Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22020D0656

    Deċiżjoni Nru 1/2020 tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali ALN-UE tal-5 ta’ Mejju 2020 dwar deroga mir-regoli ta’ oriġini stabbiliti fil-Protokoll 1 tal-Ftehim Interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, biex tittieħed f’kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni speċjali tar-Repubblika ta’ Mauritius fir-rigward tat-tirsite mmellaħ [2020/656]

    PUB/2020/373

    ĠU L 152, 15.5.2020, p. 21–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/656/oj

    15.5.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 152/21


    DEĊIŻJONI Nru 1/2020 TAL-KUMITAT DWAR IL-KOOPERAZZJONI DOGANALI ALN-UE

    tal-5 ta’ Mejju 2020

    dwar deroga mir-regoli ta’ oriġini stabbiliti fil-Protokoll 1 tal-Ftehim Interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, biex tittieħed f’kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni speċjali tar-Repubblika ta’ Mauritius fir-rigward tat-tirsite mmellaħ [2020/656]

    IL-KUMITAT DWAR IL-KOOPERAZZJONI DOGANALI,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim Interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar (“ALN”), minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, u b’mod partikolari l-Artikolu 41(4) tal-Protokoll 1 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-Ftehim Interim li jistabbilixxi qafas ta’ Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar minn naħa u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra (1) (“l-FSE interim”) japplika b’mod proviżorju mill-14 ta’ Mejju 2012 bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Madagascar, ir-Repubblika ta’ Mauritius, ir-Repubblika tas-Seychelles u r-Repubblika taż-Żimbabwe. Comoros qed japplika b’mod proviżorju għall-FSE interim mis-7 ta’ Frar 2019.

    (2)

    Il-Protokoll 1 tal-FSE interim, li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva, jinkludi r-regoli ta’ oriġini għall-importazzjoni fl-Unjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-Istati tal-ALN.

    (3)

    F’konformità mal-Artikolu 42(1) tal-Protokoll 1 tal-FSE interim, derogi minn dawk ir-regoli ta’ oriġini jingħataw meta l-iżvilupp tal-industriji eżistenti fl-Istati tal-ALN jiġġustifikawhom.

    (4)

    Fit-2 ta’ Ottubru 2017, il-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali ALN-UE adotta d-Deċiżjoni Nru 2/2017 (2) li tagħti deroga mir-regoli ta’ oriġini fir-rigward tat-tirsite mmellaħ importat fl-Unjoni bejn it-2 ta’ Ottubru 2017 u l-1 ta’ Ottubru 2018 f’konformità mal-Artikolu 42(1) tal-Protokoll 1 tal-FSE interim. Madankollu, minħabba li kien hemm dewmien biex jinkisbu l-ordnijiet, l-użu tal-kwota tad-deroga kien baxx.

    (5)

    Fl-14 ta’ Jannar 2019, il-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali ALN-UE adotta d-Deċiżjoni Nru 1/2019 (3) li tagħti deroga ġdida mir-regoli ta’ oriġini fir-rigward tat-tirsite mmellaħ importat fl-Unjoni bejn l-14 ta’ Jannar 2019 u t-13 ta’ Jannar 2020 f’konformità mal-Artikolu 42(1) tal-Protokoll 1 tal-FSE interim. Madankollu, id-diffikultajiet finanzjarji li ltaqgħu magħhom ix-xerrejja tal-UE wasslu sabiex l-użu tal-kwota tad-deroga kien inqas milli mistenni.

    (6)

    F’konformità mal-Artikolu 42 tal-Protokoll 1 tal-FSE interim, ir-Repubblika ta’ Mauritius talbet għal deroga oħra mir-regoli ta’ oriġini fir-rigward tal-125 tunnellata ta’ tirsite mmellaħ tal-Intestatura tas-SA 0305 69 importati fl-Unjoni bejn Marzu 2020 u Marzu 2021. Fit-talba tagħha, ir-Repubblika ta’ Mauritius ittenni li t-tirsite li joriġina mill-Unjoni jew mir-Repubblika ta’ Mauritius mhux disponibbli, u li t-tirsite minn Stati tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (“l-Istati AKP”) oħrajn ma jissodisfax ir-rekwiżiti dwar il-kwalità u l-provvista regolari. Għalhekk, jeħtieġ li r-Repubblika ta’ Mauritius tissokta tforni materja prima mhux oriġinarja għall-industrija tal-ipproċessar tagħha.

    (7)

    Id-deroga tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju fir-Repubblika ta’ Mauritius, tippermetti d-diversifikazzjoni tas-settur tal-frott tal-baħar tar-Repubblika ta’ Mauritius u tissokta tgħin biex tkompli l-operat tagħha b’kapaċità sħiħa filwaqt li jiġu sostnuti l-impjiegi. Il-kwantitajiet baxxi, li jirrappreżentaw inqas minn 1 % tal-valur tal-importazzjonijiet totali tal-prodotti tas-sajd tal-Kapitolu 03 tas-SA mir-Repubblika ta’ Mauritius fl-Unjoni, u l-perjodu limitat mitlub għad-deroga mhumiex tali li jikkawżaw dannu serju lil settur ekonomiku tal-Unjoni jew ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri.

    (8)

    Skont ir-Repubblika ta’ Mauritius, il-bejgħ previst fl-UE jammonta għal 125 tunnellata għas-sena 2020/2021. Madankollu, minħabba l-użu baxx tad-derogi mogħtija fl-imgħoddi, ma jidhirx xieraq li tiżdied il-kwota għall-perjodu mitlub meta mqabbla mal-kwota mogħtija għas-sena 2019/2020. Għalhekk, jenħtieġ li r-Repubblika ta’ Mauritius tingħata deroga għal 100 tunnellata ta’ tirsite mmellaħ, li tirrispetta l-ħila tal-industrija eżistenti li tissokta l-esportazzjonijiet tagħha lejn l-Unjoni, għal sena.

