Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22006D0654

    Deċiżjoni Nru 1/2006 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija tal- 15 ta’ Mejju 2006 dwar l-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni bejn KE-Turkija dwar l-implimentazzjoni tal-fażi finali ta’ l-Unjoni Doganali

    ĠU L 271, 30.9.2006, p. 58–60 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 76M, 16.3.2007, p. 392–394 (MT)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/654/oj

    16.3.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    392


    DEĊIŻJONI Nru 1/2006 TAL-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI KE-TURKIJA

    tal-15 ta’ Mejju 2006

    dwar l-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni bejn KE-Turkija dwar l-implimentazzjoni tal-fażi finali ta’ l-Unjoni Doganali

    (2006/654/KE)

    Il-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI KE-TURKIJA,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim tat-12 ta’ Settembru 1963 li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija (1) u b’ mod partikolari l-Artikolu 22 (3) tiegħu

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar l-implimentazzjoni tal-fażi finali ta’ l-Unjoni Doganali (2) jirregola l-effetti legali tat-tpoġġija fis-seħħ mit-Turkija tad-dispożizzjonijiet ta’ l-istrument jew strumenti tal-Komunità meħtieġa għall-eliminazzjoni ta’ l-ostakli tekniċi fil-kummerċ ta’ prodott partikolari, iżda ma jistipulax il-proċeduri u l-modalitajiet meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dak l-Artikolu.

    (2)

    It-Turkija u l-Komunità (il-“Partijiet”) jaqblu li l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 jesiġi l-istabbiliment ta’ infrastruttura amministrattiva meħtieġa għat-tpoġġija fis-seħħ ta’ l-istrument jew strumenti tal-Komunità rilevanti u t-tħaddim kontinwu effettiv bis-sħiħ ta’ dik l-infrastruttura li għandha tkun garantita.

    (3)

    Il-Partijiet qablu dwar regoli ta’ proċedura għall-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Nru 1/95.

    (4)

    Għat-tħaddim xieraq ta’ l-Unjoni Doganali, il-prinċipji stipulati fid-Deċiżjoni Nru 2/97 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija ta’ l-4 ta’ Ġunju 1997 li jistabbilixxu l-lista ta’ strumenti tal-Komunità li għandhom x’jaqsmu mat-tneħħija ta’ ostakli tekniċi għall-kummerċ u l-kondizzjonijiet u l-arranġamenti li jirregolaw l-implimentazzjoni tagħhom mit-Turkija (3) u fl-Artikoli 8, 54, 55 u 56 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 għandhom ikunu implimentati b’mod effettiv.

    (5)

    Ir-relazzjonijiet mill-qrib bejn il-Komunità u l-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jagħmluha xierqa li titqies il-konklużjoni tal-Ftehim Ewropej paralleli ta’ Valutazzjoni ta’ Konformità bejn it-Turkija u dawk il-pajjiżi ekwivalenti għal din id-Deċiżjoni.

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Valutazzjoni ta’ leġiżlazzjoni teknika

    1.   Il-Kumitat Konġunt ta’ l-Unjoni Doganali stabbilit permezz ta’ l-Artikolu 52 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 għandu jkun kompetenti sabiex jaċċerta li t-Turkija daħħlet fis-seħħ b’mod effettiv id-dispożizzjonijiet ta’ l-istrument jew strumenti tal-Komunità meħtieġa għat-tneħħija ta’ ostakli tekniċi fil-kummerċ ta’ prodott partikolari. Għal dan l-għan, il-Kumitat Konġunt ta’ l-Unjoni Doganali se jadotta stqarrija.

    2.   Mingħajr preġudizzju għall-possibilità li jinħolqu sottokumitati jew kumitati ta' ħidma, skond l-Artikolu 53 (4) tad-Deċiżjoni Nru 1/95, il-Kumitat Konġunt ta’ l-Unjoni Doganali jista’ jagħmel użu mit-tagħrif kollu disponibbli, li għandu x’jaqsam ma’ elementi speċifiċi ta’ l-infrastruttura ta’ implimentazzjoni fit-Turkija, inklużi valutazzjonijiet imwettqa minn kuntratturi esterni.

    Artikolu 2

    Notifika ta’ korpi Torok ta’ valutazzjoni ta’ konformità

    1.   Wara l-adozzjoni ta’ stqarrija kif previst fl-Artikolu 1(1), it-Turkija għandha tinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-ismijiet u d-dettalji kollha ta’ kwalunkwe korp ta’ valutazzjoni ta’ konformità magħżul minnha, u tispeċifika s-suġġett u l-proċedura ta’ valutazzjoni ta’ konformità li għalihom kienu maħtura.

