Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22019A1024(01)

    L-att ta’ ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-denominazzjonijiet ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi

    ST/11510/2018/ADD/1

    ĠU L 271, 24.10.2019, p. 15–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2019/1754/oj

    Related Council decision

    24.10.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 271/15


    L-ATT TA’ ĠINEVRA TAL-FTEHIM TA’ LISBONA DWAR ID-DENOMINAZZJONIJIET TA’ ORIĠINI U L-INDIKAZZJONIJIET ĠEOGRAFIĊI

    Lista ta’ Artikoli

    Kapitolu I:

    Dispożizzjonijiet Introduttorji u Ġenerali

    Artikolu 1:

    Espressjonijiet Imqassra

    Artikolu 2:

    Suġġett

    Artikolu 3:

    Awtorità Kompetenti

    Artikolu 4:

    Reġistru Internazzjonali

    Kapitolu II:

    Applikazzjoni u Reġistrazzjoni Internazzjonali

    Artikolu 5:

    Applikazzjoni

    Artikolu 6:

    Reġistrazzjoni Internazzjonali

    Artikolu 7:

    Tariffi

    Artikolu 8:

    Perjodu ta’ Validità tar-Reġistrazzjonijiet Internazzjonali

    Kapitolu III:

    Protezzjoni

    Artikolu 9:

    Impenn għall-Protezzjoni

    Artikolu 10:

    Protezzjoni Skont il-Liġijiet tal-Partijiet Kontraenti u Strumenti Oħra

    Artikolu 11:

    Protezzjoni fir-Rigward tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Reġistrati

    Artikolu 12:

    Protezzjoni Biex Ma Jsirux Ġeneriċi

    Artikolu 13:

    Salvagwardji fir-Rigward ta’ Drittijiet Oħra

    Artikolu 14:

    Proċeduri ta’ Infurzar u Rimedji

    Kapitolu IV:

    Rifjut u Azzjonijiet Oħra fir-Rigward tar-Reġistrazzjoni Internazzjonali

    Artikolu 15:

    Rifjut

    Artikolu 16:

    Irtirar ta’ Rifjut

    Artikolu 17:

    Perjodu ta’ Tranżizzjoni

    Artikolu 18:

    Notifika ta’ Għotja tal-Protezzjoni

    Artikolu 19:

    Invalidazzjoni

    Artikolu 20:

    Modifiki u Entrati Oħra fir-Reġistru Internazzjonali

    Kapitolu V:

    Dispożizzjonijiet Amministrattivi

    Artikolu 21:

    Sħubija fl-Unjoni ta’ Lisbona

    Artikolu 22:

    Assemblea tal-Unjoni Speċjali

    Artikolu 23:

    Bureau Internazzjonali

    Artikolu 24:

    Finanzi

    Artikolu 25:

    Regolamenti

    Kapitolu VI:

    Reviżjoni u Emendar

    Artikolu 26:

    Reviżjoni

    Artikolu 27:

    Emendar ta’ Ċerti Artikoli mill-Assemblea

    Kapitolu VII:

    Dispożizzjonijiet Finali

    Artikolu 28:

    Sħubija ma’ Dan l-Att

    Artikolu 29:

    Data Effettiva tar-Ratifiki u tal-Adeżjonijiet

    Artikolu 30:

    Projbizzjoni tar-Riżervi

    Artikolu 31:

    Applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Lisbona u l-Att tal-1967

    Artikolu 32:

    Denunzja

    Artikolu 33:

    Lingwi ta’ Dan l-Att; Firma

    Artikolu 34:

    Paġna tad-Depożitarju

    KAPITOLU I

    Dispożizzjonijiet Introduttorji u Ġenerali

    Artikolu 1

    Espressjonijiet Imqassra

    Għall-finijiet ta’ dan l-Att, sakemm ma jkunx speċifikament stipulat mod ieħor:

    (i.)

    “Ftehim ta’ Lisbona” tfisser il-Ftehim ta’ Lisbona tal-31 ta’ Ottubru 1958 dwar il-Protezzjoni tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u r-Reġistrazzjoni Internazzjonali tagħhom;

    (ii.)

    “Att tal-1967” tfisser il-Ftehim ta’ Lisbona kif rivedut fi Stokkolma fl-14 ta’ Lulju 1967 u emendat fit-28 ta’ Settembru 1979;

    (iii.)

    “dan l-Att” tfisser il-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi, kif stabbilit b’dan l-Att;

    (iv.)

    “Regolamenti” tfisser ir-Regolamenti kif imsemmi fl-Artikolu 25;

    (v.)

    “Konvenzjoni ta’ Pariġi” tfisser il-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali tal-20 ta’ Marzu 1883, kif riveduta u emendata;

    (vi.)

    “denominazzjoni ta’ oriġini” tfisser denominazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 2(1)(i);

    (vii.)

    “indikazzjoni ġeografika” tfisser indikazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 2(1)(ii);

    (viii.)

    “Reġistru Internazzjonali” tfisser ir-Reġistru Internazzjonali miżmum mill-Bureau Internazzjonali skont l-Artikolu 4, li huwa l-ġabra uffiċjali tad-dejta dwar ir-reġistrazzjonijiet internazzjonali tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi, ikun x’ikun il-mezz li bih tinżamm din id-dejta;

    (ix.)

    “reġistrazzjoni internazzjonali” tfisser reġistrazzjoni internazzjonali ddokumentata fir-Reġistru Internazzjonali;

    (x.)

    “applikazzjoni” tfisser applikazzjoni għal reġistrazzjoni internazzjonali;

    (xi.)

    “irreġistrata” tfisser imdaħħla fir-Reġistru Internazzjonali skont dan l-Att;

    (xii.)

    “żona ġeografika tal-oriġini” tfisser żona ġeografika kif imsemmi fl-Artikolu 2(2);

    (xiii.)

    “żona ġeografika transkonfinali” tfisser żona ġeografika li tinsab fil-Partijiet Kontraenti biswit, jew li tkoprihom;

    (xiv.)

    “Parti Kontraenti” tfisser kwalunkwe Stat jew organizzazzjoni intergovernattiva parti ta’ dan l-Att;

    (xv.)

    “Parti Kontraenti tal-Oriġini” tfisser il-Parti Kontraenti ta’ fejn tinsab iż-żona ġeografika tal-oriġini jew il-Partijiet Kontraenti ta’ fejn tinsab iż-żona ġeografika transkonfinali tal-oriġini;

    (xvi.)

    “Awtorità Kompetenti” tfisser entità maħtura skont l-Artikolu 3;

    (xvii.)

    “benefiċjarji” tfisser persuni fiżiċi jew entitajiet legali intitolati li jużaw denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika skont il-liġi tal-Parti Kontraenti tal-Oriġini;

    (xviii.)

    “organizzazzjoni intergovernattiva” tfisser organizzazzjoni intergovernattiva eliġibbli biex issir parti ta’ dan l-Att skont l-Artikolu 28(1)(iii);

    (xix.)

    “Organizzazzjoni” tfisser l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali;

    (xx.)

    “Direttur Ġenerali” tfisser id-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni;

    (xxi.)

    “Bureau Internazzjonali” tfisser il-Bureau Internazzjonali tal-Organizzazzjoni.

    Artikolu 2

    Suġġett

    (1)   [Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u Indikazzjonijiet Ġeografiċi] Dan l-Att japplika fir-rigward ta’:

    (i.)

    kwalunkwe denominazzjoni protetta fil-Parti Kontraenti tal-Oriġini magħmula mill-isem ta’ żona ġeografika jew li fiha dak l-isem, jew denominazzjoni oħra magħrufa li tirreferi għal dik iż-żona, li sservi biex ben jiġi deżinjat li joriġina minn dik iż-żona ġeografika, fejn il-kwalità jew il-karatteristiċi tal-ben huma attribwiti esklużivament jew essenzjalment għall-ambjent ġeografiku, inkluż il-fatturi naturali u umani, u li jagħti r-reputazzjoni tajba lill-ben; u wkoll

    (ii.)

    kwalunkwe indikazzjoni protetta fil-Parti Kontraenti tal-Oriġini magħmula mill-isem taż-żona ġeografika jew li fiha dak l-isem, jew indikazzjoni oħra magħrufa li tirreferi għal dik iż-żona, li tidentifika li l-ben joriġina minn dik iż-żona ġeografika fejn il-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra tal-ben hija attribwita essenzjalment għall-oriġini ġeografika tiegħu.

