Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22012D0741

    2012/741/UE: Deċiżjoni Nru 1/2012 tal-Kumitat UE-Korea għall-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli tas- 27 ta’ Ġunju 2012 dwar l-adozzjoni tar-regoli ta’ operat tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili kif meħtieġ bl-Artikolu 13.13 tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra

    ĠU L 331, 1.12.2012, p. 52–53 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/741/oj

    1.12.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 331/52


    DEĊIŻJONI Nru 1/2012 TAL-KUMITAT UE-KOREA GĦALL-KUMMERĊ U L-IŻVILUPP SOSTENIBBLI

    tas-27 ta’ Ġunju 2012

    dwar l-adozzjoni tar-regoli ta’ operat tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili kif meħtieġ bl-Artikolu 13.13 tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra

    (2012/741/UE)

    IL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ U L-IŻVILUPP SOSTENIBBLI,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, iffirmat fi Brussell fis-6 ta’ Ottubru 2010 (minn issa ’l quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”), u b’mod partikolari l-Artikolu 13.13 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 13.13 tal-Ftehim jistipula li l-membri tal-Grupp(i) ta’ Konsultazzjoni Domestika minn kull Parti għandhom jiltaqgħu f’Forum tas-Soċjetà Ċivili.

    (2)

    L-għamla tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili għandha tkun b’mod li jkun hemm rappreżentanza bbilanċjata tal-membri tal-Grupp ta’ Konsultazzjoni Domestika.

    (3)

    Il-Partijiet għandhom jaqblu b’deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli dwar l-operat tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili sa mhux aktar tard minn sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Ir-regoli tal-operat tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili, kif imfassla fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni huma b’dan stabbiliti.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ dakinhar tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Ġunju 2012.

    Għall-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli

    Kopresidenza tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli tar-Repubblika tal-Korea

    Kyungduck AN

    Sanghoon KIM

    Kopresidenza tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli tal-Unjoni Ewropea

    Peter THOMPSON


    ANNESS

    REGOLI TA’ OPERAT TAL-FORUM TAS-SOĊJETÀ ĊIVILI

    Artikolu 1

    Il-Forum tas-Soċjetà Ċivili se jkun magħmul minn 12-il membru tal-Grupp ta’ Konsultazzjoni Domestika tal-UE u 12-il membru tal-Grupp ta’ Konsultazzjoni Domestika tal-Korea maħtura mill-Gruppi ta’ Konsultazzjoni Domestika nfushom. Il-membri jistgħu jkunu akkumpanjati minn konsulenti esperti. Ir-rappreżentanti tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili minn kull Parti għandhom jinkludu tal-inqas tliet rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tan-negozju, trejdjunjins u organizzazzjonijiet tal-ambjent mhux governattivi rispettivament.

    Artikolu 2

    Il-Forum tas-Soċjetà Ċivili għandu jkollu kopresidenza mill-UE u mill-Korea. Il-kopresidenzi se jkunu maħtura mill-Grupp ta’ Konsultazzjoni Domestika tal-UE u l-Grupp(i) ta’ Konsultazzjoni Domestika tal-Korea, rispettivament, fost il-parteċipanti tagħhom fil-Forum tas-Soċjetà Ċivili.

    Il-kopresidenzi se jfasslu l-aġenda tal-laqgħat tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili, abbażi tat-talbiet mill-Gruppi ta’ Konsultazzjoni Domestika rispettivi tagħhom. Barra minn hekk, l-aġenda għandha tinkludi dawn il-punti regolari li ġejjin:

    (a)

    Informazzjoni mill-Partijiet fuq l-implimentazzjoni tal-Kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli;

    (b)

    Rapporti tal-konsultazzjonijiet magħmula skont l-Artikolu 13.14 u dwar il-ħidma tal-Bord ta’ Esperti skont l-Artikolu 13.15.

    Artikolu 3

    Il-Forum tas-Soċjetà Ċivili għandu jiltaqa’ tal-inqas darba f’sena, alternattivament fi Brussell u Seoul, sakemm ma jsirx ftehim mod ieħor mill-Partijiet. Tista’ tissejjaħ laqgħa straordinarja fuq talba ta’ wieħed mill-Gruppi ta’ Konsultazzjoni Domestika.


    Top