Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22013P1119(03)

Riżoluzzjoni dwar is-sigurtà tal-enerġija b’rabta mas-suq tal-enerġija u l-armonizzazzjoni bejn is-sieħeb Ewropew tal-Lvant u l-pajjiżi tal-UE

ĠU C 338, 19.11.2013, pp. 15–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 338/15


RIŻOLUZZJONI (1)

dwar is-sigurtà tal-enerġija b’rabta mas-suq tal-enerġija u l-armonizzazzjoni bejn is-sieħeb Ewropew tal-Lvant u l-pajjiżi tal-UE

2013/C 338/03

L-ASSEMBLEA PARLAMENTARI EURONEST,

wara li kkunsidrat l-Att Kostitwenti tal-Assemblea Parlamentari EURONEST tat-3 ta’ Mejju 2011,

wara li kkunsidrat il-konklużjonijiet tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li saru f’Varsavja fid-29 u t-30 ta’ Settembru 2011,

wara li kkunsidrat id-dikjarazzjoni mill-parteċipanti tas-Summit tal-Kuritur tan-Nofsinhar li sar fi Praga fit-8 ta’ Mejju 2009,

wara li kkunsidrat ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Novembru 2010 bit-titolu “Lejn Strateġija ġdida dwar l-Enerġija għall-Ewropa 2011-2020”,

wara li kkunsidrat ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Ġunju 2012 bit-titolu “Kooperazzjoni fil-qasam tal-politika dwar l-enerġija ma’ pajjiżi lil hinn mill-fruntieri tagħna: Approċċ strateġiku għal provvista sikura, sostenibbli u kompetittiva tal-enerġija”,

wara li kkunsidrat ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Settembru 2007 bit-titolu “Lejn politika barranija Ewropea komuni għall-enerġija” (2007/2000(INI)),

wara li kkunsidrat il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-24 ta’ Novembru 2011 dwar it-tisħiħ tad-dimensjoni esterna tal-politika tal-UE fil-qasam tal-enerġija,

wara li kkunsidrat il-Komunikazzjoni Konġunta tal-15 ta’ Mejju 2012 mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u mill-Kummissjoni bit-titolu “Eastern Partnership: A Roadmap to the autumn 2013 Summit” (Sħubija tal-Lvant: Pjan Direzzjonali għas-Summit tal-ħarifa 2013),

wara li kkunsidrat il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Novembru 2008 dwar it-tieni Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija,

wara li kkunsidrat il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Novembru 2010 bit-titolu “Prijoritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija għall-2020 u wara - Pjan dettaljat għal netwerk tal-enerġija Ewropew integrat” u r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Lulju 2011 dwar “Il-prijoritajiet għall-Infrastruttura tal-Enerġija għall-2020 u lil hinn”,

wara li kkunsidrat il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Settembru 2011 dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-kooperazzjoni internazzjonali, bit-titolu “Il-politika tal-enerġija tal-UE: Kooperazzjoni ma’ pajjiżi lil hinn mill-fruntieri tagħna”,

wara li kkunsidrat il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Novembru 2012 bit-titolu “Lejn suq intern tal-enerġija effiċjenti”,

wara li kkunsidrat id-dokumenti ta’ strateġija nazzjonali għall-enerġija tal-Armenja, l-Azerbajġan, il-Bjelorussja, il-Ġeorġja, il-Moldova u l-Ukraina għall-perjodi sal-2020 u l-2030,

wara li kkunsidrat il-programm ta’ ħidma 2012-2013 tas-Sħubija tal-Lvant – Pjattaforma 3 – Sigurtà tal-enerġija,

wara li kkunsidrat ir-Riżoluzzjoni tal-AP EURONEST tat-3 ta’ April 2012 bit-titolu “Is-sigurtà tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza fl-enerġija, l-infrastruttura tal-enerġija: żviluppi fis-Sħubija tal-Lvant u fil-pajjiżi tal-UE”,

wara li kkunsidrat r-rapport annwali tal-2011 dwar l-attivitajiet tal-Komunità tal-Enerġija lill-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali u r-rapport annwali tal-1 ta’ Settembru 2012 dwar l-implimentazzjoni tal-acquis skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija,

A.

billi s-Sħubija tal-Lvant għandha l-għan li ssaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija permezz ta’ kooperazzjoni fir-rigward ta’ provvista u tranżitu tal-enerġija fuq perjodu twil, stabbli u sikuri, inkluż permezz ta’ regolamentazzjoni aħjar, effiċjenza tal-enerġija u aktar użu tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli;

B.

billi l-isfidi tal-enerġija u ambjentali globali jeħtieġu l-iżvilupp ta’ strateġiji komuni u kooperattivi fil-livell internazzjonali; billi l-UE u s-sħab Ewropej tal-Lvant jiffaċċjaw sfidi politiċi komuni f’termini ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet fis-settur tal-enerġija u sejba tal-bilanċ it-tajjeb bejn id-diversi sorsi attwali tal-enerġija, u tiżgura provvista affidabbli u sikura, u konsum tal-enerġija razzjonalizzat, b’mod partikolari biż-żieda tal-effiċjenza tal-enerġija;

C.

