Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22015D1046

    Deċiżjoni Nru 2/2014 tal-Kumitat tal-Kummerċ bejn l-UE, il-Kolombja u l-Perù tas-16 ta' Mejju 2014 Adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura u l-Kodiċi ta' Kondotta għall-arbitri msemmija fil-punt (h) tal-Artikolu 13(1) u fl-Artikolu 315 tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra [2015/1046]

    ĠU L 167, 1.7.2015, p. 75–84 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 17/08/2021

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/1046/oj

    1.7.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 167/75


    DEĊIŻJONI Nru 2/2014 TAL-KUMITAT TAL-KUMMERĊ BEJN L-UE, IL-KOLOMBJA U L-PERÙ

    tas-16 ta' Mejju 2014

    Adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura u l-Kodiċi ta' Kondotta għall-arbitri msemmija fil-punt (h) tal-Artikolu 13(1) u fl-Artikolu 315 tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra [2015/1046]

    IL-KUMITAT TAL-KUMMERĊ,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), iffirmat fi Brussell fis-26 ta' Ġunju 2012, u b'mod partikolari fil-punt (h) tal-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 315 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-Kumitat tal-Kummerċ għandu jadotta fl-ewwel laqgħa tiegħu r-Regoli ta' Proċedura u l-Kodiċi ta' Kondotta għall-arbitri.

    (2)

    Il-Kumitat tal-Kummerċ għandu l-awtorità esklussiva li jevalwa u jadotta deċiżjonijiet kif previst fil-Ftehim dwar kwalunkwe suġġett li jiġi riferut lilu mill-korpi speċjalizzati stabbiliti skont fil-Ftehim,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    1.

    Ir-Regoli ta' Proċedura u l-Kodiċi ta' Kondotta għall-arbitri huma stabbiliti kif stipulat fl-Anness.

    2.

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fis-7 ta' Ottubru 2014.

    Magħmul f'Lima, is-16 ta' Mejju 2014.

    Għall-Kumitat tal-Kummerċ

    Il-Ministru tal-Kummerċ, l-Industrija u t-Turiżmu tal-Kolombja

    Cecilia ÁLVAREZ-CORREA

    Il-Kummissarju għall-Kummerċ tal-Kummissjoni Ewropea

    Karel DE GUCHT

    Il-Ministru għall-Kummerċ Barrani u t-Turiżmu tal-Perù

    Blanca Magali SILVA VELARDE-ÁLVAREZ


    ANNESS

    REGOLI TA' PROĊEDURA

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    1.

    Skont it-Titolu XII (Soluzzjoni tat-Tilwim) u skont dawn ir-regoli:

    (a)

    “il-Ftehim” tfisser il-Ftehim Kummerċjali bejn il-Perù u l-Kolombja, min-naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat fi Brussell fis-26 ta' Ġunju 2012;

    (b)

    “konsulent” tfisser persuna miżmuma minn parti litiganti biex tagħti pariri jew tgħin lil dik il-parti b'rabta mal-proċedimenti quddiem bord ta' arbitraġġ;

    (c)

    “arbitru” tfisser membru ta' bord ta' arbitraġġ stabbilit b'mod effettiv skont l-Artikolu 303 (Stabbiliment ta' Bord ta' Arbitraġġ) tal-Ftehim;

    (d)

    “assistent” tfisser persuna li, skont it-termini tal-ħatra minn arbitru, tmexxi, tirriċerka jew tipprovdi assistenza lil dak l-arbitru;

    (e)

    “Parti lmentatriċi” tfisser kwalunkwe Parti li titlob it-twaqqif ta' bord ta' arbitraġġ skont l-Artikolu 302 (Bidu tal-Proċedimenti Arbitrarji) tal-Ftehim;

    (f)

    “Parti li jsir l-ilment kontriha” tfisser il-Parti li qiegħda allegatament tikser id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 299 (Ambitu tal-Applikazzjoni) tal-Ftehim;

    (g)

    “bord ta' arbitraġġ” tfisser bord stabbilit skont l-Artikolu 303 (Stabbiliment ta' Bord ta' Arbitraġġ) tal-Ftehim;

    (h)

    “rappreżentant ta' Parti” tfisser impjegat jew kwalunkwe persuna maħtura minn dipartiment jew aġenzija tal-gvern jew kwalunkwe entità pubblika oħra ta' parti għat-tilwima;

    (i)

    “jum” tfisser jum kalendarju;

    (j)

    “parti terza” tfisser Parti li mhijiex parti litiganti, iżda li tipparteċipa fil-konsultazzjonijiet u/jew proċedimenti ta' arbitraġġ, skont il-każ, skont l-Artikoli 301 (Konsultazzjonijiet), paragrafu 10, u/jew 302 (Bidu ta' Proċedimenti ta' Arbitraġġ), paragrafu 4 tat-Titolu XII (Soluzzjoni tat-Tilwim) tal-Ftehim.

    2.

    Il-Parti li jsir l-ilment kontriha għandha tkun inkarigata mill-amministrazzjoni loġistika tal-proċedimenti għas-soluzzjoni tat-tilwim, b'mod partikolari l-organizzazzjoni tas-smigħ tal-kawża, sakemm ma jkunx maqbul mod ieħor. Madankollu, iż-żewġ partijiet litiganti jaqsmu l-ispejjeż li jirriżultaw mill-organizzazzjoni tal-proċeduri ta' arbitraġġ, inklużi l-ispejjeż tal-arbitri. Il-bord ta' arbitraġġ jista', madankollu, jiddeċiedi li dawn l-ispejjeż amministrattivi, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż tal-arbitri, jitqassmu b'mod differenti filwaqt li jitqiesu l-partikolaritajiet tal-każ u ċirkostanzi oħrajn li jistgħu jitqiesu rilevanti.

