Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31975R2771

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2771/75 Tal-Kunsill tad-29 ta’ Ottubru 1975 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-bajd

    ĠU L 282, 1.11.1975, p. 49–55 (DA, DE, EN, FR, IT, NL)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (EL, ES, PT, FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2008; Imħassar b' 32007R1234

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1975/2771/oj

    31975R2771



    Official Journal L 282 , 01/11/1975 P. 0049 - 0055
    Finnish special edition: Chapter 3 Volume 6 P. 0196
    Greek special edition: Chapter 03 Volume 14 P. 0046
    Swedish special edition: Chapter 3 Volume 6 P. 0196
    Spanish special edition: Chapter 03 Volume 9 P. 0126
    Portuguese special edition Chapter 03 Volume 9 P. 0126


    Ir-Regolament (KEE) Nru 2771/75 Tal-Kunsill

    tad-29 ta’ Ottubru 1975

    dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-bajd

    IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 42 u 43 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

    Billi mill-adozzjoni tagħhom id-dispożizzjonijiet bażiċi li jikkonċernaw l-organizzazzjoni tas-suq tal-bajd ġew emendati kemm il-darba; billi, għar-raġuni tan-numru tagħhom, il-kumplessità tagħhom u t-tixrid tagħhom fost il-Ġurnali Uffiċjali varji, huwa diffiċli li jintużaw it-testi relevanti u għalhekk jonqoshom iċ-ċarezza li għandha tkun fattur essenzjali tal-leġislazzjoni kollha; billi għandhom għalhekk jiġu kkonsolidati f’test wieħed;

    Billi l-operazzjoni u l-iżvilupp tas-suq komuni fi prodotti agrikoli għandu jkollhom magħhom l-istabbiliment ta’ politika agrikola komuni sabiex tiġi inkluża b’mod partikolari organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, li jistgħu jkunu ta’ varji forom jiddependi fuq il-prodott;

    Billi l-mira tal-politika agrikola komuni hi li jintlaħħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 39 tat-Trattat; billi, fis-settur tal-bajd, sabiex jiġu stabiliżżati s-swieq u sabiex jiġi żgurat livell ta’ għajxien għall-Komunità agrikola kkonċernata, għandha ssir dispożizzjoni għal miżuri biex jiffaċilitaw l-aġġustament tal-fornitura għall-ħtiġiet tas-suq;

    Billi l-ħolqien ta’ suq wieħed tal-bajd jinvolvi l-introduzzjoni ta’ sistema singola ta’ kummerċ fil-fruntieri esterni tal-Komunità, din is-sistema għandha tinkludi imposti u rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni;

    Billi sabiex jintlaħaq dan l-iskop għandu bħala regola ġenerali jkun suffiċjenti li jiġu introdotti, fir-rigward ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, imposti li jieħdu kont ta’ l-inċidenza fuq spejjeż ta’ għalf tad-differenza bejn prezzijiet għal żerriegħa ta’ l-għalf fil-Komunità u fis-suq dinji, u tal-bżonn li l-industrija Komunitarja ta’ l-ipproċessar tiġi pprotetta;

    Billi huwa neċessarju li jiġu evitati disturbi fis-suq Komunitarju kkawżati minn offerti magħmula fis-suq dinji bi prezzijiet baxxi b’mod anormali; billi għal dan l-iskop il-prezzijiet fuq ammont ikkontrollat għandhom ikunu fissi u l-imposti għandhom jiżdiedu b’ammont addizzjonali meta prezzijiet ta’ offerta b’xejn fuq il-fruntiera huma iktar baxxi minn dawk il-prezzijiet;