    2.   Ir-regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ l-għażla ta’ korpi ta’ valutazzjoni ta’ konformità applikabbli għall-Istati Membri japplikaw ukoll għat-Turkija. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lit-Turkija b’tagħrif dettaljat dwar dawk ir-regoli u dwar il-proċedura kif dawk il-korpi jiġu notifikati lill-Kummissjoni.

    3.   Meta l-proċess ta’ notifika jitlesta, ir-riżultati tal-proċeduri ta’ valutazzjoni ta’ konformità mwettqa mill-korpi tal-Komunità u mill-korpi Torok għandhom ikunu rikonoxxuti b’mod reċiproku mingħajr repetizzjoni tal-proċeduri jew rekwiżiti oħra addizzjonali.

    Artikolu 3

    L-obbligu tal-Partijiet rigward l-awtoritajiet u l-korpi tagħhom

    1.   Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom li huma responsabbli għall-implimentazzjoni effettiva tal-liġi Komunitarja u dik nazzjonali, japplikaw din il-liġi kontinwament. Għandhom jiżguraw li dawk l-awtoritajiet għandhom is-setgħa, fejn xieraq, li jinnotifikaw, jissospendu, ineħħu s-sospensjoni u jirtiraw in-notifika tal-korpi ta’ valutazzjoni ta’ konformità, biex jiżguraw il-konformità tal-prodotti industrijali mal-liġi Komunitarja jew nazzjonali u biex jiksbu, fejn meħtieġ, l-irtirar tagħhom mis-suq.

    2.   Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-korpi nnotifikati taħt il-ġurisdizzjoni rispettiva tagħhom u daqstant kompetenti biex jevalwaw il-konformità f’dak li għandu x’jaqsam mar-rekwiżiti tal-liġi Komunitarja jew nazzjonali, jissoddisfaw kontinwament ir-rekwiżiti tal-liġi Komunitarja jew ta’ dik nazzjonali. Għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawk il-korpi jżommu l-kompetenza meħtieġa biex iwettqu l-ħidmiet fdati lilhom.

    3.   Jekk Parti tiddeċiedi li tirtira n-notifika ta’ korp taħt il-ġurisdizzjoni tagħha, għandha tinforma lill-Parti l-oħra bil-miktub. Il-korp għandu jieqaf milli jevalwa l-konformità sa mhux aktar tard mid-data li fiha n-notifika tiegħu tiġi rtirata. Valutazzjonijiet ta' konformità mwettqa qabel dik id-data għandhom jibqgħu validi, sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Kumitat Konġunt ta’ l-Unjoni Doganali.

    Artikolu 4

    Il-verifika tal-korpi notifikati

    1.   Kull Parti tista’ titlob lill-Parti l-oħra biex tivverifika l-kompetenza u l-konformità teknika mad-dispożizzjonijiet legali rilevanti ta’ korp innotifikat taħt il-ġurisdizzjoni tal-parti l-oħra jew tagħha jew taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru tal-Komunità. Għandhom jingħataw raġuni għal talba bħal din biex jippermettu l-Parti responabbli għan-notifika li twettaq il-verifika mitluba u li tirrapporta minnufiħ lill-Parti l-oħra. Il-Partijiet jistgħu wkoll jeżaminaw flimkien il-kompetenza teknika u l-konformità tal-korp. Għal dan il-għan, il-Partijiet għandhom jiżguraw il-kooperazzjoni sħiħa tal-korpi taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom. Il-Partijiet għandhom jieħdu l-passi kollha xierqa, u jagħmlu użu mill-mezzi kollha disponibbli meħtieġa, biex isolvu kwalunkwe problema li tinstab.

    2.   Jekk il-problemi ma jistgħux jissolvew għas-sodisfazzjon taż-żewġ Partijiet, jistgħu jinnotifikaw lill-Kumitat Konġunt ta’ l-Unjoni Doganali bin-nuqqas ta’ qbil tagħhom u jagħtu r-raġunijiet tagħhom. Il-Kumitat Konġunt ta’ l-Unjoni Doganali għandu jiddeċiedi fuq azzjoni xierqa fi żmien perjodu ta’ xahrejn.

    3.   Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Kumitat Konġunt ta’ l-Unjoni Doganali fi żmien il-perjodu stipulat f’paragrafu 2, in-notifika tal-korp u r-rikonoxximent tal-kompetenza tiegħu biex jevalwa l-konformità f’dak li għandu x'jaqsam mar-rekwiżiti tal-liġi Komunitarja jew nazzjonali, għandhom jiġu sospiżi parzjalment jew b’mod sħiħ fi tmiem dak il-perjodu.

    4.   Mingħajr preġudizzju għal paragrafu 3, kull waħda mill-Partijiet tista’ tirreferi l-każ għall-arbitraġġ taħt il-proċedura tal-ftehim dwar soluzzjoni ta' tilwim prevista fit-Taqsima III tal-Kapitolu V tad-Deċiżjoni Nru 1/95.