    (2)   [Żoni ġeografiċi possibbli tal-oriġini] Żona ġeografika tal-oriġini kif deskritta fil-paragrafu (1) tista’ tkun magħmula mit-territorju sħiħ tal-Parti Kontraenti tal-Oriġini jew reġjun, lokalità jew post fil-Parti Kontraenti tal-Oriġini. Dan ma jeskludix l-applikazzjoni ta’ dan l-Att fir-rigward taż-żona ġeografika tal-oriġini, kif deskritta fil-paragrafu (1), magħmula minn żona ġeografika transkonfinali, jew parti minnha.

    Artikolu 3

    Awtorità Kompetenti

    Kull Parti Kontraenti għandha taħtar entità li għandha tkun responsabbli għall-amministrazzjoni ta’ dan l-Att fit-territorju tagħha u għall-komunikazzjonijiet mal-Bureau Internazzjonali skont dan l-Att u r-Regolamenti. Il-Parti Kontraenti għandha tinnotifika l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt ta’ din l-Awtorità Kompetenti lill-Bureau Internazzjonali, kif speċifikat fir-Regolamenti.

    Artikolu 4

    Reġistru Internazzjonali

    Il-Bureau Internazzjonali għandu jżomm Reġistru Internazzjonali li jżomm rekord tar-reġistrazzjonijiet internazzjonali milquta skont dan l-Att, skont il-Ftehim ta’ Lisbona u l-Att tal-1967, jew skont it-tnejn li huma, u tad-dejta marbuta ma’ dawn ir-reġistrazzjonijiet internazzjonali.

    KAPITOLU II

    Applikazzjoni u Reġistrazzjoni Internazzjonali

    Artikolu 5

    Applikazzjoni

    (1)   [Post tal-preżentazzjoni] L-Applikazzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati lill-Bureau Internazzjonali.

    (2)   [Applikazzjoni ppreżentata minn Awtorità Kompetenti] Soġġetta għall-paragrafu (3), l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni internazzjonali ta’ denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika għandha tiġi ppreżentata mill-Awtorità Kompetenti f’isem:

    (i.)

    il-benefiċjarji; jew

    (ii.)

    persuna fiżika jew entità legali b’pożizzjoni legali skont il-liġi tal-Parti Kontraenti tal-Oriġini biex jiġu affermati d-drittijiet tal-benefiċjarji jew drittijiet oħra fid-denominazzjoni ta’ oriġini jew fl-indikazzjoni ġeografika.

    (3)   [Applikazzjoni ppreżentata direttament]

    a)

    Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu (4), jekk il-leġiżlazzjoni tal-Parti Kontraenti tal-Oriġini tippermetti dan, l-applikazzjoni tista’ tiġi ppreżentata mill-benefiċjarji jew minn persuna fiżika jew entità legali msemmija fil-paragrafu 2(ii).

    b)

    Is-subparagrafu (a) japplika soġġett għal dikjarazzjoni minn Parti Kontraenti li l-leġiżlazzjoni tagħha tippermetti dan. Din id-dikjarazzjoni tista’ ssir mill-Parti Kontraenti fil-waqt tad-depożitu tal-istrument ta’ ratifika jew adeżjoni tagħha jew fi kwalunkwe żmien iktar tard. Meta d-dikjarazzjoni ssir fil-waqt tad-depożitu tal-istrument ta’ ratifika jew adeżjoni tagħha, għandha tibda tapplika mid-dħul fis-seħħ ta’ dan l-Att fir-rigward ta’ dik il-Parti Kontraenti. Meta d-dikjarazzjoni ssir wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan l-Att fir-rigward tal-Parti Kontraenti, għandha tibda tapplika tliet xhur wara d-data li d-Direttur Ġenerali jkun irċieva d-dikjarazzjoni.

    (4)   [Applikazzjoni konġunta possibbli fil-każ ta’ żona ġeografika transkonfinali] Fil-każ ta’ żona ġeografika ta’ oriġini magħmula minn żona ġeografika transkonfinali, skont il-ftehim tagħhom il-Partijiet Kontraenti biswit jistgħu jippreżentaw applikazzjoni konġunta permezz ta’ Awtorità Kompetenti maħtura b’mod komuni.

    (5)   [Kontenut obbligatorju] Ir-Regolamenti għandhom jispeċifikaw id-dettalji obbligatorji li jridu jiġu inklużi fl-applikazzjoni flimkien ma’ dawk speċifikati fl-Artikolu 6(3).

    (6)   [Kontenut fakultattiv] Ir-Regolamenti jistgħu jispeċifikaw id-dettalji fakultattivi li jistgħu jiġu inklużi fl-applikazzjoni.

    Artikolu 6

    Reġistrazzjoni Internazzjonali

    (1)   [Eżami formali mill-Bureau Internazzjonali] Mal-wasla ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika fil-forma dovuta, kif speċifikat fir-Regolamenti, il-Bureau Internazzjonali għandu jirreġistra d-denominazzjoni ta’ oriġini jew l-indikazzjoni ġeografika fir-Reġistru Internazzjonali.

    (2)   [Data tar-reġistrazzjoni internazzjonali] Soġġetta għall-paragrafu (3), id-data tar-reġistrazzjoni internazzjonali għandha tkun id-data meta l-Bureau Internazzjonali jkun irċieva l-applikazzjoni.

    (3)   [Data tar-reġistrazzjoni internazzjonali meta d-dettalji jkunu neqsin] Meta l-applikazzjoni ma jkunx fiha d-dettalji kollha li ġejjin:

    (i.)

    l-identifikazzjoni tal-Awtorità Kompetenti jew, fil-każ tal-Artikolu 5(3), tal-applikant jew l-applikanti;

    (ii.)

    id-dettalji li jindentifikaw lill-benefiċjarji jew, meta applikabbli, lill-persuna fiżika jew l-entità legali msemmija fl-Artikolu 5(2)(ii);

    (iii.)

    id-denominazzjoni ta’ oriġini jew l-indikazzjoni ġeografika li għaliha tkun qed tintalab ir-reġistrazzjoni internazzjonali;

    (iv.)

    il-ben jew il-beni li għalihom tapplika d-denominazzjoni ta’ oriġini jew l-indikazzjoni ġeografika;

    id-data tar-reġistrazzjoni internazzjonali għandha tkun id-data meta l-Bureau Internazzjonali jirċievi l-aħħar dettalji li jkunu neqsin.

    (4)   [Pubblikazzjoni u notifika tar-reġistrazzjonijiet internazzjonali] Il-Bureau Internazzjonali għandu jippubblika kull reġistrazzjoni internazzjonali u jinnotifika lill-Awtorità Kompetenti ta’ kull Parti Kontraenti bir-reġistrazzjoni internazzjonali mingħajr dewmien.

    (5)   [Data tad-dħul fis-seħħ tar-reġistrazzjoni internazzjonali]

    a)

    F’kull Parti Kontraenti li ma rrifjutatx protezzjoni skont l-Artikolu 15, jew li bagħtet notifika ta’ għoti ta’ protezzjoni lill-Bureau Internazzjonali skont l-Artikolu 18, soġġetta għas-subparagrafu (b), denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika reġistrata għandha tiġi protetta mid-data tar-reġistrazzjoni internazzjonali.

    b)

    F’dikjarazzjoni, Parti Kontraenti tista’ tinnotifika lid-Direttur Ġenerali li denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika reġistrata hija protetta mid-data msemmija fid-dikjarazzjoni skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew reġjonali tagħha, liema data madankollu ma għandhiex tkun iktar tard mid-data ta’ skadenza tal-limitu ta’ żmien għal rifjut speċifikata fir-Regolamenti skont l-Artikolu 15(1)(a).

    Artikolu 7

    Tariffi

    (1)   [Tariffa tar-reġistrazzjoni internazzjonali] Ir-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ kull denominazzjoni ta’ oriġini u kull indikazzjoni ġeografika għandha tkun soġġetta għal ħlas ta’ tariffa speċifikata fir-Regolamenti.

