikaw f'dak il-pajjiż dwar residenza normali li dwarhom xi persuna, inkluż xi student, għar-rigward tal-każ imsemmi fl-Artikolu 5(1)(b), ikun meqjus li jkollu residenza normali fid-Danimarka jekk dan jgħix hemm għal sena jew 365 jum f'perjodu ta' 24 xahar. Iżda, sabiex tkun evitata tassazzjoni doppja: - billi, bħala riżultat ta' l-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli, persuna hi kkunsidrata li jkollha żewġ residenzi, ir-residenza normali ta' dik il-persuna tinsab fejn il-konjuġi u t-tfal tiegħu jgħixu, - f'każijiet simili, ir-Renju tad-Danimarka għandu jikkonsulta ma' l-Istat Membru l-ieħor interessat biex jiddeċiedi liema miż-żewġ residenzi għandha tkun użata għall-finijiet ta' tassazzjoni. Qabel jiskadi l-perjodu ta' tliet snin, il-Kunsill, fuq il-bażi ta' rapport mill-Kummissjoni, għandu jeżamina mill-ġdid id-deroga li tinsab f'dan il-paragrafu u, jekk meħtieġ, għandu jadotta miżuri, fuq proposta mill-Kummissjoni bażata fuq l-Artikolu 99 tat-Trattat, biex jassigura t-tneħħija tad-deroga. 4. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 fl-istess ħin li dawn jaderixxu ma' l-obbligazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10. Il-Kummissjoni għandha sussegwentement tikkomunika dawn l-arranġamenti lill-Istati Membri l-oħra. Artikolu 10 Disposizzjonijiet finali 1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sal-1 ta' Jannar 1984. Dawn għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan. 2. Billi l-applikazzjoni prattika ta' din id-Direttiva tagħti lok għal diffikultajiet, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri interessati għandhom jieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa permezz ta' ftehim reċiproku, b'mod partikolari fid-dawl tal-Konvenzjonijiet u d-Direttivi tal-Komunità dwar assistenza reċiproka. 3. L-Istati Membri għandhom jaraw li jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-disposizzjonijiet prinċipali sussegwenti tal-liġi nazzjonali li dawn jadottaw fil-qasam regolat b'din id-Direttiva. 4. Kull sentejn il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta lill-Istati Membri, tagħti lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew rapport dwar it-tħaddim ta' din id-Direttiva fl-Istati Membri, b'referenza partikolari għall-kunċett ta' "residenza normali", u għandha tipproponi d-disposizzjonijiet meħtieġa tal-Komunità biex titwaqqaf sistema uniformi fl-Istati Membri kollha. Artikolu 11 Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula ġewwa Brussell, nhar it-28 ta' Marzu 1983. Għall-Kunsill Il-President J. Ertl [1] ĠU C 267, tal-21.11.1975, p. 8. [2] ĠU C 53, tat-8.3.1976, p. 37. [3] ĠU C 131, tat-12.6.1976, p. 50. [4] ĠU L 145, tat-13.6.1977, p. 1. [5] ĠU C 56, ta' l-4.4.1964, p. 869/64. -------------------------------------------------- ANNESS Lista ta' taxxi msemmija fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 1(1) BELĠJU - Taxe de circulation sur les véhicules automobiles (Arrêté royal du 23 Novembru 1965 portant codification des dispositions légales relatives aux taxes assimilées aux impôts sur les revenus - Moniteur belge du 18 janvier 1966) - Verkeersbelasting op de autovoertuigen (Koninklijk Besluit van 23 november 1965 houdende codificatie van de wettelijke bepalingen betreffende de met de inkomstenbelastingen gelijkgestelde belastingen - Belgisch Staatsblad van 18 januari 1966) ID-DANIMARKA - Vægtafgift af motorkøretøjer (Bekendtgørelse Nr. 658 af 28. december 1977) REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA - Kraftfahrzeugsteuer (Kraftfahrzeugsteuergesetz - 1979) - Kraftfahrzeugsteuer (Durchführungsverordnung - 1979) IL-GREĊJA - Τέλη κυκλοφορίας (N. 2367/53 ως ιοχύει σήμερα) FRANZA - Taxe différentielle sur les véhicules à moteur (Loi no 77-1467 du 30 décembre 1977) - Taxe sur les véhicules d'une puissance fiscale supérieure à 16 CV immatriculés dans la catégorie des voitures particulières (Loi de finances 1979 - l-Artikolu 1007 du code général des impôts L-IRLANDA - Motor vehicle excise duties (Finance (Excise Duties) (Vehicles) Act 1952 as amended, and Section 94, Finance Act 1973 as amended) L-ITALJA - Tassa sulla circolazione degli autoveicoli (TU delle leggi sulle tasse automobilistiche approvato con DPR n. 39 del 5 febbraio 1953 e successive modificazioni) IL-LUSSEMBURGU - Taxe sur les véhicules automoteurs Loi allemande du 23 mars 1935 (Kraftfahrzeugsteuergesetz) maintenue en vigueur par l'arrêté grand-ducal du 26 octobre 1944, modifiée par la loi du 4 août 1975 et les règlements grand-ducaux du 15 septembre 1975 et du 31 octobre 1975 L-OLANDA - Motorrijtuigenbelasting (wet op de motorrijtuigenbelasting 21 juli 1966, Stb 332 - wet van 18 december 1969/Stb 548) IR-RENJU UNIT - Vehicle excise duty (Vehicles (Excise) Act 1971) --------------------------------------------------