    Billi dispożizzjoni għal rifużjoni fuq esportazzjonijiet għal pajjiżi terzi ugwali għad-differenza bejn il-prezzijiet fil-Komunità u fis-suq dinji kienet isservi biex tissalvagwardja parteċipazzjoni Komunitarja f’kummerċ internazzjonali tal-bajd; billi sabiex l-esportaturi Komunitarji jingħataw ċertu ammont ta’ sigurtà fir-rigward ta’ l-istabbilità ta’ rifużjonijiet, għandha ssir dispożizzjoni biex tippermetti li r-rifużjonijiet fuq il-bajd jiġu bil-quddiem;

    Billi, flimkien mas-sistema deskritta hawn fuq, għandha ssir dispożizzjoni biex jiġi pprojbit, kompletament jew parzjalment, meta s-sitwazzjoni fis-suq teħtieġ hekk l-użu ta’ arranġamenti għal ipproċessar intern;

    Billi s-sistema ta’ l-imposti tagħmilha possibbli li jitwarrbu l-miżuri l-oħrajn kollha ta’ protezzjoni fil-fruntieri esterni tal-Komunità; billi, madankollu, il-mekkaniżmu ta’ l-imposti jista’ f’ċirkostanzi eċċezzjonali jkun difettuż; billi f’dawn il-każijiet, sabiex is-suq Komunitarju ma jitħalliex mingħajr difiża kontra disturbi li jistgħu joriġinaw minn hemm wara li l-barrieri fuq l-importazzjoni li eżistew preċedentement ikunu tneħħew, il-Komunità għandha tkun tista’ tieħu l-miżuri neċessarji kollha mingħajr dewmien;

    Billi restrizzjonijiet fuq ċirkolazzjoni libera li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ miżuri intiżi biex jipprevjenu t-tixrid ta’ mard ta’ l-annimali jistgħu jikkawżaw diffikultajiet fis-suq ta’ Stat Membru wieħed jew iktar; billi huwa neċessarju li ssir dispożizzjoni għall-adozzjoni ta’ miżuri eċċezzjonali ta’ appoġġ għas-suq biex tiġi rimedjata din is-sitwazzjoni;

    Billi, sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-miżuri proposti, għandha tiġi pprovduta proċedura biex tiġi stabbilita kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati membri u l-Kummissjoni fil-Kumitat Amministrattiv;

    Billi, l-istabbiliment ta’ suq wieħed kien ikun ipperikolat bl-għoti ta’ ċerti għajnuniet; billi, għalhekk, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jippermettu l-istima ta’ għajnuniet mogħtija mill-Istati Membri u l-projbizzjoni ta’ dawk li huma inkompatibbli mas-suq komuni għandhom isiru biex japplikaw għall-bajd;

    Billi l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-bajd għandha tieħu kont b’mod approprjat u fl-istess ħin ta’ l-objettivi stabbiliti fl-Artikoli 39 u 110 tat-Trattat;

    Billi l-ispiża li jiltaqgħu magħha l-Istati Membri bħala riżultat ta’ l-obbligi li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jaqgħu fuq il-Komunità skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70 [2] tal-21 ta’April 1970 dwar l-iffinanzjar tal-politika agrikola komuni, kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 1566/72 [3],

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    L-Artikolu 1

    1. L-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-bajd għandha tkopri l-prodotti li ġejjin:

    Intestatura CCT Nru | Deskrizzjoni tal-merkanzija |

    (a)04.05 A I | Bajd tat-tjur fil-qoxra, friski jew ippreservati |

    (b)04.05 B I | Bajd mhux fil-qoxra u isfra tal-bajd tajbin għall-konsum mill-bniedem, friski, imnixxfa jew ippreservati xort’oħra, mogħtija z-zokkor jew le |

    2. Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

    (a) "bajd fil-qoxra" jfisser bajd tat-tjur fil-qoxra, friski jew ippreservati, ta’ xort’oħra minn bajd għat-tfaqqis speċifikat f’(b);

    (b) "bajd għat-tfaqqis" ifisser bajd tat-tjur għat-tfaqqis;

    (ċ) "prodotti sħaħ" ifissru bajd tat-tjur mhux fil-qoxra, tajbin għall-konsum mill-bniedem:

    - friski jew ippreservati, mogħtija z-zokkor jew le,

    - imnixxfa, mogħtija z-zokkor, jew le;

    (d) "prodotti separati" ifisser l-isfra tal-bajd tat-tiġieġ, tajbin għall-konsum mill-bniedem:

    - friski jew ippreservati, mogħtija z-zokkor jew le,

    - imnixxfa, mogħtija z-zokkor jew le;

    (e) "kwart" ifisser perjodu ta’ tliet xhur li jibda fl-1 ta’ Frar, l-1 ta’ Mejju, l-1 ta’ Awwissu jew l-1 ta’ Novembru.

    L-Artikolu 2

    1. Sabiex tiġi inkoraġġita azzjoni mill-kummerċ u minn organizzazzjonijiet konġunti tal-kummerċ għall-faċilitazzjoni ta’ l-aġġustament tal-fornitura lill-ħtiġiet tas-suq, bl-eċċezzjoni ta’ azzjoni li tirrelata għal irtirar mis-suq, il-miżuri Komunitarji li ġejjin jistgħu jittieħdu fir-rigward tal-prodotti speċifikati fl-Artikolu 1(1):

    - miżuri biex jippromwovu organizzazzjoni aħjar tal-produzzjoni, ta’ l-ipproċessar u tal-marketing,

    - miżuri għat-titjib tal-kwalità,

    - miżuri li jippermettu l-istabbiliment ta’ tbassir għal żmien qasir u għal żmien twil fuq il-bażi tal-mezz ta’ produzzjoni użat,

    - miżuri biex jiffaċilitaw l-irreġistrar tat-tendenzi fil-prezzijiet tas-suq.

    Regoli ġenerali li jikkonċernaw dawn il-miżuri għandhom jiġu adotatti skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 43(2) tat-Trattat.

    2. Għal prodott wieħed jew iktar speċifikat fl-Artikolu 1(1), għandhom jiġu adottati standards ta’ marketing. Dawn l-istandards jistgħu jirrelataw b’mod partikolari għal gradazzjoni skond il-kwalità u l-piż, l-ippakkjar, it-trasport, il-preżentazzjoni u l-marketing.

    L-Istandards, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom u r-regoli ġenerali għall-applikazzjoni tagħhom għandhom jiġu adottati mill-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni.

    L-Artikolu 3

    Imposta, ffissata bil-quddiem għal kull kwart skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17, għandha tintalab fuq importazzjonijiet fil-Komunità tal-prodotti speċifikati fl-Artikolu 1(1).

    L-Artikolu 4

    1. L-imposta fuq bajd fil-qoxra għandha tkun magħmula minn:

    (a) komponent ugwali għad-differenza bejn il-prezzijiet fil-Komunità u fis-suq dinji għall-kwantità ta’ żerriegħa ta’ l-għalf meħtieġa għall-produzzjoni fil-komunità ta’ kilogramma ta’ bajd fil-qoxra.

    Il-prezzijiet għaż-żerriegħa ta’ l-għalf fil-Komunità għandhom jiġu ddeterminati darba fis-sena għal perjodu ta’ 12-il xahar li jibda fl-1 ta’ Awwissu, fuq il-bażi tal-prezzijiet ta’ l-għatba għal din iż-żerriegħa u ż-żieda fix-xahar tagħhom.

    Il-prezzijiet għaż-żerriegħa ta’ l-għalf fis-suq dinji għandhom jiġu ddeterminati kull kwart fuq il-bażir tal-prezzijiet għal dan l-għalf għas-sitt xhur li jippreċedu l-kwart li tulu l-komponent imsemmi huwa kkalkolat.