    NOTIFIKI

    3.

    Il-partijiet litiganti u l-bord ta' arbitraġġ għandhom jibagħtu kull talba, avviż, sottomissjoni bil-miktub jew kull dokument ieħor b'irċevuta mal-kunsinna, posta rreġistrata, courier, faks, telex, telegramma jew kwalunkwe mezz ieħor ta' telekomunikazzjoni li jipprovdi evidenza li dawn ikunu ntbagħtu.

    4.

    Kull parti litiganti tipprovdi lill-parti litiganti l-oħra, kwalunkwe parti terza litiganti u kull wieħed mill-arbitri b'kopja ta' kull sottomissjoni bil-miktub. Tiġi pprovduta wkoll kopja tad-dokument f'format elettroniku.

    5.

    In-notifiki kollha għandhom ikunu indirizzati lill-Koordinaturi tal-Ftehim.

    6.

    Żbalji żgħar ta' natura klerikali li jsiru fi kwalunkwe talba, notifika, sottomissjoni bil-miktub jew dokument ieħor relatat mal-proċedimenti tal-bord ta' arbitraġġ jistgħu jittranġaw permezz tal-kunsinna ta' dokument ġdid li jindika l-bidliet b'mod ċar.

    7.

    Jekk l-aħħar jum għall-konsenja ta' dokument taqa' nhar ta' btala legali tal-Kolombja, il-Perù jew tal-UE, id-dokument jista' jiġi konsenjat fil-jum ta' xogħol li jkun imiss.

    BIDU TAL-PROĊEDURI TA' ARBITRAĠĠ

    8.

    Meta jiġi asserit li miżura tikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjoni tal-Ftehim, skont l-Artikolu 302(2) (Bidu ta' Proċedimenti ta' Arbitraġġ), il-parti lmentatriċi tispjega kif dik il-miżura tikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim b'mod li tippreżenta b'mod ċar il-bażi legali għall-ilment sabiex tippermetti lil min iwieġeb biex jippreżenta d-difiża tiegħu.

    PARTIJIET TERZI

    9.

    Skont l-Artikolu 302(4) (Bidu ta' Proċedimenti ta' Arbitraġġ) tal-Ftehim, kwalunkwe parti terza tista' tippreżenta sottomissjoni bil-miktub lill-bord ta' arbitraġġ, b'kopja lill-partijiet litiganti u kwalunkwe parti terza.

    10.

    Kwalunkwe parti terza tista' wkoll tipparteċipa fis-smigħ tal-bord ta' arbitraġġ u tkun mistiedna bil-miktub mill-bord ta' arbitraġġ biex tippreżenta l-opinjonijiet tagħha matul seduta bħal din.

    LISTA TAL-ARBITRI

    11.

    Meta Parti tinnomina kandidati għal-lista tal-arbitri skont l-Artikolu 304 (Lista ta' Arbitri) tal-Ftehim, il-Partijiet l-oħra jistgħu joġġezzjonaw biss għal dawn in-nomini jekk tali nnominati ma jikkonformawx mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 304(3) (Lista ta' Arbitri) tal-Ftehim u tal-Kodiċi ta' Kondotta għall-membri ta' bord tal-arbitraġġ.

    12.

    Meta kwalunkwe kandidat innominat minn Parti ma jibqax parti mil-lista, tali Parti tinnomina kandidat ġdid. Fil-każ ta' kandidati għal president tal-bord ta' arbitraġġ, il-Partijiet jaqblu fuq sostitut.

    STABBILIMENT TA' BORD TA' ARBITRAĠĠ

    13.

    Jekk skont l-Artikolu 303 (Stabbiliment ta' Bord ta' Arbitraġġ) tal-Ftehim kwalunkwe membru tal-bord ta' arbitraġġ huwa magħżul bil-polza, rappreżentanti taż-żewġ partijiet litiganti għandhom ikunu mistiedna minn qabel biex ikunu preżenti meta tittella' l-polza. Fi kwalunkwe każ, il-polza għandha tittella' minn kwalunkwe parti litiganti preżenti dak il-ħin, u fi żmien ħamest ijiem wara t-talba għas-selezzjoni tal-arbitru mill-President tal-Kumitat tal-Kummerċ.

    14.

    Il-partijiet litiganti għandhom jinnotifikaw lill-arbitri dwar il-ħatra tagħhom.

    15.

    Arbitru li jkun ġie appuntat skont il-proċedura stabbilita skont l-Artikolu 303 (Stabbiliment ta' Bord ta' Arbitraġġ) tal-Ftehim għandu jinnotifika l-aċċettazzjoni tiegħu/tagħha lill-Kumitat tal-Kummerċ fi żmien ħamest ijiem mid-data tan-notifika tal-ħatra tiegħu/tagħha.

    16.

    Sakemm il-partijiet litiganti ma jaqblux mod ieħor, dawn il-partijiet għandhom jiltaqgħu mal-bord ta' arbitraġġ fi żmien sebat ijiem mit-twaqqif tiegħu sabiex jiddeterminaw dawk il-kwistjonijiet li l-partijiet litiganti jew il-bord ta' arbitraġġ jidhrilhom li jkunu xierqa. Fil-każ li l-Kumitat tal-Kummerċ ma jkunx stabbilixxa r-remunerazzjoni u l-ispejjeż li jridu jitħallsu lill-arbitri, tali remunerazzjoni u spejjeż għandhom jiġu ddeterminati b'konformità mal-prattika tad-WTO.

    17.

