This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 22026P01111
Resolution by the Euronest Parliamentary Assembly on the challenging paradigm of interrelated energy systems – towards a more sustainable future in EaP countries, as adopted on 30 October 2025
Riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Euronest dwar il-paradigma ta’ sfida tas-sistemi tal-enerġija interrelatati — lejn futur aktar sostenibbli fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, kif adottata fit-30 ta’ Ottubru 2025
Riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Euronest dwar il-paradigma ta’ sfida tas-sistemi tal-enerġija interrelatati — lejn futur aktar sostenibbli fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, kif adottata fit-30 ta’ Ottubru 2025
ĠU C, C/2026/1111, 26.2.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/1111/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/1111 |
26.2.2026 |
Riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Euronest dwar il-paradigma ta’ sfida tas-sistemi tal-enerġija interrelatati — lejn futur aktar sostenibbli fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, kif adottata fit-30 ta’ Ottubru 2025
(C/2026/1111)
L-ASSEMBLEA PARLAMENTARI EURONEST,
|
— |
wara li kkunsidrat l-Att Kostituttiv tal-Assemblea Parlamentari Euronest tat-3 ta’ Mejju 2011 (1), |
|
— |
wara li kkunsidrat id-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li sar fi Brussell fil-15 ta’ Diċembru 2021, |
|
— |
wara li kkunsidrat il-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tat-18 ta’ Marzu 2020 bit-titolu “Il-politika tas-Sħubija tal-Lvant lil hinn mill-2020: It-Tisħiħ tar-Reżiljenza - Sħubija tal-Lvant li tikseb riżultati għal kulħadd” (JOIN(2020)0007), |
|
— |
wara li kkunsidrat il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima, adottat fit-12 ta’ Diċembru 2015 u rratifikat mill-Unjoni Ewropea, li l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant huma wkoll firmatarji tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidrat il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640) u l-proposti leġiżlattivi u l-azzjonijiet sussegwenti, |
|
— |
wara li kkunsidrat il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Mejju 2022 bit-titolu “Il-Pjan REPowerEU” (COM(2022)0230), |
|
— |
wara li kkunsidrat il-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Georgia (2), ir-Repubblika tal-Moldova (3) u l-Ukrajna (4), u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tagħhom dwar il-kooperazzjoni fl-enerġija, |
|
— |
wara li kkunsidrat il-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra (5), u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar il-kooperazzjoni fl-enerġija, |
|
— |
wara li kkunsidrat il-Ftehim ta’ Sħubija u ta’ Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Ażerbajġan min-naħa l-oħra (6), u n-negozjati li għaddejjin dwar qafas ta’ ftehim ġdid, |
|
— |
wara li kkunsidrat il-Memorandum ta’ Qbil dwar Sħubija Strateġika dwar l-Enerġija bejn l-Unjoni Ewropea flimkien mal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Ukrajna, iffirmat fl-24 ta’ Novembru 2016, u l-Memorandum ta’ Qbil bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar Sħubija Strateġika dwar il-Bijometan, l-Idroġenu u Gassijiet Sintetiċi oħra, iffirmat fit-2 ta’ Frar 2023, |
|
— |
wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija, li t-tliet pajjiżi assoċjati miegħu – l-Ukrajna, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Georgia – huma partijiet kontraenti u l-Armenja hija osservatur tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (7) (NDICI – Ewropa Globali), |
|
— |
wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/1059 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea (Interreg) appoġġata mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-istrumenti ta’ finanzjament estern (8), |
|
— |
wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni (UE) 2022/1201 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2022 li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali lill-Ukrajna (9), u l-atti sussegwenti li jistabbilixxu l-assistenza makrofinanzjarja għall-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, |
|
— |
wara li kkunsidrat il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus (EFSD+), stabbilit skont ir-Regolament (UE) 2021/947, u l-Pjattaforma ta’ Investiment għall-Viċinat bħala l-mekkaniżmu ta’ investiment reġjonali tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 2021/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi Erasmus+: il-Programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 (10), |
|
— |
wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (11), |
|
— |
wara li kkunsidrat il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 1997 li jistabbilixxu l-istrument ta’ Ġemellaġġ u l-komunikazzjonijiet sussegwenti tal-Kummissjoni li jiddefinixxu l-istrument ta’ Assistenza Teknika u Skambju ta’ Informazzjoni (TAIEX) bħala għodod għall-bini tal-kapaċitajiet istituzzjonali fil-pajjiżi sħab, |