    (2)   [Tariffi għal entrati oħra fir-Reġistru Internazzjonali] Ir-Regolamenti għandhom jispeċifikaw it-tariffi li jridu jitħallsu fir-rigward ta’ entrati oħra fir-Reġistru Internazzjonali u għall-forniment ta’ estrazzjonijiet, attestazzjonijiet jew informazzjoni oħra marbuta mal-kontenut tar-reġistrazzjoni internazzjonali.

    (3)   [Tnaqqis fit-tariffi] It-tnaqqis fit-tariffi għandu jiġi stabbilit mill-Assemblea fir-rigward ta’ xi reġistrazzjonijiet internazzjonali tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini, u fir-rigward ta’ xi reġistrazzjonijiet internazzjonali tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ dawk li l-Parti Kontraenti tal-Oriġini tagħhom hija pajjiż fil-fażi tal-iżvilupp jew pajjiż l-anqas żviluppat.

    (4)   [Tariffa individwali]

    a)

    F’dikjarazzjoni, kwalunkwe Parti Kontraenti tista’ tinnofika lid-Direttur Ġenerali li l-protezzjoni li tirriżulta minn reġistrazzjoni internazzjonali għandha tiġi estiża biss għaliha jekk titħallas tariffa li tkopri l-kost tagħha ta’ eżami sostantiv tar-reġistrazzjoni internazzjonali. L-ammont ta’ din it-tariffa individwali għandu jiġi indikat fid-dikjarazzjoni u jista’ jitbiddel f’dikjarazzjonijiet ulterjuri. Dan l-ammont ma jistax ikun ogħla mill-ammont ekwivalenti meħtieġ skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew reġjonali tal-Parti Kontraenti, imnaqqas mill-iffrankar li jirriżulta mill-proċedura internazzjonali. Barra minn hekk, f’dikjarazzjoni, il-Parti Kontraenti tista’ tinnotifika lid-Direttur Ġenerali li teħtieġ tariffa amministrattiva marbuta mal-użu mill-benefiċjarji tad-denominazzjoni ta’ oriġini jew tal-indikazzjoni ġeografika f’dik il-Parti Kontraenti.

    b)

    Skont ir-Regolamenti, in-nuqqas ta’ ħlas ta’ tariffa individwali għandu jkollu l-effett li l-protezzjoni tiġi rinunzjata fir-rigward tal-Parti Kontraenti li teħtieġ it-tariffa.

    Artikolu 8

    Perjodu ta’ Validità tar-Reġistrazzjonijiet Internazzjonali

    (1)   [Dipendenza] Ir-reġistrazzjonijiet internazzjonali għandhom ikunu validi b’mod idenfinit, bil-fehim li l-protezzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika reġistrata ma għandhiex tkun iktar meħtieġa jekk id-denominazzjoni li tikkostitwixxi d-denominazzjoni ta’ oriġini, jew l-indikazzjoni li tikkostitwixxi l-indikazzjoni ġeografika, ma tkunx għadha protetta fil-Parti Kontraenti tal-Oriġini.

    (2)   [Kanċellazzjoni]

    a)

    L-Awtorità Kompetenti tal-Parti Kontraenti tal-Oriġini, jew fil-każ tal-Artikolu 5(3), il-benefiċjarji jew il-persuna fiżika jew l-entità legali msemmija fl-Artikolu 5(2)(ii) jew l-Awtorità Kompetenti tal-Parti Kontraenti tal-Oriġini, fi kwalunkwe mument jistgħu jitolbu lill-Bureau Internazzjonali biex jikkanċella r-reġistrazzjoni internazzjonali kkonċernata.

    b)

    F’każ li d-denominazzjoni li tikkostitwixxi denominazzjoni ta’ oriġini reġistrata, jew l-indikazzjoni li tikkostitwixxi indikazzjoni ġeografika reġistrata, ma tkunx għadha protetta fil-Parti Kontraenti tal-Oriġini, l-Awtorità Kompetenti tal-Parti Kontraenti tal-Oriġini għandha titlob il-kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni internazzjonali.

    KAPITOLU III

    Protezzjoni

    Artikolu 9

    Impenn għall-Protezzjoni

    Kull Parti Kontraenti għandha tipproteġi d-denominazzjonijiet ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi reġistrati fit-territorju tagħha, fi ħdan l-ordinament u l-prattika ġuridiċi tagħha iżda skont it-termini ta’ dan l-Att, soġġetti għal rifjut, rinunzja, invalidazzjoni jew kanċellazzjoni li jistgħu jsiru effettivi fir-rigward tat-territorju tagħha, u bil-fehim li l-Partijiet Kontraenti li fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew reġjonali tagħhom ma jiddistingwux bejn id-denominazzjonijiet ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi, ma għandhomx ikunu meħtieġa li jintroduċu din id-distinzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew reġjonali tagħhom.

    Artikolu 10

    Protezzjoni Skont il-Liġijiet tal-Partijiet Kontraenti u Strumenti Oħra

    (1)   [Forma ta’ protezzjoni legali] Kull Parti Kontraenti għandha tkun ħielsa li tagħżel it-tip ta’ leġiżlazzjoni li bis-saħħa tagħha tistabbilixxi l-protezzjoni stipulata f’dan l-Att, dejjem jekk din il-leġiżlazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti sostantivi ta’ dan l-Att.

    (2)   [Protezzjoni skont strumenti oħra] Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att ma għandhom jaffettwaw bl-ebda mod kwalunkwe protezzjoni oħra li Parti Kontraenti tista’ tagħti fir-rigward tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini reġistrati jew l-indikazzjonijiet ġeografiċi reġistrati skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew reġjonali tagħha jew skont strumenti internazzjonali oħra.

    (3)   [Rabta ma’ strumenti oħra] F'dan l-Att xejn ma għandu jidderoga minn kwalunkwe obbligu li l-Partijiet Kontraenti għandhom lejn xulxin skont strumenti internazzjonali oħra, u ma għandu jippreġudika l-ebda dritt li Parti Kontraenti jkollha skont kwalunkwe strument internazzjonali ieħor.

    Artikolu 11

    Protezzjoni fir-rigward tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Reġistrati

    (1)   [Kontenut tal-protezzjoni] Fir-rigward ta’ denominazzjoni ta’ orġini reġistrata jew indikazzjoni ġeografika reġistrata, soġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att, kull Parti Kontraenti għandha tipprovdi l-mezzi legali għall-prevenzjoni:

    a)

    tal-użu tad-denominazzjoni ta’ oriġini jew tal-indikazzjoni ġeografika

    (i.)

    fir-rigward ta’ beni tal-istess tip ta’ dawk li tapplika għalihom id-denominazzjoni ta’ oriġini jew l-indikazzjoni ġeografika, li ma joriġinawx miż-żona ġeografika tal-oriġini jew li ma jikkonformawx ma’ kwalunkwe rekwiżit applikabbli ieħor għall-użu tad-denominazzjoni tal-oriġini jew tal-indikazzjoni ġeografika;

    (ii.)

    fir-rigward ta’ beni li mhumiex tal-istess tip ta’ dawk li tapplika għalihom id-denominazzjoni ta’ oriġini jew l-indikazzjoni ġeografika jew fir-rigward ta’ servizzi, jekk dan l-użu jindika jew jissuġġerixxi rabta bejn dawk il-beni jew is-servizzi u l-benefiċjarji tad-denominazzjoni ta’ oriġini jew tal-indikazzjoni ġeografika, u li probabbli jagħmlu ħsara lill-interessi tagħhom jew fejn applikabbli, minħabba r-reputazzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini jew tal-indikazzjoni ġeografika fil-Parti Kontraenti kkonċernata, dan l-użu probabbli jindebolixxi jew idgħajjef b’mod inġust dik ir-reputazzjoni, jew jieħu vantaġġ inġust minnha;

    b)

    ta’ kwalunkwe prattika oħra responsabbli li tqarraq bil-konsumaturi rigward l-oriġini vera, il-provenjenza jew in-natura tal-beni.

    (2)   [Kontenut tal-protezzjoni fir-rigward ta’ wħud mill-użi] Il-paragrafu (1)(a) għandu japplika wkoll għall-użu ta’ denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ta’ oriġini li jwassal għall-imitazzjoni tagħha anki jekk l-oriġini vera tal-beni tkun indikata, jew jekk id-denominazzjoni ta’ oriġini jew l-indikazzjoni ġeografika tintuża f’forma tradotta jew tkun akkumpanjata minn termini bħal “stil”, “xorta”, “tip”, “għamla”, “imitazzjoni”, “metodu”, “kif prodott fi”, “bħal”, “simili” jew il-bqija (1).