    (a)

    Sakemm il-partijiet litiganti ma jaqblux mod ieħor, fi żmien ħamest ijiem mid-data tal-għażla tal-arbitri, it-termini tar-referenza tal-bord ta' arbitraġġ għandhom ikunu:

    “li jeżamina, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim invokati mill-partijiet litiganti, il-kwistjoni msemmija fit-talba għat-twaqqif tal-bord ta' arbitraġġ, biex jiddeċiedi dwar il-kompatibilità tal-miżura inkwistjoni mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 299 (Ambitu tal-Applikazzjoni) u biex jiddeċiedi skont l-Artikolu 307 (Deċiżjoni tal-Bord ta' Arbitraġġ) tal-Ftehim.”.

    (b)

    Il-partijiet litiganti jridu jinnotifikaw it-termini tar-referenza maqbula lill-bord ta' arbitraġġ fi żmien jumejn wara li jintlaħaq ftehim.

    SOTTOMISSJONIJIET TAL-BIDU

    18.

    Il-Parti lmentatriċi għandha tagħti s-sottomissjoni tal-bidu tagħha bil-miktub sa mhux aktar tard minn għoxrin jum wara d-data tat-twaqqif tal-bord ta' arbitraġġ. Il-Parti li jsir l-ilment kontriha għandha tagħti l-kontrosottomissjoni tagħha bil-mitkub sa mhux aktar tard minn għoxrin jum wara d-data tal-konsenja tas-sottomissjoni bil-miktub oriġinali.

    OPERAT TAL-BORDIJIET TA' ARBITRAĠĠ

    19.

    Il-president tal-bord ta' arbitraġġ għandu jippresjedi fil-laqgħat kollha tiegħu. Bord ta' arbitraġġ jista' jiddelega l-awtorità lill-president biex jieħu deċiżjonijiet amministrattivi rigward il-proċedimenti.

    20.

    Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor fil-Ftehim jew f'dawn ir-Regoli ta' Proċedura, il-bord ta' arbitraġġ jista' jwettaq l-attivitajiet tiegħu bi kwalunkwe mezz, inkluż bit-telefown, trażmissjonijiet bil-faks jew kollegamenti bil-kompjuter.

    21.

    L-arbitri biss jistgħu jieħdu sehem fid-deliberazzjonijiet tal-bord ta' arbitraġġ, iżda l-bord ta' arbitraġġ jista' jawtorizza lill-assistenti tiegħu biex ikunu preżenti waqt id-deliberazzjonijiet tiegħu.

    22.

    L-abbozzar ta' kwalunkwe deċiżjoni tal-bord ta' arbitraġġ għandha tibqa' r-responsabbiltà esklussiva tal-bord ta' arbitraġġ u ma tistax tiġi delegata.

    23.

    Meta tinqala' kwistjoni proċedurali li ma tkunx koperta mid-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim u l-Annessi tiegħu, bord ta' arbitraġġ jista' jadotta proċedura xierqa li hija kompatibbli ma' dawk id-dispożizzjonijiet.

    24.

    Meta l-bord ta' arbitraġġ iqis li hemm il-ħtieġa li jimmodifika kwalunkwe limitu taż-żmien applikabbli fil-proċedimenti jew li jagħmel kwalunkwe aġġustament proċedurali jew amministrattiv ieħor, huwa għandu jinforma bil-miktub lill-partijiet litiganti bir-raġunijiet tal-bidla jew l-aġġustament, billi jindika l-perjodu jew aġġustament meħtieġ. Il-limiti taż-żmien stipulati fl-Artikolu 307(2) (Deċiżjoni tal-Bord ta' Arbitraġġ) ma għandhomx jiġu mmodifikati.

    OĠĠEZZJONI,TNEĦĦIJA U SOSTITUZZJONI

    25.

    Talba minn parti litiganti għall-iskwalifika jew it-tneħħija ta' arbitru kif previst fl-Artikolu 305(1) (Oġġezzjoni, Tneħħija u Sostituzzjoni) tal-Ftehim, għandha issir bil-miktub u tinkludi l-bażi kif ukoll l-evidenza li ssostni l-ksur materjali mill-arbitru tal-Kodiċi ta' Kondotta. Dik it-talba għandha tintbagħat lill-parti litiganti l-oħra, b'kopja lill-Kumitat tal-Kummerċ fi żmien għaxart ijiem mid-data li fiha l-Parti tikseb evidenza taċ-ċirkustanzi li wasslu għat-talba għall-iskwalifika tal-arbitru.

    26.

    Il-partijiet litiganti jikkonsultaw lil xulxin fi żmien ħamest ijiem mill-wasla tat-talba. F'każ ta' ftehim, arbitru ġdid għandu jintgħażel skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 303 (Stabbiliment ta' Bord ta' Arbitraġġ) tal-Ftehim.

    27.

    Fin-nuqqas ta' ftehim bejn il-partijiet litiganti dwar il-ħtieġa li jitneħħa arbitru, kwalunkwe minn dawk il-partijiet tista' titlob li din il-kwistjoni tiġi deċiża mill-president tal-bord ta' arbitraġġ, li d-deċiżjoni tiegħu tkun waħda finali.

    28.

    Jekk il-president tal-bord ta' arbitraġġ jew id-delegat tiegħu/tagħha jsib li xi arbitru ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi ta' Kondotta, huwa għandu jagħżel arbitru ġdid bil-polza. Jekk l-arbitru oriġinali kien magħżul mill-partijiet litiganti skont l-Artikolu 303(2) (Stabbiliment tal-bord ta' arbitraġġ) tal-Ftehim is-sostitut għandu jittella' bil-polza minn fost il-membri tal-lista msemmija fl-Artikolu 304 (Lista ta' Arbitri) tal-Ftehim, li ġew proposti mill-Parti li għażlet l-arbitru oriġinali. Jekk, għall-kuntrarju, l-arbitru oriġinali kien magħżul mill-partijiet litiganti skont l-Artikolu 303(5) (Stabbiliment tal-bord ta' Arbitraġġ) tal-Ftehim, it-tlugħ bil-polza għandu jsir minn fost il-membri kollha msemmija fil-lista. L-għażla ssir skont ir-Regola 12, mutatis mutandis, u fi żmien ħamest ijiem wara d-data tat-talba lill-president tal-bord ta' arbitraġġ.

