Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22012D0313

2012/313/UE: Deċiżjoni Nru 1/2012 tal-Kunsill ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni UE – Montenegro tal- 21 ta’ Ġunju 2011 li temenda d-Deċiżjoni Nru 1/2010 li tadotta r-regoli ta’ proċedura tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, bil-ħsieb li jiġi stabbilit Kumitat Konsultattiv Konġunt bejn il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u s-sħab soċjali tal-Montenegro u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili u Kumitat Konsultattiv Konġunt bejn il-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea u l-awtoritajiet lokali u reġjonali Montenegrini

ĠU L 158, 19.6.2012, pp. 21–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/313/oj

19.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 158/21


DEĊIŻJONI Nru 1/2012 TAL-KUNSILL TA’ STABBILIZZAZZJONI U ASSOĊJAZZJONI UE – MONTENEGRO

tal-21 ta’ Ġunju 2011

li temenda d-Deċiżjoni Nru 1/2010 li tadotta r-regoli ta’ proċedura tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, bil-ħsieb li jiġi stabbilit Kumitat Konsultattiv Konġunt bejn il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u s-sħab soċjali tal-Montenegro u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili u Kumitat Konsultattiv Konġunt bejn il-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea u l-awtoritajiet lokali u reġjonali Montenegrini

(2012/313/UE)

IL-KUNSILL TA’ STABILIZZAZZJONI U ASSOĊJAZZJONI,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Montenegro, min-naħa l-oħra (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 124 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-djalogu u l-kooperazzjoni bejn sħab soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili u kif ukoll bejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali fl-Unjoni Ewropea u dawk fil-Montenegro jistgħu jagħtu kontribut maġġuri għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet ta’ bejniethom u għall-integrazzjoni tal-Ewropa.

(2)

Huwa xieraq li tali kooperazzjoni tkun organizzata billi jitwaqqfu żewġ Kumitati Konsultattivi Konġunti. Wieħed bejn il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, minn naħa waħda, u s-sħab soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili fil-Montenegro, min-naħa l-oħra, u l-ieħor bejn il-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-rappreżentanti eletti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Montenegro, min-naħa l-oħra.

(3)

Dan ifisser li jeħtieġ li r-regoli ta’ proċedura tal-Kunsill ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, adottati bid-Deċiżjoni Nru 1/2010 (2), jiġu emendati kif meħtieġ,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Jiżdiedu l-Artikoli li ġejjin fid-Deċiżjoni Nru 1/2010:

“Artikolu 14

Kumitat Konsultattiv Konġunt bejn il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra fis-soċjetà ċivili tal-Montenegro

(1)   B’dan huwa stabbilit Kumitat Konsultattiv Konġunt bejn il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra fis-soċjetà ċivili tal-Montenegro sabiex jgħin lill-Kunsill ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni sabiex jippromwovi d-djalogu u l-kooperazzjoni bejn is-sħab soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili, fl-Unjoni Ewropea u fil-Montenegro. Dawn id-djalogu u l-kooperazzjoni għandhom jinkludu l-aspetti relevanti kollha tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro, hekk kif dawn jitfaċċaw fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Ftehim. Dawn id-djalogu u l-kooperazzjoni għandhom ikollhom l-għan partikolari li:

(a)

Iħejju lill-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem tal-Montenegro, lill-impjegati u lill-organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili fil-Montenegro għal attività fil-qafas tal-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea li ser isseħħ fil-ġejjieni;

(b)

Iħejju lill-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem tal-Montenegro, lill-impjegati u lill-organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili fil-Montenegro għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħidma tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew wara l-adeżjoni tal-Montenegro;

(c)

Isir skambju ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ interess reċiproku, partikolarment dwar il-qagħda attwali tal-proċess ta’ adeżjoni u kif ukoll it-tħejjija ta’ min iħaddem, tal-impjegati u ta’ organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili fil-Montenegro għal dan il-proċess;

(d)

Jinkoraġġixxu skambji ta’ esperjenza u djalogu strutturat bejn (a) l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem tal-Montenegro, impjegati u organizzazzjonjiet oħrajn tas-soċjetà ċivili fil-Montenegro u (b) organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, impjegati u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili mill-Istati Membri, fosthom permezz ta’ networking f’oqsma speċifiċi fejn il-kuntatti diretti u l-kooperazzjoni jistgħu jkunu l-aktar mezz effettiv biex tinstab soluzzjoni għal problemi partikolari;

(e)

Jiddiskutu kull kwistjoni relevanti oħra proposta minn kwalunkwe naħa, hekk kif jitfaċċaw fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Ftehim u fil-qafas tal-istrateġija ta’ Qabel l-Adeżjoni.

