Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22015D1144

    Deċiżjoni Nru 1/2015 tas-Sottokumitat Doganali tal-UE u r-Repubblika tal-Moldova tal-20 ta' Mejju 2015 li taddotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu [2015/1144]

    ĠU L 185, 14.7.2015, p. 26–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/1144/oj

    14.7.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 185/26


    DEĊIŻJONI Nru 1/2015 TAS-SOTTOKUMITAT DOGANALI TAL-UE U R-REPUBBLIKA TAL-MOLDOVA

    tal-20 ta' Mejju 2015

    li taddotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu [2015/1144]

    IS-SOTTOKUMITAT DOGANALI TAL-UE U R-REPUBBLIKA TAL-MOLDOVA,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (1), (“il-Ftehim”), u b'mod partikolari l-Artikolu 200 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 464 tal-Ftehim, partijiet tal-Ftehim ġew applikati provviżorjament mill-1 ta' Settembru 2014.

    (2)

    Skont l-Artikolu 200 tal-Ftehim, is-Sottokumitat Doganali għandu jimmonitorja l-implimentazzjoni u l-amministrazzjoni tal-Kapitolu 5 (Dwana u Faċilitazzjoni tal-Kummerċ) tat-Titolu V (Kummerċ u Kwistjonijiet relatati mal-Kummerċ) ta' dan il-Ftehim.

    (3)

    Skont l-Artikolu 200(3)(e) tal-Ftehim, is-Sottokumitat Doganali għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu stess,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Ir-Regoli ta' Proċedura tas-Sottokumitat Doganali, kif stabbiliti fl-Anness, huma b'dan adottati.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul f'Chișinău, l-20 ta' Mejju 2015.

    Għas-Sottokumitat Doganali

    Iu. CEBAN

    Segretarji

    V. OPREA

    K. MYNAR


    (1)  ĠU L 260, 30.8.2014, p. 4.


    ANNESS

    Regoli ta' Proċedura tas-Sottokumitat Doganali tal-UE u r-Repubblika tal-Moldova

    Artikolu 1

    Dispożizzjonijiet Ġenerali

    1.   Is-Sottokumitat Doganali, stabbilit skont l-Artikolu 200(1) tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) iwettaq il-funzjonijiet tiegħu kif previst fl-Artikolu 200(2) u (3) tal-Ftehim.

    2.   Is-Sottokumitat Doganali jkun kompost minn rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Repubblika tal-Moldova, responsabbli għal kwistjonijiet doganali u dawk relatati mad-dwana.

    3.   Rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea jew tar-Repubblika tal-Moldova li jkun responsabbli għall-kwistjonijiet doganali u dawk relatati mad-dwana jaġixxi bħala President skont l-Artikolu 2.

    4.   Il-Partijiet f'dawn ir-Regoli ta' Proċedura jiġu definiti kif previst fl-Artikolu 461 tal-Ftehim.

    Artikolu 2

    Presidenza

    Il-Partijiet jeżerċitaw il-presidenza tas-Sottokumitat Doganali, fuq bażi ta' alternanza, għal perjodu ta' 12-il xahar. L-ewwel perjodu jibda fid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni u jintemm fil-31 ta' Diċembru tal-istess sena.

    Artikolu 3

    Laqgħat

    1.   Ħlief fejn l-Partijiet jaqblu mod ieħor, is-Sottokumitat Doganali jiltaqa' darba fis-sena jew fuq it-talba ta' waħda mill-Partijiet.

    2.   Kull laqgħa tas-Sottokumitat Doganali titlaqqa' mill-President tiegħu f'post u f'data li l-Partijiet jaqblu dwarhom. L-avviż li jsejjaħ il-laqgħa jinħareġ mis-Segretarjat tas-Sottokumitat Doganali mhux aktar tard minn 28 jum kalendarju qabel il-bidu tal-laqgħa sakemm il-Partijiet ma jiftehmux mod ieħor.

    3.   Il-laqgħat tas-Sottokumitat Doganali jistgħu jsiru permezz ta' kwalunkwe mezz teknoloġiku maqbul bħalma huma l-konferenzi bil-vidjo jew awdjo.

    4.   Is-Sottokumitat Doganali jista' wkoll jindirizza kwalunkwe kwistjoni mingħajr ma jiltaqa', permezz ta' korrispondenza.

    Artikolu 4

    Delegazzjonijiet

    Qabel kull laqgħa, il-Partijiet jiġu infurmati, mis-Segretarjat tas-Sottokumitat Doganali, bil-kompożizzjoni prevista tad-delegazzjoni ta' kull Parti li tkun ser tattendi l-laqgħa.