billi r-rwol tal-leġiżlaturi fit-tfassil tal-politiki u r-regoli dwar l-enerġija u l-kundizzjonijiet qafas li japplikaw għas-swieq tal-enerġija huwa kruċjali għall-isfruttar effiċjenti tar-riżorsi domestiċi, sabiex jiġu żgurati prezzijiet affordabbli tal-enerġija, jinkiseb tnaqqis sostanzjali fl-impatt tal-produzzjoni u l-konsum tal-enerġija fuq il-klima u l-ambjent, u jiġu stabbiliti relazzjonijiet ugwali tal-kummerċ;

D.

billi l-Istati Membri tal-UE u s-sħab Ewropej tal-Lvant se jsiru aktar interdipendenti fil-futur, u impenjaw ruħhom fi djalogu bi skop fis-Sħubija tal-Lvant dwar l-iżvilupp ta’ politiki dwar l-enerġija li jilħqu l-ħtiġijiet tal-enerġija tal-futur; billi ftehimiet ta’ assoċjazzjoni bilaterali futuri bejn l-UE u s-sħab Ewropej tal-Lvant ikkonċernati, inklużi ftehimiet għal żoni ta’ kummerċ ħieles fil-fond u komprensivi, se jkollhom komponent importanti tal-enerġija, bil-għan li jiġi ffaċilitat il-kummerċ tal-enerġija;

E.

billi d-djalogu reġjonali dwar il-politika tal-enerġija fis-Sħubija tal-Lvant intensifika f’dawn l-aħħar snin, fejn ikopri l-konverġenza tas-swieq tal-enerġija, id-diversifikazzjoni tal-provvista u t-tranżitu tal-enerġija u l-iżvilupp ta’ sorsi sostenibbli tal-enerġija, kif ukoll infrastrutturi ta’ interess komuni u reġjonali;

F.

billi s-swieq tal-enerġija fi ħdan l-UE u fil-pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant huma differenti ħafna minn pajjiż għal ieħor, għalkemm bosta ntirtu minn sitwazzjoni fejn operaturi pubbliċi tal-provvista u d-distribuzzjoni tal-enerġija kellhom rwol dominanti; billi l-ispejjeż u r-riżorsi tal-enerġija li jinfluwenzaw l-għażliet politiċi jistgħu jvarjaw b’mod drammatiku fost l-Istati Membri u s-sħab Ewropej tal-Lvant; billi ħafna mill-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant u l-Kawkasu tan-Nofsinhar kienu marbuta mal-eks-Unjoni Sovjetika għall-ekonomija tal-enerġija tagħhom u għadhom jiddependu ħafna mill-importazzjonijiet mill-Federazzjoni Russa għal konsum tagħhom ta’ żejt u gass;

G.

billi s-swieq tal-enerġija f’numru ta’ Stati Membri tal-UE u bosta pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant jibqgħu fin-natura tagħhom ikkonċentrati, b’numru eċċessivament limitat ta’ fornituri tal-enerġija u operaturi tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni; billi politiki tal-passat kienu ffukati ferm fuq iż-żieda tal-provvisti tal-enerġija u anqas fuq id-domanda;

H.

billi l-UE stabbilixxiet l-objettiv, u hija impenjata, li sal-2014 jitlesta suq intern tal-enerġija integrat bis-sħiħ, bħala strument ewlieni tal-istrateġija ġenerali tagħha għat-tisħiħ tal-kompetittività ekonomika tagħha filwaqt li tagħmel progress fit-tranżizzjoni għal ekonomija b’emissjonijiet baxxi;

I.

billi l-UE impenjat ruħha fil-liberalizzazzjoni tas-swieq tal-elettriku u l-gass bl-implimentazzjoni tat-“Tielet Pakkett Leġiżlattiv tal-UE dwar l-Enerġija” adottat fl-2009, li jipprevedi bħala elementi ewlenin is-separazzjoni (jew diżaggregazzjoni) tan-negozji tat-trażmissjoni u l-provvista tal-enerġija u l-prinċipju ta’ “aċċess għal parti terza”, li jiggarantixxi d-dritt tal-fornituri tal-gass u l-elettriku li jidħlu fin-netwerks tat-trażmissjoni taħt kundizzjonijiet nondiskriminatorji; billi, bil-bini fuq swieq progressivament liberalizzati, l-Istati Membri bbenefikaw minn żieda fil-kummerċ tal-enerġija u raw konverġenza akbar ta’ prezzijiet tal-operaturi tal-enerġija, minkejja li għadhom jiffaċċjaw sfidi f’termini ta’ implimentazzjoni sħiħa tal-pakkett imsemmi hawn fuq fil-livell transnazzjonali u nazzjonali;

J.

billi kooperazzjoni u konverġenza regolatorji huma essenzjali sabiex isir progress lejn integrazzjoni u interkonnessjoni ulterjuri tas-swieq tal-enerġija u biex jiġu żviluppati relazzjonijiet ta’ kummerċ bejn operaturi tal-enerġija fl-UE u fil-pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant, taħt kundizzjonijiet ġusti u affidabbli; billi l-armonizzazzjoni tar-regoli tekniċi u operazzjonali li jirregolaw is-swieq tal-elettriku u l-gass fl-Ewropa jeħtieġu kooperazzjoni istituzzjonali ulterjuri;