    Madankollu, meta l-imposti applikabbli mill-1 ta’ Novembru, l-1 ta’ Frar u l-l ta’ Mejju jkunu qegħdin jiġu ffissati, tendenzi fil-prezzijiet tas-suq dinji għaż-żerriegħa ta’ l-għalf għandhom jiġu kkunsidrati biss jekk fl-istess ħin ikun qed jiġi ffissat prezz ta’ ammont ikkontrollat ġdid;

    (b) komponent ugwali għal 7 % tal-medja tal-prezzijiet ta’ l-ammont ikkontrollat li japplikaw għall-erba’ kwartijiet li jippreċedu l-1 ta’ Mejju ta’ kull sena.

    Dan il-komponent għandu jiġi kkalkolat darba fis-sena għal perjodu ta’ 12-il xahar li jibda fl-1 ta’ Awwissu.

    2. L-imposta fuq bajd għat-tfaqqis għandha tiġi kkalkolata bl-istess mod bħall-imposta fuq il-bajd fil-qoxra. Madankollu, il-kwantità ta’ żerriegħa ta’ l-għalf li għandha tiġi użata għandha tkun dik meħtieġa għall-produzzjoni fil-Komunità ta’ bajda waħda għat-tfaqqis; il-prezz ta’ l-ammont ikkontrollat għandu jkun dak applikabbli għal bajd għat-tfaqqis.

    3. Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu:

    - jistabbilixxi l-ammont ta’ żerriegħa ta’ għalf meħtieġ għall-produzzjoni ta’ kilogramma waħda ta’ bajd fil-qoxra u l-kwantità ta’ żerriegħa ta’ l-għalf meħtieġa għall-produzzjoni ta’ bajda waħda għat-tfaqqis, u l-perċentwali taż-żerriegħa ta’ l-għalf varji inklużi f’dawn il-kwantitajiet,

    - jadotta regoli għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

    L-Artikolu 5

    1. Fir-rigward tal-prodotti speċifikati fl-Artikolu 1(1)(b), l-imposta għanda tiġi dderivata mill-imposta fuq bajd fil-qoxra kif ġej:

    - fir-rigward ta’ prodotti sħaħ, fuq il-bażi tal-kwantità ta’ bajd fil-qoxra użat fil-fabbrikazzjoni ta’ kilogramma waħda ta’ dawn il-prodotti,

    - fir-rigward ta’ prodotti separati, fuq il-bażi tal-kwantità ta’ bajd fil-qoxra użata fil-fabbrikazzjoni ta’ kilogramma waħda ta’ dawn il-prodotti u tal-proporzjon medju bejn il-valuri tas-suq tal-kostitwenti tal-bajd.

    2. Il-Koeffiċjenti li jesprimu l-kwantitajiet u l-proporzjon imsemmi fil-paragrafu 1 għandhom jiġu ffissati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17. L-informazzjoni użata fl-iffissar tal-koeffiċjenti għandha tiġi rikonsiderata mill-inqas darba fis-sena.

    L-Artikolu 6

    Meta prezz sostanzjali jiġi rreġistrat fis-suq Komunitarju u din is-sitwazzjoni x’aktarx tkompli, u hekk tiddisturba jew thedded li tiddisturba s-suq, il-miżuri neċessarji jistgħu jittieħdu.

    Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta regoli ġenerali għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

    L-Artikolu 7

    1. Il-prezzijiet ta’ ammont ikkontrollat għandhom jiġu ffissati bil-quddiem għal kull kwart skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17.

    2. Il-prezz tal-bajd bil-qoxra fuq ammont ikkontrollat għandu jkun magħmul minn:

    (a) ammont ugwali għall-prezz fis-suq dinji għall-kwantità ta’ żerriegħa ta’ għalf meħtieġa għall-produzzjoni f’pajjiżi terzi ta’ kilogramma waħda ta’ bajd fil-qoxra;

    (b) ammont standard li jirrapreżenta l-ispejjeż ta’ l-għalf l-oħrajn u l-ispejjeż żejda tal-produzzjoni u tal-marketing.