    Artikolu 5

    Segretarjat

    1.   Uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea u uffiċjal tar-Repubblika tal-Moldova li jkunu responsabbli għall-affarijiet doganali u kwistjonijiet relatati ma' affarijiet doganali jaġixxu b'mod konġunt bħala Segretarji tas-Sottokumitat Doganali u jwettqu kompiti segretarjali b'mod konġunt, fi spirtu ta' fiduċja reċiproka u kooperazzjoni.

    2.   Is-Segretarjat tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ, kif stabbilit fl-Artikolu 438(4) tal-Ftehim (“Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ”), ikun infurmat bi kwalunkwe deċiżjonijiet, opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet, rapporti u azzjonijiet oħra maqbula tas-Sottokumitat Doganali.

    Artikolu 6

    Korrispondenza

    1.   Korrispondenza indirizzata lis-Sottokumitat Doganali tintbagħat lis-Segretarju ta' waħda mill-Partijiet, li min-naħa tiegħu jgħarraf lis-Segretarju l-ieħor.

    2.   Is-Segretarjat tas-Sottokumitat Doganali jiżgura li l-korrispondenza indirizzata lis-Sottokumitat Doganali tingħata lill-President tas-Sottokumitat Doganali u tiġi ċċirkolata, fejn xieraq, bħala dokumenti msemmija fl-Artikolu 7.

    3.   Korrispondenza mill-President tintbagħat lill-Partijiet mis-Segretarjat f'isem il-President. Din il-korrispondenza tiġi ċċirkolata, fejn xieraq, kif previst fl-Artikolu 7.

    Artikolu 7

    Dokumenti

    1.   Id-dokumenti jiġu ċċirkolati mis-Segretarji tas-Sottokumitat Doganali.

    2.   Parti tittrażmetti d-dokumenti tagħha lis-Segretarju tagħha. Is-Segretarju jittrażmetti dawn id-dokumenti lis-Segretarju tal-Parti l-oħra.

    3.   Is-Segretarju tal-Unjoni jiċċirkola d-dokumenti lir-rappreżentanti rilevanti tal-Unjoni u sistematikament jikkopja lis-Segretarju tar-Repubblika tal-Moldova f'din il-korrispondenza. Is-Segretarju tal-Unjoni jibgħat kopja tad-dokument finali lis-Segretarji tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ.

    4.   Is-Segretarju tar-Repubblika tal-Moldova jiċċirkola d-dokumenti lir-rappreżentanti rilevanti tar-Repubblika tal-Moldova u sistematikament jikkopja lis-Segretarju tal-Unjoni f'din il-korrispondenza. Is-Segretarju tar-Repubblika tal-Moldova jibgħat kopja tad-dokumenti finali lis-Segretarji tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ.

    Artikolu 8

    Kunfidenzjalità

    Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Partijiet, il-laqgħat tas-Sottokumitat Doganali ma jkunux pubbliċi. Meta Parti tissottometti informazzjoni mmarkata bħala kunfidenzjali lis-Sottokumitat Doganali, il-Parti l-oħra tittratta dik l-informazzjoni bħala tali.

    Artikolu 9

    Aġendi għal-laqgħat

    1.   Titfassal aġenda provviżorja għal kull laqgħa mis-Segretarjat tas-Sottokumitat Doganali abbażi tal-proposti li jsiru mill-Partijiet. L-aġenda provviżorja tinkludi punti li s-Segretarju jkun irċieva talba dwarhom mingħand Parti biex jiddaħħlu fl-aġenda, sostnuti minn dokumenti rilevanti, mhux aktar tard minn 21 jum kalendarju qabel id-data tal-laqgħa.

    2.   L-aġenda provviżorja, flimkien mad-dokumenti rilevanti, jiġu ċċirkolati kif previst fl-Artikolu 7 mhux aktar tard minn 15-il jum kalendarju qabel il-bidu tal-laqgħa.

    3.   L-aġenda tiġi adottata mis-Sottokumitat Doganali fil-bidu ta' kull laqgħa. Kull punt minbarra dawk li jidhru fl-aġenda provviżorja jista' jitqiegħed fuq l-aġenda jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk.

    4.   Il-President tas-Sottokumitat Doganali jista', bil-qbil tal-Parti l-oħra, jistieden rappreżentanti ta' korpi oħra tal-Partijiet jew esperti indipendenti f'qasam fuq bażi ad hoc biex jattendu l-laqgħat tiegħu biex jipprovdu informazzjoni fuq suġġetti speċifiċi. Il-Partijiet jiżguraw li dawk l-osservaturi jew esperti jirrispettaw kull rekwiżit ta' kunfidenzjalità.

    5.   Il-President tas-Sottokumitat Doganali jista' jqassar il-limiti ta' żmien speċifikati fil-paragrafi 1 u 2, b'konsultazzjoni mal-Partijiet, biex jittieħed kont ta' ċirkostanzi speċjali.

