Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31965R0019

    Ir-Regolament Nru 19/65/KEE tal-Kunsill tat-2 ta' Marzu 1965 dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85 (3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta' ftehim u prattiċi miftiehma

    ĠU 36, 6.3.1965, p. 533–535 (DE, FR, IT, NL)
    Edizzjoni Speċjali bl-Ingliż: Serje I Volum 1965-1966 P. 35 - 37

    Edizzjoni(jiet) speċjali oħra (DA, EL, ES, PT, FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/05/2004

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1965/19/oj

    31965R0019



    Official Journal 036 , 06/03/1965 P. 0533 - 0535
    Finnish special edition: Chapter 8 Volume 1 P. 0036
    Danish special edition: Series I Chapter 1965-1966 P. 0031
    Swedish special edition: Chapter 8 Volume 1 P. 0036
    English special edition: Series I Chapter 1965-1966 P. 0035
    Greek special edition: Chapter 08 Volume 1 P. 0059
    Spanish special edition: Chapter 08 Volume 1 P. 0085
    Portuguese special edition Chapter 08 Volume 1 P. 0085


    Ir-Regolament Nru 19/65/KEE tal-Kunsill

    tat-2 ta' Marzu 1965

    dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85 (3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta' ftehim u prattiċi miftiehma

    IL-KUNSILL TAL-KOMUNITÀ EKONOMIKA EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 87 Tiegħu;

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni;

    Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew [1];

    Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2];

    Billi l-Artikolu 85(1) tat-Trattat jista' skond l-Artikolu 85(3) jiġi ddikjarat bħala inapplikabbli għal ċerti kategoriji ta' ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma li jissodisfaw il-kondizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 85(3);

    Billi d-disposizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 85(3) iridu jiġu implimentati permezz ta' regolament in segwitu ta' l-Artikolu 87;

    Billi fid-dawl tan-numru kbir ta' notifikazzjonijiet sottomessi in segwitu tar-Regolament Nru 17 [3] huwa mixtieq illi sabiex tiġi faċilitata l-biċċa tax-xogħol tal-Kummissjoni din għandha tingħata s-setgħa li tiddikjara permess ta' regolament illi d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 85(1) ma japplikawx għal ċerti kategoriji ta' ftehim u prattiċi miftiehma;

    Billi għandu jitniżżel taħt liema kondizzjonijiet il-Kummissjoni, f'relazzjoni mill-qrib u kostanti ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, tista' teżerċita dawn il-poteri wara li tkun giet akkwistata biżżejjed esperjenza fid-dawl ta' deċiżjonijiet individwali u li jsir possibli li jiġu definiti kategoriji ta' ftehim u prattiċi miftiehma li fir-rigward tagħhom il-kondizzjonijiet ta' l-Artikolu 85(3) jistgħu jiġu kkonsidrati bħala sodisfatti;

    Billi l-Kummissjoni ndikat bl-azzjoni li ħadet, partikolarment permess ta' Regolament Nru 153 [4], li ma jistax ikun hemm illaxkar tal-proċeduri preskritti minn Regolament Nru 17 fir-rigward ta' ċerti tipi ta' ftehim u prattiċi miftiehma li b'mod partikolari jistgħu jfixklu l-kompetizzjoni fis-suq komuni;

    Billi permezz ta' l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 17 il-Kummissjoni tista tipprovdi li deċiżjoni meħuda in segwitu ta' l-Artikolu 85(3) tat-Trattat għandha tapplika b'effett retroattiv; billi huwa mixtieq li l-Kummissjoni jkollha wkoll is-setgħa li taddotta, permess ta' Regolament, disposizzjonijiet bl-istess effett;

    Billi taħt l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 17 ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma jistgħu, permess ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni jkunu eżenti mil-projbizzjoni partikolarment jekk huma jkunu modifikati b'tali mod li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' l-Artikolu 85(3): billi huwa mixtieq li l-Kummissjoni jkollha s-setgħa li tagħti eżenzjoni bħal din permess ta' regolament lil dawk il-ftehim u prattiċi miftiehma jekk dawn ikunu modifikati b'mod illi jaqgħu taħt kategorija definita f'regolament ta' eżenzjoni;

    Billi, ma jista' jkun hemm l-ebda eżenzjoni jekk il-kondizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 85(3) ma jkunux sodisfatti, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tniżżel permess ta' deċiżjoni l-kondizzjonijiet li għandhom ikunu sodisfatti minn ftehim jew prattika miftiehma li minħabba ċirkostanzi speċjali jkollha ċerti effetti nkompatibbli ma' l-Artikolu 85(3);

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1. Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17 u b'mod konformi ma' l-Artikolu 85(3) tat-Trattat il-Kummissjoni tista' permezz ta' regolament tiddikjara li l-Artikolu 85(1) m'għandux japplika għal kategoriji ta' ftehim li minnhom żewġ impriżi biss jifformaw parti u:

    (a) - fejn parti waħda tiftiehem ma' l-oħra li tforni lilha biss ċerta merkanzija għall-bejgħ mill-ġdid f'erja definita tas-suq komuni; jew

    - fejn parti waħda tiftiehem ma' l-oħra li tixtri biss mingħand dik l-oħra ċerta merkanzija għall-bejgħ mill-ġdid; jew

    - fejn iż-żewġ impriżi jkunu daħlu f'obbligi, bħal fiż-żewġ sottoparagrafi preċedenti, ma' xulxin fir-rigward tal-forniment jew ix-xiri esklussiv għall-bejgħ mill-ġdid;

    (b) li jinkludu restrizzjonijiet imposti fir-rigward ta' l-akkwist jew l-użu ta' drittijiet ta' propjetà industrijali partikolarment tad-drittijiet għal esklussività, mudelli ta' utilità, disinnji u trejdmarks jew id-drittijiet li joħorġu minn kuntratti għall-konsenja ta' u d-dritt ta' l-użu ta', metodu ta' manifattura jew għarfien li jirrigwarda l-użu jew l-applikazzjoni ta' proċessi industrijali.