(2)   Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt bejn il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra fis-soċjetà ċivili tal-Montenegro għandu jikkonsisti minn sitt rappreżentanti mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u sitt rappreżentanti mis-sħab soċjali u minn organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili fil-Montenegro. Jistgħu jiġu mistiedna osservaturi sabiex jipparteċipaw.

(3)   Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt bejn il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra fis-soċjetà ċivili tal-Montenegro għandu jwettaq dmirijietu abbażi ta’ konsultazzjoni mal-Kunsill ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jew, b’rabta mal-promozzjoni tad-djalogu bejn ċrieki ekonomiċi u soċjali, fuq inizjattiva tiegħu stess.

(4)   Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt bejn il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra fis-soċjetà ċivili tal-Montenegro jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

(5)   Il-membri għandhom jintgħażlu b’mod li jiżgura li l-Kumitat Konsultattiv Konġunt bejn il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra fis-soċjetà ċivili tal-Montenegro jkun xbieha kemm jista’ jkun eżatta tad-diversi sħab soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili, kemm fl-Unjoni Ewropea u kif ukoll fil-Montenegro. Il-ħatriet uffiċjali tal-membri Montenegrini għandhom isiru mill-gvern tal-Montenegro abbażi ta’ proposti mis-sħab soċjali u minn organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili. Dawn il-proposti għandhom jissejsu fuq proċeduri ta’ għażla inklużivi u trasparenti fost is-sħab soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili.

(6)   Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt bejn il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra fis-soċjetà ċivili tal-Montenegro għandu jkun kopresedut minn membru tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u rappreżentant minn fost is-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili fil-Montenegro.

(7)   Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt bejn il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra fis-soċjetà ċivili tal-Montenegro għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

(8)   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, minn naħa waħda, u l-Gvern Montenegrin, min-naħa l-oħra, għandhom iħallsu l-ispejjeż li jintefqu b’rabta mal-parteċipazzjoni tad-delegati tagħhom fil-laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt bejn il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra fis-soċjetà ċivili tal-Montenegro u tal-gruppi ta’ ħidma tiegħu fir-rigward tal-persunal, u tal-ispejjeż ta’ vjaġġar u ta’ sussistenza.

(9)   Għandhom jiġu stabbiliti arranġamenti dettaljati dwar spejjeż ta’ interpretazzjoni u traduzzjoni fir-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt bejn il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra fis-soċjetà ċivili tal-Montenegro. Spejjeż oħrajn relatati mal-organizzazzjoni materjali tal-laqgħat għandhom jitħallsu mill-Parti li tospita l-laqgħat.

Artikolu 15

Kumitat Konsultattiv Konġunt bejn il-Kumitat tar-Reġjuni u l-awtoritajiet lokali u reġjonali Montenegrini

(1)   B’dan huwa stabbilit Kumitat Konsultattiv Konġunt bejn il-Kumitat tar-Reġjuni u l-awtoritajiet lokali u reġjonali Montenegrini sabiex jgħin lill-Kunsill ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bil-għan li jkun hemm promozzjoni tad-djalogu u tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea u fil-Montenegro. Dawn id-djalogu u l-kooperazzjoni għandhom ikollhom l-għan partikolari li:

(a)

Iħejju lill-awtoritajiet lokali u reġjonali Montenegrini għal attività fil-qafas ta’ ħidma tal-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea li ser isseħħ fil-ġejjieni;

(b)

Iħejju lill-awtoritajiet lokali u reġjonali Montenegrini għall-parteċipazzjoni fil-ħidma tal-Kumitat tar-Reġjuni wara l-adeżjoni tal-Montenegro;

(c)

Isir skambju ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet attwali ta’ interess reċiproku, b’mod partikolari dwar il-qagħda attwali b’rabta mal-politika reġjonali Ewropea u l-proċess ta’ adeżjoni u kif ukoll it-tħejjija tal-awtoritajiet lokali u reġjonali Montenegrini għal dawn il-linji politiċi;

(d)

Jinkoraġġixxu djalogu multilaterali strutturat bejn (a) l-awtoritajiet lokali u reġjonali Montenegrini u (b) l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Istati Membri, fosthom permezz ta’ networking f’oqsma speċifiċi fejn il-kuntatti diretti u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali Montenegrini u l-awtoritajiet lokali u reġjonali mill-Istati Membri jistgħu jkunu l-aktar mod effettiv għall-indirizzar ta’ suġġetti speċifiċi ta’ interess reċiproku;

(e)