    Artikolu 10

    Minuti u konklużjonijiet operattivi

    1.   Abbozzi ta' minuti, inklużi konklużjonijiet operattivi, ta' kull laqgħa jitfasslu mis-Segretarju tas-Sottokumitat Doganali tal-Parti li jkollha l-presidenza tas-Sottokumitat Doganali.

    2.   L-abbozzi tal-minuti, inklużi l-konklużjonijiet operattivi, jiġu ppreżentati lis-Sottokumitat Doganali għall-approvazzjoni. L-abbozzi tal-minuti jiġu approvati fi żmien 28 jum kalendarju wara kull laqgħa tas-Sottokumitat Doganali. Kopja tintbagħat lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 7.

    Artikolu 11

    Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.   Is-Sottokumitat Doganali jkollu s-setgħa jadotta arranġamenti, miżuri u deċiżjonijiet prattiċi u rakkomandazzjonijiet kif previst fl-Artikolu 200 tal-Ftehim. Dawk l-arranġamenti, miżuri u deċiżjonijiet prattiċi u rakkomandazzjonijiet jiġu adottati b'kunsens bejn il-Partijiet wara t-tlestija tal-proċeduri interni rispettivi għall-adozzjoni tagħhom. Id-deċiżjonijiet huma vinkolanti għall-Partijiet, li jieħdu l-miżuri xierqa biex jimplimentawhom.

    2.   Kull deċiżjoni jew rakkomandazzjoni tiġi ffirmata mill-President tas-Sottokumitat Doganali u awtentikata mis-Segretarji tas-Sottokumitat Doganali. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, il-President jiffirma dawk id-dokumenti matul il-laqgħa li fiha tiġi adottata d-deċiżjoni jew rakkomandazzjoni rilevanti.

    3.   Is-Sottokumitat Doganali jista' jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub, wara t-tlestija tal-proċeduri interni rispettivi għall-adozzjoni tagħhom, jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk. Il-proċedura bil-miktub tikkonsisti minn skambju ta' noti bejn iż-żewġ Segretarji, li jaġixxu bi qbil mal-Partijiet. Għal dak il-għan, it-test tal-proposta jiġi ċċirkolat skont l-Artikolu 7, b'limitu ta' żmien ta' mhux anqas minn 21 jum kalendarju li fih kull riżerva jew emenda tiġi mgħarrfa. Il-President jista' jqassar dak il-limitu ta' żmien, b'konsultazzjoni mal-Partijiet, biex jittieħed kont ta' ċirkostanzi speċjali. Ladarba jkun hemm qbil dwar it-test, id-deċiżjoni jew ir-rakkomandazzjoni tiġi ffirmata mill-President u awtentikati mis-Segretarji.

    4.   L-atti tas-Sottokumitat Doganali jiġu intitolati “Deċiżjoni” jew “Rakkomandazzjoni” rispettivament. Kull Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha sakemm id-Deċiżjoni ma tipprovdix mod ieħor.

    5.   Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet jiġu ċċirkolati lill-Partijiet.

    6.   Kull Parti tista' tiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tas-Sottokumitat Doganali fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.

    Artikolu 12

    Rapporti

    Is-Sottokumitat Doganali jirrapporta lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ f'kull laqgħa annwali regolari tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ.

    Artikolu 13

    Lingwi

    1.   Il-lingwi ta' ħidma tas-Sottokumitat Doganali jkunu l-Ingliż u r-Rumen.

    2.   Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, is-Sottokumitat Doganali jibbaża d-deliberazzjonijiet tiegħu fuq dokumentazzjoni ppreparata f'dawk il-lingwi.

    Artikolu 14

    Spejjeż

    1.   Kull Parti tieħu ħsieb l-ispejjeż li ġġarrab bħala riżultat tal-parteċipazzjoni fil-laqgħat tas-Sottokumitat Doganali, kemm fir-rigward tal-impjegati, l-ivvjaġġar u n-nefqa tal-għajxien u fir-rigward tan-nefqa tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet.

    2.   In-nefqa marbuta mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u mar-riproduzzjoni tad-dokumenti titħallas mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.

    3.   Spejjeż li għandhom x'jaqsmu ma' servizzi ta' interpretazzjoni fil-laqgħat, u t-traduzzjoni ta' dokumenti għal jew mill-Ingliż u r-Rumen kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) jitħallsu mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.

    Interpretazzjoni u traduzzjoni għal jew minn lingwi oħra jitħallsu direttament mill-Parti li tagħmel it-talba.

    Artikolu 15

    Emenda tar-Regoli ta' Proċedura

    Dawn ir-Regoli ta' Proċedura jistgħu jiġu emendati b'deċiżjoni tas-Sottokumitat Doganali skont l-Artikolu 200(3)(e) tal-Ftehim


    Top