|
— |
wara li kkunsidrat il-ħidma tal-Pjattaforma 3 tas-Sħubija tal-Lvant “Konnettività, effiċjenza enerġetika, ambjent u tibdil fil-klima”, u b’mod partikolari l-grupp għall-enerġija, |
|
— |
wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni tagħha tas-16 ta’ April 2021 bit-titolu “Lejn l-effiċjenza, id-diversifikazzjoni u l-indipendenza tal-enerġija; l-indirizzar tal-ħtiġijiet ta’ kapaċità għat-tisħiħ tal-politika Ewropea dwar l-enerġija u l-ġlieda kontra t-theddid għas-sigurtà tal-enerġija fis-Sħubija tal-Lvant” (12), |
|
— |
wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni tagħha tal-21 ta’ Frar 2023 dwar it-tranżizzjoni lejn enerġija ekoloġika bħala risposta għall-isfidi attwali fil-qasam tas-sigurtà enerġetika fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni u tal-okkupazzjoni min-naħa tar-Russja (13), |
|
— |
wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni tagħha tal-20 ta’ Marzu 2024 dwar il-futur tal-politika tas-Sħubija tal-Lvant wara l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna: il-kuntest ġdid tas-sigurtà reġjonali, sfidi u opportunitajiet interni u esterni (14), |
|
— |
wara li kkunsidrat l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, u b’mod partikolari l-Għan 7 dwar enerġija affordabbli u nadifa, “biex jiġi żgurat aċċess għal enerġija affordabbli, affidabbli, sostenibbli u moderna għal kulħadd”, u l-Għan 13 dwar l-azzjoni klimatika, “biex tittieħed azzjoni urġenti ħalli jiġu miġġielda t-tibdil fil-klima u l-impatti tiegħu”, |
|
A. |
billi l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant (SL) qed jiffaċċjaw sfidi dejjem akbar u aktar kumplessi fil-qasam tas-sigurtà tal-enerġija, b’mod partikolari bħala riżultat ta’ theddid estern, instabbiltà reġjonali u ż-żieda fil-politiċizzazzjoni tal-ktajjen tal-provvista tal-enerġija; |
|
B. |
billi l-gwerra ta’ aggressjoni illegali u mhux provokata tar-Russja kontra l-Ukrajna li għaddejja u l-okkupazzjoni militari kontinwa tagħha fil-pajjiżi sovrani tal-Georgia u tar-Repubblika tal-Moldova dgħajfu serjament l-istabbiltà reġjonali u s-sigurtà tal-enerġija, u rriżultaw f’żieda qawwija u sostnuta fil-prezzijiet tal-enerġija, iggravaw il-faqar enerġetiku u heddew ir-reżiljenza ekonomika kemm tal-UE kif ukoll tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant; |
|
C. |
billi l-attakki intenzjonati u sistematiċi tar-Russja fuq l-infrastruttura tal-enerġija tal-Ukrajna jikkawżaw qerda estensiva u ħsara serja lill-infrastruttura tal-ġenerazzjoni u tat-trażmissjoni tal-pajjiż, u dan idgħajjef l-istabbiltà tas-sistema tal-enerġija tagħha; billi l-immirar tal-infrastruttura tal-enerġija fl-Ukrajna mir-Russja u l-manipulazzjoni tagħha tal-provvisti tal-gass u taż-żejt lejn l-istati ġirien jikkostitwixxu theddida kontinwa għall-istabbiltà reġjonali, u dan juri l-użu tal-enerġija bħala strument ta’ koerċizzjoni u pressjoni ġeopolitika; billi s-sħab internazzjonali, inklużi l-UE u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, ikomplu jipprovdu assistenza essenzjali biex jappoġġjaw lill-Ukrajna fit-tiswija, il-protezzjoni u l-immodernizzar tal-infrastruttura tal-enerġija tagħha; |
|
D. |
billi l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja fixklet serjament il-kummerċ, il-loġistika u l-flussi tal-investiment tal-enerġija fir-reġjun tas-Sħubija tal-Lvant, filwaqt li amplifikat il-pressjoni u naqqset l-ispazju fiskali għall-investiment fit-tranżizzjoni ekoloġika; |
|
E. |
billi r-rikostruzzjoni tas-sistemi tal-enerġija li saritilhom ħsara jew li ġew destabbilizzati mir-Russja tirrikjedi politiki koordinati ta’ rikostruzzjoni bejn l-UE u s-Sħubija tal-Lvant li jorbtu flimkien l-objettivi fl-oqsma tas-sigurtà tal-enerġija, l-irkupru ekonomiku u t-tkabbir sostenibbli; |
|
F. |
billi t-tisħiħ tar-reżiljenza tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant kontra l-koerċizzjoni enerġetika jirrikjedi mhux biss interkonnessjonijiet fiżiċi mal-UE, iżda wkoll konverġenza regolatorja, protezzjoni taċ-ċibersigurtà u mekkaniżmi ta’ rispons koordinati għall-kriżijiet; |
|
G. |
billi l-Moldova u l-Ukrajna esperjenzaw tfixkil serju fil-provvista tal-enerġija minħabba kunflitti ġeopolitiċi u dipendenza żejda minn importazzjonijiet minn sors wieħed, filwaqt li l-Georgia u l-Armenja qed jieħdu passi biex itaffu vulnerabbiltajiet simili permezz tad-diversifikazzjoni u l-iżvilupp tal-infrastruttura; |
|
H. |
billi s-sigurtà tal-enerġija hija komponent fundamentali tas-sigurtà nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE u tas-Sħubija tal-Lvant; billi huwa importanti li jiżdiedu l-konnettività, il-kapaċitajiet nazzjonali tal-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika u l-iffrankar tal-enerġija biex jiżdiedu s-sigurtà u r-reżiljenza tal-enerġija, kif ukoll titrawwem l-istabbiltà soċjali, ekonomika u politika fir-reġjun; |
|
I. |
billi l-infrastruttura strateġika, bħal-linji tal-elettriku fl-ajru ta’ Isaccea–Vulcănești–MGRES (impjant tal-enerġija termoelettrika tal-Moldova) ta’ 400 kV tal-Moldova u l-proġett tal-Kejbils Sottomarini tal-Baħar l-Iswed, spiss tgħaddi minn żoni suxxettibbli għal riskju ġeopolitiku u tfixkil operazzjonali; |