    Il-prezz għall-kwantità ta’ żerriegħa ta’ l-għalf fis-suq dinji għandu jiġi ddeterminat kull kwart fuq il-bażi tal-prezzijiet għal din iż-żerriegħa għas-sitt xhur li jippreċiedu l-kwart li tulu l-prezz fuq l-ammont ikkontrollat huwa ffissat.

    Madankollu, meta l-prezz fuq ammont ikkontrollat applikabbli mill-1 ta’ Novembru, l-1 ta’ Frar u l-1 ta’ Mejju, ikun qed jiġi ffissat, it-tendenzi fis-suq dinji ta’ prezzijiet għal żerriegħa ta’ l-għalf għandhom jiġu kkunsidrati biss jekk il-prezz tal-kwantità ta’ żerriegħa ta’ l-għalf juri varjazzjoni minima minn dak użat fil-kalkolu tal-prezz fuq ammont ikkontrollat għall-kwart preċedenti. L-informazzjoni użata fl-iffissar ta’ l-ammont standard imsemmi f’(b) għandha tiġi rikonsiderata mill-inqas darba f’sena.

    3. Il-prezz fuq ammont ikkontrollat ta’ bajd għat-tfaqqis għandu jiġi kkalkolat bl-istess mod bħall-prezz fuq ammont ikkontrollat ta’ bajd fil-qoxra; madankollu, il-prezz għal-kwantità ta’ żerriegħa ta’ l-għalf fis-suq dinji għandu jkun il-prezz għall-kwantità meħtieġa għall-produzzjoni f’pajjiżi terzi ta’ bajda waħda għat-tfaqqis u l-ammont standard għandu jkun l-ammont li jirrapreżenta l-ispejjeż l-oħrajn ta’ l-għalf u l-ispejjeż żejda tal-produzzjoni u l-marketing fir-rigward ta’ bajda waħda għat-tfaqqis.

    4. Fir-rigward tal-prodotti speċifikati fl-Artikolu 1(1)(b), il-prezzijiet fuq ammont ikkontrollat għandhom jiġu derivati mill-prezz fuq ammont ikkontrollat għal bajd fil-qoxra, b’kont meħud tad-deprezzar fil-valur tal-materjal bażiku, tal-koeffiċjenti ffissati għal dawn il-prodotti taħt l-Artikolu 5(2) u ta’ l-ammont standard li jirrapreżenta l-ispejjeż żejda ta’ produzzjoni u marketing iffissati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17.

    5. Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta regoli għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

    L-Artikolu 8

    1. Meta l-prezz ta’ offerta b’xejn fuq il-fruntiera għal prodott jaqa’ taħt il-prezz fuq ammont ikkontrollat, l-imposta fuq dak il-prodott għandha tiżdied b’ammont addizzjonali ugwali għad-differenza bejn il-prezz fuq ammont ikkontrollat u l-prezz ta’ offerta b’xejn fuq il-fruntiera.

    2. Madankollu, l-imposta m’għandhiex tiżdied b’dan l-ammont addizzjonali fir-rigward ta’ pajjiżi terzi li huma ppreparati u f’pożizzjoni li jiggarantixxu li l-prezz ta’ l-importazzjonijiet fil-Komunità ta’ prodotti li joriġinaw fi u li jkunu ġejjin mit-territorju tagħhom ma jkunx iktar baxx mill-prezz fuq ammont ikkontrollat għall-prodott inkwistjoni u li kull diflezzjoni ta’ kummerċ tiġi evitata.

    3. Il-prezz ta’ l-offerta b’xejn fuq il-fruntiera għandu jiġi ddeterminat għall-importazzjonijiet kollha mill-pajjiżi terzi kollha.

    Madankollu, jekk l-esportazzjonijiet minn pajjiż terz wieħed jew iktar huma effettwati bi prezzijiet anormalment baxxi, iktar baxxi mill-prezzijiet li japplikaw f’pajjiżi terzi oħrajn, prezz ieħor ta’ offerta b’xejn fuq il-fruntiera għandu jiġi ddeterminat għal esportazzjonijiet minn dawn il-pajjiżi l-oħrajn.

