Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22018A0420(01)

    Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand dwar il-kooperazzjoni u l-assistenza amministrattiva reċiproka f'materji doganali

    ĠU L 101, 20.4.2018, p. 6–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document Date of entry into force unknown (pending notification) or not yet in force.

    Related Council decision
    Related Council decision

    20.4.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 101/6


    FTEHIM

    bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand dwar il-kooperazzjoni u l-assistenza amministrattiva reċiproka f'materji doganali

    L-UNJONI EWROPEA minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Unjoni” u

    NEW ZEALAND

    minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Partijiet Kontraenti”,

    BILLI JIKKUNSIDRAW l-importanza tar-rabtiet kummerċjali bejn New Zealand u l-Unjoni u xewqana li jikkontribwixxu, għall-benefiċċju taż-żewġ Partijiet Kontraenti,għall-iżvilupp armonjuż ta' dawk ir-rabtiet;

    JIRRIKONOXXU li, sabiex jinkiseb dan l-objettiv, għandu jkun hemm impenn biex tiġi żviluppata l-kooperazzjoni doganali;

    IQISU l-iżvilupp tal-kooperazzjoni doganali bejn il-Partijiet Kontraenti, fir-rigward tal-proċeduri doganali;

    JIKKUNSIDRAW li operazzjonijiet li jiksru l-leġislazzjoni doganali jippreġudikaw l-interessi ekonomiċi, fiskali u kummerċjali taż-żewġ Partijiet Kontraenti, u waqt li jagħrfu l-importanza li jiżguraw il-valutazzjoni eżatta tad-dazji doganali u ta' taxxi oħra;

    KONVINTI li azzjoni kontra dawn l-operazzjonijiet tista' ssir aktar effettiva b'kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali;

    JAGĦRFU r-rwol sinifikanti tal-awtoritajiet doganali u l-importanza tal-proċeduri doganali fil-promozzjoni tal-faċilitazzjoni tal-kummerċ u tal-protezzjoni tal-ċittadini;

    JIMMIRAW li jipprovdu qafas biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bil-għan li jkun hemm aktar simplifikazzjoni u armonizzazzjoni tal-proċeduri doganali u li tkun promossa azzjoni konġunta fil-kuntest ta' inizjattivi internazzjonali rilevanti, inkluż il-faċilitazzjoni tal-kummerċ u t-titjib tas-sigurtà fil-katina tal-provvista;

    JIRRIKONOXXU s-sinifikat tal-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ innegozjat taħt l-awspiċi tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u jenfasizzaw l-importanza tal-adozzjoni u tal-implimentazzjoni effettiva tiegħu;

    JIBNU fuq l-elementi essenzjali tal-Qafas SAFE ta' Standards li Jiżguraw u Jiffaċilitaw il-Kummerċ Globali (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Qafas SAFE”) tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO);

    JIKKUNSIDRAW IL-livell għoli ta' impenn taż-żewġ Partijiet Kontraenti għall-azzjonijiet doganali u l-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali;

    JIKKUNSIDRAW l-obbligi imposti bil-konvenzjonijiet internazzjonali diġà aċċettati jew applikati mill-Partijiet Kontraenti, kif ukoll l-attivitajiet relatati mad-dwana li twettqu mid-WTO; u

    JIKKUNSIDRAW l-istrumenti rilevanti tad-WCO, b'mod partikolari r-Rakkomandazzjoni dwar l-assistenza amministrattiva reċiproka tal-5 ta' Diċembru 1953;

    FTIEHMU KIF ĠEJ:

    TITOLU I

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1

    Definizzjonijiet

    1.   Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim:

    (a)

    “leġislazzjoni doganali” tfisser kwalunkwe liġi u regolament tal-Unjoni jew ta' New Zealand li jirregolaw l-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-tranżitu ta' merkanzija u t-tqegħid tagħha taħt kwalunkwe sistema jew proċedura doganali, inklużi miżuri ta' projbizzjoni, ta' restrizzjoni u ta' kontroll, u amministrati, applikati jew infurzati mill-awtoritajiet doganali tal-Partijiet Kontraenti fit-territorji rispettivi tagħhom;

    (b)

    “liġijiet u regolamenti tal-Parti Kontraenti”, “liġijiet u regolamenti ta' dik il-Parti Kontraenti” u “liġijiet u regolamenti ta' kull Parti Kontraenti” jfissru l-liġijiet u r-regolamenti applikabbli fl-Unjoni fiċ-ċirkustanzi, jew il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli fi New Zealand, skont kif jeħtieġ il-kuntest;

    (c)

    “awtorità doganali” tfisser, fl-Unjoni, is-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem imsejħa “il-Kummissjoni”) li huma responsabbli għal materji doganali u l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri tal-Unjoni u, fi New Zealand, New Zealand Customs Service;

    (d)

    “awtorità applikanti” tfisser awtorità amministrattiva kompetenti li tkun ġiet innominata minn Parti Kontraenti għal dan il-għan u li tagħmel talba għall-assistenza fuq il-bażi ta' dan il-Ftehim;

    (e)

    “awtorità li ssirilha t-talba” tfisser awtorità amministrattiva kompetenti li tkun ġiet innominata minn Parti Kontraenti għal dan il-għan u li tirċievi talba għall-assistenza fuq il-bażi ta' dan il-Ftehim;

