EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31977L0486

Id-Direttiva tal-Kunsill tal-25 ta' Lulju 1977 dwar l-edukazzjoni tat-tfal ta' ħaddiema migranti

ĠU L 199, 6.8.1977, p. 32–33 (DA, DE, EN, FR, IT, NL)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (EL, ES, PT, FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1977/486/oj

31977L0486



Official Journal L 199 , 06/08/1977 P. 0032 - 0033
Finnish special edition: Chapter 16 Volume 1 P. 0031
Greek special edition: Chapter 05 Volume 2 P. 0189
Swedish special edition: Chapter 16 Volume 1 P. 0031
Spanish special edition: Chapter 05 Volume 2 P. 0139
Portuguese special edition Chapter 05 Volume 2 P. 0139


Id-Direttiva tal-Kunsill

tal-25 ta' Lulju 1977

dwar l-edukazzjoni tat-tfal ta' ħaddiema migranti

(77/486/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 49 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [2],

Billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta Jannar 1974 dwar programm ta' azzjoni soċjali [3], il-Kunsill inkluda fl-azzjonijiet tiegħu ta' prijorità dawk li jtejbu il-kondizzjonijiet tal-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fir-rigward partikolarment għall-ilqugħ u l-edukazzjoni tat-tfal tagħhom;

Billi biex jippermetti l-integrazzjoni ta' dawn it-tfal fl-ambjent edukattiv u s-sistema ta' l-iskejjel ta' l-Istat riċevent, għandhom jirċievu tagħlim xieraq inkluż it-tagħlim ta' l-ilsien ta' l-Istat riċevent;

Billi Stati Membri riċeventi għandhom jieħdu ukoll, flimkien ma' l-Istati Membri ta' l-oriġini, miżuri xierqa biex iħajru t-tagħlim ta' l-ilsien omm u tal-kultura tal-pajjiż ta' l-oriġini tat-tfal imsemmija hawn fuq, bil-għan li primarjament jiffaċilitaw ir-riintegrazzjoni possibbli fl-Istat Membru ta' oriġini,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Din id-Direttiva għandha tgħodd għat-tfal li għalihom hija obbligatorja l-attendenza fl-iskola taħt il-liġijiet ta' l-Istat riċevent, li huma dipendenti fuq kull ħaddiem li huwa ta' nazzjonalità ta' Stat Membru ieħor, fejn dawn it-tfal huma residenti fit-territorju ta' l-Istat Membru fejn l-individwu ta' dik in-nazzjonalità għandu jew kellu attività bħala persuna impjegata.

L-Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom, skond iċ-ċirkostanzi nazzjonali u s-sistemi legali, jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li tagħlim b'xejn biex jiffaċilita l-ilqugħ fil-bidu jngħata fit-territorju tagħhom lit-tfal imsemmija fl-Artikolu 1, inkluż, b'mod partikolari, it-tagħlim — adattat għall-bżonnijiet speċifiċi ta' dawn it-tfal — ta' l-ilsien uffiċjali jew wieħed mill-ilsna uffiċjali ta' l-Istat riċevent.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa għat-taħriġ u taħriġ mill-ġdid tal-għalliema li għandhom jagħtu dan it-tagħlim.

L-Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom, skond iċ-ċirkostanzi nazzjonali u s-sistemi legali, u b'kooperazzjoni ma' l-Istat ta' oriġini, jieħdu l-miżuri xierqa biex iħajru, b'koordinazzjoni mat-tagħlim normali, it-tagħlim ta' l-ilsien omm u l-kultura tal-pajjiż ta' oriġini għat-tfal imsemmija fl-Artikolu 1

L-Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex iħarsu din id-Direttiva fi żmien erba' snin min-notifika tagħha u għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan.

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-liġijiet kollha, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi jew xort'oħra li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

L-Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni fi żmien ħames snin min-notifika ta' din id-Direttiva, u wara f'intervalli regolari fuq talba tal-Kummissjoni, l-informazzjoni kollha relevanti biex tippermetti l-Kummissjoni li tirrapporta lill-Kunsill fuq l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

L-Artikolu 6

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fil-25 ta' Lulju 1977.

Għall-Kunsill

Il-President

H. Simonet

[1] ĠU C 280, tat-8.12.1975, p. 48.

[2] ĠU C 45, tas-27.2.1976, p. 6.

[3] ĠU C 13, tat-12.2.1974, p. 1.

--------------------------------------------------

Top