    29.

    Jekk il-partijiet litiganti jonqsu milli jaqblu dwar il-ħtieġa li jinbidel il-president tal-bord ta' arbitraġġ, kwalunkwe waħda minn dawk il-partijiet tista' titlob li tali kwistjoni tkun irriferuta lil wieħed mill-membri li jkun fadal mil-lista ta' individwi magħżula sabiex jaġixxu bħala presidenti skont l-Artikolu 304(1) (Lista ta' Arbitri) tal-Ftehim. Ismu jew isimha għandu jittella' bil-polza mill-president tal-Kumitat tal-Kummerċ jew mid-delegat tal-president. Din l-għażla ssir skont ir-regola 12 u fi żmien ħamest ijiem wara d-data tat-talba lill-president tal-Kumitat tal-Kummerċ. Id-deċiżjoni minn din il-persuna dwar il-ħtieġa li jinbidel il-president tkun finali.

    30.

    Jekk din il-persuna tiddeċiedi li l-president oriġinali ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi ta' Kondotta, hija jew huwa għandu jagħżel/tagħżel president ġdid bil-polza minn fost il-bqija tal-ġabra ta' individwi msemmija fl-Artikolu 304 (Lista ta' arbitri) tal-Ftehim li jistgħu jaġixxu ta' presidenti. Din l-għażla tal-president il-ġdid għandha ssir skont ir-Regola 12, mutatis mutandis u fi żmien ħamest ijiem mid-data meta l-persuna maħtura tkun ħadet deċiżjoni dwar l-iskwalifika.

    31.

    Il-proċedimenti tal-bord ta' arbitraġġ u l-limiti taż-żmien applikabbli għandhom jiġu sospiżi filwaqt li talba għal skwalifika ta' arbitru, u t-tneħħija u s-sostituzzjoni tiegħu/tagħha jkunu qed jiġu deċiżi, skont il-każ.

    SEDUTI TA' SMIGĦ

    32.

    Il-president għandu jiffissa d-data u l-ħin tas-seduta tas-smigħ, b'konsultazzjoni mal-partijiet litiganti u l-membri l-oħra tal-bord ta' arbitraġġ, u għandu jinforma lill-Partijiet bil-miktub kif xieraq. Il-Parti inkarigata mill-amministrazzjoni loġistika tal-proċedimenti għandha tagħmel din l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku sakemm is-smigħ ma jkunx miftuħ għall-pubbliku.

    33.

    Sakemm il-partijiet litiganti ma jaqblux mod ieħor, is-smigħ għandu jsir fi Brussell jekk il-parti lmentatriċi tkun il-Kolombja jew il-Perù u f'Bogotà jew f'Lima, skont il-każ, jekk il-parti lmentatriċi tkun l-UE.

    34.

    Il-bord ta' arbitraġġ jista' jlaqqa' aktar minn seduta tas-smigħ waħda jekk il-Partijiet jaqblu dwar dan.

    35.

    L-arbitri kollha għandhom ikunu preżenti matul is-smigħ kollu ta' kwalunkwe seduta.

    36.

    Il-persuni li ġejjin jistgħu jattendu għas-smigħ, irrispettivament minn jekk is-smigħ huwiex magħluq għall-pubbliku jew le:

    (a)

    rappreżentanti tal-partijiet litiganti u kwalunkwe parti terza;

    (b)

    konsulenti għall-partijiet litiganti u kwalunkwe parti terza;

    (c)

    persunal amministrattiv, interpreti, tradutturi u korrispondenti tal-qrati u assistenti tal-arbitri.

    37.

    Ir-rappreżentanti u l-konsulenti tal-partijiet litiganti u kwalunkwe parti terza biss jistgħu jindirizzaw lill-bord ta' arbitraġġ.

    38.

    Mhux aktar tard minn ħamest ijiem qabel id-data ta' seduta, kull parti litiganti għandha tagħti lill-bord ta' arbitraġġ lista tal-ismijiet tal-persuni li jkunu se jitkellmu jew jagħmlu preżentazzjonijiet fis-seduta f'isem dik il-parti u ta' rappreżentanti jew konsulenti oħra li jkunu se jattendu s-seduta.

    39.

    Suġġetti għar-Regoli 46, 47, 48 u 49, is-seduti tas-smigħ tal-bordijiet ta' arbitraġġ għandhom ikunu miftuħin għall-pubbliku, sakemm il-partijiet litiganti ma jiddeċidux li s-seduti tas-smigħ għandhom ikunu parzjalment jew kompletament magħluqin għall-pubbliku.

    40.

    Il-bord ta' arbitraġġ għandu jmexxi s-smigħ b'dan il-mod li ġej, filwaqt li jiżgura li l-Parti lmentatriċi u l-Parti li qed isir l-ilment kontriha jingħataw l-istess ħin:

     

    L-Argument

    (a)

    l-argument tal-Parti lmentatriċi;

    (b)

    l-argument tal-Parti li qed isir l-ilment kontriha.

     

    Il-Kontroargument

    (a)

    l-argument tal-Parti lmentatriċi;

    (b)

    il-kontroargument tal-Parti li qed isir l-ilment kontriha.

    41.

    Il-bord ta' arbitraġġ jista' jindirizza mistoqsijiet liż-żewġ Partijiet litiganti fi kwalunkwe ħin matul is-seduta.

    42.