    (f)

    “persuna” tfisser kwalunkwe persuna fiżika, kwalunkwe persuna ġuridika, jew kwalunkwe entità oħra mingħajr personalità ġuridika kostitwita jew organizzata skont il-liġijiet u r-regolamenti ta' kull Parti Kontraenti, li twettaq l-importazzjoni, l-esportazzjoni, jew it-tranżitu ta' merkanzija;

    (g)

    “informazzjoni” tfisser data, inkluża data personali, dokumenti, rapporti, u komunikazzjonijiet oħra fi kwalunkwe format, inklużi l-kopji elettroniċi tagħhom;

    (h)

    “data personali” tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma' persuna fiżika identifikata jew identifikabbli;

    (i)

    “operazzjoni bi ksur tal-leġislazzjoni doganali” tfisser kwalunkwe ksur jew tentattiv ta' ksur tal-leġislazzjoni doganali.

    Artikolu 2

    Applikazzjoni territorjali

    Dan il-Ftehim għandu japplika, minn naħa waħda, għat-territorju doganali tal-Unjoni (kif deskritt fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni) u, min-naħa l-oħra, għat-territorju ta' New Zealand (eskluż Tokelau) fejn il-leġislazzjoni doganali tiegħu tinsab fis-seħħ.

    Artikolu 3

    Implimentazzjoni

    1.   Dan il-Ftehim għandu jkun implimentat f'konformità mal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli fl-Unjoni fiċ-ċirkostanzi u fi New Zealand, inkluż fil-qasam tal-protezzjoni tad-data, u fi ħdan ir-riżorsi disponibbli tal-awtoritajiet doganali rispettivi tagħhom.

    2.   L-awtoritajiet doganali tal-Unjoni u ta' New Zealand għandhom jiddeċiedu dwar il-miżuri prattiċi u l-arranġamenti kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim.

    Artikolu 4

    Rabta ma' ftehimiet internazzjonali oħrajn

    1.   Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim ma għandhomx jaffettwaw id-drittijiet u l-obbligi tal-ebda wieħed mill-Partijiet Kontraenti fil-qafas ta' kwanlunkwe ftehim internazzjonali ieħor li għalih huwa parti, Parti Kontraenti wieħed jew ieħor.

    2.   Minkejja l-paragrafu 1, id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim għandu jkollhom preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet ta' kwalunkwe ftehim bilaterali dwar il-kooperazzjoni doganali u l-assistenza amministrattiva reċiproka li ġie jew seta' ġie konkluż bejn l-Istati Membri individwali tal-Unjoni u ta' New Zealand, safejn id-dispożizzjonijiet ta' dawk il-ftehimiet bilaterali jkunu kompatibbli ma' dawk ta' dan il-Ftehim.

    3.   Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim ma għandhomx jaffettwaw id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni li jirregolaw il-komunikazzjoni bejn is-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri tal-Unjoni ta' kwalunkwe informazzjoni miksuba fil-qafas ta' dan il-Ftehim li jista' jkun ta' interess għall-Unjoni.

    TITOLU II

    KOOPERAZZJONI DOGANALI

    Artikolu 5

    Kamp ta' applikazzjoni tal-kooperazzjoni

    1.   Il-kooperazzjoni, f'dan il-Ftehim, għandha tkopri il-materji kollha marbuta mal-applikazzjoni ta' leġislazzjoni doganali.

    2.   Sabiex jiġi ffaċilitat il-kummerċ leġittimu u l-moviment ta' merkanzija, it-tisħiħ tal-konformità tal-kummerċjanti, il-protezzjoni taċ-ċittadini u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-awtoritajiet doganali tal-Unjoni u ta' New Zealand għandhom jikkoperaw sabiex:

    (a)

    jipproteġu l-kummerċ leġittimu permezz tal-infurzar effettiv tar-rekwiżiti leġislattivi u l-konformità magħhom;

    (b)

    jiżguraw il-katina tal-provvista sabiex ikun iffaċilitat il-moviment sikur ta' merkanzija bejn l-Unjoni u New Zealand;

    (c)

    jimmassimizzaw il-kontribut tagħhom għall-ħidma tad-WCO, id-WTO u organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħra biex itejbu t-tekniki doganali u biex isolvu l-problemi ta' proċeduri doganali, ta' infurzar doganali u tal-iffaċilitar tal-kummerċ; jeliminaw il-piżijiet bla bżonn fuq operaturi ekonomiċi; jipprovdu għall-iffaċilitar ta' operaturi b'livelli għolja ta' konformità; u biex jiżguraw salvagwardji kontra l-frodi u l-attivitajiet illeċiti jew ta' ħsara;

    (d)

    jimplimentaw l-istrumenti u l-istandards internazzjonali applikabbli fil-qasam tad-dwana u l-kummerċ, li l-Partijiet Kontraenti rispettivi jkunu aċċettaw, inklużi l-elementi sostantivi tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-proċeduri doganali (kif rivedut), u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifikazzjoni ta' Merkanzija;

    (e)

    jimplimentaw il-Ftehim tad-WTO dwar il-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ mad-dħul fis-seħħ tiegħu;

    (f)

    jikkooperaw fir-riċerka, fl-iżvilupp, fl-ittestjar u fl-evalwazzjoni ta' proċeduri ġodda doganali, u fit-taħriġ u fl-iskambju tal-persunal u fl-għoti ta' assistenza;

    (g)

    jiskambjaw informazzjoni li tikkonċerna l-leġislazzjoni doganali, l-implimentazzjoni tagħha, u l-proċeduri doganali, b'mod partikolari fl-oqsma tas-simplifikazzjoni u tal-immodernizzar tal-proċeduri doganali; u

    (h)

    jiżviluppaw inizjattivi konġunti marbuta mal-importazzjoni, mal-esportazzjoni u ma' proċeduri doganali oħrajn, kif ukoll biex jiżguraw servizz effettiv għall-komunità tan-negozju.