    4. Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17.

    Meta huma meħtieġa ammonti addizzjonali dawn għandhom jiġu ffissati skond l-istess proċedura.

    L-Artikolu 9

    1. Sal-limitu neċessarju sabiex il-prodotti speċifikati fl-Artikolu 1(1) ikunu jistgħu jiġu esportati, fl-istat imsemmi hemmhekk jew fil-forma ta’ prodotti elenkati fl-Anness I m’hawnhekk, fuq il-bażi ta’ prezzijiet għal dawk il-prodotti fis-suq dinji, id-differenza bejn dawk il-prezzijiet u l-prezzijiet fil-Komunità tista’ tiġi koperta b’rifużjoni fuq l-esportazzjoni.

    2. Ir-rifużjoni għandha tkun l-istess għall-Komunità kollha. Tista’ tiġi varjata skond l-użu jew id-destinazzjoni.

    Ir-rifużjoni għandha tingħata fuq applikazzjoni mill-parti kkonċernata.

    Meta r-rifużjoni tkun qed tiġi ffissata għandu jittieħed kont partikolari tal-bżonn li jiġi stabbilit bilanċ bejn l-użu ta’ prodotti bażiċi Komunitarji fil-fabbrikazzjoni ta’ prodotti pproċessati għall-esportazzjoni għal pajjiżi terzi u l-użu tal-prodotti ta’ pajjiżi terzi miġjuba taħt arranġamenti ta’ pproċessar intern.

    Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta regoli ġenerali għall-għoti u l-iffissar bil-quddiem ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni u kirterji għall-iffissar ta’ l-ammont tagħhom.

    Ir-rifużjonijiet għandhom jiġu ffissati f’intervalli regolari skond il-porċedura stabbilita fl-Artikolu 17. Meta neċessarju il-Kummissjoni tista’, fuq it-talba ta’ Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha proprja, taltera r-rifużjonijiet fil-perjodu intervenenti.

    3. Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adotatti skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17.

    L-Artikolu 10

    Sal-limitu neċessarju għall-ħidma tajba ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-bajd, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jipprojbixxi, kompletament jew parzjalment, l-użu ta’ arranġamenti ta’ pproċessar intern:

    - fir-rigward ta’ prodotti speċifikati fl-Artikolu 1(1) li huma intiżi għall-fabbrikazzjoni ta’ prodotti speċifikati fl-Artikolu 1(1)(b), u

    - f’każijiet speċjali, fir-rigward ta’ prodotti speċifikati fl-Artikolu 1(1) li huma intiżi għall-fabbrikazzjoni tal-prodotti elenkati fl-Anness I tiegħu.

    L-Artikolu 11

    1. Ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tat-Tariffa Doganali Komuni u r-regoli speċjali għall-applikazzjoni tagħha għandhom japplikaw għall-klassifika tariffarja tal-prodotti koperti b’dan ir-Regolament; in-nomenklatura tariffarja li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandha tifforma parti mit-Tariffa Doganali Komuni.

    2. Ħlief kif provdut xort’oħra f’dan ir-Regolament jew meta deroga minnu hija deċiża mill-Kunsill waqt li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-kummissjoni, dan li ġej għandu jiġi pprojbit:

    - l-imposta ta’ kull dazju doganali jew piż li jkollu effett ekwivalenti,

    - l-applikazzjoni ta’ kull restrizzjoni kwantitattiva jew miżura li jkollha effett ekwivalenti.

    Kull miżura li tirrestrinġi l-ħruġ ta’ liċenzi fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni għal kategorija speċjali ta’ persuna għandha titqies bħala miżura li jkollha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva.