    Il-bord ta' arbitraġġ għandu jagħmel arranġamenti għal traskrizzjoni ta' kull seduta biex tiġi ppreparata u konsenjata lill-partijiet litiganti mill-aktar fis possibbli.

    43.

    Kull parti litiganti tista' tibgħat sottomissjoni supplimentari bil-miktub li tikkonċerna kwalunkwe kwistjoni li setgħet qamet matul is-seduta fi żmien 10 ijiem mid-data tas-seduta.

    MISTOQSIJIET BIL-MIKTUB

    44.

    Il-bord ta' arbitraġġ jista' fi kwalunkwe ħin matul il-proċedimenti jindirizza mistoqsijiet bil-miktub lil waħda mill-partijiet litiganti jew lit-tnejn li huma u lil kull parti terza. Il-partijiet litiganti u kull parti terza għandha tirċievi kopja tal-mistoqsijiet kollha magħmula mill-bord ta' arbitraġġ. Meta ma jkunx possibbli li titwieġeb mistoqsija f'seduta, il-Bordijiet ta' Arbitraġġ għandhom jipprovdu lill-partijiet litiganti biż-żmien xieraq biex jitwieġbu dawn il-mistoqsijiet.

    45.

    Kull parti litiganti jew kull parti terza għandha tipprovdi wkoll kopja tat-tweġibiet tagħha bil-miktub għall-mistoqsijiet tal-bord ta' arbitraġġ lill-parti litiganti l-oħra u kull parti terza. Il-partijiet litiganti għandhom jingħataw l-opportunità li jipprovdu kummenti bil-miktub dwar it-tweġibiet tal-parti litiganti l-oħra u għat-tweġibiet ta' kull parti terza fi żmien ħamest ijiem mill-konsenja tagħhom.

    KUNFIDENZJALITÀ

    46.

    Kull parti litiganti, kull parti terza u l-konsulenti tagħhom għandhom jittrattaw bħala kunfidenzjali t-tagħrif imressaq mill-parti litiganti l-oħra lill-bord ta' arbitraġġ li dik il-parti tkun indikat bħala kunfidenzjali.

    47.

    Meta parti litiganti tressaq verżjoni kunfidenzjali tas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha lill-bord ta' arbitraġġ, hija fuq talba tal-parti litiganti l-oħra, għandha tipprovdi wkoll taqsira mhux kunfidenzjali tal-informazzjoni li tinsab fis-sottomissjonijiet tagħha sa mhux aktar tard minn 15-il jum wara d-data tat-talba jew tas-sottomissjoni tal-verżjoni kunfidenzjali, skont liema minnhom tiġi l-aħħar.

    48.

    Sottomissjonijiet bil-miktub magħmula lill-bord ta' arbitraġġ għandhom jitqiesu kunfidenzjali iżda għandhom ikunu pprovduti lill-partijiet litiganti u kull parti terza. Xejn f'dawn ir-Regoli ta' Proċedura ma jipprekludi lil parti litiganti milli tiżvela stqarrijiet dwar il-pożizzjonijiet tagħha nfisha lill-pubbliku sakemm dawn ma jinkludux tagħrif kunfidenzjali.

    49.

    Il-bord ta' arbitraġġ għandu jiltaqa' f'seduta magħluqa meta s-sottomissjoni u l-argumenti ta' kwalunkwe parti litiganti jkun fihom tagħrif kunfidenzjali.

    50.

    Il-partijiet litiganti u l-konsulenti tagħhom għandhom iżommu l-kunfidenzjalità tas-seduti tal-bord ta' arbitraġġ meta s-seduti jsiru f'sessjonijiet magħluqa, b'konformità mar-Regola 39.

    KUNTATTI EX PARTE

    51.

    Il-bord ta' arbitraġġ ma għandux jiltaqa' ma' parti litiganti u lanqas ma jikkuntattjaha fin-nuqqas tal-parti litiganti l-oħra.

    52.

    L-ebda membru tal-bord ta' arbitraġġ ma jista' jiddiskuti kwalunkwe aspett tas-suġġett tal-proċedimenti ma' parti waħda jew maż-żewġ partijiet litiganti fin-nuqqas tal-arbitri l-oħra.

    SOTTOMISSJONIJIET AMICUS CURIAE

    53.

    Kwalunkwe persuna nongovernattiva interessata stabbilita fit-territorju ta' parti litiganti u li mhijiex parti mill-gvern ta' kwalunkwe waħda mill-partijiet litiganti, tista' tagħmel talba bil-miktub lill-bord ta' arbitraġġ, b'kopja lill-partijiet litiganti, biex tkun awtorizzata li tressaq dokument amicus curiae fi żmien 10 ijiem mid-data tal-istabbiliment tal-bord ta' arbitraġġ. Din it-talba għandha:

    (a)

    tinkludi deskrizzjoni tal-persuna li tkun qiegħda tagħmel is-sottomissjoni, inkluż il-post ta' stabbiliment u informazzjoni ta' kuntatt oħra, in-natura tal-attivitajiet tagħha u, fil-każ ta' persuna ġuridika, informazzjoni fuq il-membri tagħha, l-istatus ġuridiku tagħha u l-għanijiet ġenerali tagħha;

    (b)

    tidentifika l-kwistjonijiet fattwali u ġuridiċi speċifiċi li se jkunu indirizzati fis-sottomissjoni;

    (c)

    tispeċifika n-natura tal-interess u r-rilevanza tagħha għall-proċedimenti u kif is-sottomissjoni tgħin lill-bord ta' arbitraġġ fid-determinazzjoni ta' kwistjoni fattwali jew ġuridika relatati mat-tilwima;

    (d)

    tiżvela kwalunkwe relazzjoni diretta jew indiretta li l-persuna li qiegħda tagħmel is-sottomissjoni għandha jew kellha ma' parti litiganti, kif ukoll is-sors tagħha ta' finanzjament;

    (e)

    tiddikjara jekk irċevietx jew hix ser tirċievi kull tip ta' appoġġ finanzjarju jew tip ieħor ta' appoġġ minn Parti litiganti, persuna jew organizzazzjoni oħra, fil-preparazzjoni tat-talba għall-awtorizzazzjoni biex jiġi ppreżentat id-dokument jew it-tħejjija tad-dokument innifsu.