    (9)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (4) jistabbilixxi r-regoli għall-ġestjoni tal-kwoti tariffarji. Jenħtieġ li dawk ir-regoli jiġu applikati għall-ġestjoni tal-kwantità li għaliha qed tingħata d-deroga permezz ta’ din id-Deċiżjoni.

    (10)

    Sabiex ikun hemm monitoraġġ effiċjenti tal-operat tad-deroga, jenħtieġ li l-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Mauritius jgħarrfu lill-Kummissjoni b’mod regolari dwar id-dettalji taċ-ċertifikati tal-moviment EUR.1 maħruġa,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    B’deroga mill-Protokoll 1 tal-FSE interim u f’konformità mal-Artikolu 42(1) ta’ dak il-Protokoll, it-tirsite mmellaħ tal-Intestatura tas-SA 0305 69 (kodiċi NM 0305 69 80) manifatturat minn tirsite (barracouta) mhux oriġinarju tal-Intestatura tas-SA 0303 89 għandu jitqies li joriġina mir-Repubblika ta’ Mauritius f’konformità mat-termini stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 5 ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Id-deroga prevista fl-Artikolu 1 għandha tapplika għall-prodott u għall-kwantità stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, iddikjarati għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni mir-Repubblika ta’ Mauritius għal perjodu limitat għal sena mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 3

    Il-kwantità stabbilita fl-Anness għandha tiġi ġestita f’konformità mal-Artikoli 49 sa 54 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.

    Artikolu 4

    L-awtoritajiet doganali tar-Repubblika ta’ Mauritius għandhom iwettqu verifiki kwantitattivi fuq l-esportazzjonijiet tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1.

    Qabel tmiem ix-xahar ta’ wara kull tliet xhur, l-awtoritajiet doganali tar-Repubblika ta’ Mauritius għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni, permezz tas-Segretarjat tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali, dikjarazzjoni tal-kwantitajiet li fir-rigward tagħhom ikunu nħarġu ċertifikati tal-moviment EUR.1 skont din id-Deċiżjoni u n-numri tas-serje ta’ dawk iċ-ċertifikati.

    Artikolu 5

    Il-Kaxxa 7 taċ-ċertifikati tal-moviment EUR.1 li nħarġu skont din id-Deċiżjoni għandha tinkludi waħda mill-indikazzjonijiet li ġejjin:

     

    “Derogation - Decision No 1/2020 of the ESA-EU Customs Cooperation Committee of 5 May 2020”;

     

    “Dérogation - Décision n° 1/2020 du Comité de Coopération Douanière AfOA-UE du 5 mai 2020”.

    Artikolu 6

    1.   Ir-Repubblika ta’ Mauritius u l-Unjoni għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa min-naħa tagħhom sabiex jimplimentaw din id-Deċiżjoni.

    2.   Meta l-Unjoni tiskopri, abbażi ta’ informazzjoni oġġettiva, każijiet ta’ irregolaritajiet jew frodi jew ta’ nuqqas ripetut tar-rispett tal-obbligi stipulati fl-Artikolu 4, l-Unjoni tista’ titlob sospensjoni temporanja tad-deroga msemmija fl-Artikolu 1 f’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 22(5) u (6) tal-FSE interim.

    Artikolu 7

    Id-deroga prevista fl-Artikolu 1 tista’ tiġġedded, dment li tliet xhur qabel id-data tat-tmiem ta’ din id-Deċiżjoni, l-Istat tal-ALN ikkonċernat iressaq provi li għad ma jistax jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Protokoll 1, flimkien ma’ evidenza tal-progress li sar sabiex tingħeleb il-ħtieġa għal deroga u indikazzjoni ċara ta’ kemm jenħtieġ żmien sabiex jikkonforma mal-kundizzjonijiet imsemmija. L-Unjoni Ewropea għandha tevalwa mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha biex tittieħed fil-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali ALN-UE u għandha tadotta Deċiżjoni ġdida.

    Artikolu 8

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-5 ta’ Mejju 2020.

    Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Mejju 2020.

    B. SAMSON

    Rappreżentant tal-Istati tal-ALN

    f’isem l-Istati tal-ALN

    J-M. GRAVE

    Il-Kummissjoni Ewropea

    f’isem l-Unjoni Ewropea


    (1)  ĠU L 111, 24.4.2012, p. 2.

    (2)  Id-Deċiżjoni Nru 2/2017 tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali ALN-UE tat-2 ta’ Ottubru 2017 dwar deroga mir-regoli ta’ oriġini stabbiliti fil-Protokoll 1 tal-Ftehim Interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, biex tittieħed f’kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni speċjali ta’ Mauritius fir-rigward tat-tirsite (ĠU L 271, 20.10.2017, p. 47).

    (3)  Id-Deċiżjoni Nru 1/2019 tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali ALN-UE tal-14 ta’ Jannar 2019 dwar deroga mir-regoli ta’ oriġini stabbiliti fil-Protokoll 1 tal-Ftehim Interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, biex titqies is-sitwazzjoni speċjali ta’ Mauritius rigward tat-tirsite mmellaħ (ĠU L 32, 4.2.2019, p. 32).

    (4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343 29.12.2015, p. 558).


    ANNESS

    Nru ta’ ordni

    Kodiċi NM

    Kodiċi tat-TARIC

    Deskrizzjoni tal-prodotti

    Perjodu

    Piż nett (f’tunnellati)

    09.1611

    Ex03056980

    25

    tirsite (barracouta), immellaħ

    5.5.2020 – 4.5.2021

    100


    Top