    L-Artikolu 12

    1. Jekk għal raġuni ta’ importazzjoni jew esportazzjoni s-suq Komunitarju fi prodott wieħed jew iktar speċifikat fl-Artikolu 1(1) jesperjenza jew jiġi mhedded b’disturbi serji li jistgħu jipperikolaw l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 39 tat-Trattat, miżuri approprjati jistgħu jiġu applikati fil-kummerċ ma’ pajjiżi terzi sakemm dawn id-disturbi jew din it-theddida ta’ disturb jieqfu.

    Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu u jiddefinixxi l-każijiet li u l-limiti li fihom l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri protettivi.

    2. Jekk is-sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 isseħħ, il-Kummissjoni għandha, fuq it-talba ta’ Stat Membru jew fuq l-inizjattiva proprja tagħha, tiddeċiedi dwar il-miżuri neċessarji; il-miżuri għandhom jiġu kkomunikati lill-Istati Membri u għandhom ikunu applikabbli immedjatament. Jekk il-Kummissjoni tirċievi talba minn Stat Membru, għandha tieħu deċiżjoni fuqha fi żmien 24 siegħa wara li tirċeviha.

    3. Il-miżuri deċiżi mill-Kummissjoni jistgħu jiġu riferuti lill-Kunsill minn kull Stat Membru fi żmien tliet ijiem utli wara l-jum li fih kienu kkomunikati. Il-Kunsill għandu jiltaqa’ mingħajr dewmien. Jista’ b’maġġoranza kkwalifikata jemenda jew iħassar il-miżuri inkwistjoni.

    L-Artikolu 13

    Il-prodotti speċifikati fl-Artikolu 1(1) li huma ffabbrikati jew ottenuti minn prodotti mhux speċifikati fl-Artikoli 9(2) u 10(1) tat-Trattat ma jistgħux jiġu ammessi għall-ċirkolazzjoni libera fil-Komunità.

    L-Artikolu 14

    Sabiex jittieħed kont ta’ kull restrizzjoni fuq ċirkolazzjoni libera imposta inkonsegwenza għall-miżuri biex jipprevienu t-tixrid ta’ mard ta’ l-annimali, miżuri eċċezzjonali jistgħu jittieħdu taħt il-proċedura prevista fl-Artikolu 17 biex isostnu kull suq effettwat minn dawn ir-restrizzjonijiet. Dawn il-miżuri jistgħu jittieħdu biss sal-limitu li u għal dak il-perjodu li hu strettament neċessarju għas-sostenn ta’ dak is-suq.

    L-Artikolu 15

    L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkomunikaw lil xulxin l-informazzjoni neċessarja għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Regoli għall-komunikazzjoni u d-distribuzzjoni ta’ din l-informazzjoni għandhom jiġu adotatti skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17.

    L-Artikolu 16

    1. Huwa hawnhekk stabbilit Kumitat Amministrattiv għall-Laħam tat-Tjur u l-Bajd tat-Tjur (hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejjaħ "il-Kumitat"), li jikkonsisti minn rappreżentanti ta’ l-Istati Membri b’rappreżentant tal-Kummissjoni bħala l-President.

    2. Fil-Kumitat il-voti ta’ l-Istati Membri għandhom jiġu peżati skond l-Artikolu 148(2) tat-Trattat. Il-President m’għandux jivvota.

    L-Artikolu 17

    1. Meta l-proċedura stabbilita f’dan l-Artikolu għandha tiġi segwita, il-President għandu jirreferi l-kwistjoni lill-kumitat jew fuq l-inizjattiva propja tiegħu jew fuq it-talba tar-rappreżentant ta’Stat Membru.

    2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-Opinjoni tiegħu dwar dawn il-miżuri f’limitu ta’ żmien li għandu jiġi stabbilit bill-President skond l-urġenza tal-kwistjoni. L-Opinjoni għandha tiġi adottata b’maġġoranza ta’ 41 vot.