K.

billi t-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija li l-Istati Membri u s-sħab Ewropej tal-Lvant huma firmatarji tiegħu jipprovdi forum internazzjonali għall-kooperazzjoni tal-enerġija, u għandu rwol ta’ valur fil-bini ta’ pedament legali internazzjonali għas-sigurtà tal-enerġija, abbażi ta’ prinċipji ta’ swieq miftuħa u kompetittivi u żvilupp sostenibbli; billi t-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija stabbilixxa l-bażi għall-istabbiliment ta’ suq reġjonali tal-enerġija integrat bis-sħiħ li jiffavorixxi tkabbir sostenibbli u investiment bejn l-UE u d-disa’ partijiet kontraenti mill-Ewropa tax-Xlokk u tal-Lvant;

L.

billi ġie allokat baġit ta’ EUR 271 miljun biex jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju tal-UE lis-sħab Ewropej tal-Lvant fis-settur tal-enerġija taħt l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija għall-perjodu 2007-2011, inklużi l-programm internazzjonali dwar il-kooperazzjoni tal-enerġija INOGATE u l-Faċilità ta’ Investiment tal-Viċinat (NIF), li ffaċilita l-allokazzjoni ta’ self mill-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp għall-kostruzzjoni ta’ infrastrutturi strateġiċi tal-enerġija;

M.

billi l-pajjiżi mill-Ewropa tal-Lvant li jipproduċu l-gass qed ifittxu rotot sikuri u effiċjenti għall-esportazzjoni tal-gass direttament fl-Ewropa, li tista’ tobbligahom jaċċettaw riskji politiċi għolja relatati mas-sitwazzjoni ġeopolitika tagħhom, li tikkontribwixxi għall-istabbiltà tar-reġjun fuq perjodu twil;

N.

billi l-UE, bħala importatur kbir tal-enerġija, teħtieġ diversifikazzjoni tas-sorsi u r-rotot ta’ provvista; billi l-pajjiżi sħab tal-Lvant li jipproduċu l-enerġija jeħtieġu diversifikazzjoni ta’ konsumaturi;

O.

billi l-UE qed taġixxi biex tippromwovi d-diversifikazzjoni ta’ provvista ta’ gass, tibni relazzjoni fuq perjodu twil ma’ pajjiżi fir-reġjun tal-Ewropa tal-Lvant li jipproduċu l-gass u ta’ tranżitu, u tiżgura provvista tal-enerġija billi tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-Kuritur tan-Nofsinhar, biex b’hekk torbot is-suq tal-UE ma’ wieħed mill-akbar depożiti ta’ gass fid-dinja;

L-istabbiliment ta’ approċċi koerenti fil-politiki tal-enerġija tal-UE u s-sħab Ewropej tal-Lvant

1.

Tenfasizza l-importanza tal-istabbiliment ta’ strateġiji tal-enerġija dejjiema u koerenti fl-UE u fil-pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant għal progress lejn sistema tal-enerġija b’emissjonijiet baxxi li jkollha impatt limitat fuq il-klima u l-ambjent u tal-promozzjoni ta’ enerġija sikura, sostenibbli u affordabbli għall-benefiċċju tal-konsumaturi tal-enerġija;

2.

Tistieden lill-Kunsill tal-UE u lill-gvernijiet tal-pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant jiżguraw li l-kooperazzjoni ta’ sigurtà tal-enerġija hija identifikata b’mod ċar bħala prijorità taħt is-Sħubija tal-Lvant u l-Politika Ewropea tal-Viċinat għall-perjodu 2014-2020; tistenna li t-tielet Summit tas-Sħubija tal-Lvant li se ssir f’Vilnjus f’Novembru 2013 jipprovdi impetu għal kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-enerġija f’konformità mal-viżjoni għat-temi ewlenin tas-Sħubija, jiġifieri rispett għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, assoċjazzjoni politika, integrazzjoni ekonomika u mobbiltà għaċ-ċittadini;

3.

Tappoġġa l-objettivi u l-isforzi tal-Pjattaforma tas-Sħubija tal-Lvant dwar is-Sigurtà tal-Enerġija u tirrakkomanda li l-Istat Membri tal-UE u s-sħab Ewropej tal-Lvant jieħdu passi lejn l-iżgurar ta’ involviment aktar fil-fond fir-rigward tal-integrazzjoni tas-swieq Ewropej tal-enerġija u l-kisba tal-benefiċċji kollha tal-attivitajiet ta’ żvilupp tagħha; tinkoraġġixxi lill-Istati Membri tal-UE u lis-sħab Ewropej tal-Lvant jestendu s-sħubija tagħhom billi jiddefinixxu pożizzjonijiet komuni f’forums internazzjonali bħall-Konferenza dwar il-Karta tal-Enerġija u f’korpi internazzjonali oħra marbuta mal-enerġija u l-klima;

4.