    2. Ir-regolament għandu jsemmi u jispjega l-kategoriji ta' ftehim li japplika għalihom u għandu jispeċifika partikolarment:

    (a) ir-restrizzjonijiet jew klawsoli li m' għandhomx ikunu fil-ftehim;

    (b) l-klawsoli li għandhom ikunu fil-ftehim, jew il-kondizzjonijiet l-oħra li għandhom ikunu sodisfatti.

    3. Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw b'analoġija għall-kategoriji ta' prattiċi miftiehma bejn żewġ impriżi biss.

    Artikolu 2

    1. Regolament in segwitu ta' l-Artikolu 1 għandu jiġi magħmul għal perjodu speċifiku.

    2. Jista' jiġi mħassar jew emendat fejn iċ-ċirkostanzi jkunu nbidlu fir-rigward ta' xi fattur li kien bażilari fl-għamla tiegħu; f'każ bħal dan, għandu jiġi stabbilit perjodu għall-modifikazzjoni tal-ftehim u l-prattiċi miftiehma li japplika għalihom ir-regolament ta' qabel.

    Artikolu 3

    Regolament in segwitu ta' l-Artikolu 1 jista jistipula li dan għandu japplika b'effett retroattiv għall-ftehim u prattiċi miftiehma li għalihom, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dak ir-regolament, kieku kienet tapplika deċiżjoni maħruġa b'effett retroattiv in segwitu ta' l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 17.

    Artikolu 4

    1. Regolament in segwitu ta' l-Artikolu 1 jista' jistipula li l-projbizzjoni fl-Artikolu 85(1) tat-Trattat ma tapplikax, għal dak il-perjodu li għandu jiġi stabilit minn dak ir-regolament, għal ftehim u prattiċi miftiehma diġà eżistenti fit-13 ta' Marzu 1962 li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet ta' l-Artikolu 85(3), fejn:

    - fi żmien tliet xhur mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament, huma jkunu modifikati b'mod illi jissodisfaw il-kondizzjonijiet imsemmija skond id-disposizzjonijiet tar-regolament: u

    - il-modifikazzjonijiet ikunu ġew innotifikati lill-Kummissjoni fil-limitu taż-żmien stabilit mir-regolament.

    2. Il-paragrafu 1 għandu japplika għal ftehim u prattiċi miftiehma li kellhom jiġu notifikati qabel l-1 ta' Frar 1963, skond l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 17, biss jekk dawk ikunu ġew notifikati hekk qabel dik id-data.

    3. Il-benefiċċju tad-disposizzjonijiet imniżżla in segwitu tal-paragrafu 1 ma jistax jintalab f'azzjonijiet pendenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' regolament adottat in segwitu ta' l-Artikolu 1; lanqas ma jistgħu jintużaw bħala bażi għal talbiet ta' danni kontra terzi persuni.

    Artikolu 5

    Qabel ma tadotta regolament, il-Kummissjoni għandha tippubblika abbozz ta' dan u tistieden lill-persuni kollha konċernati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom fil-limitu taż-żmien, li ma jkunx anqas minn xahar, li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi.

    Artikolu 6

    1. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-Kumitat Konsultattiv fuq il-Prattiċi Restrittivi u l-Monopolji:

    (a) qabel ma tippubblika abbozz ta' regolament;

    (b) qabel ma tadotta regolament.

    2. L-Artikolu 10(5) u (6) tar-Regolament Nru 17, dwar il-konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, għandhom japplikaw b'analoġija, ladarba huwa mifhum li l-laqgħat konġunti mal-Kummissjoni għandhom isiru mhux qabel xahar wara t-tluq tan-nota ta' avviż dwar il-laqgħat.

    Artikolu 7

    Meta l-Kummissjoni, jew fuq l-inizzjattiva tagħha jew fuq it-talba ta' Stat Membru jew persuna legali jew naturali li titlob interess leġittimu, ssib li f'xi każ partikolari ftehim jew prattiċi miftiehma li għalihom japplika regolament adottat in segwitu ta' l-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament ikollu madanakollu ċerti effetti li huma nkompatibbli mal-kondizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 85(3) tat-Trattat, hija tista tirtira' l-benefiċċju ta' l-applikazzjoni ta' dak ir-regolament u toħroġ deċiżjoni skond l-Artikoli 6 u 8 tar-Regolament Nru 17, mingħajr ma tkun meħtieġa l-ebda notifika taħt l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 17.

    Artikolu 8

    Il-Kummissjoni għandha, qabel l-1 ta' Jannar 1970, tissottometti lill-Kunsill proposta għal Regolament għal dak it-tibdil ta' dan ir-Regolament li jista jkun meħtieġ in vista ta' l-esperjenza.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, fit-2 ta' Marzu 1965.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. Couve de Murville

    [1] ĠU C 81, tas-27.5.1964, p. 1275/64.

    [2] ĠU C 197, tat-30.11.1964, p. 3320/64.

    [3] ĠU C 13, tal-21.2.1962, p. 204/62 (Regolament Nru 17 kif emendat minn Regolament Nru 59 - ĠU C 58, ta' l-10.7.1962, p. 1655/62 - u Regolament Nru 118/63/KEE - ĠU C 162, tas-7.11.1963, p. 2696/63.

    [4] ĠU C 139, ta' l-24.12.1962, p. 2918/62.

    --------------------------------------------------

    Top