    (f)

    ma tkunx itwal minn ħames paġni ttajpjati bi spazju doppju; u

    (g)

    tkun miktuba fil-lingwi tal-proċedura.

    54.

    Il-bord ta' arbitraġġ jistabbilixxi data xierqa sa meta l-partijiet litiganti jistgħu jikkummentaw dwar l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni.

    55.

    Il-bord ta' arbitraġġ għandu jirrieżamina u jieħu f'kunsiderazzjoni l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni, il-veraċità tal-informazzjoni pprovduta fih u kull kumment magħmul mill-partijiet litiganti u għandu jieħu deċiżjoni mingħajr dewmien dwar l-għoti ta' awtorizzazzjoni għal sottomissjoni bil-miktub minn persuna interessata nongovernattiva. Awtorizzazzjoni minn bord ta' arbitraġġ biex titressaq sottomissjoni bil-miktub ma timplikax li l-bord ta' arbitraġġ jeżamina fid-deċiżjoni tiegħu l-argumenti ġuridiċi ppreżentati fis-sottomissjoni.

    56.

    Sottomissjonijiet amicus curiae għandhom jintbagħtu lill-bord ta' arbitraġġ, b'kopja lill-partijiet litiganti, fi żmien ħamest ijiem wara d-data tal-awtorizzazzjoni mill-bord ta' arbitraġġ biex issir tali sottomissjoni. Is-sottomissjoni għandha:

    (a)

    tkun datata u ffirmata mill-persuna li tkun qed tagħmel is-sottomissjoni jew mir-rappreżentant tiegħu/tagħha;

    (b)

    tkun konċiża u fl-ebda każ mhux itwal minn 15-il paġna ttajpjati bi spazju doppju, inklużi kwalunkwe annessi;

    (c)

    ma tintroduċix kwistjonijiet ġodda fir-rigward tat-tilwima, u tkopri biss dawk il-kwistjonijiet rilevanti għall-kwistjonijiet ta' fatt u ta' liġi suġġetti għall-konsiderazzjoni tal-bord ta' arbitraġġ u identifikati mit-talba għall-awtorizzazzjoni biex issir sottomissjoni, billi tispjega kif is-sottomissjoni tgħin il-bord ta' arbitraġġ fid-determinazzjoni ta' dawk il-kwistjonijiet;

    (d)

    tkun ippreżentata fil-lingwi tal-proċedura.

    57.

    Il-bord ta' arbitraġġ jiżgura li l-partijiet litiganti jkollhom l-opportunità li jwieġbu bil-miktub kwalunkwe sottomissjoni amicus curiae qabel id-data tas-seduta.

    58.

    Il-bord ta' arbitraġġ għandu jinkludi fid-deċiżjoni tiegħu lista tas-sottomissjonijiet amicus curiae kollha li jkun irċieva. Il-bord ta' arbitraġġ ma għandux ikun obbligat jindirizza fid-deċiżjoni tiegħu l-argumenti li jkunu saru f'dawn is-sottomissjonijiet.

    59.

    Filwaqt li jqis it-talbiet għall-awtorizzazzjoni biex issir sottomissjoni jew sottomissjonijiet amicus curiae innifishom, il-bord ta' arbitraġġ għandu jevita li jinterrompi l-proċedimenti u għandu jiżgura l-ugwaljanza tal-partijiet litiganti.

    INFORMAZZJONI U PARIR TEKNIKU

    60.

    Il-bord ta' arbitraġġ għandu jinnotifika lill-partijiet litiganti bl-intenzjoni tiegħu li jfittex informazzjoni jew parir tekniku minn esperti kif stipulat fl-Artikolu 316(1) (Informazzjoni u Pariri Tekniċi) tal-Ftehim.

    61.

    Il-bord ta' arbitraġġ għandu jipprovdi lill-partijiet litiganti b'kopja tal-informazzjoni jew parir tekniku rċevut u għandu jagħti żmien raġonevoli għall-partijiet litiganti biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom. L-opinjoni tal-esperti għandu jkollha biss natura konsultattiva.

    62.

    Meta l-bord ta' arbitraġġ jieħu f'kunsiderazzjoni l-informazzjoni jew parir tekniku rċevut, għandu jikkunsidra wkoll kwalunkwe kumment jew osservazzjoni ppreżentata mill-partijiet litiganti fir-rigward ta' tali informazzjoni jew parir tekniku.

    63.

    Il-bord ta' arbitraġġ għandu jiżgura li meta tinġabar informazzjoni u jiġu mfittxija pariri tekniċi huwa għandu jagħmel dan minn persuni akkreditati b'esperjenza fil-qasam rilevanti. Barra minn hekk, l-esperti għandhom ikunu indipendenti, imparzjali, ma jkunux affiljati mal-ebda waħda mill-partijiet litiganti jew direttament jew indirettament dipendenti fuqhom, u ma jirċevux struzzjonijiet mingħandhom jew mingħand kwalunkwe organizzazzjoni.

    KAŻIJIET TA' URĠENZA

    64.

    F'każijiet urġenti msemmija fl-Artikolu 307(2) (Deċiżjoni tal-Bord ta' Arbitraġġ) tal-Ftehim, il-bord ta' arbitraġġ għandu jaġġusta l-limiti taż-żmien imsemmija f'dawn ir-Regoli ta' Proċedura, kif xieraq.