Temmen li hija ta’ importanza kritika li jiġu żgurati l-konsistenza u l-koerenza tar-relazzjonijiet esterni tal-UE fir-rigward ta’ produtturi tal-enerġija u pajjiżi ta’ tranżitu u ta’ konsum ewlenin, kif ukoll jiġu stabbiliti koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-kuntest tan-negozjati ta’ ftehimiet bejn l-Istati Membri u l-fornituri tal-enerġija jew pajjiżi terzi;

5.

Titlob, għalhekk, għal aktar trasparenza u involviment akbar tal-UE fin-negozjati ta’ ftehimiet bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, minħabba li dawn il-ftehimiet jista’ jkollhom ukoll impatt fuq il-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija tal-UE;

6.

Tenfasizza li d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE tal-4 ta’ Ottubru 2012 tistabbilixxi mekkaniżmu għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar ftehimiet intergovernattivi fil-qasam tal-enerġija; tqis li din id-deċiżjoni se tikkontribwixxi għal koordinazzjoni ulterjuri bejn il-politiki tal-Istati Membri u għal azzjoni konġunta u solidarjetà; tisħaq li l-politiki lokali u esterni tal-enerġija tal-UE u tas-sħab Ewropej tal-Lvant jeħtieġu jkunu trasparenti sabiex tinħoloq klima kooperattiva bbażata fuq fiduċja reċiproka u reċiproċità;

7.

Tagħraf il-valur tal-Mekkaniżmu ta’ Twissija Bikrija stabbilit mill-UE u l-Federazzjoni Russa sabiex tiġi żgurata evalwazzjoni bikrija ta’ riskji u problemi potenzjali marbuta mal-provvista tal-enerġija Russa lill-UE, u biex tiġi żgurata reazzjoni rapida f’każ ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza; tisħaq, madankollu, li f’każ ta’ tilwimiet politiċi u kummerċjali, kif ukoll għal raġunijiet tekniċi, fejn tilwimiet potenzjali dwar il-provvisti tal-enerġija jistgħu jiġu previsti, għandhom jiġu kkomunikati qabel ma effettivament iseħħu; tirrakkomanda li l-UE u l-Federazzjoni Russa jimpenjaw ruħhom fi djalogu mmirat lejn l-estensjoni ta’ mekkaniżmi simili lis-sħab Ewropej tal-Lvant u l-istabbiliment ta’ qafas komuni għal assistenza reċiproka, solidarjetà u soluzzjoni tat-tilwim, f’każ ta’ kriżi li tista’ thedded il-provvista tal-enerġija ta’ pajjiż wieħed jew aktar mill-Istati Membri jew mis-sieħeb Ewropew tal-Lvant;

L-iżvilupp ta’ suq reġjonali aktar miftuħ u armonizzat għall-enerġija

8.

Tisħaq li l-iżvilupp ta’ suq tal-enerġija miftuħ u integrat bejn l-UE u s-sħab Ewropej tal-Lvant huwa ta’ benefiċċju ekonomiku u huwa strumentali fit-tisħiħ tar-rabtiet politiċi tagħhom, l-integrazzjoni ekonomika u s-solidarjetà taħt is-Sħubija tal-Lvant; tenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-ftuħ tal-fruntieri bejn il-pajjiżi ġirien fir-reġjun tal-Ewropa tal-Lvant ikollu impatt sinifikanti fuq l-ekonomija reġjonali u s-swieq tal-enerġija, li jippermetti b’mod partikolari għal aktar opportunitajiet fit-trasport u l-kummerċ tal-enerġija;

9.

Tqis li l-politika esterna tal-UE dwar l-enerġija għandha tkun ibbażata fuq, u għandha tippromwovi, il-prinċipji tas-solidarjetà, it-trasparenza, is-sussidjarjetà, is-sostenibbiltà, u l-kooperazzjoni, kif ukoll ir-reċiproċità, approċċ tas-suq ibbażat fuq ir-regoli u koordinazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE u s-sħab Ewropej tal-Lvant; tisħaq fuq il-ħtieġa għal azzjonijiet konġunti kkoordinati fil-qasam tas-sigurtà tal-enerġija, it-trasparenza u l-ħolqien ta’ kurituri ġodda tat-trasport;

10.

Tenfasizza li l-istabbiliment ta’ swieq effiċjenti fl-enerġija, filwaqt li tiġi ffurmata tranżizzjoni lejn ekonomija b’emissjonijiet baxxi, se jeħtieġ investiment fuq skala kbira f’infrastrutturi ta’ ġenerazzjoni, trażmissjoni u distribuzzjoni f’konformità mal-objettivi tal-klima u l-enerġija għall-2050; temmen li investituri pubbliċi u privati se jiffinanzjaw proġetti ambizzjużi fuq perjodu twil jekk is-swieq tal-enerġija jistgħu jserrħu fuq regoli stabbli, trasparenti u armonizzati li jiżguraw kompetizzjoni ġusta u awtonomizzazzjoni tal-konsumaturi sabiex ikun jista’ jkollhom rwol attiv fl-għażla tal-fornituri u l-modi tal-provvediment tal-enerġija;

11.