    3. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri li għandhom japplikaw immedjatament. Madankollu, jekk dawn il-miżuri mhumiex skond l-Opinjoni tal-Kumitat, għandhom imbagħad jiġu kkomunikari mill-Kumissjoni lill-Kunsill. F’dak il-każ il-Kummissjoni tista’, għal mhux iżjed minn xahar mid-data ta’ din il-komunikazzjoni, tipposponi l-applikazzjoni tal-miżuri li tkun adottat.

    Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata, jista’ jieħu deċiżjoni differenti fi żmien xahar.

    L-Artikolu 18

    Il-Kumitat jista’ jikkunsidra kull kwistjoni oħra riferita lilu mill-President tiegħu jew fuq l-inizjattiva proprja tiegħu jew fuq talba tar-rappreżentant ta’ Stat Membru.

    L-Artikolu 19

    Ħlief kif provdut xort’oħra f’dan ir-Regolament, l-Artikoli 92 sa 94 ta’ dan it-Trattat għandhom japplikaw għall-produzzjoni ta’ u l-kummerċ fil-prodotti speċifikati fl-Artikolu 1(1).

    L-Artikolu 20

    Dan ir-Regolament għandu jiġi hekk applikat li jittieħed kont, b’mod approprjat u fl-istess ħin, ta’ l-objettivi stabbiliti fl-Artikoli 39 u 110 tat-Trattat.

    L-Artikolu 21

    Fil-każ li l-Italja jkollha rikors għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2727/75 [4] tad-29 ta’ Ottubru 1975 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fiċ-ċereali, il-Kunsill waqt li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex jevita distorzjonijiet ta’ kompetizzjoni.

    L-Artikolu 22

    1. Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 122/67/KEE [5] tat-13 ta’ Ġunju 1967 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-bajd, kif l-aħħar emendat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-1 ta’ Jannar 1973 [6] li jaġġusta d-dokumenti li jikkonċernaw l-adeżjoni ta’ l-Istati Membri ġodda għall-Komunitajiet Ewropej, huwa hawnhekk imħassar.

    2. Ir-referenzi kollha għar-Regolament imħassar mill-paragrafu 1 għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

    Referenzi għall-artikoli ta’ dak ir-Regolament għandhom jinqraw skond il-korrelazzjoni mogħtija fl-Anness II.

    L-Artikolu 23

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-l ta’ Novembru 1975.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, fid-29 ta’ Ottubru 1975.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    G. Marcora

    [1] ĠU C 60, tat-13.3.1975, p.41.

    [2] ĠU L 94, tat-28.4.1970, p. 13.

    [3] ĠU L 167, tal-25.7.1972, p. 5.

    [4] ĠU L 281, ta’ l-1.11.1975, p. 7.

    [5] ĠU 117, tad- 19.6.1967, p. 2293/67.

    [6] ĠU L 2, ta’ l-1.2.1973, p. 1.

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS I

    Intestatura CCT Nru | Deskrizzjoni tal-merkanzija |

    18.06 | Ċikkulata u preparati oħrajn ta’ l-ikel li jikkontienu l-kawkaw |

    19.03 | Imqarrun, spagetti u prodotti simili: A.Li jikkontienu l-bajd |

    19.08 | Għaġina, gallettini, kejkijiet u affarijiet oħrajn tal-furnara, kemm jekk jikkontienu l-kawkaw u kemm jekk le fi kwalunkwe proprozjon |

    22.09C | Xorb spirituż: eż V. Oħrajn:Li jikkontieni l-bajd jew l-isfar tal-bajd |

    35.02A | Albumini: II.Oħrajn:eż a) Ovalbumina:1.Niexfa (per eżempju, f’folji, qxur, biċċiet, trab)2.Oħrajn |

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS II

    Il-Korrelazzjoni

    Ir-Regolament Nru 122/67/KEE | Dan ir-Regolament |

    L-Artikolu 13a | L-Artikolu 14 |

    L-Artikolu 14 | L-Artikolu 19 |

    L-Artikolu 22 | L-Artikolu 21 |

    L-Anness | L-Anness I |

    --------------------------------------------------

    Top