    (3)   [Użu fi trademark] Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13(1), jekk il-leġiżlazzjoni tagħha tippermetti dan jew fuq talba ta’ parti interessata, Parti Kontraenti għandha, ex officio, tirrifjuta jew tinvalida ir-reġistrazzjoni ta’ trademark sussegwenti jekk l-użu tat-trademark ikun jirriżulta f’waħda mis-sitwazzjonijiet koperti mill-paragrafu (1).

    Artikolu 12

    Protezzjoni Biex Ma Jsirux Ġeneriċi

    Soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att, id-denominazzjonijiet ta’ oriġini reġistrati u l-indikazzjonijiet ġeografiċi reġistrati ma jistgħux jitqiesu li saru ġeneriċi (2) f’Parti Kontraenti.

    Artikolu 13

    Salvagwardji fir-Rigward ta’ Drittijiet Oħra

    (1)   [Drittijiet preċedenti tat-trademark] Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att ma għandhomx jippreġudikaw l-applikazzjoni jew ir-reġistrazzjoni in bone fide ta’ trademark preċedenti jew trademark akwiżita permezz tal-użu in bona fide, f’Parti Kontraenti. Meta l-liġi ta’ Parti Kontraenti tipprevedi eċċezzjoni limitata tad-drittijiet konferiti minn trademark bir-riżultat li din it-trademark preċedenti f’ċerti ċirkustanzi tista’ ma tintitolax lil sidha milli jipprevjeni li denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika tingħata l-protezzjoni jew tintuża f’dik il-Parti Kontraenti, il-protezzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini jew tal-indikazzjoni ġeografika reġistrata ma għandha bl-ebda mod tillimita d-drittijiet konferiti minn dik it-trademark.

    (2)   [Isem personali użat fin-negozju] Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att ma għandhomx jippreġudikaw id-dritt li fl-andament tal-kummerċ, kwalunkwe persuna tuża isem dik il-persuna jew isem il-predeċessur ta’ dik il-persuna fin-negozju, għajr fejn dan l-isem jintuża b’mod li jqarraq bil-pubbliku.

    (3)   [Drittijiet ibbażati fuq id-denominazzjoni ta’ varjetà tal-pjanti jew ta’ razza tal-annimali] Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att ma għandhomx jippreġudikaw id-dritt ta’ kwalunkwe persuna li tuża denominazzjoni ta’ varjetà tal-pjanti jew ta’ razza tal-annimali għajr meta dik id-denominazzjoni ta’ varjetà tal-pjanti jew ta’ razza tal-annimali tintuża b’mod li tqarraq bil-pubbliku.

    (4)   [Salvagwardji fil-każ ta’ notifika tal-irtirar ta’ rifjut jew għotja ta’ protezzjoni] Meta f’konformità mal-Artikolu 15 abbażi tal-użu minn trademark preċedenti jew dritt ieħor kif imsemmi f’dan l-Artikolu, Parti Kontraenti li tkun irrifjutat l-effetti ta’ reġistrazzjoni inernazzjonali tinnotifika l-irtirar ta’ dak ir-rifjut skont l-Artikolu 16 jew ta’ għotja ta’ protezzjoni skont l-Artikolu 18, il-protezzjoni li tirriżulta mid-denominazzjoni ta’ oriġini jew mill-indikazzjoni ġeografika ma għandhiex tippreġudika dak id-dritt jew l-użu tagħha sakemm il-protezzjoni tkun ingħatat wara kanċellazzjoni, nuqqas ta’ tiġdid, revoka jew invalidazzjoni tad-dritt.

    Artikolu 14

    Proċeduri ta’ Infurzar u Rimedji

    Kull Parti Kontraenti għandha tagħmel disponibbli rimedji legali effettivi għall-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini reġistrati u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi reġistrati u tipprevedi li l-proċedimenti legali għall-iżgurar tal-protezzjoni tagħhom ikunu jistgħu jinbdew minn awtorità pubblika jew minn kwalunkwe parti interessata oħra, kemm jekk persuna fiżika jew entità legali, u kemm jekk pubblika jew privata, skont l-ordinament u l-prattika ġuridiċi tagħha.

    KAPITOLU IV

    Rifjut u Azzjonijiet Oħra fir-Rigward tar-Reġistrazzjoni Internazzjonali

    Artikolu 15

    Rifjut

    (1)   [Rifjut tal-effetti ta’ reġistrazzjoni internazzjonali]

    a)

    Fil-limitu ta’ żmien speċifikat fir-Regolamenti, l-Awtorità Kompetenti ta’ Parti Kontraenti tista’ tinnotifika lill-Bureau Internazzjonali dwar ir-rifjut tal-effetti ta’ reġistrazzjoni internazzjonali fit-territorju tagħha. In-notifika tar-rifjut tista’ ssir mill-Awtorità Kompetenti ex officio jekk il-leġiżlazzjoni tagħha tippermetti dan, jew fuq talba ta’ parti interessata.

    b)

    In-notifika tar-rifjut għandha tistabbilixxi r-raġunijiet li fuqhom huwa bbażat ir-rifjut.

    (2)   [Protezzjoni skont strumenti oħra] In-notifika ta’ rifjut ma għandha tkun ta’ detriment għall-ebda protezzjoni oħra li tista’ tkun disponibbli għad-denominazzjoni jew l-indikazzjoni kkonċernata fil-Parti Kontraenti li huwa marbut magħha r-rifjut, skont l-Artikolu 10(2).

    (3)   [Obbligu biex tingħata opportunità lill-partijiet interessati] Kull Parti Kontraenti għandha tagħti opportunità raġonevoli lil dawk kollha li l-interessi tagħhom se jintlaqtu minn reġistrazzjoni internazzjonali, sabiex jitolbu lill-Awtorità Kompetenti tinnotifika r-rifjut fir-rigward tar-reġistrazzjoni internazzjonali.

    (4)   [Reġistrazzjoni, pubblikazzjoni u komunikazzjoni tar-rifjuti] Il-Bureau Internazzjonali għandu jirreġistra r-rifjut u r-raġunijiet għar-rifjut fir-Reġistru Internazzjonali. Għandu jippubblika r-rifjut u r-raġunijiet tar-rifjut u għandu jikkomunika n-notifika tar-rifjut lill-Awtorità Kompetenti tal-Parti Kontraenti tal-Oriġini, jew lill-benfiċjarji jew lill-persuna fiżika jew lill-entità legali msemmija fl-Artikolu 5(2)(ii), kif ukoll lill-Awtorità Kompetenti tal-Parti Kontraenti tal-Oriġini jekk l-applikazzjoni tkun ġiet ippreżentata direttament skont l-Artkolu 5(3).

    (5)   [Trattament nazzjonali] Kull Parti Kontraenti għandha tagħmel disponibbli għall-partijiet interessati milquta minn rifjut, l-istess rimedji ġudizzjarji u amministrattivi li huma disponibbli għaċ-ċittadini tagħha fir-rigward tar-rifjut tal-protezzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika.

    Artikolu 16

    Irtirar ta’ Rifjut

    Rifjut jista’ jiġi rtirat skont il-proċeduri speċifikati fir-Regolamenti. L-irtirar għandu jiġi rreġistrat fir-Reġistru Internazzjonali.

    Artikolu 17

    Perjodu ta’ Tranżizzjoni

    (1)   [Għażla li jingħata perjodu ta’ tranżizzjoni] Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13, meta Parti Kontraenti ma tkunx irrifjutat l-effetti ta’ reġistrazzjoni internazzjonali abbażi ta’ użu preċedent minn parti terza, jew tkun irtirat dak ir-rifjut jew tkun innotifikat għotja ta’ protezzjoni, tista’ tagħti perjodu definit kif speċifikat fir-Regolamenti biex jintemm dak l-użu, jekk il-leġiżlazzjoni tagħha tippermetti dan.

    (2)   [Notifika ta’ perjodu ta’ tranżizzjoni] Il-Parti Kontraenti għandha tinnotifika lill-Bureau Internazzjonali dwar dan il-perjodu skont il-proċeduri speċifikati fir-Regolamenti.