|
J. |
billi l-UE u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant jeħtiġilhom jimpenjaw ruħhom biex jibnu sistemi tal-enerġija reżiljenti permezz tad-diversifikazzjoni tas-sorsi, it-titjib teknoloġiku u l-integrazzjoni tal-infrastruttura reġjonali mfassla għall-kuntesti nazzjonali; |
|
K. |
billi s-sinkronizzazzjoni b’suċċess tas-sistemi tal-elettriku tal-Ukrajna u tal-Moldova mal-ENTSO-E fl-2022 ħolqot preċedent għal integrazzjoni tas-suq imtejba li tista’ tiġi esplorata minn pajjiżi oħra tas-Sħubija tal-Lvant; |
|
L. |
billi l-investiment fil-modernizzazzjoni tal-grilja, fil-kapaċitajiet tal-enerġija rinnovabbli u fis-sistemi ta’ ħżin fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant huwa essenzjali biex tinkiseb reżiljenza enerġetika fit-tul; billi infrastruttura tal-enerġija moderna u flessibbli tippermetti l-integrazzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli varjabbli, tnaqqas id-dipendenza mill-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili u ssaħħaħ il-kapaċità ta’ rispons għal interruzzjonijiet fil-provvista; billi l-investiment f’dawn l-oqsma huwa importanti b’mod partikolari fil-kuntest tas-Sħubija tal-Lvant, fejn is-sistemi tal-enerġija jirrikjedu kemm trasformazzjoni strutturali kif ukoll kooperazzjoni reġjonali msaħħa biex jiġu żgurati s-sostenibbiltà u s-sigurtà; |
|
M. |
billi l-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna kompliet iżżid ir-rwol strateġiku tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed fil-kompetizzjoni ġeopolitika għas-sorsi tal-enerġija; |
|
N. |
billi l-Gvern attwali tal-Georgia jappoġġja l-kooperazzjoni ma’ Rosneft għar-raffinar taż-żejt Russu fir-raffinerija taż-żejt Kulevi li għadha kif inbniet fil-Georgia; |
|
O. |
billi proġetti transfruntiera bħall-Kejbils Sottomarini tal-Baħar l-Iswed u l-interkonnessjonijiet tal-Moldova mar-Rumanija jikkontribwixxu għal objettivi ta’ sigurtà kondiviżi fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant billi jiddiversifikaw ir-rotot tal-provvista tal-enerġija, inaqqsu r-riskji ġeopolitiċi u jsaħħu r-reżiljenza reġjonali permezz ta’ integrazzjoni msaħħa tas-suq u appoġġ reċiproku għall-enerġija; |
|
P. |
billi t-twettiq tal-Ftehim ta’ Pariġi huwa impenn komuni tal-UE u tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant; billi l-politiki tal-enerġija u l-istrateġiji dwar l-enerġija tal-UE u tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant għandu jkollhom l-għan li jnaqqsu d-dipendenza mill-faħam, iż-żejt u l-gass; |
|
Q. |
billi d-dipendenza mill-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili tibqa’ vulnerabbiltà kritika, li tissottolinja l-ħtieġa urġenti ta’ diversifikazzjoni tal-provvista u tranżizzjoni ekoloġika; billi din id-dipendenza tesponi lill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant għal volatilità tal-prezzijiet, pressjonijiet ġeopolitiċi u tfixkil fil-provvista, u b’hekk iddgħajjef kemm is-sigurtà tal-enerġija kif ukoll l-istabbiltà ekonomika; billi l-aċċelerazzjoni tat-tranżizzjoni lejn l-enerġija rinnovabbli u d-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-provvista huma għalhekk imperattivi strateġiċi biex jinbnew sistemi tal-enerġija aktar awtonomi, reżiljenti u sostenibbli; |
|
R. |
billi sħubijiet aktar b’saħħithom ma’ fornituri tal-enerġija affidabbli mir-reġjun tas-Sħubija tal-Lvant, inkluż fil-Kawkasu tan-Nofsinhar, huma essenzjali biex tiġi żgurata d-diversifikazzjoni fit-tul tar-rotot u s-sorsi tal-enerġija, b’mod partikolari fid-dawl tal-isforzi tal-UE biex telimina gradwalment id-dipendenza mill-gass u ż-żejt Russi; |
|
S. |
billi d-diżinformazzjoni, l-attakki ċibernetiċi u t-theddid ibridu mmirati lejn is-settur tal-enerġija, li saru mir-Russja, jeħtieġu mekkaniżmi ta’ rispons istituzzjonali koordinati u oqfsa ta’ solidarjetà reġjonali sabiex jittaffew ir-riskji, tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-infrastruttura kritika u tiġi żgurata l-provvista mingħajr interruzzjoni tal-enerġija fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant b’mod effettiv; |
|
T. |
billi ż-żieda fil-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli domestika u l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ta’ ħżin għandhom rwol vitali fit-tnaqqis tad-dipendenza enerġetika esterna, fl-istabbilizzazzjoni tal-bilanċi tal-enerġija nazzjonali u fit-trawwim tar-reżiljenza fit-tul; |
|
U. |
billi xi fjuwils fossili ta’ oriġini Russa għadhom qed jidħlu fis-swieq tal-UE minn pajjiżi intermedjarji, li spiss jitħalltu ma’ fjuwils fossili minn sorsi oħra jew jiġu ttikkettati mill-ġdid biex tinħeba l-oriġini tagħhom; billi dawn il-prattiki jdgħajfu s-sanzjonijiet tal-UE, inaqqsu r-ritmu tat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u joħolqu l-impressjoni falza ta’ taħlita tal-enerġija aktar ekoloġika; billi għalhekk huwa kruċjali li jissaħħu t-trasparenza u t-traċċabbiltà fil-ktajjen tal-provvista tal-enerġija biex jiġi żgurat li l-bidla lejn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli tkun reali u ma tintużax għall-“greenwashing” politiku jew kummerċjali; |