Temmen bis-sħiħ li l-armonizzazzjoni tar-regoli tas-suq tal-enerġija fl-UE u fil-pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant hija essenzjali sabiex titħeġġeġ kompetizzjoni u innovazzjoni, jiġi mmitigat ir-riskju ta’ abbuż minn pożizzjonijiet dominanti fuq il-provvista tal-enerġija u s-swieq tad-distribuzzjoni, jiġi ffaċilitat il-kummerċ transkonfinali, u jiġu żviluppati proċeduri kompatibbli li jippermettu lil kumpaniji tal-enerġija joperaw f’livell transnazzjonali;

12.

Hija tal-fehma li l-liberalizzazzjoni tas-swieq nazzjonali tal-enerġija fil-pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant se tirnexxi biss jekk tiġi implimentata b’mod gradwali, u li l-prijorità immedjata għandha tkun l-iżgurar ta’ ġestjoni tajba u trasparenti mill-partijiet interessati pubbliċi tal-enerġija;

13.

Tisħaq li suq kompetittiv li jiffunzjona tajjeb jitlob prezzijiet tal-enerġija li jirriflettu l-ispejjeż tal-ġenerazzjoni, it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni; tirrikonoxxi d-dimensjoni ambjentali u soċjali tal-politika dwar l-enerġija; tirrakkomanda li l-protezzjoni tal-konsumaturi u l-prezzijiet affordabbli tal-enerġija għal kategoriji vulnerabbli ta’ konsumaturi għandha tiġi żgurata;

14.

Tappoġġa bis-sħiħ l-objettiv tal-UE li tikseb sehem ta’ 20 % ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum tal-enerġija tagħha sal-2020; tenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-ftuħ tas-swieq tal-enerġija u l-ispinta lill-integrazzjoni tagħhom għandhom jiffaċilitaw bil-kbir il-parteċipazzjoni ta’ atturi ġodda fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli;

15.

Temmen li sorsi tal-enerġija rinnovabbli se jsiru aktar u aktar kompetittivi ekonomikament; tqis li qafas regolatorju stabbli jew tal-anqas prevedibbli, kif ukoll kompetizzjoni, iwasslu għal investiment fis-setturi tal-enerġija rinnovabbli; tistieden lill-UE u lis-sħab Ewropej tal-Lvant ikomplu jaqsmu l-esperjenzi u jsaħħu d-djalogu tagħhom ta’ politika dwar mezzi ta’ promozzjoni ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli, abbażi ta’ approċċi komuni u koerenti, mingħajr il-ħolqien ta’ piżijiet żejda fuq il-baġits tal-istat; tirrakkomanda li l-Istati Membri tal-UE u s-sħab Ewropej tal-Lvant jiffaċilitaw l-istabbiliment ta’ trattament preferenzjali għall-kummerċ fl-enerġija ġġenerata minn sorsi rinnovabbli, jiġifieri taħt mekkaniżmi u kundizzjonijiet ipprovduti mid-Direttiva 2009/28/KE;

16.

Tisħaq fuq il-potenzjal f’termini ta’ tkabbir ekonomiku u impatt ambjentali tal-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE dwar l-effiċjenza tal-enerġija; tenfasizza, f’dan ir-rigward, l-importanza ta’ qafas regolatorju dwar l-enerġija bħala motivatur li jistimola t-trasformazzjoni tas-suq lejn prodotti u servizzi, mezzi ta’ trasport, u bini aktar effiċjenti fl-enerġija, filwaqt li joħloq bidliet fl-imġiba fil-konsum tal-enerġija miċ-ċittadini u l-kumpaniji; tirrakkomanda li l-Istati Membri tal-UE u s-sħab Ewropej tal-Lvant jiżviluppaw strateġiji dwar l-effiċjenza tal-enerġija b’miri realistiċi għall-iffrankar tal-enerġija u għall-implimentazzjoni ta’ oqfsa regolatorji dwar l-effiċjenza tal-enerġija;

17.

Tirrakkomanda li l-għajnuna tal-istat għas-setturi tal-enerġija għandha tkun ikkonċentrata fuq proġetti tas-sigurtà tal-enerġija, il-kostruzzjoni ta’ infrastrutturi strateġiċi tal-enerġija, l-iżvilupp ta’ teknoloġiji sostenibbli u sorsi tal-enerġija rinnovabbli ġodda u titjib ta’ dawk eżistenti, u ż-żieda fl-effiċjenza tal-enerġija; tqis li l-obbligi tas-servizz pubbliku dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija għandhom ikunu trasparenti għall-partijiet interessati u l-operaturi tal-enerġija;

18.

Tisħaq li l-UE u s-sħab Ewropej tal-Lvant ikkonċernati għandhom jiżguraw li l-kooperazzjoni tagħhom fis-settur tal-enerġija taħt ftehimiet futuri ta’ assoċjazzjoni tkun konformi mar-regoli tas-suq intern tal-UE, sabiex jiġu pprovduti operaturi tal-enerġija b’ambjent legali sikur u stabbli għall-futur;

19.