    Artikolu 6

    Sigurtà tal-katina tal-provvista u l-ġestjoni tar-riskju

    1.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jaħdmu flimkien fuq aspetti relatati mad-dwana għall-iżgurar u l-iffaċilitar tal-katina ta' provvista internazzjonali skont il-Qafas SAFE. B'mod partikolari, għandhom jikkooperaw billi:

    (a)

    isaħħu l-aspetti relatati mad-dwana għas-sigurtà tal-katina loġistika tal-kummerċ internazzjonali filwaqt li jiffaċilitaw il-kummerċ leġittimu;

    (b)

    jistabbilixxu standards minimi, safejn huwa prattikabbli, għal tekniki tal-ġestjoni tar-riskji u għal rekwiżiti u programmi relatati;

    (c)

    jistabbilixxu, fejn xieraq, rikonoxximent reċiproku ta' tekniki tal-ġestjoni tar-riskju, ta' standards tar-riskju, ta' kontrolli tas-sigurtà, ta' programmi ta' sigurtà tal-katina tal-provvista u ta' sħubija kummerċjali, inklużi miżuri ekwivalenti tal-iffaċilitar tal-kummerċ;

    (d)

    jiskambjaw informazzjoni għas-sigurtà tal-katina tal-provvista u għall-ġestjoni tar-riskju;

    (e)

    jistabbilixxu punti ta' kuntatt għall-iskambju tal-informazzjoni għas-sigurtà tal-katina tal-provvista u għall-ġestjoni tar-riskju;

    (f)

    jintroduċu, fejn xieraq, interfaċċja għall-iskambju tal-informazzjoni, inkluż għad-data ta' qabel il-wasla jew ta' qabel it-tluq;

    (g)

    jikkollaboraw f'fora multilaterali fejn jistgħu jitqajmu u jiġu diskussi b'mod xieraq kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tal-katina tal-provvista.

    TITOLU III

    ASSISTENZA AMMINISTRATTIVA REĊIPROKA

    Artikolu 7

    Kamp ta' applikazzjoni tal-assistenza

    1.   L-awtoritajiet doganali tal-Unjoni u ta' New Zealand għandhom jassistu lil xulxin fil-prevenzjoni, fl-identifikazzjoni, fl-investigazzjoni u fis-soppressjoni ta' ksur tal-leġislazzjoni doganali.

    2.   L-assistenza skont dan il-Ftehim ma għandhiex tippreġudika d-drittijiet u l-obbligi tal-ebda Parti Kontraenti dwar l-assistenza reċiproka fi kwistjonijiet kriminali skont il-ftehimiet internazzjonali jew il-liġijiet u r-regolamenti ta' kull Parti Kontraenti. Lanqas ma għandha tkopri l-informazzjoni miksuba bis-setgħat eżerċitati fuq talba ta' awtorità ġudizzjarja.

    3.   L-assistenza biex jiġu rkuprati d-dazji, it-taxxi jew il-multi mhijiex koperta b'dan il-Ftehim.

    Artikolu 8

    Assistenza fuq talba

    1.   Fuq talba tal-awtorità applikanti, l-awtorità li ssirilha t-talba għandha tipprovdiha bl-informazzjoni rilevanti kollha li tippermettilha tiżgura li l-leġislazzjoni doganali tkun applikata b'mod korrett, inkluża l-informazzjoni li tirrigwarda attivitajiet individwati jew ippjanati li huma jew li jistgħu jkunu operazzjonijiet li jiksru l-leġislazzjoni doganali.

    2.   Fuq talba tal-awtorità applikanti, l-awtorità li ssirilha t-talba għandha tinfurmaha dwar:

    (a)

    jekk il-merkanzija esportata minn waħda mill-Partijiet Kontraenti ġietx importata b'mod korrett fil-Parti l-oħra, u għandha tispeċifika, fejn xieraq, il-proċeduri doganali applikati għall-merkanzija; u

    (b)

    jekk il-merkanzija importata f'waħda mill-Partijiet Kontraenti ġietx esportata b'mod korrett mill-Parti l-oħra, u tispeċifika, fejn xieraq, il-proċeduri doganali applikati għall-merkanzija.