    Artikolu 18

    Notifika ta’ Għotja ta’ Protezzjoni

    L-Awtorità Kompetenti ta’ Parti Kontraenti tista’ tinnotifika lill-Bureau Internazzjoni dwar l-għotja ta’ protezzjoni lil denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika reġistrata. Il-Bureau Internazzjonali jista’ jirreġistra din in-notifika fir-reġistru internazzjonali u jippubblikaha.

    Artikolu 19

    Invalidazzjoni

    (1)   [Opportunità għad-difiża tad-drittijiet] Invalidazzjoni tal-effetti kollha, jew parti minnhom, ta’ reġistrazzjoni internazzjonali fit-territorju ta’ Parti Kontraenti tista’ tingħata biss wara li l-benefiċjarji jkunu ingħataw l-opportunità li jiddefendu d-drittijiet tagħhom. Din l-opportunità għandha tingħata wkoll lill-persuna fiżika jew l-entità legali msemmija fl-Artikolu 5(2)(ii);

    (2)   [Notifika, reġistrazzjoni u pubblikazzjoni] Il-Parti Kontraenti għandha tinnotifika l-invalidazzjoni tal-effetti ta’ reġistrazzjoni internazzjonali lill-Bureau Internazzjonali li min-naħa tiegħu għand jirreġistra l-invalidazzjoni fir-Reġistru Internazzjonali u jippubblikaha.

    (3)   [Protezzjoni skont strumenti oħra] L-invalidazzjoni ma għandha tkun ta’ detriment għall-ebda protezzjoni oħra skont l-Artikolu 10(2), li tista’ tkun disponibbli għad-denominazzjoni jew l-indikazzjoni kkonċernata fil-Parti Kontraenti li invalidat l-effetti tar-reġistrazzjoni internazzjonali.

    Artikolu 20

    Modifiki u Entrati Oħra fir-Reġistru Internazzjonali

    Il-proċeduri għall-modifika tar-reġistrazzjoni internazzjonali u ta’ entrati oħra fir-reġistru internazzjonali għandhom jiġu speċifikati fir-Regolamenti.

    KAPITOLU V

    Dispożizzjonijiet Amministrattivi

    Artikolu 21

    Sħubija fl-Unjoni ta’ Lisbona

    Il-Partijiet Kontraenti għandhom ikunu membri tal-istess Unjoni Speċjali bħall-Istati li huma parti mill-Ftehim ta’ Lisbona jew l-Att tal-1967, kemm jekk huma parti tal-Ftehim ta’ Lisbona jew l-Att tal-1967, u anki jekk mhumiex.

    Artikolu 22

    Assemblea tal-Unjoni Speċjali

    (1)   [Kompożizzjoni]

    a)

    Il-Partijiet Kontraenti għandhom ikunu membri tal-istess Assemblea bħall-Istati li huma parti tal-Att tal-1967.

    b)

    Kull Parti Kontraeni għandha tkun irrappreżentata minn delegat wieħed li jista’ jkun assistit minn delegati sostituti, konsulenti u esperti.

    c)

    Kull delegazzjoni għandha ġġarrab l-ispejjeż tagħha.

    (2)   [Kompiti]

    a)

    L-Assemblea għandha:

    (i.)

    tittratta l-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw iż-żamma u l-iżvilupp tal-Unjoni Speċjali u l-implimentazzjoni ta’ dan l-Att;

    (ii.)

    tagħti struzzjonijiet lid-Direttur Ġenerali li jikkonċernaw it-tħejjija ta’ konferenzi ta’ reviżjoni msemmija fl-Artikolu 26(1) wara li jitqiesu l-kummenti minn dawk il-membri tal-Unjoni Speċjali li ma rratifikawx jew li ma ssiħbux ma’ dan l-Att;

    (iii.)

    temenda r-Regolamenti;

    (iv.)

    tirrevedi u tapprova r-rapporti u l-attivitajiet tad-Direttur Ġenerali li jikkonċernaw l-Unjoni Speċjali, u tagħti lid-Direttur Ġenerali l-istruzzjonijiet kollha meħtieġa li jikkonċernaw kwistjonijiet li huma fil-kompetenza tal-Unjoni Speċjali;

    (v.)

    tiddetermina l-programm u tadotta l-baġit ta’ kull sentejn tal-Unjoni Speċjali, u tapprova l-kontijiet finali tagħha;

    (vi.)

    tadotta r-Regolamenti finanzjarji tal-Unjoni Speċjali;

    (vii.)

    tistabbilixxi tali kumitati u gruppi ta’ ħidma kif tqis li huwa xieraq biex jinkisbu l-objettivi tal-Unjoni Speċjali;

    (viii.)

    tiddetermina liema Stati, organizzazzjonijiet intergovernattivi u dawk mhux governattivi għandhom jitħallew jattendu għal-laqgħat tagħha bħala osservaturi;

    (ix.)

    tadotta l-emendi tal-Artikoli 22 sa 24 u 27;

    (x.)

    tieħu kwalunkwe azzjoni oħra xierqa biex tilħaq l-objettivi tal-Unjoni Speċjali u twettaq kwalunkwe funzjoni oħra kif inhu xieraq skont dan l-Att.

    b)

    Fir-rigward ta’ kwistjonijiet li huma wkoll ta’ interess għal Unjonijiet oħra amministrati mill-Organizzazzjoni, l-Assemblea għandha tieħu d-deċiżjonijiet tagħha wara li tkun semgħet il-parir tal-Kumitat ta’ Koordinazzjoni tal-Organizzazzjoni.

    (3)   [Kworum]

    a)

    Nofs il-Membri tal-Assemblea bid-dritt li jivvutaw fuq xi kwistjoni għandhom jikkostitwixxu l-kworum għall-finijiet tal-vot fuq dik il-kwistjoni.

    b)

    Minkejja d-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu (a), jekk fi kwalunkwe sessjoni n-numru tal-membri tal-Assemblea li huma Stati, li jkollhom id-dritt li jivvutaw dwar kwistjoni partikolari u li huma rrappreżentati, ikun inqas min-nofs iżda daqs jew iktar minn terz tal-membri tal-Assemblea li huma Stati u li għandhom id-dritt li jivvutaw dwar dik il-kwistjoni, l-Assemblea tista’ tieħu d-deċiżjonijiet iżda, bl-eċċezzjoni tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-proċedura tagħha stess, id-deċiżjonijiet kollha ta’ din ix-xorta għandhom jidħlu b’effett biss jekk ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti iktar tard. Il-Bureau Internazzjonali għandu jikkomunika d-deċiżjonijiet imsemmija lill-membri tal-Assemblea li huma Stati, li għandhom id-dritt li jivvutaw fuq il-kwistjoni msemmija u li ma kinux irrappreżentati, u għandu jistedinhom biex jesprimu bil-kitba l-vot jew l-astensjoni tagħhom fi żmien tliet xhur mid-data tal-komunikazzjoni. Jekk, fl-iskadenza ta’ dan il-perjodu, in-numru ta’ dawk il-membri li jkunu esprimew il-vot jew l-astensjoni tagħhom b’dan il-mod, jilħaq in-numru tal-membri li kienu nieqsa biex jintlaħaq il-kworum fis-sessjoni nfisha, dawn id-deċiżjonijiet għandhom jidħlu b’effett sakemm fl-istess ħin tkun għadha teżisti l-maġġoranza meħtieġa.

    (4)   [Teħid tad-deċiżjonijiet fl-Assemblea]

    a)

    L-Assemblea għandha tagħmel ħiltha biex tieħu d-deċiżjonijiet tagħha b’kunsens.

    b)

    Meta ma tkunx tista’ tintlaħaq deċiżjoni b’kunsens, il-kwistjoni li tkun qed tkun tiġi diskussa għandha tiġi deċiża permezz ta’ votazzjoni. F’każ bħal dan,

    (i.)

    kull Parti Kontraenti li tkun Stat għandu jkollha vot wieħed u għandha tivvota f’isimha stess biss; kif ukoll,

    (ii.)

    kwalunkwe Parti Kontraenti li tkun organizzazzjoni intergovernattiva tista’ tivvota minflok l-Istati membri tagħha, b’numru ta’ voti daqs l-għadd tal-Istati membri tagħha li jkunu parti ta’ dan l-Att. L-ebda organizzazzjoni intergovernattiva ta’ din ix-xorta ma għandha tipparteċipa fil-vot jekk xi wieħed mill-Istati membri tagħha jeżerċita d-dritt tiegħu li jivvota, u viċi versa.

    c)

    Dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw biss lill-Istati li huma marbutin bl-Att tal-1967, il-Partijiet Kontraenti li mhumiex marbutin bl-Att tal-1967 ma għandux ikollhom id-dritt li jivvutaw, filwaqt li fi kwistjonijiet li jikkonċernaw biss lill-Partijiet Kontraenti, dawn tal-aħħar biss għandu jkollhom id-dritt li jivvutaw.