Tagħraf il-valur tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija (ECT), li jistabbilixxi bażi għal ħolqien fuq perjodu twil ta’ suq tal-enerġija integrat bis-sħiħ bejn l-UE u l-ġirien tagħha tax-Xlokk u tal-Lvant; tisħaq fuq l-interess li qed jikber fil-Komunità tal-Enerġija madwar ir-reġjun tal-Ewropa tal-Lvant, kif muri mill-adeżjonijiet għat-Trattat tal-Moldova u l-Ukraina fl-2010 u l-2011 rispettivament, kif ukoll bil-parteċipazzjoni tal-Armenja u l-Ġeorġja bħala osservaturi; hija tal-fehma li għandha tiġi żviluppata kooperazzjoni tal-UE mal-Armenja u l-Ġeorġja, kif ukoll mal-Azerbajġan u l-Bjelorussja, f’konformità mal-objettivi tal-ECT u abbażi tal-interess reċiproku u l-ispeċifitajiet tal-pajjiżi individwali;

20.

Tirrakkomanda l-estensjoni tal-ħajja tal-Komunità tal-Enerġija lil hinn mill-2016 u t-tisħiħ tal-qafas ta’ kooperazzjoni tagħha bl-istabbiliment ta’ pjan direzzjonali operazzjonali li jippermetti għall-modernizzazzjoni tas-setturi tal-enerġija fil-partijiet kontraenti tal-Komunità u progress ulterjuri fl-armonizzazzjoni tar-regoli tas-suq tal-enerġija, kif ukoll l-adattament tal-istrutturi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u organizzazzjonali tal-Komunità tal-Enerġija għall-isfidi futuri;

21.

Tisħaq li l-partijiet kontraenti tal-Komunità impenjaw ruħhom li jimplimentaw ir-regoli tal-acquis tal-UE dwar is-suq tal-elettriku, l-enerġija rinnovabbli, is-sigurtà tal-provvista, l-effiċjenza tal-enerġija, u t-Tielet Pakkett Leġiżlattiv tal-UE dwar l-Enerġija; tqis li l-partijiet għandhom ifittxu l-approssimazzjoni tal-oqfsa regolatorji tagħhom dwar l-enerġija għall-istandards u r-regoli tal-UE, u jiżguraw li ftehimiet bilaterali ġodda ma’ partijiet terzi jkunu konformi mal-obbligi tagħhom skont it-Trattat;

22.

Tagħraf l-importanza tal-appoġġ leġiżlattiv u tekniku li tipprovdi l-UE biex tgħin lis-sħab Ewropej tal-Lvant jimplimentaw riformi bl-għan li jiġu approssimizzati l-istandards u r-regoli tal-UE; tistieden lill-UE żżomm il-livell attwali tar-riżorsi finanzjarji disponibbli għal dan it-tip ta’ appoġġ taħt l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat tal-futur għall-perjodu 2014-2020;

23.

Tisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żviluppati ulterjorment skambji ta’ esperjenzi u n-netwerks ta’ komunitajiet esperti dwar politiki u prattiki regolatorji bejn l-UE u s-sħab Ewropej tal-Lvant; tilqa’, f’dan ir-rigward, it-twaqqif tan-Netwerk ta’ Kompetizzjoni tal-Komunità tal-Enerġija fit-23 ta’ Novembru 2012, li l-għan tiegħu huwa li jservi ta’ pjattaforma għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ esperjenzi fir-rigward tal-politika ta’ kompetizzjoni, il-leġiżlazzjoni, u l-infurzar tal-acquis tal-UE dwar il-kompetizzjoni fi ħdan il-Komunità tal-Enerġija; tilqa’ l-inizjattiva li jitwettqu seminars annwali ta’ esperti taħt il-Kumitat għas-Sigurtà tal-Enerġija tal-AP Euronest;

24.

Tinnota l-kisbiet u l-progress magħmul fl-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Ewlenija tas-Sħubija tal-Lvant dwar l-enerġija, li l-objettivi ewlenin tagħha jinkludu l-promozzjoni tal-konverġenza tas-suq tal-elettriku; hija konxja tal-eżistenza tad-diversi livelli ta’ maturità f’termini ta’ żvilupp ta’ swieq tal-elettriku fil-pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant u tirrakkomanda l-implimentazzjoni ta’ sforzi ulterjuri għall-promozzjoni tal-liberalizzazzjoni tas-swieq tal-elettriku;

25.

Tenfasizza l-importanza tat-tisħiħ tar-rwol u l-indipendenza tar-regolaturi nazzjonali tal-enerġija; tistieden lir-regolaturi nazzjonali tal-Istati Membri u s-sħab Ewropej tal-Lvant iżidu l-kooperazzjoni tagħhom bl-iżvilupp ta’ programmi komuni ta’ taħriġ u skambji regolari fi ħdan l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija u l-Assoċjazzjoni Reġjonali tar-Regolaturi tal-Enerġija;

26.