    3.   Fuq talba tal-awtorità applikanti, l-awtorità li ssirilha t-talba għandha, fil-qafas tal-liġijiet u tar-regolamenti applikabbli għal din tal-aħħar, tieħu l-passi meħtieġa sabiex tiżgura li jkun hemm sorveljanza speċjali dwar:

    (a)

    persuni li fir-rigward tagħhom jeżistu bażi raġonevoli sabiex wieħed jemmen li dawn huma jew kienu involuti f'operazzjonijiet li jiksru l-leġislazzjoni doganali;

    (b)

    postijiet fejn ħażniet ta' merkanzija kienu jew li jistgħu jkunu maħżuna jew miġbura b'tali mod li jkun hemm bażi raġonevoli sabiex wieħed jemmen li dik il-merkanzija li hija maħsuba biex tintuża f'operazzjonijiet li jiksru l-leġislazzjoni doganali;

    (c)

    merkanzija li hija jew li tista' tiġi ttrasportata b'tali mod li jkun hemm raġunijiet xierqa sabiex wieħed jemmen li hija maħsuba biex tintuża f'operazzjonijiet li jiksru l-leġislazzjoni doganali; u

    (d)

    mezzi ta' trasport li huma jew li jistgħu jkunu użati b'tali mod li jkun hemm bażi raġonevoli sabiex wieħed jemmen li huma maħsuba biex jintużaw f'operazzjonijiet li jiksru l-leġislazzjoni doganali.

    Artikolu 9

    Assistenza spontanja

    Il-Partijiet Kontraenti għandhom jassistu lil xulxin, fuq l-inizjattiva tagħhom infushom u skont il-liġijiet u r-regolamenti ta' kull Parti Kontraenti, jekk jikkunsidraw li dan huwa meħtieġ sabiex il-leġislazzjoni doganali tiġi applikata b'mod korrett, b'mod partikolari billi tiġi pprovvduta l-informazzjoni miksuba li tappartjeni għal:

    (a)

    attivitajiet li huma jew li jidhru li huma operazzjonijiet li jiksru l-leġislazzjoni doganali u li jistgħu jkunu ta' interess għall-Parti Kontraenti l-oħra;

    (b)

    mezzi jew metodi ġodda użati fit-twettiq ta' operazzjonijiet li jiksru l-leġislazzjoni doganali;

    (c)

    merkanzija magħrufa li hija soġġetta għal operazzjonijiet li jiksru l-leġislazzjoni doganali;

    (d)

    persuni li fir-rigward tagħhom hemm bażi raġjonevoli sabiex wieħed jemmen li huma involuti jew li kienu involuti f'operazzjonijiet li jiksru l-leġislazzjoni doganali; u

    (e)

    mezzi ta' trasport li fir-rigward tagħhom hemm bażi raġonevoli sabiex wieħed jemmen li kienu, li huma jew li jistgħu jkunu involuti f'operazzjonijiet li jiksru l-leġislazzjoni doganali.

    Artikolu 10

    Kunsinna u notifika

    1.   Fuq talba tal-awtorità applikanti, l-awtorità li ssirilha t-talba, għandha, f'konformità mal-liġijiet u mar-regolamenti applikabbli għal din tal-aħħar, tieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex:

    (a)

    tibgħat kwalunkwe dokument; jew

    (b)

    tinnotifika kwalunkwe deċiżjoni, li toħroġ mill-awtorità applikanti u li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan il-Ftehim, lil destinatarju li jkun residenti jew stabbilit fil-ġuriżdizzjoni tal-awtorità li ssirilha t-talba.

    2.   It-talbiet għall-kunsinna ta' dokumenti jew għan-notifika ta' deċiżjonijiet għandhom isiru bil-miktub f'lingwa uffiċjali tal-awtorità li ssirilha t-talba jew f'lingwa aċċettata minn dik l-awtorità.

    Artikolu 11

    Forma u sustanza tat-talbiet għall-assistenza

    1.   It-talbiet skont dan il-Ftehim għandhom isiru bil-miktub. Dawn għandhom ikunu akkumpanjati mid-dokumenti meħtieġa sabiex jippermettu l-konformità mat-talba. Meta l-urġenza tas-sitwazzjoni titlob hekk, jistgħu jiġu aċċettati talbiet orali, iżda dawn għandhom jiġu kkonfermati bil-miktub minnufih.

    2.   It-talbiet skont il-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    l-awtorità applikanti;

    (b)

    il-miżura mitluba;

    (c)

    il-fini u r-raġuni għat-talba;

    (d)

    il-liġijiet u r-regolamenti rilevanti;

    (e)

    indikazzjonijiet kemm jista' jkun preċiżi u komprensivi dwar il-merkanzija jew il-persuni li jkunu fil-mira tal-investigazzjonijiet; u

    (f)

    sommarju tal-fatti rilevanti u tal-istħarriġ diġà mwettaq.

    3.   It-talbiet għandhom jintbagħtu f'lingwa uffiċjali tal-awtorità li ssirilha t-talba jew f'lingwa aċċettabbli għal dik l-awtorità. Dak ir-rekwiżit ma għandux japplika għal dokumenti li jakkumpanjaw it-talba skont il-paragrafu 1.

    4.   Jekk talba ma tissodisfax ir-rekwiżit formali stipulati hawn fuq, tista' tintalab il-korrezzjoni jew it-tlestija sħiħa tagħha; sadanittant jistgħu jittieħdu miżuri ta' prekawzjoni.