Jipprovdu skambju ta’ informazzjoni regolari dwar il-kooperazzjoni interreġjonali bejn awtoritajiet lokali u reġjonali Montenegrini u awtoritajiet lokali u reġjonali mill-Istati Membri;

(f)

Jinkoraġġixxu skambju ta’ esperjenzi u konoxxenza fil-qasam tal-politika reġjonali u interventi strutturali, bejn (a) l-awtoritajiet lokali u reġjonali Montenegrini u (b) awtoritajiet lokali u reġjonali mill-Istati Membri, b’mod partikolari għarfien u teknika li jikkonċernaw it-tħejjija ta’ pjanijiet jew strateġiji ta’ żvilupp lokali u reġjonali u l-aktar użu effiċjenti tal-Fondi ta’ qabel l-adeżjoni u tal-Fondi Strutturali;

(g)

Jgħinu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali Montenegrini permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar l-implimentazzjoni prattika tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà fl-aspetti kollha tal-ħajja fuq livell lokali u reġjonali;

(h)

Jiddiskutu kwalunkwe kwistjoni relevanti oħra proposta minn kwalunkwe naħa, hekk kif jistgħu jitfaċċaw fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Ftehim u fil-qafas tal-istrateġija ta’ Qabel l-Adeżjoni.

(2)   Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt bejn il-Kumitat tar-Reġjuni u l-awtoritajiet lokali u reġjonali Montenegrini għandu jikkonsisti minn tmien rappreżentanti tal-Kumitat tar-Reġjuni, minn naħa waħda, u tmien rappreżentanti eletti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Montenegro, min-naħa l-oħra. Għandhom jinħatru l-istess għadd ta’ membri sostituti.

(3)   Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt bejn il-Kumitat tar-Reġjuni u l-awtoritajiet lokali u reġjonali Montenegrini għandu jwettaq l-attivitajiet tiegħu abbażi ta’ konsultazzjoni mal-Kunsill ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jew, b’rabta mal-promozzjoni tad-djalogu bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali, fuq inizjattiva tiegħu stess.

(4)   Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt bejn il-Kumitat tar-Reġjuni u l-awtoritajiet lokali u reġjonali Montenegrini jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

(5)   Il-membri għandhom jintgħażlu b’mod li jiżgura li l-Kumitat Konsultattiv Konġunt bejn il-Kumitat tar-Reġjuni u l-awtoritajiet lokali u reġjonali Montenegrini jkun xbieha kemm jista’ jkun eżatta tad-diversi livelli ta’ awtoritajiet lokali u reġjonali kemm fl-Unjoni Ewropea u kif ukoll fil-Montenegro. Il-ħatriet uffiċjali tal-membri Montenegrini għandhom isiru mill-gvern tal-Montenegro abbażi ta’ proposti minn organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-Montenegro. Dawn il-proposti għandhom jissejsu fuq proċeduri ta’ għażla inklużivi u trasparenti fost ir-rappreżentanti b’mandati elettorali fuq livell lokali jew reġjonali.

(6)   Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt bejn il-Kumitat tar-Reġjuni u l-awtoritajiet lokali u reġjonali Montenegrini għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

(7)   Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt bejn il-Kumitat tar-Reġjuni u l-awtoritajiet lokali u reġjonali Montenegrini għandu jkun kopresedut minn membru tal-Kumitat tar-Reġjuni u minn rappreżentant tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Montenegro.

(8)   Il-Kumitat tar-Reġjuni, minn naħa waħda, u l-Gvern tal-Montenegro, min-naħa l-oħra, għandhom rispettivament iħallsu l-ispejjeż li jintefqu b’rabta mal-parteċipazzjoni tad-delegati u ta’ persunal ta’ appoġġ tagħhom fil-laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt bejn il-Kumitat tar-Reġjuni u l-awtoritajiet lokali u reġjonali Montenegrini, partikolarment fir-rigward tal-ispejjeż ta’ vjaġġar u ta’ sussistenza.

(9)   Għandhom jiġu stabbiliti arranġamenti dettaljati dwar spejjeż ta’ interpretazzjoni u traduzzjoni fir-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt bejn il-Kumitat tar-Reġjuni u l-awtoritajiet lokali u reġjonali Montenegrini. Spejjeż oħrajn relatati mal-organizzazzjoni materjali tal-laqgħat għandhom jitħallsu mill-Parti li tospita l-laqgħat.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ġunju 2011.

Għall-Kunsill ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

Il-President

M. ROĆEN


(1)   ĠU L 108, 29.4.2010, p. 3.

(2)   ĠU L 179, 14.7.2010, p. 11.


Top