Tfaħħar l-azzjonijiet tal-Patt tas-Sindki li jgħaqqad 48 belt firmatarja mill-pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant li ħadu l-impenn li jimplimentaw politiki ta’ enerġija sostenibbli sabiex jintlaħaq u jinqabeż l-objettiv tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju b’20 % sal-2020, permezz ta’ żieda fl-effiċjenza tal-enerġija u l-iżvilupp ta’ enerġija rinnovabbli; tisħaq fuq ir-rwol kritiku tal-awtoritajiet lokali, bħala produtturi u regolaturi tal-enerġija, fit-trawwim ta’ bidliet fis-suq fl-oqsma tal-ippjanar u l-mobbiltà urbani, l-effiċjenza tal-enerġija fil-bini u l-promozzjoni ta’ sorsi tal-enerġija deċentralizzati u rinnovabbli; tirrakkomanda li jiġu intesifikati l-attivitajiet tal-Patt tas-Sindki u l-appoġġ tal-UE għalih, bħala pjattaforma għal skambju u għodda għal governanza b’ħafna livelli fi ħdan is-Sħubija tal-Lvant;

27.

Temmen li l-iżvilupp tal-isfruttar ta’ fossili tal-enerġija tal-idrokarbonju mhux konvenzjonali, b’mod partikolari l-gass tax-shale, fil-livell globali jista’ jkollu impatt fuq is-swieq tal-enerġija fl-UE u l-pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant; tirrakkomanda li l-UE u l-pajjiżi Ewropej tal-Lvant jimpenjaw ruħhom fi skambju ta’ għarfien u kompetenzi taħt il-Pjattaforma tas-Sħubija tal-Lvant - is-Sigurtà tal-Enerġija, fir-rigward tal-politiki u r-regolamenti li japplikaw għall-iżviluppi ta’ gass mhux konvenzjonali fl-Ewropa u biex jiġu skambjati l-aħjar prattiki għall-iżgurar tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, il-klima u l-ambjent;

28.

Tenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-Istati Membri tal-UE u s-sħab Ewropej tal-Lvant japplikaw l-ogħla standards fir-rigward tal-protezzjoni ambjentali u s-sikurezza fil-bini u l-ġestjoni tal-enerġija fl-infrastrutturi; tistieden, f’dan ir-rigward, lill-UE u s-sħab Ewropej tal-Lvant jiżviluppaw ulterjorment il-kooperazzjoni tagħhom fit-tisħiħ tal-qafas regolatorju għas-sikurezza nukleari;

29.

Tirrakkomanda li l-UE u s-sħab Ewropej tal-Lvant jiżguraw sinerġiji bejn l-attivitajiet rispettivi tagħhom fi ħdan il-qafas tas-Sħubija tal-Lvant, il-Komunità tal-Enerġija, is-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed, l-Inizjattiva ta’ Baku u l-programm internazzjonali dwar il-kooperazzjoni tal-enerġija INOGATE;

30.

Tisħaq fuq il-benefiċċji reċiproċi potenzjali li jistgħu jinkisbu mill-UE u s-sħab Ewropej tal-Lvant minn żvilupp fuq skala kbira tal-Kuritur tan-Nofsinhar u l-impatt pożittiv tal-politika ta’ diversifikazzjoni, li jippermettu politiki tal-enerġija aktar kompetittivi fl-UE u fil-pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant u li jnaqqsu d-dipendenza tal-importazzjonijiet tal-enerġija minn fornituri f’pożizzjoni dominanti fis-suq;

Tisħiħ ta’ netwerks tal-enerġija integrati u interkonnessi

31.

Tenfasizza li l-kapaċità ta’ interkonnessjoni tal-enerġija bejn l-Istati Membri tal-UE u s-sħab Ewropej tal-Lvant mhix biżżejjed u tibqa’ ostaklu sinifikanti għall-iżvilupp ta’ suq kompetittiv integrat fis-setturi tal-elettriku, iż-żejt u l-gass;

32.

Tinnota li d-dipendenza kbira fuq l-importazzjonijiet minn fornituri f’pożizzjoni dominanti fis-suq tista’ tintuża bħala strument ta’ pressjoni tal-politika barranija; tisħaq, f’dan ir-rigward, li d-diversifikazzjoni tal-fornituri u r-rotot hija neċessarja ħafna sabiex tissaħħaħ l-indipendenza ġeopolitika u tiġi żgurata kompetizzjoni reali bejn is-sorsi tal-gass u taż-żejt fl-UE u fil-pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant;

33.

Tqis li s-swieq u l-investituri privati għandu jkollhom responsabbiltà ewlenija għall-iżgurar tal-finanzjament ta’ netwerks u infrastrutturi futuri, filwaqt li l-investiment pubbliku għandu jkollu rwol ta’ ingranaġġ tal-finanzjament privat;

34.

Tagħraf il-ħtieġa għal provvista kontinwa tal-enerġija li hija sikura u affidabbli bħala sfida topika; tisħaq li s-servizzi tal-enerġija rinnovabbli huma parti minn prosperità globali u jipprovdu opportunità għat-titjib tal-istandards tal-għajxien, it-tisħiħ tal-produttività u l-kompetittività industrijali fis-suq globali, u spinta għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tax-xogħol;

35.

Tilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) bħala strument integrat ġdid għall-investiment fil-prijoritajiet tal-UE ta’ infrastruttura tat-trasport, l-enerġija, u t-telekomunikazzjonijiet; tenfasizza l-ħtieġa li titqies bis-sħiħ id-dimensjoni tal-viċinat tal-Lvant fl-ippjanar tal-prijoritajiet tal-UE dwar l-infrastruttura tal-enerġija;

36.