    Artikolu 12

    Twettiq ta' talbiet

    1.   Sabiex tikkonforma ma' talba għall-assistenza, l-awtorità li ssirilha t-talba għandha tipproċedi minnufih, fil-limiti tal-kompetenza tagħha u tar-riżorsi disponibbli, daqslikieku kienet qed taġixxi għaliha stess jew fuq talba ta' awtoritajiet oħra tal-istess Parti Kontraenti, billi tipprovdi l-informazzjoni diġà fil-pussess tagħha, billi twettaq l-investigazzjonijiet xierqa jew billi tagħmel mod li dawn jitwettqu. Dan il-paragrafu għandu japplika wkoll għal kwalunkwe awtorità oħra li lilha tkun ġiet indirizzata t-talba skont dan il-Ftehim mill-awtorità li ssirilha t-talba meta din tal-aħħar ma tistax taġixxi minn rajha.

    2.   It-talbiet għall-assistenza għandhom jitwettqu skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-Parti Kontraenti li tirċievi t-talba.

    3.   L-uffiċjali debitament awtorizzati tal-Parti Kontraenti jistgħu, bi ftehim mal-Parti Kontraenti l-oħra u soġġetti għall-kondizzjonijiet stabbiliti minn din tal-aħħar, ikunu preżenti sabiex jiksbu fl-uffiċċji tal-awtorità li ssirilha t-talba jew kull awtorità oħra konċernata skont il-paragrafu 1, informazzjoni li tikkonċerna attivitajiet li huma jew li jistgħu jkunu operazzjonijiet bi ksur tal-leġislazzjoni doganali li l-awtorità applikanti jkollha bżonn għall-fini ta' dan il-Ftehim.

    4.   Uffiċjali debitament awtorizzati ta' Parti Kontraenti jistgħu, bi ftehim mal-Parti Kontraenti l-oħra u soġġett għall-kondizzjonijiet preskritti minn din tal-aħħar, ikunu preżenti għall-investigazzjonijiet imwettqa fit-territorju ta' din imsemmija l-aħħar.

    Artikolu 13

    Mod li bih l-informazzjoni għandha tiġi kkomunikata

    1.   L-awtorità li ssirilha t-talba għandha tikkomunika r-riżultati tal-istħarriġ imwettaq wara talba magħmula skont dan il-Ftehim lill-awtorità applikanti bil-miktub flimkien ma' dokumenti, il-kopji ċertifikati tad-dokumenti jew oġġetti oħra rilevanti.

    2.   L-informazzjoni kkomunikata skont il-paragrafu 1 tista' tkun f'forma komputerizzata.

    3.   Il-fajls u d-dokumenti oriġinali għandhom jiġu trażmessi biss fuq talba fil-każijiet meta l-kopji ċertifikati ma jkunux biżżejjed. Dawk id-dokumenti oriġinali għandhom jintbagħtu lura malajr kemm jista' jkun.

    Artikolu 14

    Eċċezzjonijiet għall-obbligu li tingħata assistenza

    1.   Kwalunkwe forma ta' assistenza fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan il-Ftehim tista' tiġi rrifjutata jew tista' tkun soġġetta għal ċerti kondizzjonijiet jew rekwiżiti, fil-każijiet fejn Parti Kontraenti tkun tal-opinjoni li l-assistenza skont dan il-Ftehim:

    (a)

    x'aktarx tippreġudika s-sovranità ta' New Zealand jew dik ta' Stat Membru tal-Unjoni li l-awtorità kompetenti tiegħu tkun irċeviet talba biex tipprovdi assistenza skont dan il-Ftehim;

    (b)

    x'aktarx li tippreġudika l-ordni pubblika, is-sigurtà jew interessi essenzjali oħra;

    (c)

    tikser sigriet kummerċjali jew tippreġudika l-interessi kummerċjali leġittimi; jew

    (d)

    tkun inkompatibbli mal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli inkluż, iżda mhux limitat għal, dawk tal-protezzjoni tal-privatezza personali jew il-kwistjonijiet u l-kontijiet finanzjarji ta' individwi.

    2.   L-assistenza tista' tiġi posposta mill-awtorità li ssirilha t-talba għar-raġuni li tinterferixxi ma' investigazzjoni, prosekuzzjoni jew proċedimenti li jkunu għaddejjin. F'każ ta' dan it-tip, l-awtorità li ssirilha t-talba għandha tikkonsulta mal-awtorità applikanti sabiex tiddetermina jekk l-assistenza tistax tingħata soġġett għal tali termini jew kondizzjonijiet skont kif l-awtorità li ssirilha t-talba tista' teħtieġ.

    3.   Meta l-awtorità applikanti tfittex l-assistenza li hi nnifisha ma tkunx tista' tipprovdi fil-każ li tintalab tagħmel hekk, din għandha tiġbed l-attenzjoni għal dan il-fatt fit-talba tagħha. Imbagħad id-deċiżjoni biex tiddeċiedi kif twieġeb għal tali talba għandha titħalla f'idejn l-awtorità li ssirilha t-talba.

    4.   Għall-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, id-deċiżjoni tal-awtorità li ssirilha t-talba u r-raġunijiet tagħha għandhom jiġu kkomunikati lill-awtorità applikanti mingħajr dewmien żejjed.

    Artikolu 15

    Esperti u xhieda

    Uffiċjal ta' awtorità li ssirilha t-talba jista' jkun awtorizzat jidher, fil-limiti tal-awtorizzazzjoni mogħtija, bħala espert jew xhud quddiem awtorità fil-Parti Kontraenti l-oħra f'materji koperti minn dan il-Ftehim, u jipproduċi tali oġġetti, dokumenti jew kopji ċertifikati tagħhom li jkunu meħtieġa għal dan il-għan. It-talba għal dehra għandha tindika b'mod speċifiku quddiem liema awtorità għandu jidher l-uffiċjal, dwar liema materji u bis-saħħa ta' liema titolu jew kwalifika l-uffiċjal ser jiġi mistoqsi.