    (5)   [Maġġoranzi]

    a)

    Soġġetti għall-Artikoli 25(2) u 27(2), id-deċiżjonijiet tal-Assemblea għandhom jeħtieġu żewġ terzi tal-voti espressi.

    b)

    L-astensjonijiet ma għandhomx jitqiesu bħala voti.

    (6)   [Sessjonijiet]

    a)

    L-Assemblea għandha tiltaqa’ wara konvokazzjoni mid-Direttur Ġenerali u, fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, matul l-istess perjodu u fl-istess post bħall-Assemblea Ġenerali tal-Organizzazzjoni.

    b)

    L-Assemblea għandha tiltaqa’ f’sessjoni straordinarja permezz ta’ konvokazzjoni mid-Direttur Ġenerali, jew fuq talba ta’ kwart tal-membri tal-Assemblea jew fuq inizjattiva tad-Direttur Ġenerali nnifsu.

    c)

    L-aġenda ta’ kull sessjoni għandha tiġi mħejjija mid-Direttur Ġenerali.

    (7)   [Regoli ta’ Proċedura] L-Assemblea għandha tadotta r-regoli ta’ proċedura tagħha stess.

    Artikolu 23

    Bureau Internazzjonali

    (1)   [Kompiti amministrattivi]

    a)

    Ir-Reġistrazzjoni internazzjonali u d-dmirijiet relatati, kif ukoll il-kompiti amministrattivi l-oħra kollha li jikkonċernaw l-Unjoni Speċjali, għandhom jitwettqu mill-Bureau Internazzjonali.

    b)

    B’mod partikolari, il-Bureau Internazzjonali għandu jħejji l-laqgħat u jipprovdi s-segretarjat tal-Assemblea u ta’ dawn il-kumitati u gruppi ta’ ħidma kif jista’ jkun ġie stabbilit mill-Assemblea.

    c)

    Id-Direttur Ġenerali għandu jkun il-Kap Eżekuttiv tal-Unjoni Speċjali u għandu jirrappreżenta lill-Unjoni Speċjali.

    (2)   [Rwol tal-Bureau Internazzjonali fl-Assemblea u laqgħat oħra] Id-Direttur Ġenerali u kwalunkwe membru tal-persunal maħtur minnu għandhom jipparteċipaw, mingħajr id-dritt tal-vot, fil-laqgħat kollha tal-Assemblea, tal-kumitati u tal-gruppi ta’ ħidma stabbiliti mill-Assemblea. Id-Direttur Ġenerali, jew membru tal-persunal maħtur minnu, għandu jkun Segretarju ex officio ta’ dan il-korp.

    (3)   [Konferenzi]

    a)

    Skond l-istruzzjonijiet tal-Assemblea, il-Bureau Internazzjonali għandu jagħmel il-preparamenti għal kwalunkwe konferenza ta’ reviżjoni.

    b)

    Il-Bureau Internazzjonali jista’ jikkonsulta dwar dawn il-preparamenti ma’ organizzazzjonijiet intergovernattivi kif ukoll dawk mhux governattivi, kemm internazzjonali kif ukoll nazzjonali.

    c)

    Id-Direttur Ġenerali u l-persuni maħtura minnu għandhom jipparteċipaw fid-diskussjonijiet waqt il-konferenzi ta’ reviżjoni, mingħajr ma jkollhom id-dritt tal-vot.

    (4)   [Kompiti Oħrajn] Il-Bureau Internazzjonali għandu jwettaq kull kompitu ieħor assenjat lilu b’rabta ma’ dan l-Att.

    Artikolu 24

    Finanzi

    (1)   [Baġit] L-introjtu u l-ispejjeż tal-Unjoni Speċjali għandhom jiġu riflessi fil-baġit tal-Organizzazzjoni b’mod ġust u trasparenti.

    (2)   [Sorsi ta’ finanzjament tal-baġit] Id-dħul tal-Unjoni Speċjali għandu jkun iffinanzjat mis-sorsi li ġejjin:

    (i.)

    it-tariffi miġbura skont l-Artkolu 7(1) u (2);

    (ii.)

    rikavat mill-bejgħ jew mir-royalties ta’ pubblikazzjonijiet tal-Bureau Internazzjonali;

    (iii.)

    donazzjonijiet, legati u sovvenzjonijiet;

    (iv.)

    kirjiet, dħul minn investimenti, u oħrajn, inkluż dħul mixxelanju;

    (v.)

    kontribuzzjonijiet speċjali tal-Parti Kontraenti jew ta’ kwalunkwe sors alternattiv li ġej mill-Parti Kontraenti jew mill-benefiċjarji, jew mit-tnejn li huma, jekk u sakemm l-irċevuti mis-sorsi indikati fil-partiti (i) sa (iv) ma jkunux biżżejjed biex ikopru l-ispejjeż, kif deċiż mill-Assemblea.

    (3)   [Iffissar ta’ tariffi; Livell tal-baġit]

    a)

    L-ammont tat-tariffi msemmija fil-paragrafu (2) għandu jiġi ffissat mill-Assemblea fuq proposta tad-Direttur Ġenerali u għandu jiġi ffissat b’tali mod li flimkien mad-dħul derivat minn sorsi oħra skont il-paragrafu (2), id-dħul tal-Unjoni Speċjali jenħtieġ li f’ċirkostanzi normali jkun biżżejjed biex ikopri l-ispejjeż tal-Bureau Internazzjonali għaż-żamma tas-servizz ta’ reġistrazzjoni internazzjonali.

    b)

    Jekk il-Programm u l-Baġit tal-Organizzazzjoni ma jiġux adottati qabel il-bidu tal-perjodu finanzjarju l-ġdid, l-awtorizzazzjoni tad-Direttur Ġenerali biex jidħlu l-obbligi u jsiru l-pagamenti għandha tkun fuq l-istess livell bħalma kienet fil-perjodu finanzjarju preċedenti.

    (4)   [Stabbiliment tal-kontribuzzjonijiet speċjali msemmija fil-paragrafu (2)(v)] Għall-finijiet tal-istabilliment tal-kontribuzzjoni tagħha, kull Parti Kontraenti għandha tappartjeni għall-istess klassi bħal dik fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, jew jekk mhix Parti Kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, bħalma tappartjeni li kieku kienet Parti Kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi. L-organizzazzjonijiet intergovernattivi għandhom jitqiesu li jappartjenu għall-klassi ta’ kontribuzzjoni I, sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor unanimament mill-Assemblea. Il-kontribuzzjoni għandha tingħata l-piż b’mod parzjali skont in-numru ta’ reġistrazzjonijiet li joriġinaw fil-Parti Kontraenti, kif deċiż mill-Assemblea.

    (5)   [Fond tal-kapital operatorju] L-Unjoni Speċjali għandu jkollha fond tal-kapital operatorju li għandu jiġi kostitwit mill-pagamenti li jsiru permezz ta’ avvanz minn kull membru tal-Unjoni Speċjali meta tiddeċiedi dan l-Unjoni Speċjali. Jekk il-fond isir insuffiċjenti, l-Assemblea tista’ tiddeċiedi li żżidu. Il-proporzjon u t-termini tal-pagament għandhom ikunu ffissati mill-Assemblea fuq il-proposta tad-Direttur Ġenerali. Jekk l-Unjoni Speċjali tirreġistra surplus tad-dħul fuq l-ispejjeż fi kwalunkwe perjodu finanzjarju, l-avvanzi tal-fond tal-kapital operatorju jistgħu jitħallsu mill-ġdid lil kull membru b’mod proporzjonali għall-pagamenti inizjali tagħhom fuq proposta tad-Direttur Ġenerali u deċiżjoni mill-Assemblea.