|
V. |
billi l-istabbiliment ta’ swieq tal-elettriku u tal-gass funzjonanti jirrikjedi ambjent regolatorju prevedibbli u stabbli, strutturi ta’ pprezzar trasparenti u ġusti u awtoritajiet ta’ sorveljanza indipendenti biex jiggarantixxu l-integrità tas-suq u l-protezzjoni tal-konsumatur; |
|
W. |
billi l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi u lill-komunitajiet lokali permezz ta’ inizjattivi dwar l-effiċjenza enerġetika għall-produzzjoni tal-enerġija distribwita u l-parteċipazzjoni min-naħa tad-domanda għandhom rwol trasformattiv fl-ilħuq ta’ tranżizzjonijiet tal-enerġija sostenibbli u inklużivi; |
|
X. |
billi tranżizzjoni ġusta tirrikjedi miżuri ta’ appoġġ immirati u salvagwardji soċjali li jeqirdu l-faqar enerġetiku u jipproteġu lill-unitajiet domestiċi u lill-ħaddiema vulnerabbli minn impatti sproporzjonati li jirriżultaw minn riformi strutturali fis-settur tal-enerġija; |
|
Y. |
billi involviment aktar b’saħħtu fil-pjattaformi reġjonali tal-UE jippermetti djalogu politiku strutturat, jiffaċilita l-valutazzjoni komparattiva tal-progress nazzjonali u jippromwovi t-trasferiment effettiv fost il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant tal-aħjar prattiki fil-governanza u r-regolamentazzjoni tal-enerġija; |
|
Z. |
billi r-riformi fis-settur tal-enerġija, imwettqa bil-ħsieb li jinkiseb allinjament mal-acquis tal-UE, huma parti integrali mit-tisħiħ tal-governanza demokratika, ir-rispett tal-istat tad-dritt u l-avvanz tal-iżvilupp ekonomiku sostenibbli fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant impenjati għal assoċjazzjoni politika u integrazzjoni ekonomika aktar profondi mal-UE; |
|
AA. |
billi l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, minħabba l-pożizzjoni ġeografika strateġika tagħhom, għandhom potenzjal sinifikanti biex isaħħu r-rwoli tagħhom bħala kurituri tat-trasport u ċentri tal-enerġija għall-elettriku, il-gass naturali u l-gassijiet b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u rinnovabbli, u b’hekk isaħħu s-sigurtà tal-enerġija reġjonali u Ewropea usa’; |
|
AB. |
billi l-integrazzjoni tad-diġitalizzazzjoni, tat-teknoloġiji ta’ awtomatizzazzjoni u tas-sistemi ta’ monitoraġġ f’ħin reali ttejjeb b’mod sostanzjali r-reżiljenza, it-trasparenza operazzjonali u l-effiċjenza ġenerali tas-sistemi tal-enerġija nazzjonali u reġjonali; |
|
AC. |
billi l-Proġetti ta’ Interess għall-Komunità tal-Enerġija, il-Proġetti ta’ Interess Komuni, u l-Proġetti ta’ Interess Reċiproku huma għodod strateġiċi ewlenin għall-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, li jservu bħala forza mexxejja għall-iżvilupp, il-modernizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tal-infrastruttura tal-enerġija u jikkontribwixxu għall-integrazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi fis-suq tal-enerġija Ewropew usa’ permezz ta’ konnettività, reżiljenza operazzjonali u innovazzjoni teknoloġika msaħħa; |
|
AD. |
billi l-investimenti mmirati fl-edukazzjoni, fil-bini tal-kapaċitajiet u fl-iżvilupp tal-ħiliet professjonali għall-inġiniera, il-persunal tekniku, min ifassal ill-politika u l-maniġers tal-enerġija huma kritiċi biex tiġi sostnuta l-bidla lejn ekonomija tal-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u teknoloġikament avvanzata; |
|
AE. |
billi l-finanzjament ta’ tranżizzjoni tal-enerġija b’suċċess se jirrikjedi l-mobilizzazzjoni ta’ firxa ta’ riżorsi finanzjarji, inklużi baġits nazzjonali, għotjiet tal-UE u internazzjonali, self aġevolanti u kapital privat, flimkien ma’ mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni effettivi fost id-donaturi u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali; |
|
AF. |
billi s-setturi tal-enerġija tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant jistgħu jibbenefikaw mill-appoġġ ekonomiku pprovdut mill-programmi tal-UE, bħal NDICI-Ewropa Globali, Interreg NEXT, assistenza makrofinanzjarja, EFSD +, Erasmus +, Orizzont Ewropa u TAIEX; |
|
1. |
Tikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, inklużi l-attakki tagħha fuq l-infrastruttura tal-enerġija, u l-użu tal-enerġija bħala arma ġeopolitika minn reġimi awtoritarji, b’mod partikolari r-Russja; tistieden lill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant jikkoordinaw mill-qrib mal-UE u mas-sħab demokratiċi tal-istess fehma biex jipprevjenu, jiskoraġġixxu u jirrispondu b’mod effettiv għall-koerċizzjoni politika permezz ta’ interruzzjonijiet fil-provvista tal-enerġija, u jaħdmu flimkien lejn is-sovranità tal-enerġija f’Unjoni Ewropea tal-Enerġija b’saħħitha; |
|
2. |
Tenfasizza l-importanza ta’ appoġġ kontinwu għar-restawr tal-infrastruttura tal-enerġija Ukrena li nqerdet jew li saritilha ħsara mill-aggressjoni li għaddejja tar-Russja; |
|
3. |