    Artikolu 16

    Spejjeż marbuta mal-assistenza

    Il-Partijiet Kontraenti għandhom jirrinunzjaw għall-pretensjonijiet kollha kontra xulxin rigward ir-rimborż tal-ispejjeż mġarrba skont dan il-Ftehim, għajr, skont kif ikun xieraq, għall-ispejjeż li jridu jitħallsu lill-esperti u lix-xhieda skont l-Artikolu 15, u għall-ispejjeż li jridu jitħallsu lill-interpreti u lit-tradutturi li mhumiex impjegati tas-servizz pubbliku.

    TITOLU IV

    SKAMBJU TA' INFORMAZZJONI

    Artikolu 17

    Kunfidenzjalità u protezzjoni tal-informazzjoni

    1.   Kwalunkwe informazzjoni kkomunikata tkun xi tkun l-għamla tagħha skont dan il-Ftehim għandha tkun ta' tip kunfidenzjali jew ristretta, skont ir-regoli li japplikaw f'kull waħda mill-Partijiet Kontraenti.

    2.   Parti Kontraenti ma għandhiex tuża jew tiżvela informazzjoni miksuba skont dan il-Ftehim għajr għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, jew bil-kunsens bil-miktub minn qabel tal-Parti Kontraenti li tipprovdiha u soġġett għat-tali kondizzjonijiet u restrizzjonijiet li l-Parti Kontraenti li qed tipprovdiha tista' teħtieġ. Madankollu, jekk xi waħda mill-Partijiet Kontraenti tkun meħtieġa bil-liġijiet u r-regolamenti ta' dik il-Parti Kontraenti li tiżvela informazzjoni miksuba skont dan il-Ftehim, għandha tinnotifika kwalunkwe żvelar bħal dan lill-Parti Kontraenti li qed tipprovdiha u fejn possibbli qabel it-tali żvelar.

    3.   Soġġett għal kwalnukwe rekwiżit applikabbli għal Parti Kontraenti skont il-liġijiet u r-regolamenti ta' dik il-Parti Kontraenti, jew kondizzjonijiet, twissijiet, restrizzjonijiet jew struzzjonijiet ta' trattament ċari li jeħtieġu protezzjoni akbar, l-informazzjoni kollha pprovduta skont dan il-Ftehim għandha tingħata l-istess jew livell ogħla ta' sigurtà u ta' protezzjoni tal-privatezza bħal kif inhu indikat mill-klassifikazzjoni tas-sigurtà jew minn kull twissija oħra ta' trattament mehmuża għall-informazzjoni tal-awtorità li ssirilha t-talba.

    4.   Data personali għandha tiġi skambjata biss fejn il-Parti Kontraenti li tista' tirċeviha tintrabat li tipproteġi din id-data b'mod li jitqies adegwat mill-Parti Kontraenti li tista' tipprovdi tali data personali.

    5.   Kull Parti Kontraenti għandha tillimita l-aċċess għall-informazzjoni li tirċievi skont dan il-Ftehim għal dawk il-persuni li għandhom bżonn ikunu jafu l-kontenut tiegħu.

    6.   Kull Parti Kontraenti għandha tillimita, iżżomm u tittrażmetti l-informazzjoni riċevuta skont dan il-Ftehim bl-użu ta' mekkaniżmi ta' sigurtà rikonoxxuti bħal passwords, kriptaġġ, jew salvagwardji raġonevoli oħra konsistenti mal-klassifikazzjoni ta' sigurtà mehmuża mal-informazzjoni partikolari.

    7.   Kull Parti Kontraenti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra dwar kull aċċess, użu, żvelar, modifika jew tneħħija ta' informazzjoni aċċidentali jew mhux awtorizzata riċevuta skont dan il-Ftehim u għandha tipprovdi d-dettalji kollha tal-aċċess, l-użu, iż-żvelar, il-modifika jew it-tneħħija ta' informazzjoni aċċidentali jew mhux awtorizzata.

    8.   Jekk l-informazzjoni riċevuta skont dan il-Ftehim tkun ġiet żvelata jew modifikata aċċidentalment kull Parti Kontraenti għandha tagħmel dak kollu li hu prattiku b'mod raġonevoli biex tirkupra jew, meta l-irkupru ma jkunx possibbli, biex tiżgura l-qerda ta' informazzjoni żvelata jew modifikata.

    9.   Kwalunkwe waħda mill-Partijiet Kontraenti tista' titlob li jkun hemm protezzjoni addizzjonali dwar informazzjoni sensittiva ħafna.

    10.   L-informazzjoni ma tistax tiġi pproċessata u tinżamm għal żmien itwal milli jkun meħtieġ għall-fini tal-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim u f'konformità mar-rekwiżiti ta' kull Parti Kontraenti rigward il-privatezza u ż-żamma ta' reġistri pubbliċi. Kull Parti Kontraenti għandha tiżgura r-rimi kontrollat ta' informazzjoni li tkun ġiet riċevuta skont dan il-Ftehim kif previst fil-liġijiet u r-regolamenti ta' dik il-Parti Kontraenti.