    (6)   [Avvanzi mill-Istat ospitanti]

    a)

    Fil-ftehim dwar il-kwartieri ġenerali konkluż mal-Istat li l-Organizzazzjoni jkollha l-kwartieri ġenerali tagħha fit-territorju tiegħu, għandu jiġi previst li kull meta l-fond tal-kapital operatorju jkun insuffiċjenti, dan l-Istat għandu jagħti avvanzi. L-ammont ta’ dawk l-avvanzi u l-kundizzjonijiet biex jingħataw għandhom ikunu s-suġġett ta’ ftehimiet separati, f’kull każ, bejn dak l-Istat u l-Organizzazzjoni.

    b)

    L-Istat li jissemma fis-subparagrafu (a) u l-Organizzazzjoni għandu jkollhom id-dritt li jiddenunzjaw l-obbligu li jingħataw l-avvanzi, permezz ta’ notifika bil-miktub. Id-denunzja għandha tidħol b’effett tliet snin wara li tintemm is-sena li fiha ġiet notifikata.

    (7)   [Awditjar tal-kontijiet] L-awditjar tal-kontijiet għandu jitwettaq minn Stat membru wieħed jew aktar tal-Unjoni Speċjali jew minn awdituri esterni, kif previst fir-regolamenti finanzjarji tal-Organizzazzjoni. Għandhom ikunu maħtura, bil-qbil tagħhom, mill-Assemblea.

    Artikolu 25

    Regolamenti

    (1)   [Suġġett] Id-dettalji biex jitwettaq dan l-Att għandhom jiġu stabbiliti fir-Regolamenti.

    (2)   [Emendar ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolamenti]

    a)

    L-Assemblea tista’ tiddeċiedi li ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolamenti jistgħu jkunu emendati biss b’unanimità jew maġġoranza ta’ tliet kwarti.

    b)

    L-unanimità għandha tkun meħtieġa sabiex fil-ġejjieni ma jibqax japplika r-rekwiżit ta’ unanimità jew maġġoranza ta’ tliet kwarti biex tkun emendata dispożizzjoni tar-Regolamenti.

    c)

    Maġġoranza ta’ tliet kwarti għandha tkun meħtieġa sabiex fil-ġejjieni jibqa’ japplika r-rekwiżit ta’ unanimità jew maġġoranza ta’ tliet kwarti biex tkun emendata dispożizzjoni tar-Regolamenti.

    (3)   [Kunflitt bejn dan l-Att u r-Regolamenti] Fil-każ ta’ kunflitt bejn id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att u dawk tar-Regolamenti, tal-ewwel għandhom jirbħu.

    KAPITOLU VI

    Reviżjoni u Emendar

    Artikolu 26

    Reviżjoni

    (1)   [Konferenzi ta’ reviżjoni] Dan l-Att jista’ jkun rivedut permezz ta’ konferenzi diplomatiċi tal-Partijiet Kontraenti. Is-sejħa ta’ kwalunkwe konferenza diplomatika għandha tiġi deċiża mill-Assemblea.

    (2)   [Reviżjoni jew emendar ta’ ċerti Artikoli] L-Artikoli 22 sa 24 u 27 jistgħu jkunu emendati permezz ta’ konferenza ta’ reviżjoni jew inkella mill-Assemblea skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27.

    Artikolu 27

    Emendar ta’ ċerti Artikoli mill-Assemblea

    (1)   [Proposti għall-emendar]

    a)

    Il-proposti għall-emendar tal-Artikoli 22 sa 24 u tal-Artikolu preżenti, jistgħu jinbdew minn kull Parti Kontraenti jew mid-Direttur Ġenerali.

    b)

    Dawn il-proposti għandhom ikunu kkomunikati mid-Direttur Ġenerali lill-Partijiet Kontraenti mill-inqas sitt xhur qabel ma jitqiesu mill-Assemblea.

    (2)   [Maġġoranzi] L-adozzjoni ta’ kwalunkwe emenda tal-Artikoli msemmija fil-paragrafu (1) għandha teħtieġ maġġoranza ta’ tliet kwarti, ħlief li l-adozzjoni ta’ kwalunkwe emenda tal-Artikolu 22 u tal-paragrafu preżenti għandha teħtieġ maġġoranza ta’ erbgħa minn kull ħamsa.

    (3)   [Dħul fis-seħħ]

    a)

    Ħlief fejn japplika s-subparagrafu (b), kwalunkwe emenda tal-Artikoli msemmija fil-paragrafu (1) għandha tidħol fis-seħħ xahar wara li n-notifiki ta’ aċċettazzjoni bil-miktub imwettqa skont il-proċessi kostituzzjonali rispettivi tagħhom, jaslu għand id-Direttur Ġenerali mingħand tliet kwarti ta’ dawk il-Partijiet Kontraenti li fiż-żmien li ġiet adottata l-emenda, kienu membri tal-Assemblea u kellhom id-dritt li jivvutaw dwar dik l-emenda.

    b)

    Kwalunkwe emenda tal-Artikolu 22(3) jew (4) jew ta’ dan is-subparagrafu ma għandhiex tidħol fis-seħħ jekk kwalunkwe Parti Kontraenti tinnotifika lid-Direttur Ġenerali li ma taċċettax din l-emenda fi żmien sitt xhur mill-adozzjoni tagħha mill-Assemblea.

    c)

    Kwalunkwe emenda li tidħol fis-seħħ skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu għandha torbot lill-Istati u lill-organizzazzjonijiet intergovernattivi kollha li huma Partijiet Kontraenti fil-waqt li l-emenda tidħol fis-seħħ, jew li jsiru Partijiet Kontraenti aktar tard.

    KAPITOLU VII

    Dispożizzjonijiet Finali

    Artikolu 28

    Sħubija ma’ Dan l-Att

    (1)   [Eliġibbiltà] Soġġett għall-Artikolu 29 u l-paragrafi (2) u (3) tal-Artikolu preżenti,

    (i.)

    kwalunkwe Stat parti mill-Konvenzjoni ta’ Pariġi jista’ jiffirma u jsir parti tal-Att;

    (ii.)

    kwalunkwe Stat membru ieħor tal-Organizzazzjoni jista’ jiffirma u jsir parti ta’ dan l-Att jekk jiddikjara li l-leġiżlazzjoni tiegħu tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi li jikkonċernaw id-denominazzjonijiet ta’ orġini, l-indikazzjonijiet ġeografiċi u t-trademarks;

    (iii.)

    kwalunkwe organizzazzjoni intergovernattiva tista’ tiffirma u ssir parti ta’ dan l-Att, jekk mill-inqas wieħed mill-Istati Membri tagħha jkun parti tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, u jekk l-organizzazzjoni intergovernattiva tiddikjara li ġiet awtorizzata kif xieraq biex issir parti għal dan l-Att, f’konformità mal-proċeduri interni tagħha, u li skont it-trattat tal-kostituzzjoni tagħha, tapplika l-leġiżlazzjoni li skontha jkunu jistgħu jinkisbu t-titoli reġjonali ta’ protezzjoni fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi.

    (2)   [Ratifika jew adeżjoni] Stat jew organizzazzjonijiet intergovernattivi msemmija fil-paragrafu (1) jistgħu jiddepożitaw

    (i.)

    strument ta’ ratifika jekk ikunu iffirmaw dan l-Att; jew

    (ii.)

    strument ta’ adeżjoni jekk ma jkunux iffirmaw dan l-Att.

    (3)   [Data effettiva tad-depożitu]

    a)

    Soġġetta għas-subparagrafu (b), id-data effettiva tad-depożitu ta’ strument ta’ ratifika jew adeżjoni għandha tkun id-data li fiha jiġi ddepożitat l-istrument.

    b)

    Id-data effettiva tad-depożitu ta’ l-istrument ta’ ratifika jew adeżjoni ta’ kwalunkwe Stat li huwa membru ta’ organizzazzjoni intergovernattiva u li għalih il-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini jew indikazzjonijiet ġeografiċi tista’ tinkiseb biss abbażi tal-leġiżlazzjoni li tapplika bejn l-Istati membri tal-organizzazzjoni intergovernattiva, għandha tkun id-data li fiha jiġi ddepożitat l-istrument ta’ ratifika jew adeżjoni ta’ dik l-organizzazzjoni intergovernattiva, jekk dik id-data hija aktar tard mid-data li fiha ġie ddepożitat l-istrument tal-Istat msemmi. Madankollu, dan is-subparagrafu ma japplikax fir-rigward tal-Istati li huma parti tal-Ftehim ta’ Lisbona jew tal-Att tal-1967 u għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 31 fir-rigward ta’ dawn l-Istati.