    TRADUZZJONI U INTERPRETAZZJONI

    65.

    Il-partijiet litiganti għandu jkollhom id-dritt li jippreżentaw u jirċievu sottomissjonijiet bil-miktub, u biex jippreżentaw u jisimgħu argumenti orali fil-lingwa tal-għażla tagħhom. Kull parti litiganti għandha tagħmel arranġamenti kemm jista' jkun malajr u tħallas l-ispejjeż għat-traduzzjoni tas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha fil-lingwa magħżula mill-parti litiganti l-oħra. Il-Parti li qed issir it-tilwima kontriha għandha tagħmel arranġamenti għall-interpretazzjoni tas-sottomissjonijiet orali fil-lingwi magħżulin mill-partijiet litiganti.

    66.

    Deċiżjonijiet tal-bord ta' arbitraġġ għandhom jiġu nnotifikati bil-lingwi magħżulin mill-partijiet litiganti.

    67.

    L-ispejjeż li jirriżultaw mit-traduzzjoni ta' deċiżjoni tal-arbitraġġ għandhom jinqasmu b'mod ugwali bejn il-partijiet litiganti.

    68.

    Kwalunkwe parti litiganti tista' tipprovdi kummenti dwar kwalunkwe verżjoni tradotta ta' dokument imfassal skont dawn ir-Regoli ta' Proċedura.

    IL-KOMPUTAZZJONI TAL-LIMITI TAŻ-ŻMIEN

    69.

    Fejn, minħabba l-applikazzjoni tar-Regola 7, parti litiganti tirċievi dokument f'data differenti minn dik ta' meta l-Parti litiganti l-oħra tkun irċeviet l-istess dokument, kwalunkwe perjodu ta' żmien li jkun ikkalkulat fuq il-bażi tad-data ta' meta jasal dak id-dokument ikun ikkalkulat mill-aħħar jum tal-wasla ta' dak id-dokument.

    PROĊEDURI OĦRA

    70.

    Dawn ir-Regoli ta' Proċedura huma applikabbli wkoll għal proċeduri stabbiliti skont l-Artikolu 308(3) (Implimentazzjoni tad-Deċiżjoni ta' Arbitraġġ); l-Artikolu 309(2) (Rieżami ta' Kwalunkwe Miżura adottata sabiex Tikkonforma mad-Deċiżjoni tal-Bord ta' Arbitraġġ) tal-Artikolu 310(4) (Rimedji temporanji f'każ ta' nuqqas ta' konformità); u l-Artikolu 311(2) (Rieżami ta' Kwalunkwe Miżura Adottata Wara s-Sospensjoni tal-Benefiċċji ta' kumpens għan-Nuqqas ta' Konformità). Madankollu, il-limiti taż-żmien stabbiliti f'dawn ir-Regoli ta' Proċedura għandhom jiġu aġġustati skont il-limiti taż-żmien speċjali stipulati għall-adozzjoni ta' deċiżjoni mill-bord ta' arbitraġġ f'dawk il-proċeduri l-oħra.

    KODIĊI TA' KONDOTTA

    DEFINIZZJONIJIET

    1.

    Għall-finijiet ta' dan il-Kodiċi tal-Kondotta:

    (a)

    “arbitru” tfisser membru ta' bord ta' arbitraġġ stabbilit b'mod effettiv skont l-Artikolu 303 (Stabbiliment tal-Bord ta' Arbitraġġ) tal-Ftehim;

    (b)

    “medjatur” tfisser persuna li tmexxi proċedura ta' medjazzjoni skont l-Artikolu 322 (Mekkaniżmu ta' Medjazzjoni) u l-Anness XIV (Mekkaniżmu ta' Medjazzjoni fuq Ostakli Mhux Tariffarji) tal-Ftehim;

    (c)

    “kandidat” tfisser individwu li ismu jkun fuq il-lista tal-arbitri msemmija fl-Artikolu 304 (Lista tal-Arbitri) tal-Ftehim u li jkun ikkunsidrat għall-għażla bħala membru tal-bord ta' arbitraġġ skont l-Artikolu 303 (Stabbiliment tal-Bord ta' Arbitraġġ) tal-Ftehim;

    (d)

    “espert” tfisser kull persuna b'għarfien tekniku jew speċjalizzat f'ċerti oqsma koperti mit-Titoli differenti tal-Ftehim;

    (e)

    “assistent” tfisser persuna li, skont it-termini tal-ħatra ta' arbitru, twettaq, tirriċerka jew tipprovdi assistenza lill-arbitru;

    (f)

    “proċedimenti”, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, tfisser proċedimenti tal-bord ta' arbitraġġ skont il-Ftehim; u

    (g)

    “persunal”, fir-rigward ta' arbitru, tfisser persuni taħt id-direzzjoni u l-kontroll tal-arbitru, minbarra l-assistenti.

    RESPONSABBILTAJIET GĦALL-PROĊESS

    2.

    Kull kandidat u arbitru għandu jevita kondotta skorretta u l-impressjoni ta' kondotta skorretta, għandu jkun indipendenti u imparzjali, għandu jevita kunflitti ta' interess diretti jew indiretti u għandu josserva standards għoljin ta' kondotta sabiex jinżammu l-integrità u l-imparzjalità tal-mekkaniżmu tas-soluzzjoni tat-tilwim. Arbitri preċedenti jridu jkunu konformi mal-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 15, 16, 17 u 18 ta' dan il-Kodiċi tal-Kondotta.

    OBBLIGI DWAR DIVULGAZZJONI

    3.