    11.   Xejn f'dan il-Ftehim ma għandu jipprekludi l-użu tal-informazzjoni jew tad-dokumenti miksuba skont dan il-Ftehim bħala xiehda fi proċedimenti jew akkużi istitwiti sussegwentement quddiem il-qrati jew it-tribunali rigward l-operazzjonijiet li jmorru kontra l-leġislazzjoni doganali. Għalhekk, il-Partijiet jistgħu, fir-rekords tal-evidenza tagħhom, fir-rapporti u x-xhieda u fi proċedimenti u f'akkużi li jistgħu jitressqu sussegwentement quddiem il-qrati jew tribunali jużaw bħala evidenza informazzjoni miksuba u dokumenti kkonsultati skont dan il-Ftehim. Il-Parti Kontraenti li pprovdiet dik l-informazzjoni jew li tat l-aċċess għal dawk id-dokumenti għandha tkun innotifikata dwar dan l-użu.

    TITOLU V

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 18

    Intestaturi

    L-intestaturi tat-Titoli u tal-Artikoli ta' dan il-Ftehim huma mdaħħla biss għall-konvenjenza ta' referenza u ma għandhomx jaffettwaw l-interpretazzjoni ta' dan il-Ftehim.

    Artikolu 19

    Konsultazzjoni

    Kull mistoqsija jew tilwima li għandha x'taqsam mal-interpretazzjoni jew mal-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim għandha tiġi solvuta b'konsultazzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti, li għandha twassal, fejn xieraq, għal deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni Doganali msemmi fl-Artikolu 20.

    Artikolu 20

    Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni Doganali

    1.   B'dan huwa stabbilit Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni Doganali (KKKD), kompost minn rappreżentanti tal-awtoritajiet doganali u ta' awtoritjaiet kompetenti oħra tal-Partijiet Kontraenti. Il-Kumitat għandu jiltaqa' f'post, f'data u b'aġenda stabbilita b'kunsens reċiproku.

    2.   Il-KKKD għandu jiżgura l-funzjonament korrett u l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim u għandu jeżamina l-kwistjonijiet u l-kunflitti kollha li jirriżultaw mill-applikazzjoni tiegħu. B'hekk, il-KKKD għandu, inter alia:

    (a)

    jieħu l-miżuri meħtieġa għall-kooperazzjoni u l-assistenza doganali f'konformità mal-għanijiet ta' dan il-Ftehim, b'mod partikolari billi:

    (i)

    jidentifika kwalunkwe bidla regolatorja jew leġislattiva meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim;

    (ii)

    jidentifika u jistabbilixxi miżuri għat-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta' skambju tal-informazzjoni;

    (iii)

    jidentifika u jistabbilixxi l-aħjar prattiki, inklużi l-aħjar prattiki għall-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti tal-informazzjoni elettronika bil-quddiem dwar it-tagħbija ma' standards internazzjonali dwar vjeġġi li jkunu deħlin, ħerġin jew fi tranżitu;

    (iv)

    jiddefinixxi u jistabbilixxi standards tal-analiżi tar-riskju għall-informazzjoni meħtieġa biex ikunu identifikati vjeġġi impurtati, trasbordati, jew fi tranżitu minn New Zealand u mill-Unjoni;

    (v)

    jiddefinixxi u jistabbilixxi miżuri biex jiġu armonizzati standards tal-valutazzjoni tar-riskju;

    (vi)

    jiddefinixxi standards minimi ta' kontroll u metodi li bihom dawk l-istandards jistgħu jiġu sodisfatti;

    (vii)

    itejjeb u jistabbilixxi standards għal programmi ta' sħubija kummerċjali mfassla biex itejbu s-sigurtà tal-katina tal-provvista u jiffaċilitaw il-moviment tal-kummerċ leġittimu; u

    (viii)

    jiddefinixxi u jwettaq passi konkreti għall-istabbiliment tar-rikonoxximent reċiproku ta' tekniki tal-ġestjoni tar-riskju, standards tar-riskju, kontrolli tas-sigurtà u programmi ta' sħubija kummerċjali inklużi miżuri ekwivalenti tal-iffaċilitar tal-kummerċ;

    (b)

    jaġixxi bħala l-korp kompetenti biex jindirizza kull kwistjoni li tqum fir-rigward tal-implimentazzjoni tat-Titolu III;

    (c)

    jingħata s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet li jimplimentaw dan il-Ftehim, inkluż dwar it-trażmissjoni tad-data u ta' benefiċċji miftiehma reċiprokament ta' rikonoxximent reċiproku ta' tekniki tal-ġestjoni tar-riskji, standards tar-riskji, kontrolli tas-sigurtà u programmi ta' sħubija kummerċjali kif ukoll miżuri oħra tal-iffaċilitar tal-kummerċ;

    (d)

    iwettaq skambju ta' opinjonijiet dwar kwalunkwe punt ta' interess komuni li għandu x'jaqsam mal-kooperazzjoni doganali, inklużi miżuri futuri u r-riżorsi għalihom; u

    (e)

    jadotta r-regoli ta' proċedura interni tiegħu.

    3.   Il-KKKD għandu jwaqqaf mekkaniżmi tal-ħidma xierqa, inkluż gruppi ta' ħidma, sabiex jappoġġjaw xogħlu għall-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim.

