Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22020D2246

    Deċiżjoni Nru 2/2020 tal-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tas-17 ta’ Diċembru 2020 li tistabbilixxi d-data minn meta d-dispożizzjonijiet tat-Titolu III tat-Tieni Parti tal-Ftehim għandhom japplikaw għaċ-ċittadini tal-Iżlanda, tal-Prinċipat tal-Liechtenstein, tar-Renju tan-Norveġja u tal-Konfederazzjoni Żvizzera [2020/2246]

    PUB/2020/1058

    ĠU L 443, 30.12.2020, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/2246/oj

    30.12.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 443/1


    DEĊIŻJONI Nru 2/2020 TAL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT BIL-FTEHIM DWAR IL-ĦRUĠ TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ MILL-UNJONI EWROPEA U MILL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA

    tas-17 ta’ Diċembru 2020

    li tistabbilixxi d-data minn meta d-dispożizzjonijiet tat-Titolu III tat-Tieni Parti tal-Ftehim għandhom japplikaw għaċ-ċittadini tal-Iżlanda, tal-Prinċipat tal-Liechtenstein, tar-Renju tan-Norveġja u tal-Konfederazzjoni Żvizzera [2020/2246]

    Il-KUMITAT KONĠUNT,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (1) (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”), u b’mod partikolari l-Artikolu 33(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 33(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, id-dispożizzjonijiet tat-Titolu III tat-Tieni Parti tal-Ftehim dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, applikabbli għaċ-ċittadini tal-Unjoni, għandhom japplikaw għaċ-ċittadini tal-Iżlanda, tal-Prinċipat tal-Liechtenstein, tar-Renju tan-Norveġja, u tal-Konfederazzjoni Żvizzera dment li dawn l-istati jkunu kkonkludew u japplikaw ftehimiet korrispondenti, minn naħa waħda, mar-Renju Unit li japplikaw għaċ-ċittadini tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, mal-Unjoni li japplikaw għaċ-ċittadini tar-Renju Unit.

    (2)

    Skont l-Artikolu 33(2) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, man-notifika mir-Renju Unit u mill-Unjoni tad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dawn il-ftehimiet, il-Kumitat Konġunt għandu jistabbilixxi d-data minn meta d-dispożizzjonijiet tat-Titolu III tat-Tieni Parti tal-Ftehim għandhom japplikaw għaċ-ċittadini tal-Iżlanda, tal-Prinċipat tal-Liechtenstein, tar-Renju tan-Norveġja u tal-Konfederazzjoni Żvizzera, kif applikabbli.

    (3)

    L-Unjoni kkonkludiet ftehimiet korrispondenti mal-Iżlanda, mal-Prinċipat tal-Liechtenstein u mar-Renju tan-Norveġja (2) u mal-Konfederazzjoni Żvizzera (3) li japplikaw għaċ-ċittadini tar-Renju Unit. Ir-Renju Unit ikkonkluda ftehimiet korrispondenti mal-Iżlanda, mal-Prinċipat tal-Liechtenstein u mar-Renju tan-Norveġja (4) u mal-Konfederazzjoni Żvizzera (5) li japplikaw għaċ-ċittadini tal-Unjoni.

    (4)

    Fid-dawl tan-notifiki mir-Renju Unit u mill-Unjoni dwar id-dħul fis-seħħ tal-ftehimiet imsemmija fil-premessa (3), id-data minn meta d-dispożizzjonijiet tat-Titolu III tat-Tieni Parti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ għandhom japplikaw għaċ-ċittadini tal-Iżlanda, tal-Prinċipat tal-Liechtenstein, tar-Renju tan-Norveġja u tal-Konfederazzjoni Żvizzera, jenħtieġ li tkun l-1 ta’ Jannar 2021.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-data minn meta d-dispożizzjonijiet tat-Titolu III tat-Tieni Parti tal-Ftehim tal-Ħruġ għandhom japplikaw għaċ-ċittadini tal-Iżlanda, tal-Prinċipat tal-Liechtenstein, tar-Renju tan-Norveġja u tal-Konfederazzjoni Żvizzera għandha tkun l-1 ta’ Jannar 2021.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2020.

    Għall-Kumitat Konġunt

    Il-Kopresidenti

    Maroš ŠEFČOVIČ

    Michael GOVE


    (1)  ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.

    (2)  Id-Deċiżjoni Nru 210/2020 tal-11 ta’ Diċembru 2020 tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE li temenda l-Anness VI (Sigurtà Soċjali) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.

    (3)  Id-Deċiżjoni Nru 1/2020 tal-Kumitat Konġunt stabbilit skont il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni tal-15 ta’ Diċembru 2020 li temenda l-Anness II ta’ dan il-Ftehim dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali.

    (4)  Il-Ftehim dwar l-arranġamenti bejn l-Iżlanda, il-Prinċipat tal-Liechtenstein, ir-Renju tan-Norveġja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, il-Ftehim dwar iż-ŻEE u ftehimiet oħra applikabbli bejn ir-Renju Unit u l-Istati taż-ŻEE-EFTA bis-saħħa tas-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea, iffirmat f’Londra fit-28 ta’ Jannar 2020.

    (5)  Il-Ftehim bejn ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadini wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea u l-Ftehim dwar il-Moviment Liberu tal-Persuni ffirmat f’Bern fil-25 ta’ Frar 2019.


    Top