    Artikolu 29

    Data effettiva tar-Ratifiki u tal-Adeżjonijiet

    (1)   [Strumenti li jridu jitqiesu] Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, għandhom jitqiesu biss l-istrumenti ta’ ratifika jew adeżjoni li huma ddepożitati mill-Istati jew mill-organizzazzjonijiet intergovernattivi msemmija fl-Artikolu 28(1) u li għandhom data effettiva skont l-Artikolu 28(3).

    (2)   [Dħul fis-seħħ ta’ dan l-Att] Dan l-Att għandu jidħol fis-seħħ tliet xhur wara li ħames partijiet eliġibbli msemmija fl-Artikolu 28 ikunu ddepożitaw l-istrumenti ta’ ratifika jew adeżjoni tagħhom.

    (3)   [Dħul fis-seħħ tar-ratifiki u tal-adeżjonijiet]

    a)

    Stati jew organizzazzjonijiet intergovernattivi li jiddepożitaw l-istrumenti ta’ ratifika jew adeżjoni tagħhom tliet xhur jew aktar qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan l-Att għandhom jintrbatu b’dan l-Att fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan l-Att.

    b)

    Stati jew organizzazzjonijiet intergovernattivi oħra għandhom jintrabtu b’dan l-Att tliet xhur wara d-data li fiha jiddepożitaw l-istrumenti ta’ ratifika jew adeżjoni tagħhom jew fi kwalunkwe data oħra aktar tard indikata f’dak l-istrument.

    (4)   [Reġistrazzjonijiet internazzjonali milquta qabel l-adeżjoni] Fit-territorju ta’ Stat aderenti u meta Parti Kontraenti tkun organizzazzjoni intergovernattiva li fit-territorju tagħha japplika t-trattat ta’ kostituzzjoni ta’ dik l-organizzazzjoni intergovernattiva, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-att fir-rigward tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi reġistrati diġà skont dan l-Att fil-waqt li l-adeżjoni tidħol fis-seħħ, soġġetti għall-Artikolu 7(4), kif ukoll għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV li għandhom japplikaw mutatis mutandis. Fid-dikjarazzjoni mehmuża mal-istrument ta’ ratifika jew adeżjoni tagħhom, l-Istati jew l-organizzazzjonijiet intergovernattivi aderenti għandhom ukoll jispeċifikaw estensjoni tal-limitu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 15(1), u l-perjodi msemmija fl-Artikolu 17, skont il-proċeduri speċifikati fir-Regolamenti f’dak ir-rigward.

    Artikolu 30

    Projbizzjoni tar-Riżervi

    Mhi permessa l-ebda riżerva għal dan l-Att.

    Artikolu 31

    Applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Lisbona u l-Att tal-1967

    (1)   [Relazzjonijiet bejn l-Istati li huma parti kemm ta’ dan l-Att kif ukoll tal-Att tal-1967] Dan l-Att waħdu għandu jkun applikabbli fir-rigward tar-relazzjonijiet reċiproċi tal-Istati li huma parti kemm ta’ dan l-Att kif ukoll tal-Att tal-1967. Madankollu, fir-rigward tar-reġistrazzjonijiet internazzjonali tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini effettivi skont il-Ftehim ta’ Lisbona jew l-Att tal-1967, l-Istati ma għandhomx jagħtu inqas protezzjoni minn dik meħtieġa fil-Ftehim ta’ Lisbona jew fl-Att tal-1967.

    (2)   [Relazzjonijiet bejn l-Istati li huma parti kemm ta’ dan l-Att, kif ukoll tal-Ftehim ta’ Lisbona jew tal-Att tal-1967, u l-Istati li huma parti tal-Ftehim ta’ Lisbona jew tal-Att tal-1967 mingħajr ma jkunu parti ta’ dan l-Att] Fir-relazzjonijiet tiegħu ma’ Stati li huma parti tal-Ftehim ta’ Lisbona jew tal-Att tal-1967 li ma humiex parti ta’ dan l-Att, kwalunkwe Stat li huwa parti ta’ dan l-Att, kif ukoll tal-Ftehim ta’ Lisbona jew tal-Att tal-1967 għandu jkompli japplika l-Ftehim ta’ Lisbona jew l-Att tal-1967 skont kif ikun il-każ.

    Artikolu 32

    Denunzja

    (1)   [Notifika] Kwalunkwe Parti Kontraenti tista’ tiddenunzja dan l-Att permezz ta’ notifika indirizzata lid-Direttur Ġenerali.

    (2)   [Data Effettiva] Id-denunzja għandu jkollha effett sena wara d-data li fiha d-Direttur Ġenerali jkun irċieva n-notifika jew fi kwalunkwe data aktar tard indikata fin-notifika. Ma għandhiex taffettwa l-applikazzjoni ta’ dan l-Att għal kwalunkwe applikazzjoni pendenti u kwalunkwe reġistrazzjoni internazzjonali fis-seħħ fir-rigward tal-Parti Kontraenti li tkun qed tiddenunzja fil-waqt li tidħol fis-seħħ id-denunzja.

    Artikolu 33

    Lingwi ta’ Dan l-Att; Firma

    (1)   [Testi oriġinali; Testi uffiċjali]

    a)

    Dan l-Att għandu jkun iffirmat f’oriġinal uniku bl-Ingliż, bl-Għarbi, biċ-Ċiniż, bil-Franċiż, bir-Russu u bl-Ispanjol, bit-testi kollha jkunu awtentiċi b’mod ugwali.

    b)

    It-testi uffiċjali għandhom ikunu stabbiliti mid-Direttur Ġenerali, wara konsultazzjoni mal-Gvernijiet interessati, f’lingwi oħra li tista’ tagħżel l-Assemblea.

    (2)   [Limitu ta’ żmien għall-iffirmar] Dan l-Att għandu jibqa’ miftuħ għall-iffirmar fil-kwartieri ġenerali tal-Organizzazzjoni sa sena wara l-adozzjoni tiegħu.

    Artikolu 34

    Depożitarju

    Id-Direttur Ġenerali għandu jkun id-depożitarju ta’ dan l-Att.


    (1)  Dikjarazzjoni maqbula dwar l-Artikolu 11(2): Għall-finijiet ta’ dan l-Att, huwa mifhum li meta jkun hemm xi elementi ta’ denominazzjoni jew ta’ indikazzjoni li tikkostitwixxi d-denominazzjoni ta’ oriġini jew l-indikazzjoni ġeografika ta’ natura ġenerika fil-Parti Kontraenti tal-Oriġini, il-protezzjoni tagħhom skont dan il-paragrafu ma għandhiex tkun meħtieġa fil-Partijiet Kontraenti l-oħra. Għal aktar ċertezza, ir-rifjut jew l-invalidazzjoni ta’ trademark jew is-sejba ta’ ksur fil-Partijiet Kontraenti skont it-termini tal-Artikolu 11, ma jistgħux ikunu bbażati fuq komponent ta’ natura ġenerika.

    (2)  Dikjarazzjoni maqbula dwar l-Artikolu 12: Għall-finijiet ta’ dan l-Att, huwa mifhum li l-Artiklu 12 huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att dwar l-użu preċedenti, minħabba li qabel ir-reġistrazzjoni internazzjonali, id-denominazzjoni jew l-indikazzjoni li tikkostitwixxi d-denominazzjoni ta’ oriġini jew l-indikazzjoni ġenerali tista’ tkun diġà ġenerika kollha kemm hi, jew parti minnha, f’Parti Kontraenti għajr il-Pajjiż Kontraenti tal-Oriġini, pereżempju minħabba li d-denominazzjoni jew l-indikazzjoni, jew parti minnha, tkun identika għal terminu abitwali fil-lingwa komuni bħall-isem komuni ta’ ben jew servizz f’din il-Parti Kontraenti, jew tkun identika għall-isem abitwali ta’ varjetà ta’ għeneb f’din il-Parti Kontraenti.


    Top