Tappoġġja l-iżvilupp aċċelerat ta’ infrastruttura kritika, inklużi interkonnetturi, networks ta’ trażmissjoni, grilji intelliġenti u soluzzjonijiet ta’ ħżin, u titlob assistenza teknika u finanzjarja mmirata mill-UE u mis-sħab internazzjonali biex jiġu ffaċilitati dawn il-proġetti; |
|
4. |
Tfaħħar l-isforzi kontinwi tal-Ukrajna biex issostni u ssaħħaħ ir-reżiljenza enerġetika tagħha fid-dawl ta’ bosta attakki brutali mmirati mir-Russja fuq l-infrastruttura tal-enerġija tagħha; |
|
5. |
Tappoġġja l-isforzi tal-Moldova biex tiddiversifika s-sorsi tal-enerġija u l-importazzjonijiet tagħha; titlob aktar appoġġ tal-UE fil-finanzjament tad-diversifikazzjoni, fl-iżgurar ta’ importazzjonijiet alternattivi u fiż-żieda fil-ġenerazzjoni tal-enerġija domestika tal-Moldova; |
|
6. |
Tirrakkomanda l-espansjoni, lil hinn mit-2,1 GW attwali, tal-kapaċità kummerċjali għall-kummerċ tal-elettriku bejn l-UE u s-sistema interkonnessa bejn l-Ukrajna u l-Moldova, b’żieda proporzjonali fl-allokazzjoni tal-Moldova (bħalissa madwar 300 MW), sabiex tinbena reżiljenza addizzjonali fis-setturi tal-enerġija taż-żewġ pajjiżi u titnaqqas il-vulnerabbiltà tagħhom għall-pressjonijiet tal-gwerra ibrida u l-propaganda; |
|
7. |
Tappoġġja l-modernizzazzjoni tal-grilji tad-distribuzzjoni tal-elettriku, b’mod partikolari l-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ kejl intelliġenti, biex tiġi aċċelerata l-ġenerazzjoni deċentralizzata tal-elettriku, tiġi permessa l-parteċipazzjoni tal-konsumatur fis-suq, jittaffa l-faqar enerġetiku, tiġi estiża l-infrastruttura tal-irriċarġjar għall-vetturi elettriċi u jissaħħu l-kwalità, l-affidabbiltà u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija; |
|
8. |
Tirrakkomanda diversifikazzjoni rapida tas-sorsi u r-rotot tal-enerġija, li tagħti prijorità lill-aċċess għall-gass naturali likwifikat, l-integrazzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, l-iżvilupp u t-tisħiħ ta’ kurituri tal-provvista ġodda u affidabbli u żieda fil-kummerċ tal-elettriku transfruntier biex titnaqqas id-dipendenza minn fornituri minn sors wieħed; |
|
9. |
Tappella għal żieda fl-investimenti speċifiċi fl-ambitu tal-istrument NDICI-Ewropa Globali biex jiġi appoġġjat is-settur tal-enerġija, b’enfasi fuq it-tranżizzjoni lejn l-enerġija rinnovabbli, it-titjib tal-effiċjenza enerġetika fl-akkomodazzjoni u fl-industrija u l-allinjament tal-oqfsa regolatorji mal-acquis tal-UE, u b’hekk titnaqqas id-dipendenza mill-fjuwils fossili Russi u tissaħħaħ ir-reżiljenza għax-xokkijiet esterni; |
|
10. |
Tistieden lill-Kummissjoni u lill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali jestendu l-pakketti ta’ assistenza makrofinanzjarja lil hinn mill-appoġġ baġitarju immedjat, u jorbtuhom ma’ komponenti ta’ investiment immirati għar-riabilitazzjoni tal-infrastruttura tal-enerġija u l-modernizzazzjoni industrijali fir-reġjun tas-Sħubija tal-Lvant; |
|
11. |
Tesprimi t-tħassib tagħha dwar il-kooperazzjoni li qed tiżviluppa bejn il-Georgia u r-Russja dwar ir-raffinar taż-żejt, li, fl-istess waqt, tappoġġja ċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet kontra r-Russja; |
|
12. |
Tipproponi li l-Pjattaforma ta’ Investiment għall-Viċinat u l-EFSD+ għandhom jagħtu prijorità lill-proġetti ta’ rikostruzzjoni li jfittxu li jibnu mill-ġdid l-infrastruttura kritika tal-enerġija u tat-trasport li nqerdet jew li saritilha ħsara mill-aggressjoni Russa, filwaqt li jiżguraw it-trasparenza, is-sostenibbiltà u l-allinjament mal-acquis tal-UE; |
|
13. |
Tirrakkomanda l-integrazzjoni gradwali tas-sistemi tal-elettriku tas-Sħubija tal-Lvant li fadal fil-grilja Ewropea (ENTSO-E), fuq l-eżempju ta’ suċċess tal-Ukrajna u l-Moldova, biex jitnaqqsu l-iżolament tekniku u d-dipendenza mis-sistemi Russi u Belarussi; |
|
14. |
Tirrakkomanda li l-UE tiddedika parti mill-fondi tal-Faċilità għall-Ukrajna tagħha għall-bini mill-ġdid tal-infrastruttura kritika tal-enerġija li nqerdet mill-attakki Russi, filwaqt li tagħti prijorità lill-grilji intelliġenti, il-kapaċità tal-ħżin u l-grilji żgħar rinnovabbli biex tiżgura reżiljenza deċentralizzata; |
|
15. |
Tħeġġeġ lill-gvernijiet tas-Sħubija tal-Lvant jimplimentaw miri nazzjonali vinkolanti għat-tnaqqis tal-intensità tal-enerġija, appoġġjati minn awditi tal-enerġija, programmi ta’ effiċjenza industrijali u assistenza teknika tal-UE skont il-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment tas-Sħubija tal-Lvant; |
|
16. |
Tirrakkomanda li l-UE u s-sħab tagħha tas-Sħubija tal-Lvant jidentifikaw kurituri ta’ investiment prijoritarji għal proġetti solari u eoliċi, abbażi tal-potenzjal ġeografiku u klimatiku tagħhom, b’appoġġ mill-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp; |
|
17. |
Tfakkar fl-importanza strateġika tal-investimenti li saru fl-ambitu tal-kooperazzjoni transfruntiera Interreg NEXT u tenfasizza l-fatt li r-reġjuni sħab tas-Sħubija tal-Lvant jistgħu jibbenefikaw minn proġetti konġunti tal-enerġija, bħall-kostruzzjoni ta’ interkonnetturi transfruntiera tal-elettriku, l-iżvilupp ta’ faċilitajiet ta’ ġenerazzjoni rinnovabbli fuq skala żgħira f’żoni rurali tal-fruntiera, u strateġiji koordinati għas-sigurtà tal-enerġija u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi; |