    Qabel ma tkun ikkonfermata l-għażla ta' kandidat bħala arbitru skont il-Ftehim, huwa għandu jiddikjara kwalunkwe interess, relazzjoni jew kwistjoni li x'aktarx li taffettwa l-indipendenza jew l-imparzjalità tiegħu, jew li tista' toħloq raġonevolment dehra ta' kondotta mhux xierqa jew preġudizzju fil-proċedimenti. Għal dan il-għan, kandidat għandu jagħmel l-isforzi kollha raġonevoli biex isir konxju ta' kwalunkwe tali interess, relazzjoni u kwistjoni.

    4.

    Meta jintgħażel, arbitru għandu jibqa' jagħmel l-isforzi raġonevoli kollha biex isir konxju ta' kwalunkwe interess, relazzjoni jew kwistjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan il-Kodiċi tal-Kondotta u jiżvelahom. L-obbligu ta' divulgazzjoni huwa dmir kontinwu li jitlob li arbitru jiżvela kwalunkwe tali interess, relazzjoni jew kwistjoni li jistgħu jitfaċċaw matul kwalunkwe stadju tal-proċedimenti.

    5.

    Kandidat(a) jew arbitru għandu jikkomunika affarijiet relatati ma' ksur attwali jew potenzjali ta' dan il-Kodiċi tal-Kondotta lill-Kumitat tal-Kummerċ biex ikunu kkunsidrati mill-Partijiet.

    DMIRIJIET TAL-ARBITRI

    6.

    Meta jinħatar arbitru, dan għandu jwettaq id-dmirijiet tiegħu jew tagħha b'mod sħiħ u bla dewmien matul il-proċedimenti, u b'mod ġust u b'diliġenza.

    7.

    Arbitru għandu jikkunsidra biss dawk il-kwistjonijiet li jkunu tqajmu waqt il-proċedimenti u li jitqiesu meħtieġa biex tittieħed deċiżjoni u dan id-dmir ma jiġix delegat lil ebda persuna oħra.

    8.

    Arbitru għandu jkun responsabbli li jieħu l-passi kollha xierqa sabiex jiżgura li l-assistent u l-persunal tiegħu/tagħha jkunu konxji ta' dan il-Kodiċi tal-Kondotta u jkunu konformi miegħu, kif applikabbli.

    9.

    Arbitru ma għandux jimpenja ruħu f'kuntatti ex parte li jikkonċernaw il-proċedimenti.

    INDIPENDENZA U IMPARZJALITÀ TAL-ARBITRI

    10.

    Arbitru jrid ikun indipendenti u imparzjali u jevita li joħloq impressjoni ta' kondotta mhux xierqa jew preġudizzju u ma jkunx influwenzat minn interess personali, pressjoni esterna, kunsiderazzjonijiet politiċi, fama pubblika, u lealtà lejn xi Parti jew biża' mill-kritika.

    11.

    Arbitru ma għandux jidħol, direttament jew indirettament, għal kwalunkwe obbligu jew jaċċetta kwalunkwe benefiċċju li jista' bi kwalunkwe mod jindaħal, jew jidher li jindaħal, fil-prestazzjoni xierqa ta' dmirijietu.

    12.

    Arbitru ma jistax jinqeda bil-pożizzjoni tiegħu jew tagħha fuq il-bord ta' arbitraġġ biex jaġevola xi interess personali jew privat u għandu jevita azzjonijiet li jistgħu jagħtu l-impressjoni li oħrajn jinsabu f'pożizzjoni speċjali biex jinfluwenzawh.

    13.

    Arbitru ma jistax jippermetti relazzjonijiet jew responsabbiltajiet finanzjarji, kummerċjali, professjonali, familjari, personali jew soċjali jinfluwenzaw l-imġiba jew il-ġudizzju tiegħu.

    14.

    Arbitru jrid jevita li jidħol fi kwalunkwe relazzjoni jew li jakkwista kwalunkwe interess finanzjarju li x'aktarx jaffettwa l-imparzjalità tiegħu jew tagħha jew li jista' raġonevolment joħloq impressjoni ta' kondotta mhux xierqa jew ta' preġudizzju.

    OBBLIGI TA' ARBITRI PREĊEDENTI

    15.

    L-arbitri preċedenti kollha jridu jevitaw azzjonijiet li jistgħu joħolqu impressjoni li kienu ppreġudikati fit-twettiq ta' dmirijiethom jew li bbenefikaw mid-deċiżjonijiet tal-bord ta' arbitraġġ.

    KUNFIDENZJALITÀ

    16.

    L-ebda arbitru jew arbitru preċedenti fl-ebda mument ma għandu jiżvela jew juża informazzjoni mhux pubblika li tikkonċerna proċedimenti jew akkwistata waqt proċedimenti ħlief għall-finijiet ta' dawk il-proċedimenti u fl-ebda każ, ma għandu jiżvela jew juża l-ebda informazzjoni tali biex jikseb vantaġġ personali jew vantaġġ għal oħrajn jew biex jaffettwa ħażin l-interessi ta' oħrajn.

    17.

    L-ebda arbitru ma għandu jiżvela kwalunkwe deċiżjoni tal-bord ta' arbitraġġ jew partijiet minnha qabel ma tiġi ppubblikata b'konformità mal-Artikolu 318(4) (Deċiżjonijiet tal-Bord ta' Arbitraġġ) tal-Ftehim.

    18.

    L-ebda arbitru jew arbitru preċedenti fl-ebda mument ma għandu jiżvela d-deliberazzjonijiet tal-bord ta' arbitraġġ, jew il-fehma ta' kwalunkwe arbitru.

    MEDJATURI, ESPERTI

    19.

    Id-dispożizzjonijiet deskritti f'dan il-Kodiċi tal-Kondotta kif japplikaw għall-arbitri jew arbitri preċedenti għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għall-medjaturi u esperti.


    Top