Tistieden lill-UE u s-sħab Ewropej tal-Lvant jintensifikaw id-djalogu ta’ politika tagħhom biex jiġu ddeterminati l-prijoritajiet komuni fid-diversifikazzjoni tas-sorsi u r-rotot tal-provvista tal-enerġija; tirrakkomanda li l-ippjanar tal-infrastruttura tal-enerġija mill-UE u s-sħab Ewropej tal-Lvant għandu jinkludi żvilupp ta’ kurituri ta’ tranżitu, b’mod partikolari l-Kuritur tan-Nofsinhar, li jinkludi proġetti tat-trasportazzjoni tal-enerġija trans-Kaspjani u r-rinfurzar jew l-estensjoni tal-kurituri ta’ tranżitu eżistenti;

37.

Tenfasizza li l-iżvilupp ta’ kuritur trans-Kaspjan taż-żejt u l-gass u Kuritur tan-Nofsinhar, flimkien ma’ żvilupp ulterjuri tal-pipelines Baku-Tbilisi-Ceyhan u Baku-Supsa, għandu jgħaqqad lill-pajjiżi tal-Asja Ċentrali mal-Ewropa, kemm ekonomikament kif ukoll politikament, filwaqt li fl-istess ħin jiġu offruti opportunitajiet lill-pajjiżi Ewropej tal-Lvant bħala sħab ta’ tranżitu affidabbli;

38.

Tisħaq fuq ir-rwol tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed f’termini tad-diversifikazzjoni tas-sorsi u r-rotot tal-provvista tal-gass lill-UE, kif ukoll il-potenzjal tal-enerġija rinnovabbli minħabba l-post ġeografiku tiegħu; tinnota l-importanza partikolari tal-iżvilupp tal-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar, kif enfasizzat mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Prijoritajiet tal-infrastruttura tal-Enerġija għall-2020 u wara – Pjan dettaljat għal netwerk tal-enerġija Ewropew integrat”; tirrakkomanda li l-UE u s-sħab Ewropej tal-Lvant jistimolaw l-iżvilupp ta’ proġetti tat-trasportazzjoni tal-enerġija u l-infrastrutturi ta’ tranżitu;

39.

Tirrakkomanda li l-UE u s-sħab Ewropej tal-Lvant jistimolaw proġetti li jkollhom l-għan li jimmodernizzaw infrastrutturi tal-trasport tal-gass billi jippermettu trażmissjonijiet ta’ inverżjoni tal-fluss;

40.

Tisħaq li l-infrastrutturi ġodda għat-trażmissjoni effiċjenti tal-elettriku, bl-isfruttar ta’ teknoloġiji ġodda, b’mod partikolari grilji u arloġġi intelliġenti, huma element ewlieni fl-iżvilupp ta’ netwerk integrat tal-elettriku u fiż-żieda tal-effiċjenza tal-enerġija;

41.

Tisħaq fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ kooperazzjoni ta’ riċerka fil-qasam tal-produzzjoni, it-trażmissjoni u l-ħżin tal-enerġija bejn l-UE u l-pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant;

42.

Tistieden lill-Kummissjoni, lill-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), lin-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni tal-Elettriku (ENTSO-E), u lin-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni tal-Gass (ENTSOG) jintensifikaw il-kooperazzjoni tagħhom u jinvolvu kontropartijiet mis-sħab Ewropej tal-Lvant fl-iżvilupp ta’ kodiċi ta’ netwerk u regoli ta’ interoperabbiltà għall-infrastrutturi ta’ trażmissjoni tal-elettriku u l-gass;

43.

Tisħaq fuq ir-rwol kritiku tal-ENTSO-E fil-kontribut għall-funzjonament tas-suq intern u l-kummerċ transkonfinali tal-UE bit-titjib tal-ġestjoni tan-netwerk Ewropew tat-trażmissjoni tal-elettriku; tinkoraġġixxi l-isforzi tal-Moldova u l-Ukraina biex iżidu l-kapaċità ta’ trażmissjoni tal-elettriku, bl-objettiv li tinkiseb interkonnessjoni tal-grilji tal-enerġija tagħhom għall-grilja Ewropea u jingħaqdu mal-ENTSO-E;

44.

Tinnota li l-iżvilupp ta’ sorsi rinnovabbli jitlob sfidi għall-infrastrutturi ta’ netwerk eżistenti, peress li xi sorsi rinnovabbli jiġġeneraw provvista varjabbli minn siti lokali numerużi ta’ produzzjoni; tistieden lill-Istati Membri tal-UE u lis-sħab Ewropej tal-Lvant iħeġġu investiment ippjanat tajjeb fl-infrastruttura adegwata għall-enerġija rinnovabbli, sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tagħhom fi swieq u tiġi stimolata attività ta’ riċerka għall-ħolqien ta’ kapaċità innovattiva ġdida għat-trażmissjoni u l-ħżin tal-elettriku;

45.

Tagħti struzzjonijiet lill-Ko-Presidenti tagħha biex jgħaddu din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u l-pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant.


(1)  Kif adottata fi Brussell, il-Belġju fit-28 ta’ Mejju 2013


Top