|
18. |
Tenfasizza l-fatt li l-assistenza makrofinanzjarja tista’ tikkontribwixxi għall-istabbilizzazzjoni tal-finanzi pubbliċi u b’hekk tippermetti lill-gvernijiet tas-Sħubija tal-Lvant jimplimentaw riformi strutturali fis-settur tal-enerġija, inklużi riformi tat-tariffi, il-liberalizzazzjoni tas-swieq tal-elettriku u tal-gass u l-ħolqien ta’ korpi regolatorji trasparenti allinjati mal-istandards tal-UE; |
|
19. |
Tistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant jespandu l-mekkaniżmu ta’ finanzjament imħallat tal-Pjattaforma ta’ Investiment għall-Viċinat biex jimmobilizzaw il-finanzjament privat u pubbliku għal proġetti ewlenin tal-infrastruttura tal-enerġija, bħal interkonnetturi li jgħaqqdu lill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant mal-grilja tal-UE, impjanti tal-enerġija rinnovabbli fuq skala kbira u skemi ta’ investiment fl-effiċjenza enerġetika għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju; |
|
20. |
Tistieden lill-UE u lill-pajjiżi sħab jippromwovu aktar il-kurituri strateġiċi tal-enerġija li jgħaqqdu r-reġjun tas-Sħubija tal-Lvant mal-UE, isaħħu r-reżiljenza u jikkontribwixxu għal ktajjen tal-provvista tal-enerġija siguri, prevedibbli u diversifikati; |
|
21. |
Tistieden lill-gvernijiet kollha tas-Sħubija tal-Lvant jimplimentaw bis-sħiħ ir-riformi tas-suq li jallinjaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-enerġija, filwaqt li jiżguraw strutturi tal-ipprezzar trasparenti, kompetizzjoni ġusta u protezzjoni robusta tal-konsumatur; |
|
22. |
Tħeġġeġ lill-UE tappoġġja lis-soċjetà ċivili u l-inizjattivi għat-trasparenza, inklużi l-għassiesa kontra l-korruzzjoni u l-organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ indipendenti, bħala strumenti importanti biex tiżdied il-pressjoni interna ħalli jsiru riformi li għandhom l-għan li jżidu t-trasparenza, isaħħu l-istat tad-dritt u jippromwovu ekonomija miftuħa, u b’hekk jinħoloq ambjent favorevoli għall-investiment meħtieġ fis-setturi tal-enerġija tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant; |
|
23. |
Tappella għal investiment akbar fil-miżuri tal-effiċjenza enerġetika u fin-networks moderni tat-tisħin distrettwali, b’enfasi partikolari fuq il-komunitajiet urbani u rurali vulnerabbli affettwati b’mod sproporzjonat mill-faqar enerġetiku; |
|
24. |
Tinkoraġġixxi l-istabbiliment ta’ swieq tal-ibbilanċjar reġjonali u mekkaniżmi ta’ kondiviżjoni tar-riżervi biex jissaħħu l-flessibbiltà, l-istabbiltà u r-reżiljenza tas-sistema matul l-interruzzjonijiet fil-provvista u l-fluttwazzjonijiet fid-domanda; |
|
25. |
Tisħaq fuq l-importanza li jiġu żviluppati industriji lokali tal-enerġija rinnovabbli u li jitrawmu ekosistemi tal-innovazzjoni biex jitħeġġu l-kooperazzjoni reġjonali u l-iskambju ta’ għarfien espert dwar teknoloġiji tal-enerġija nadifa; |
|
26. |
Tenfasizza li huwa meħtieġ approċċ teknoloġikament newtrali biex tinkiseb tranżizzjoni tal-enerġija sostenibbli u sigura, li tippermetti lill-Istati Membri tal-UE u lill-pajjiżi sħab jikkombinaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli ma’ sorsi ta’ enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u tranżizzjonali, inklużi l-gass naturali, l-idroġenu u t-teknoloġiji nukleari innovattivi, f’konformità mal-karatteristiċi nazzjonali speċifiċi tagħhom u l-ħtiġijiet tas-sigurtà tal-enerġija tagħhom; |
|
27. |
Tipproponi l-espansjoni ta’ programmi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, permezz ta’ Erasmus+, Orizzont Ewropa u TAIEX, biex jinbnew kapaċitajiet fir-regolamentazzjoni tal-enerġija, l-inġinerija teknika, ir-reżiljenza ċibernetika u l-ġestjoni tat-tranżizzjoni tal-enerġija sostenibbli fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant; |
|
28. |
Titlob lill-UE u lill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali jżidu b’mod sostanzjali l-appoġġ finanzjarju dirett mogħti lil proġetti ta’ infrastruttura għad-dekarbonizzazzjoni u għall-bini tar-reżiljenza fir-reġjun kollu tas-Sħubija tal-Lvant; |
|
29. |
Tenfasizza l-importanza li jissaħħu s-sħubijiet industrijali u l-oqfsa ta’ investiment privat bejn is-setturi tal-enerġija tal-UE u tas-Sħubija tal-Lvant sabiex jitrawmu l-innovazzjoni, il-ħolqien tal-impjiegi u l-iskambju teknoloġiku, u b’hekk jikkontribwixxu għal suq tal-enerġija kompetittiv u reżiljenti; |
|
30. |
Tirrakkomanda l-formalizzazzjoni ta’ djalogu strutturat u pjattaformi ta’ koordinazzjoni bejn is-Sħubija tal-Lvant u l-pajjiżi tal-UE biex jiġu skambjati b’mod regolari l-aħjar prattiki dwar il-politiki tas-sigurtà tal-enerġija, l-integrazzjoni tas-suq u l-mekkaniżmi ta’ rispons għall-kriżijiet; |
|
31. |
