Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22019D2233

    Deċiżjoni Nru 1/2019 tal-Kumitat tal-FSE stabbilita mill-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika interim bejn il-Ghana, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, tat-2 ta’ Diċembru 2019 fir-rigward tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea [2019/2233]

    PUB/2019/234

    ĠU L 333, 27.12.2019, p. 154–155 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/2233/oj

    27.12.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 333/154


    DEĊIŻJONI Nru 1/2019 TAL-KUMITAT TAL-FSE STABBILITA MILL-FTEHIM TA’ SĦUBIJA EKONOMIKA INTERIM BEJN IL-GHANA, MINN NAĦA WAĦDA, U L-KOMUNITÀ EWROPEA U L-ISTATI MEMBRI TAGĦHA, MIN-NAĦA L-OĦRA,

    tat-2 ta’ Diċembru 2019

    fir-rigward tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea [2019/2233]

    IL-KUMITAT TAL-FSE,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika interim bejn il-Ghana, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim”), iffirmat fi Brussell fit-28 ta’ Lulju 2016, u applikat fuq bażi provviżorja mill-15 ta’ Diċembru 2016, u b’mod partikolari l-Artikoli 76, 77 u 81 tiegħu,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jikkonċerna l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (“l-Unjoni”), u l-Att ta’ Adeżjoni tal-Ftehim iddepożitat mir-Repubblika tal-Kroazja fit-8 ta’ Novembru 2017,

    Billi:

    (1)

    Il-Ftehim japplika, minn naħa waħda, għat-territorji li fihom japplika t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u taħt il-kondizzjonijiet stipulati f’dak it-Trattat, u, min-naħa l-oħra, għat-territorju tal-Ghana.

    (2)

    Skont l-Artikolu 77 tal-Ftehim, il-Kumitat tal-EPA jista’ jiddeċiedi dwar kwalunkwe miżura emendatorja li tista’ tkun meħtieġa wara l-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda mal-Unjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Ir-Repubblika tal-Kroazja, bħala Parti għall-Ftehim, għandha, bl-istess mod bħall-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni, rispettivament tadotta u tieħu nota tat-test tal-Ftehim, kif ukoll tal-Annessi, il-Protokolli u d-Dikjarazzjonijiet mehmuża miegħu.

    Artikolu 2

    L-Artikolu 81 tal-Ftehim huwa sostitwit bis-segwenti:

    “Artikolu 81

    Testi awtentiċi

    Dan il-Ftehim huwa mfassal f’żewġ eżemplari bil-lingwa Bulgara, Kroata, Ċeka, Daniża, Olandiża, Ingliża, Estona, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ungeriża, Taljana, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola u Żvediża, b’kull wieħed minn dawn it-testi ugwalment awtentiku.”

    Artikolu 3

    L-Unjoni għandha tikkomunika l-verżjoni tal-Ftehim bil-lingwa Kroata lill-Ghana.

    Artikolu 4

    1.   Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim għandhom japplikaw għall-merkanzija esportata mill-Ghana lejn ir-Repubblika tal-Kroazja jew mir-Repubblika tal-Kroazja lejn il-Ghana li tikkonforma mar-regoli tal-oriġini fis-seħħ fit-territorju tal-Partijiet għall-Ftehim li, fil-15 ta’ Diċembru 2016, kienet fi tranżitu jew f’ħażna temporanja, f’depost doganali jew f’żona ħielsa fil-Ghana jew fir-Repubblika tal-Kroazja.

    2.   Għandu jingħata trattament preferenzjali fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, sakemm tiġi ppreżentata prova tal-oriġini maħruġa retrospettivament mill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż esportatur lill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż importatur fi żmien erba’ xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 5

    Il-Ghana timpenja ruħha li ma tintroduċi l-ebda pretensjoni, talba jew rimedju u lanqas ma timmodifika jew tirtira xi konċessjoni skont l-Artikolu XXIV (6) u l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (“GATT” — General Agreement on Tariffs and Trade) 1994 jew l-Artikolu XXI tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (“GATS” — General Agreement on Trade in Services) fir-rigward tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni.

    Artikolu 6

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum li tiġi ffirmata.

    Madankollu, l-Artikoli 3 u 4 għandhom japplikaw mill-15 ta’ Diċembru 2016.

    Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2019.

    Għall-Ghana

    Alan KYEREMATEN

    Ministru tal-Kummerċ u l-Industrija tar-Repubblika tal-Ghana

    Għall-Unjoni Ewropea

    Phil HOGAN

    Kummissarju għall-Kummerċ Il-Kummissjoni Ewropea


    Top