    5.   Jekk jinqalgħu elementi ġodda wara li jiskadi l-perjodu stipulat f’paragrafu 2, Parti tista’ titlob lill-Kumitat Konġunt ta’ l-Unjoni Doganali biex jiddeċiedi li s-sospensjoni prevista fil-paragrafu 3 tiġi riveduta. F’dak il-każ, esperti miż-żewġ Partijiet għandhom jeżaminaw flimkien il-korp ikkonċernat ta’ valutazzjoni tal-konformità. Il-Parti li ddeċidiet dwar is-sospensjoni għandha terġa’ teżamina d-deċiżjoni tagħha fid-dawl tar-rapport ta’ l-esperti. Tista’ tiddeċiedi li tissokta bis-sospensjoni, billi tagħti r-raġunijiet tagħha.

    Artikolu 5

    L-Iskambju tat-tagħrif u l-kooperazzjoni

    Biex jiżguraw applikazzjoni u interpretazzjoni retta u uniformi ta’ din id-Deċiżjoni, il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet tagħhom u l-korpi nnotifikati tagħhom:

    1)

    kambjaw it-tagħrif rilevanti kollu li għandu x’jaqsam mat-tpoġġija fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet ta’ l-istrumenti Komunitarji meħtieġa għat-tneħħija ta’ l-ostakli tekniċi fil-kummerċ ta’ prodott partikolari msemmija fl-Artikolu 1, li jinkludi, b’mod speċjali, tagħrif dwar il-proċedura biex tiżgura konformità mill-korpi nnotifikati;

    2)

    jieħdu sehem, kif xieraq, fil-mekkaniżmi rilevanti tat-tagħrif, fil-koordinazzjoni u fl-attivitajiet oħra relatati tal-Partijiet;

    3)

    jaqblu mar-rekwiżiti ta’ tagħrif u mal-komunikazzjoni previsti fl-istrumenti legali rilevanti għal kull settur;

    4)

    jikkooperaw bil-ħsieb li joħolqu arrangamenti ta’ għarfien reċiproku fl-isfera volontarja.

    Artikolu 6

    Tmexxija

    Il-Kumitat Konġunt ta’ l-Unjoni Doganali għandu jkun responsabbli biex jiżgura t-tħaddim effettiv ta’ din id-Deċiżjoni. B’mod partikolari, jista’ jieħu deċiżjonijiet rigward:

    (a)

    il-ħatra ta’ tim ta’ esperti biex jivverifika l-kompetenza teknika tal-korp innotifikat u l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti;

    (b)

    l-iskambju ta’ tagħrif dwar emendi proposti u attwali għal-liġi Komunitarja u nazzjonali, inkluż ftehim mal-pajjiżi terzi, skond il-prinċipji stipulati fl-Artikolu 54 u 55 tad-Deċiżjoni Nru 1/95;

    (c)

    l-adozzjoni ta’ miżuri, fejn xieraq, biex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni, iklużi regoli ddettaljati għall-proċedura ta’ valutazzjoni;

    (d)

    l-estensjoni ta’ din id-Deċiżjoni għal proċeduri u ċertifikati oħrajn għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 2 u l-adozzjoni, għal dak il-għan, tar-regoli meħtieġa bil-ħsieb li tittejjeb l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 jekk jinqalgħu d-diffikultajiet;

    (e)

    kwalunkwe kwistjoni oħra li għandha x’taqsam ma’ l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 7

    Ftehim ma' pajjiżi oħrajn

    1.   Ftehim dwar il-valutazzjoni tal-konformità konkluż minn kull waħda mill-Partijiet ma’ pajjiż li mhuwiex Parti minn din id-Deċiżjoni m’għandux jirriżulta f'obbligu fuq dik il-Parti biex taċċetta r-riżultati tal-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità mwettqa f’dak il-pajjiż terz, sakemm ma jkunx hemm ftehim espliċitu bejn il-Partijiet fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni.

    2.   Il-Parti li għandha ftehim ta’ valutazzjoni tal-konformità ma’ partijiet terzi għandha tikkoopera mal-Parti l-oħra fil-każ li din ta’ l-aħħar tikkonsidra li tikkonkludi ftehimiet paralleli ma’ l-istess partijiet terzi u għandha tipprovdi l-għajnuna teknika u amministrattiva meħtieġa fejn xieraq.

    Artikolu 8

    Id-Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ mill-jum li fih tkun adottata.

    Magħmul fi Brussell, 15 ta’ Mejju 2006.

    Għall-Kunsill ta' Assoċjazzjoni

    President

    A. GÜL


    (1)  ĠU 217, 29.12.1964, p. 3687/64.

    (2)  ĠU L 35, 13.2.1996, p. 1.

    (3)  ĠU L 191, 21.7.1997, p. 1.


    Top