Tistieden lil min jieħu d-deċiżjonijiet fil-livell tal-UE u tas-Sħubija tal-Lvant, filwaqt li jqis il-vulnerabbiltajiet sinifikanti tas-setturi tal-enerġija mhux indipendenti fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u l-eskalazzjoni tal-gwerra ibrida li tisfrutta dawn il-vulnerabbiltajiet, jorganizza diskussjonijiet wiċċ imb wiċċ biex is-settur tal-enerġija jinżamm fuq quddiem fl-aġenda; tirrakkomanda li jsir tal-anqas avveniment annwali wieħed offline għal min jieħu d-deċiżjonijiet fil-livell tas-Sħubija tal-Lvant u tal-UE fil-qasam tal-enerġija sabiex jiġi ffaċilitat id-djalogu bejniethom; |
|
32. |
Titlob li jiġu stabbiliti regolaturi nazzjonali tal-enerġija indipendenti u kompletament trasparenti fir-reġjun kollu tas-Sħubija tal-Lvant, filwaqt li tiġi żgurata l-konformità mal-acquis tal-Komunità tal-Enerġija u jiġu pprevenuti prattiki monopolistiċi jew politikament motivati fil-provvista tal-enerġija; |
|
33. |
Tinkoraġġixxi l-għoti ta’ finanzjament immirat tal-UE għall-immodernizzar jew ir-riabilitazzjoni ta’ setturi industrijali intensivi fl-enerġija, bħall-metallurġija, is-siment u s-sustanzi kimiċi, sabiex ikun hemm allinjament mal-parametri referenzjarji tas-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet u tittejjeb il-produttività tas-CO2; |
|
34. |
Tenfasizza l-ħtieġa ta’ approċċ sistemiku għas-sistemi tal-enerġija interrelatati fid-dokumenti ta’ politika; |
|
35. |
Tissottolinja li t-tranżizzjoni sostenibbli trid timxi id f’id mal-kompetittività ekonomika u l-affordabbiltà tal-enerġija għall-unitajiet domestiċi u n-negozji, filwaqt li tiżgura li l-objettivi klimatiċi jiġu segwiti mingħajr ma jiddgħajfu l-iżvilupp industrijali jew il-koeżjoni soċjali; |
|
36. |
Tenfasizza l-ħtieġa li t-taħlita tal-enerġija titfassal b’mod xieraq, filwaqt li jitqiesu l-varjabbiltà, id-disponibbiltà, l-affordabbiltà u s-sostenibbiltà ta’ kull sors tal-enerġija; |
|
37. |
Tenfasizza l-ħtieġa ta’ faċilitajiet suffiċjenti għall-ibbilanċjar tal-elettriku biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-provvista tal-elettriku f’sistemi tal-enerġija ddominati minn sorsi rinnovabbli; |
|
38. |
Tenfasizza l-ħtieġa li tingħata s-setgħa lill-konsumaturi, tiġi promossa l-ġenerazzjoni distribwita u tiġi ffaċilitata l-aggregazzjoni tal-prosumaturi u l-konsumaturi f’komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli u komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadini; |
|
39. |
Tappoġġja l-varar mifrux ta’ arloġġi intelliġenti, ġestjoni tal-grilja diġitali u sistemi analitiċi tad-data sabiex tiġi ottimizzata l-effiċjenza tad-distribuzzjoni tal-enerġija u tingħata spinta lill-flessibbiltà min-naħa tad-domanda; |
|
40. |
Tinkoraġġixxi sħubijiet bejn il-muniċipalitajiet u l-bliet fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant għall-implimentazzjoni ta’ Pjanijiet ta’ Azzjoni għall-Enerġija Sostenibbli u l-Klima, li jrawmu żvilupp tal-enerġija sostenibbli lokalizzat; |
|
41. |
Tilqa’ l-inizjattivi li jistabbilixxu fondi ta’ investiment ekoloġiku nazzjonali u reġjonali ddedikati għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi għall-enerġija rinnovabbli, it-titjib fl-effiċjenza enerġetika u t-tnaqqis tal-faqar enerġetiku; |
|
42. |
Jitlob awtoritajiet regolatorji aktar b’saħħithom fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant biex jiggarantixxu sorveljanza indipendenti, soluzzjoni imparzjali għat-tilwim u infurzar rigoruż tar-regolamenti tas-suq; |
|
43. |
Tappoġġja kollaborazzjoni msaħħa bejn l-universitajiet u ċ-ċentri ta’ riċerka fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u l-kontropartijiet tagħhom fl-UE, b’mod partikolari f’oqsma avvanzati bħat-teknoloġiji tal-idroġenu bl-ogħla benefiċċji ambjentali u soċjetali, l-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta u s-sistemi tal-enerġija ċirkolari; |
|
44. |
Tenfasizza l-ħtieġa li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-involviment taż-żgħażagħ jiġu integrati fil-politiki, il-programmi u l-proċessi deċiżjonali istituzzjonali kollha marbuta mal-enerġija; |
|
45. |
Tisħaq li l-governanza tajba, it-trasparenza, l-istat tad-dritt u l-isforzi biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni huma prekundizzjonijiet essenzjali biex tinkiseb tranżizzjoni tal-enerġija effettiva u jiġi attirat investiment sostenibbli fis-settur tal-enerġija; |
|
46. |
Ittenni l-importanza strateġika li jiġu żviluppati sistemi reġjonali ta’ twissija bikrija li jkunu kapaċi jidentifikaw u jirrispondu malajr għal interruzzjonijiet fil-provvista tal-enerġija, ħsarat fl-infrastruttura u theddid ibridu koordinat; |
|
47. |
Tistieden lill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant iħaffu l-eliminazzjoni gradwali ta’ teknoloġiji skaduti bbażati fuq il-fjuwils fossili u jagħtu prijorità lill-investiment f’infrastruttura moderna ta’ ġenerazzjoni b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju; |
|
48. |
Tħeġġeġ lill-UE ssostni flussi ta’ finanzjament dedikati fl-ambitu tal-NDICI-Ewropa Globali u l-Pjattaforma ta’ Investiment għall-Viċinat, b’enfasi speċifika fuq it-tisħiħ tas-sigurtà u r-reżiljenza tal-enerġija fir-reġjun kollu tas-Sħubija tal-Lvant; |
|
49. |
Hija favur l-armonizzazzjoni tal-istandards tekniċi u l-proċessi ta’ ċertifikazzjoni għall-infrastruttura tal-enerġija transfruntiera u l-kummerċ tal-enerġija rinnovabbli biex tiġi ffaċilitata integrazzjoni reġjonali aktar faċli; |