    Artikolu 21

    Dħul fis-seħħ u tul ta' żmien

    1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara d-data li fiha il-Partijiet Kontraenti jinnotifikaw lil xulxin, permezz ta' skambju ta' noti diplomatiċi bejniethom, bit-tmiem tal-proċeduri meħtieġa għal dan il-għan.

    2.   Dan il-Ftehim jista' jiġi emendat b'kunsens reċiproku tal-Partijiet Kontraenti permezz ta' skambju ta' noti diplomatiċi bejniethom. L-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ skont l-istess kondizzjonijiet kif imsemmi fil-paragrafu 1, sakemm mhux miftiehem mod ieħor mill-Partijiet Kontraenti.

    3.   Kull Parti Kontraenti tista' tittermina dan il-Ftehim billi tavża lill-Parti l-oħra bil-miktub. It-terminazzjoni għandha tieħu effett tliet xhur mid-data tan-notifika lill-Parti Kontraenti l-oħra. It-talbiet għall-assistenza li jkunu waslu qabel it-terminazzjoni ta' dan il-Ftehim għandhom jiġu pproċessati f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim.

    Artikolu 22

    Testi awtentiċi

    Dan il-Ftehim għandu jitfassal f'żewġ kopji bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bil-Kroat, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bin-Netherlandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol u bl-Iżvediż, bit-Taljan u bl-Ungeriż,, b'kull test ugwalment awtentiku. F'każ ta' kwalunkwe diverġenza bejn it-testi ta' dan il-Ftehim, il-Partijiet Kontraenti għandhom jirreferu l-kwistjoni lill-KKKD.

    B'xhieda ta' dan, ir-rappreżentanti sottoskritti, awtorizzati kif meħtieġ għal dan il-għan, iffirmaw dan il-Ftehim.

    Съставено в Брюксел на трети юли през две хиляди и седемнадесета година.

    Hecho en Bruselas, el tres de julio de dos mil diecisiete.

    V Bruselu dne třetího července dva tisíce sedmnáct.

    Udfærdiget i Bruxelles den tredje juli to tusind og sytten.

    Geschehen zu Brüssel am dritten Juli zweitausendsiebzehn.

    Kahe tuhande seitsmeteistkümnenda aasta juulikuu kolmandal päeval Brüsselis.

    Έγινε στις Βρυξέλλες, στις τρεις Ιουλίου δύο χιλιάδες δεκαεπτά.

    Done at Brussels on the third day of July in the year two thousand and seventeen.

    Fait à Bruxelles, le trois juillet deux mille dix-sept.

    Sastavljeno u Bruxellesu trećeg srpnja godine dvije tisuće sedamnaeste.

    Fatto a Bruxelles, addì tre luglio duemiladiciassette.

    Briselē, divi tūkstoši septiņpadsmitā gada trešajā jūlijā.

    Priimta du tūkstančiai septynioliktų metų liepos trečią dieną Briuselyje.

    Kelt Brüsszelben, a kétezer-tizenhetedik év július havának harmadik napján.

    Magħmul fi Brussell, fit-tielet jum ta‘ Lulju fis-sena elfejn u sbatax.

    Gedaan te Brussel, drie juli tweeduizend zeventien.

    Sporządzono w Brukseli dnia trzeciego lipca roku dwa tysiące siedemnastego.

    Feito em Bruxelas, em três de julho de dois mil e dezassete.

    Întocmit la Bruxelles la trei iulie două mii șaptesprezece.

    V Bruseli tretieho júla dvetisícsedemnásť.

    V Bruslju, dne tretjega julija leta dva tisoč sedemnajst.

    Tehty Brysselissä kolmantena päivänä heinäkuuta vuonna kaksituhattaseitsemäntoista.

    Som skedde i Bryssel den tredje juli år tjugohundrasjutton.

    За Европейския съюз

    Рог la Unión Europea

    Za Evropskou unii

    For Den Europæiske Union

    Für die Europäische Union

    Euroopa Liidu nimel

    Για την Ευρωπαϊκή Ένωση

    For the European Union

    Pour l'Union européenne

    Za Europsku uniju

    Per l'Unione europea

    Eiropas Savienības vārdā –

    Europos Sąjungos vardu

    Az Európai Unió részéről

    Għall-Unjoni Ewropea

    Voor de Europese Unie

    W imieniu Unii Europejskiej

    Pela União Europeia

    Pentru Uniunea Europeană

    Za Európsku úniu

    Za Evropsko unijo

    Euroopan unionin puolesta

    För Europeiska unionen

    Image

    За Нова Зеландия

    Por Nueva Zelanda

    Za Nový Zéland

    For New Zealand

    Für Neuseeland

    Uus-Meremaa nimel

    Για τη Νέα Ζηλανδία

    For New Zealand

    Pour la Nouvelle-Zélande

    Za Novi Zeland

    Per la Nuova Zelanda

    Jaunzēlandes vārdā –

    Naujosios Zelandijos vardu

    Új-Zéland részéről

    Għal New Zealand

    Voor Nieuw-Zeeland

    W imieniu Nowej Zelandii

    Pela Nova Zelândia

    Pentru Noua Zeelandă

    Za Nový Zéland

    Za Novo Zelandijo

    Uuden-Seelannin puolesta

    För Nya Zeeland

    Image


    Top