|
50. |
Tipproponi t-twettiq ta’ valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà konġunti u eżerċizzji bbażati fuq xenarji bejn il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u tal-UE biex jissaħħu t-tħejjija reġjonali u l-kapaċitajiet ta’ rispons koordinati; |
|
51. |
Tisħaq fuq ir-rwol kritiku ta’ tranżitu sostnut tal-gass naturali mill-Ukrajna, filwaqt li tinkoraġġixxi l-iżvilupp proattiv ta’ soluzzjonijiet alternattivi ta’ tranżitu fit-tul u tenfasizza l-importanza strateġika tal-iżvilupp tal-kuritur tal-gass trans-Balkan bħala rotta ta’ provvista vitali għall-Moldova, l-Ukraina u l-pajjiżi Balkani; |
|
52. |
Tisħaq fuq l-importanza strateġika tal-Kawkasu tan-Nofsinhar għas-sigurtà tal-enerġija Ewropea; tenfasizza l-ħtieġa ta’ investiment fit-tul fl-immodernizzar tal-infrastruttura tal-enerġija u t-tisħiħ tal-konnettività intrareġjonali u interreġjonali, inkluż permezz tal-Kuritur tal-Enerġija Ekoloġika, bl-għan li jinkiseb il-potenzjal sħiħ tar-reġjun bħala ċentru ewlieni tal-enerġija u rotta ta’ tranżitu bejn l-Asja Ċentrali u l-Ewropa; |
|
53. |
Tirrakkomanda li l-UE tikkunsidra li tistabbilixxi mekkaniżmi ta’ finanzjament dedikati għal Proġetti ta’ Interess għall-Komunità tal-Enerġija biex jitnaqqsu b’mod effettiv il-lakuni eżistenti fil-finanzjament, u b’hekk tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni f’waqtha ta’ proġetti ta’ infrastruttura kritika essenzjali għall-integrazzjoni reġjonali tal-enerġija u s-sigurtà tal-provvista; |
|
54. |
Tħeġġeġ lill-UE tirrieżamina u tirfina l-kriterji ta’ evalwazzjoni għal Proġetti ta’ Interess Komuni u Proġetti ta’ Interess Reċiproku transfruntiera biex tiżgura li l-benefiċċji strateġiċi għall-membri tal-Komunità tal-Enerġija mhux tal-UE jiġu rikonoxxuti b’mod adegwat u integrati b’mod ekwu fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u b’hekk jiġu promossi kooperazzjoni reġjonali aktar b’saħħitha u integrazzjoni komprensiva tal-enerġija; |
|
55. |
Tirrakkomanda t-trawwim ta’ sħubijiet pubbliċi-privati biex jattiraw u jingranaw l-investiment kapitali privat fi proġetti tal-enerġija nadifa, appoġġjati minn strumenti effettivi ta’ kondiviżjoni tar-riskju u skemi ta’ finanzjament imħallat; |
|
56. |
Tfakkar li l-allokazzjoni tar-riżorsi tal-UE lill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant tiddependi mir-rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi minquxa fil-ftehimiet bejn l-UE u s-Sħubija tal-Lvant, u li l-konformità ma’ dawn il-valuri fundamentali hija prerekwiżit għall-parteċipazzjoni fi programmi ffinanzjati mill-UE; |
|
57. |
Tenfasizza li dawn il-miżuri kollha huma maħsuba biex isaħħu l-indipendenza enerġetika tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant mir-Russja u mill-awtoritajiet nazzjonali tagħha, minħabba l-invażjoni sfaċċata u l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-indħil u t-theddid kontinwi tagħha diretti lejn il-Georgia, il-Moldova u sħab oħra tas-Sħubija tal-Lvant; |
|
58. |
Tagħti istruzzjonijiet lill-Kopresidenti tagħha biex jgħaddu din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kummissarju għat-Tkabbir, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE u tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant. |
(2) Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa l-waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (ĠU L 261, 30.8.2014, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2014/494/oj).
(3) Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-enerġija atomika u l-istati membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (ĠU L 260, 30.8.2014, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2014/492/oj).
(4) Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra (ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2014/295/oj).
(5) Ftehim ta’ sħubija komprensiv u msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra (ĠU L 23, 26.1.2018, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2018/104/oj).
(6) Ftehim ta' sħubija u koperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti ‘l waħda, u r-Repubblika ta' l-Ażerbajġan mill-parti l-oħra (ĠU L 246, 17.9.1999, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/1999/614/oj).
(7) Ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (ĠU L 209, 14.6.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/947/oj).
(8) ĠU L 231, 30.6.2021, p. 94, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1059/oj.
(9) ĠU L 186, 13.7.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/1201/oj.
(10) ĠU L 189, 28.5.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/817/oj.
(11) ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/695/oj.
(12) ĠU C 361, 8.9.2021, p. 20.
(13) ĠU C 229, 29.6.2023, p. 16.
(14) ĠU C, C/2025/3821, 19.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3821/oj.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/1111/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)